26.3.17

Logħob u Serjetà.




1.     Tul leġislatura, ftit huma dawk il-partiti politiċi li jkunu jistgħu jiddikjaraw li skurjaw biss fil-lasta tan-naħa l-ohra, u li awto-goals f’tagħhom ma jirnexxilhomx jagħmlu.  Dan, għal bħal min janalizza, illum jispiċċa jħares iktar lejn tat-tieni bħala determinanti f’elezzjoni ġenerali milli tal-ewwel.  Min jixħet il-ballun l-iktar fix-xibka tiegħu stess huwa dak li jirnexxilu jirbaħ il-premju li jitlef l-elettorat.  F’dan, għalkemm hemm, kif għidt, inċidenti kalċistiċi miż-żewġ naħat, però ftit huma dawk li jistgħu jmeru li n-naħa tal-partit fil-Gvern, f’dawn l-aħħar 48 xahar ħadet ħsieb iżomm il-partita f’idejha, b’numru ferm sodisfaċenti ta’ awto-goals.



Skakki jew le



2.     Anki f’dan.  Għalkemm wieħed jippretendi li fil-politika t-tajba jkun hemm iktar mossi li jitwieldu mil-logħba intelliġenti tal-iskakki, qed insibu iktar dawk li jidħlu għal dik tal-hekk imsejħa ‘snakes and ladders’.  It-tnejn jafu l-oriġini tagħhom fl-Indja, però bid-differenza li waħda tafda f’moħħ u l-ħsieb tal-bniedem, u l-oħra f’idejn ix-xorti li d-dadi jġibu magħhom.  Waħda timxi b’attenzjoni, b’għaqal u b’kawtela; l-oħra titlaq tiġri tafda ruħha f’forza li ma tiddependix mill-ħsieb uman.  Kull politiku f’dan jagħżel triqtu.  Biss, hemm almenu qbil ġenerali li dawk fil-Gvern m’għandhomx jilgħabu l-logħba amerikana tal-Monopoly, jew aħjar: “The fast dealing property trading game”, għax hemm it-telfa tkun issiġillata.



Wieħed irid ikompli



3.     Hu x’inhu l-pjaċir ta’ dawk li jridu jieħdu sehem, iridu però jifhmu li meta wieħed jieħu daqqa lura u jispiċċa jaqa’ temporanjament, dmiru huwa ċar.  Irid iqum, ifarfar it-trab u jerġa’ jkompli jilgħab.  Anzi, kif l-esperjenza umana turi, m’humiex f’dan ix-xorti u l-fortuna li huma determinanti, imma l-isforz uman li jrid isir biex jinbidlu ċ-ċirkostanzi.  Ħadd ma jaf kif ser ikun il-punteġġ meta ssaffar tal-aħħar.  Biss huwa żgur li jiddependi x’sejjer jagħmel hu fil-ħin li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.  Il-politika hekk magħmula, anke jekk personalment nippreferi li l-pass ikun iktar viċin u parti mill-iskakki, però naċċetta li ċ-ċirkostanzi u ż-żminijiet politiċi jinbidlu minn dawk li jippreferu logħob ieħor fejn jitilfu wkoll il-kontroll.



Inwieġbu għall-isfidi



4.       Hija x’inhija l-istrateġija jew it-tattika użata, l-ideoloġija politika għandha tibqa’ waħda kostanti, li żżommna viċin u flimkien mar-realtà u s-serjetà.  Jekk is-soċjetà turi toroq u sfumaturi ġodda, dawn m’għandhomx jibdlulna l-bażi tal-prinċipji tagħna.  Għandna dmir, minflok, li nassiguraw li permezz tal-ħsieb politiku tagħna nwieġbu għall-isfidi li r-realtà tidher li qed tibgħatilna.  Id-dokument “Trends in Malta 2016”, ippubblikat din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jġib għad-diskussjoni, flimkien ma’ dak li nafu diġà, diversi punti li jridu jiġu: l-ewwel, analizzati u studjati; u t-tieni, li jsibu miżuri politiċi li nwieġbu għalihom proprju għax huma parti mir-realtà.



Parti mill-istatistika



5.       Fost dawn hemm, l-ewwel: il-figuri marbuta mat-twelid ta’ ulied f’dawn il-gżejjer.  Fejn, għalkemm hemm żieda ta’ 134 fuq is-sena ta’ qabel, però naqsu l-ommijiet li qed jagħżlu li jwelldu qabel l-età ta’ 30 sena, u fejn l-ulied Maltin baqgħu għal għaxar snin kostanti, però dawk barranin żdiedu minn 68 fl-2006 għal 593 fl-2015.  It-tieni: hemm l-istatistika li turi li anki ż-żwieġ baqa’ istitut kostanti.  Fejn anki jekk il-figuri juru li hemm iktar li rrikorrew lejn żwieġ bir-rit ċivili (minn 32.8% għal 49.3% fl-2015), però dan huwa influwenzat b’iktar barranin (taħt il-200 fl-2000 għal ‘il fuq minn 800 fl-2015) li għażlu li jiġu jiżżewġu f’din il-gżira.  It-tielet: dik li turi li kien hemm żieda ta’ 12% f’seba’ snin fil-prezzijiet tal-ikel.  Ir-raba’: il-fatt li għandna żieda qawwija fid-dinja tax-xogħol b’35,000 ħaddiem barrani irreġistrati hawn.



Interpretazzjoni korretta



6.       Dawn huma fatti li jidħlu, u jridu jiġu kkunsidrati minn min jieħu l-politika nazzjonali bis-serjetà.  Jitolbu interpretazzjoni korretta u mhux imċajpra jew mistura skont l-aġenda politika.  Jitolbu ħsieb, attenzjoni, fejn il-logħob tad-dadi jitħalla barra.  Fatti li għalihom iridu jiġu mibnija passi u miżuri li jwieġbu għal din ir-realtà.  Tinbena linja ta’ proposti politiċi li mhux tarmi l-ideoloġija tagħha, imma li permezz tagħha tagħraf tkattar ideat ġodda.  Għax l-esperjenza umana uriet fis-sekli li r-relevanza politika ta’ partit tiddependi mill-fatt li jagħraf li għalkemm iż-żmien jinbidel bir-realtà tiegħu, il-prinċipji jibqgħu kostanti.








No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...