23.3.16

L-aħħar atti ta’ episkopat li jibqa’ msemmi – il-mument, il-Ħadd 21 ta’ Jannar 2007.

L-Arċisqof Mercieca se jibqa’ f’qalbna għaż-żminijiet kollha ta’ ħajjitna

1.       Għad għandi quddiemi l-Quddiesa li attendejt għaliha fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt il-Ħamis li għadda filgħaxija.  F’ċerimonja reliġjuża mill-isbaħ rajt folol ta’ Maltin u Għawdxin li nġabru biex ikunu preżenti għall-aħħar Quddiesa ta’ l-Isqof Ġużeppi Mercieca.  Kienu jinħassu sew fl-arja s-sens kbir ta’ mħabba u rikonoxximent lejh.  Ma stajtx ma nkunx fost dawk id-diversi li marru biex ikunu xhieda tal-popolarità u fl-istess ħin ta’ l-approvazzjoni ta’ ħidma li kienet ilha għaddejja tletin sena.  Ħidma li kelha d-diffikultajiet tagħha iżda li quddiem dak li għad irridu naraw ma kienx hemm ħlief apprezzament.

2.       Iċ-ċerimonja kibret fil-valur għax spikkat l-umiltà qawwija ta’ dan il-mexxej spiritwali.  Quddiem kulħadd irringrazzja, talab maħfra u stabbilixxa b’mod mill-iktar ċar fejn il-ġlieda għas-soċjetà Maltija qiegħda, dik tal-valuri li l-għaqda tal-familja tagħti.  Nammetti li ma rajtx il-ħin għaddej u anzi ħassejt li kollox qisu tar minn idejna avolja kien għaddej pass pass quddiemna.  Xtaqt li l-arloġġ waqaf idur.  Iktar u iktar għax waqt l-eventi, il-kant verament tajjeb u ċ-ċelebranti kollha bqajt nirrifletti fuq is-suċċessi u għalhekk il-wirt li hu se jħalli.  Kull min kien hemm ried jagħti xhieda li dak kollu li kien wettaq kabbar l-istima tal-poplu fih.

3.       Għax tul l-episkopat tiegħu seħħew ġrajjiet li la jistgħu u anqas se jkunu jistgħu jintesew.  L-Isqof Mercieca għandu s-sodisfazzjon li kien l-ewwel wieħed fost sekli ta’ l-eżistenza tagħna li ra Papa ġej jirfes l-art ta’ pajjiżna u mhux jitlaq minnha biex isir.  Mhux biss għal darba, ġie darbtejn.  Niftakar fl-ewwel miġja meta ġie Ġwanni Pawlu t-Tieni kemm kellu ferħ u kemm kellu jlaħħaq naħa u oħra.  Kien hemm preżenti, jipprova jżomm bilanċ u dinjità f’kull attività iżda speċjalment quddiem l-entużjażmu inkontrollabbli tar-reliġjużi u l-poplu kollu.  Hu hemm kien isegwi biċċa biċċa, jassisti u jassigura li kollox sejjer tajjeb.  Dik iż-żjara papali tant kienet sabiħa li kull min għadda minnha jaf li ma tista’ qatt tirrepeti ruħha.  Għadni narah viċin il-Papa, għaddej mit-toroq tagħna bin-nies jixħtulhom il-fjuri.  Kienu verament jiem ta’ ferħ għalina lkoll.

4.       U dik l-okkażjoni kienet diġà biżżejjed biex timla u tiġġustifika l-ħatra.  Iżda ftit snin wara kellna t-tieni żjara.  Hawn ukoll, għal darb’oħra, kienu ġraw fatti li konn wkoll ilna nittamaw li jkollna.  Kważi, kważi konn rassenjati li kienet xewqa li pajjiżi oħra setgħu jilħqu mentri aħna, minħabba ċ-ċokon tagħna, ma stajniex.  Imma dan ma kellux ikun il-każ u, minflok, kellna tliet Maltin puri li għexu ħajja tant mimlija qdusija li kienu dikjarati beati.  L-ismijiet ta’ Adeodata Pisani, Nazju Falzon u Dun Ġorġ Preca daħlu f’qalbna għal dejjem.  Konna nkunu diġà ferħanin b’persuna waħda; il-fatt li kellna tlieta ma stajniex verament inżommu l-pjaċir.  Għadni qed nara lil Ġwanni Pawlu preżenti magħna f’dik iċ-ċerimonja mill-isbaħ Fuq il-Fosos f’jum mimli xemx qawwija.  Memorji li ma jintesewx.  Eventi li l-istorja ta’ pajjiżna ma tista’ b’ebda mod tinsa.  Eventi li għalihom l-Isqof Mercieca hemm kien bħala l-mexxej spiritwali tagħna.

