12.3.17

Dmir il-Kosmopoliti


1.     Nitkellmu, u sewwa nagħmlu, dwar il-bżonn li d-deċiżjonijiet politiċi jittieħdu tajjeb, u dan għax għandhom ikunu bażati fuq informazzjoni korretta, fejn l-istampa tkun sħiħa.  Jingħad dan, għax minkejja s-snin tal-eżistenza umana, l-esperjenza preżenti turina li hawn wisq bnedmin fil-politika li jgħixu fil-kaxxa limitata tagħhom.  Jisimgħu dak li jridu u jibnu l-programm ta’ ħidmiethom mhux fuq il-fatti, imma huma x’jikkunsidraw li huwa hekk.  Jaħsbu, iktar agħar, fl-azzjoni u ma jikkunsidrawx l-effetti tagħha.



20 miljun f’riskju



2.     Tul il-ġimgħa li għadha kif għaddiet, id-dinja kienet xhud proprju ta’ din is-sistema żbaljata ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.  Ngħid dan għax l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ħabbret, għal min ried jisma’, li mill-istudji, mir-riċerki u l-fatti hemm madwar 20 miljun persuna li tant qed jgħixu f’faqar kbir li ser ikunu qed jissugraw il-mewt jekk ma jsirx xi ħaġa għalihom.  Bnedmin mill-parti t’isfel tas-Sudan, is-Somalja, il-Yemen u l-parti ta’ fuq tan-Niġerja li, jekk ma jsibux l-għajnuna neċessarja, tul dawn is-sitt xhur ser ikun hemm diversi li jitilfu ħajjithom.



Unprecedented



3.     Ir-raġunijiet għal dan l-istat tal-affarijiet huma varji, prinċipalment però ġlied u kunflitti militari.  Biss, fis-Somalja l-problema hija n-nuqqas qawwi ta’ xita li ser taffettwa l-agrikultura sew.  Għalhekk, għalina li aħna ċittadini tad-dinja, kosmopolitani, ser tiġi fuqna kriżi umanitarja li ma rajniex bħalha, definita bħala “unprecedented”.  Waħda li hija, fuq naħa kumplikata, u fuq l-oħra li ilha ġejja biċċa biċċa fuqna u li trid soluzzjoni immedjata minn dawk li huma affluwenti.  Il-pajjiżi li għandhom il-flus u li huma sinjuri jistgħu jgħinu sabiex din it-traġedja ma sseħħx.



Miżuri ta’ emerġenza



4.     Għas-sejħiet ta’ Antonio Guterres, is-Segretarju Ġenerali l-ġdid ta’ din l-organizzazzjoni, saret laqgħa ġewwa Oslo, fin-Norveġja, biex wieħed jipprova jibda jiġbor il-4.4. biljun dollaru neċessarji għalihom.  Bl-isforzi kollha jidher li sa issa nġabru madwar  biljun u nofs dollaru, mertu prinċipali tal-ġenerożità tal-istess Norveġja.  Dan ifisser li għad fadal qabża qawwija sabiex wieħed ikun jista’ jwieġeb għal din il-kriżi umanitarja qawwija.  Kif stqarr tajjeb editorjal reċenti tal-ġurnal “The Guardian”: “Pledges need to be fulfilled and quickly; and much more is needed.  Those at risk need more than emergency support, of course.  The international community must continue to pursue peace and, in the meantime, do their utmost to ensure aid can be delivered.  Supporting longer-term development is essential”.



Widnejn torox



5.     Biss, dan l-appell għas-sens komun u għar-raġuni jidher li qiegħed jaqa’ fuq numru ta’ widnejn torox.  Prinċipalment fuq il-pajjiżi li għandhom saħħa ekonomika u militari qawwija.  Fuq quddiem dawk li kienu promoturi sabiex jistabbilixxu ‘l hekk imsejjaħ “Millennium Development”, fejn l-ewwel punt tiegħu għadu preċiżament il-qerda tal-faqar u l-ġuħ fid-dinja.  Għalhekk, sbatax-il sena wara, wieħed f’dan ċertament jistenna żgur iktar impenn mill-Istati Uniti tal-Amerika u miċ-Ċina, li ma jonqsux mir-riżorsi.  Però, mhux biss, imma l-popli Ewropej li huma sinjuri jridu jifhmu li jekk ma jiċċaqilqux immedjatament ser ikun hemm imwiet qawwija u mewġ ferm iktar ta’ bnedmin li jiċċaqilqu fil-proċess naturali tal-immigrazzjoni irregolari.



