1.3.17

It-Triq Għas-Sewwa Hija Dejjem Diffiċli.




1.     Dak li l-Ewropa għaddiet minnu tul it-Tieni Gwerra Dinjija fetħet għajnejn diversi bnedmin ta’ rieda tajba.  B’mod partikolari dwar dak li hemm bżonn isir sabiex dak li seħħ ma jirrepetix ruħu.  Il-qtil indiskriminat, il-ġenoċidju, it-twettiq ta’ delitti kontra l-umanità, ta’ delitti kontra l-gwerer mir-reġimi totalitarji ġibdet l-attenzjoni li hemm bżonn liġijiet ġodda, strutturi u mekkaniżmi legali differenti li jistgħu jikkontrollaw, jipproċessaw u jiġġudikaw min jikkommetihom.



2.     Fil-proċess legali li sar ġewwa l-belt tedeska ta’ Nurimberga kontra l-ġenerali, ministri u kapurjuni nażisti twaqqfet apposta l-Qorti Internazzjonali li taħtha ġie preparat att ta’ akkuża, instemgħu l-provi, ġew iġġudikati u ssentenzjati diversi; kien ġust u neċessarju.  Imma qajjem ukoll numru ta’ problemi legali xejn faċli sabiex wieħed isolvi.  L-iktar jekk dan il-proċess legali setax isir taħt il-liġijiet ta’ dawk iż-żminijiet.



3.     Proprju minħabba f’dawn id-dibattiti legali, wara diversi snin fl-1998 ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju ġewwa Ruma trattat li bih twaqqfet Qorti Kriminali Internazzjonali.  Trattat li pajjiżna fortunatament iffirma, u fit-13 ta’ Diċembru 2003 għamel parti sħiħa mil-liġijiet tiegħu.



4.     Din il-Qorti għandha d-dritt tisma’ każijiet kontra persuni li jikkommettu delitti kontra l-umanità.  Qorti li hija bażata f’The Hague ġewwa l-Olanda u li tiġġudika bnedmin li ħafna drabi, waqt it-tmexxija dittatorjali tagħhom jistigaw jew iħallu l-atroċitajiet isiru.  Dan però twettqu meta Stat firmatarju jonqos milli jinvestiga, jipproċedi u jieħu l-passi li għandu kontra dawn il-bnedmin.



5.     Dan huwa, mingħajr ebda dubju, pass kbir fiċ-ċiviltà umana.  Pass li jissoda d-demokrazija u l-kontroll kontra min jitħajjar imexxi Stat lejn id-dittatura u d-dnubiet mortali tagħha.  Il-messaġġ huwa dirett lejn min jitħajjar jieħu bħala mudell l-atti banali u ħżiena li n-nażiżmu u l-faxxiżmu sfortunatament għaddew.  Min jidħol għal dan, jaf diġà li llum jew għada ser isib warajh il-liġi.  Waħda li fuq kollox u fuq kull bniedem tagħraf li hemm liġi naturali li toħroġ mir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.



6.     Fl-aħħar darba li dehret il-President ta’ din il-Qorti, l-Imħallef Silvia Fernandez de Gurmendi, quddiem l-Assemblea tal-Ġnus Magħquda fi New York ippreżentat rapport interessanti ta’ ħidmet riċenti ta’ din il-Qorti.  Wara tmintax-il sena hemm progressi u rigressi.  Il-progress huwa mmarkat mill-fatt li l-Qorti qed taħdem b’iktar effiċjenza fejn f’sena jingħataw tlett sentenzi, instemgħu l-provi kollha fi tnejn u ieħor daqt jibda.



7.     Fejn id-dittatur Jean-Pierre Bamba ġie kkundannat tmintax-il sena ħabs mhux biss talli ma żammx delitti kontra l-umanità milli jsiru minn ta’ taħtu, imma wkoll talli huwa stess wettaq delitti kontra l-gwerra.  Kien hemm ukoll sentenza ta’ disa’ snin ħabs kontra Al Mahdi li fil-Mali, bħala parti mill-grupp ta’ Al Qaeda nstab ħati li ħa sehem fit-tkissir ta’ monumenti storiċi ġewwa Timbuktu.



8.     Kif qalet tant tajjeb de Gurmendi: “The last two decades have witnessed huge progress in the consolidation of international criminal justice as a fundamental part of the international community’s response to conflicts and mass atrocities,  u kompliet: “In 1998 the ICC was created by countries and with the support of civil society from all continents to investigate and prosecute perpetrators of genocide , crimes against humanity and war crimes by whomever committed. In creating the court as a permanent and independent judicial institution, States recognised the link between justice peace and sustainable development, and reaffirmed their commitment to fight impunity.



9.     Il-progress huwa evidenti.  Lezzjonijiet lid-dinja u messaġġ dirett lill-ħatja.  Ir-rigress, però, huwa hemm ukoll.  L-ewwel ta’ dawk il-pajjiżi, fosthom sfortunatament bħall-Istati Uniti tal-Amerika, l-Indja u ċ-Ċina li għadhom, għar-raġunijiet tagħhom, ma sarux parti minn din is-sistema.  It-tieni, ta’ tlett pajjiżi Afrikani: il-Gambja, il-Burundi u l-Afrika ta’ Isfel u l-Federazzjoni Russa, li f’din is-sena ddeċidew li joħorġu mit-trattat, l-ewwel tlieta fuq l-iskuża żbaljata li qed teħodha wisq kontra tagħhom, u t-tieni wara rapport dwar il-konflitt fil-Krimea.



10.   Madanakollu, il-Qorti Kriminali Internazzjonali hija istituzzjoni ġudizzjarja essenzjali, waħda li tkompli żżid mal-garanziji neċessarji sabiex ikun hemm ordni mondjali ġust.  Li, kif qalet reċentement il-prosekutur Fatou Bensouda f’din il-Qorti, li hija avukat mill-Gambja: “Any act that may undermine the global movement towards greater accountability for atrocity crimes and a rule-based international order in this new century is surely regrettable”.  It-triq għas-sewwa hija dejjem diffiċli, però għax hija hekk, fl-aħħar tirnexxi.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...