5.       Anki issa, propju fl-aħħar tat-terminu tiegħu, tasal l-aħbar li Dun Ġorġ Preca se jiġi dikjarat uffiċjalment qaddis.  Mhux biss fost l-ewwel beati, iżda issa se jkun l-ewwel Malti fl-elenku.  Il-proċess sħiħ, id-diffikultajiet kollha li dan jitlob għadda minnhom l-Isqof Mercieca.  Dan hu kollu parti sħiħa minn wirt ta’ ħidma li ħarġet tul iż-żmien li ilu jmexxi l-Knisja Maltija.  Dawn huma għalija mumenti importanti fl-istorja tagħna bħala poplu.  Mumenti li se jibqgħu mnaqqxa f’qalbna u f’qalb dawk li għad iridu jiġu warajna.  Għax l-istorja ta’ poplu m’hix magħmula mill-eventi materjali iżda tibni u tissoda lilha nnifisha fuq dawk morali.  Dawk il-valuri li jmexxuha ’l quddiem biex tibqa’ tifhem ir-rilevanza u sehemha fil-futur tad-dinja u l-umanità.

6.       L-Arċisqof Mercieca nhar il-Ħamis li għadda kien il-bniedem ta’ dan kollu, iżda mhux biss.  Deher iktar.  Ma resaqx lejna b’dan l-elenku li diffiċli jirrepeti ruħu, anzi proprju l-kontra.  Kien moħħu biex iwitti t-triq għall-Isqof elett Patri Pawl Cremona.  Għax kien hemm lezzjoni ta’ umiltà f’dan ukoll.  Mhux bniedem qabad u daħal fis-siġġu ta’ l-ieħor bla kliem u bla sliem, iżda t-tnejn jiċċelebraw il-Quddiesa flimkien.  Mod dinjituż u fl-istess ħin mimli b’sustanza ta’ dak li hu d-dmir li tmexxi spiritwalment dan il-poplu.  Dawn iż-żewġ persuni importanti għalina lkoll iridu jwasslulna l-messaġġ veritier: dak li mingħajr l-id tal-Ħallieq xejn ma jista’ jseħħ ta’ ġid f’ħajjitna.

7.       Il-Quddiesa tal-Ħamis li għadda issa se jkollha konsegwenza oħra.  Il-bidla waslet hi wkoll fuq l-episkopat tagħna.  Bidla li daqt se narawha sseħħ quddiemna nhar il-Ġimgħa.  Dan għax tul dawn is-sebat ijiem se jkollna uffiċjalment Isqof ġdid.  Ċerimonja oħra itwal u li fiha l-Isqof Cremona jibda jġorr is-salib li kellu l-Isqof Mercieca.  Proċess importanti u li se jdaħħalna f’fażi ġdida.  Perjodu ta’ tmexxija differenti b’ideat oħra ta’ kif il-messaġġ nisrani jista’ jasal f’qalb iktar nies.  Għax hemm bżonn illum ukoll daqs il-passat l-impenn dirett ta’ l-insara biex inwasslu b’mod ċar il-valur kbir li għandna.  Għax iż-żminijiet jinbidlu iżda d-diffikultajiet jibqgħu jinbtu.

8.       L-Arċisqof Mercieca se jħalli din it-tmexxija taħt idejn San Franġisk De Sales, patrun tal-ġurnalisti.  Ma hemmx dubju li se jibqa’ f’qalbna għaż-żminijiet kollha ta’ ħajjitna.  Imfakkar għall-eventi kbar u irrepetibbli li ra pajjiżna taħtu.


Nawguralu u nirringrazzjah minn qalbi.

14.3.16

STUDENTI VISUALLY IMPAIRED – ATTENZJONI U TAGĦLIM



23762. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba l-istudenti li huma visually impaired fis-sena akkademika preżenti fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja humiex kollha jirċievu l-attenzjoni u t-tagħlim?

04/03/2016



  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iva, l-istudenti b'visual impairment qed jirċievu l-attenzjoni u t-tagħlim min-naħa tas-servizz u mil-LSAs u l-għalliema tagħhom.

Seduta  368
14/03/2016


GĦALLIEMA LI JGĦALLMU STUDENTI VISUALLY IMPAIRED


23761. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm għalliema li qed jgħallmu studenti visually impaired fis-sena akkademika preżenti fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja? Jista’ jindika meta se ssir sejħa oħra?

04/03/2016

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li f’din is-sena skolastika hemm żewġ Għalliema li qed jgħallmu studenti visually impaired fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja. Dan minbarra impjegati oħrajn bħal LSAs. Infurmat ukoll li nħarġet sejħa għal peripatetic support teacher fis-26 ta’ Frar 2016.

Seduta  368
14/03/2016

STUDENTI – VISUALLY IMPAIRED.


23760. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li huma visually impaired fis-sena akkademika preżenti u jista’ jindika dan fil-livelli tal-primarja u tas-sekondarja u possibilment skont is-sess?

04/03/2016

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'din is-sena skolastika hemm 63 studenti li huma visually impaired li minnhom 45 qegħdin fil-primarja u 18 fis-sekondarja.

Mit-total ta' 63 student, hemm 19 bniet u 26 subien b’visual impairment fil-primarja u 7 bniet u 11 subien fis-sekondarja.