Kumplikazzjonijiet



6.     Din il-ġimgħa kellna okkażjoni unika sabiex din il-pożizzjoni tiġi konfrontata li jidher li tlifniha.  Pajjiżna, fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, seta’ kellu f’dan il-livell opportunità tul din il-ġimgħa li ltaqa’ l-Kunsill, sabiex iġib iktar għarfien ta’ dak li għaddej, li ġej għalina u l-effetti sħaħ fuqna lkoll.  Għalina l-kumplikazzjonijiet huma iktar.  L-ewwel, għax dawn il-pajjiżi m’humiex il-bogħod minna, u żgur li sija fil-Mediterran, kif ukoll fl-Ewropa ser ifittxu rifuġju u ħajja f’numri li aħna m’aħniex preparati għalihom.  It-tieni, għax forsi m’aħniex nifhmu li l-miżuri li l-Presidenza Trump reġgħet ħarġet sabiex iżommu bnedmin minn dawn il-pajjiżi milli jmorru fl-Istati Uniti tal-Amerika ser neċessarjament iżidu fil-pressjoni fuq il-fruntieri ewropej u fuq il-kapaċità tal-istrutturi soċjali u ekonomiċi tagħna.



Riarmament



7.     Nafu li d-dinja hija kbira biżżejjed u għandha r-riżorsi; daqshekk ieħor kapaċi biex jitimgħu.  Il-problema fundamentali għal dan però tibqa’ fejn dawn jiġu minfuqa.  Xi prijoritajiet jagħtu dawk li għandhom x’jagħmlu b’dak li għandhom.  Sfortunatament dawn m’humiex sejrin fid-direzzjoni t-tajba.  Ngħid dan għax meta wieħed jara li l-proċess ta’ diżarmament progressiv li d-dinja kienet qabdet wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin għen f’diversi sitwazzjonijiet u inizjattivi.  Kienet inqabdet direzzjoni unika u salutari.  Wieħed kien jistenna kontinwazzjoni, iktar u iktar f’din il-kriżi umanitarja.  Biss, sfortunatament qed naraw iktar pajjiżi jiftaħru li ser jonfqu ferm iktar fi proċess ġdid ta’ armar militari.  Smajna, proprju fuq dan, dikjarazzjonijiet mill-amministrazzjoni Trump, u wara miċ-Ċina u anke mill-Isvezja.  Kollha passi li, flok isolvu, ser jikkumplikaw iktar dak li qiegħed jinħema.



Ħatar u għasluġ



8.     Xi żball kbir huwa dan li quddiem traġedja imminenti bħal din, flok insalvaw ‘il-bniedem, nonfqu iktar f’mezzi ta’ distruzzjoni.  X’opportunitajiet mitlufa għalina f’dan il-mument storiku, proprju meta hawn min qiegħed isejjaħ lilu nnifsu “kosmopolita”, li flok jitlob konfront u attenzjoni, qed iħalli l-pożizzjoni tgħaddi.  Fejn qed nitilfu l-mument li nkunu ħatar u għasluġ għas-sewwa u għall-affermazzjoni tal-prinċipji tal-ugwaljanza.  Flok qed inkunu promoturi importanti fit-tqassim ġust tal-ġid komuni permezz tal-ġustizzja soċjali, qed nintilfu f’forma stramba ta’ pragmatiżmu żbaljat.  Nittama li fix-xhur li fadal nagħrfu dmirna f’dan il-mument storiku u nwettquh kif jixraq għal dawn il-povri proxxmi.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...