Seduta  368

14/03/2016

Kwistjoni ta’ valuri.



1.     Nisma’ u naqra mingħand persuni varji fuq il-valuri tas-soċjetà u fuq tagħhom.  F’pajjiż fejn il-maġġoranza hija magħmula minn bnedmin twajba u minn dik ir-rieda ħafna drabi jaħsbu li qed jisimgħu dak li ma jkunux.  Jaħsbu li meta xi ħadd jitkellem dwar valuri qiegħed jirreferi għal dawk insara.  Ir-realtà hija kompletament il-kontra.  Il-problema hija wkoll li ħadd ma jistaqsi lil dak u lill-ieħor x’tip ta’ valuri jħaddan.

2.     Għax hemm min jaħseb li bħalma r-regoli, il-liġijiet tal-pajjiż jistgħu jbiddlu b’maġġoranza parlamentari, daqshekk ieħor jistgħu jinbidlu l-valuri u l-kodiċijiet ta’ etika.  Hemm ordni fid-dinja, hemm esperjenza umana twila li turi biċ-ċar x’sarraf u ma sarrafx għa-tajjeb li ħafna jinjoraw.  Jaħsbu li jistgħu jivvintaw dak li ilu ppruvat bħala żbaljat u jerġgħu jmorru lura għalih.  Jimxu lura, mingħalihom li sejrin ‘il quddiem fil-progress mentri marru lura fir-rigress.

3.     Hemm min f’dan jimmaġina li għandu jġib ruħu fil-poter b’kemm ikollu voti, kunsensi u maġġoranzi warajh.  Iktar ma jkollhom, uħud mingħajr esperjenza jħossuhom li jistgħu jimponu, jimxu bl-id tal-arroganza u ma jagħtux każ.  Ma jħarsux warajhom biex jagħtu rendikont ta’ dak li qegħdin jagħmlu bil-mandat elettorali li ngħataw.  Min huwa fil-poter demokratiku jrid jifhem li dak kollu li jwettaq, dak li jagħmel u dak li ser jipprospetta jrid ikun kemm jista’ jkun trasparenti.

4.     L-esperjenza politika u parlamentari hija f’dan element essenzjali.  Argument sod kontra t-teknokrazija hija proprja din.  Li min jiġi maħur f’karigi ministerjali ma jkollux għarfien tal-istituzzjonijiet demokratiċi u anqas ma jkun sensittiv biżżejjed għal dak li l-elettorat irid.  L-esperjenza turi kontinwament li min jiġi minn barra jispiċċa jieħu l-gambetti li huwa stess ma jagħrafx.  Jidħol fihom mingħajr ma jirrealizza proprju għax ir-responsabbiltà politika tieħu l-ħin tagħha biex timmatura f’moħħ il-bnedmin.

5.     Il-valuri nsara f’dan ħallew il-marka tagħhom fis-sistema demokratika u politika tal-Unjoni Ewropea.  Ftit huma dawk li jistgħu jargumentaw il-kontra.  Biex sistema timxi hemm bżonn li jkollha f’qalbha u f’moħħha l-onestà, il-verità, is-serjetà, l-integrità, il-ħniena u l-ġustizzja.  Meta tarmi jew tiskarta partijiet minn dan it-tessut demokratiku allura l-affarijiet imorru lura.  Mhux biss, imma l-istess poplu, l-elettorat isemma’ leħnu l-kontra.

6.     Hemm min jimxi mal-linja li l-votant flus f’idejh irid.  Li jekk l-ekonomija tkun sejra tajjeb, allura tista’ tagħmel li trid għax kull persuna ser tibqa’ siekta.  Mentri l-esperjenza politika turi li l-pajjiż iħares lejn ir-rettitudni morali.  Iħares li jkolu bnedmin li jista’ jafda bil-kaxxa u bl-eventi tal-pajjiż.  Mexxejja li, anki jekk kellhom diversi avversitajiet ekonomiċi, baqgħu retti u dritti, baqgħu rispettati.  Il-valuri nsara f’dan jgħallmu u jagħtu direzzjoni.

7.     Ngħid dan għax dan il-Gvern mill-mument li ġie mqiegħed fis-siġġu tal-poter beda jimxi bis-sistema tal-pjaċiri, tal-klijenteliżmu, tal-preferenzi esaġerati.  Flok serva u qiegħed lilu nnifsu bħala strument ta’ sewwa u ġustizzja mar għal affarijiet oħra.  Biex mingħalih iżid il-kunsensi politiċi b’atti li huma fihom infushom ħżiena proprju għax jagħtu lil min ma ħaqqux dak li huwa ta’ oħrajn.  Biss, ladarba tibda tibqa’ sejjer.  Ladarba titwieled fuq is-sieq il-ħażina tibqa’ hemm.

8.     Dan huwa li qiegħed jiġri issa wara tlett snin ta’ dan il-Gvern ġdid, progressiv u movimentat.  Illum wara nofsinhar, fuq it-taraġ ta’ Kastilja, ser tiġi organizzata attività li tipprova tibgħat il-messaġġ li l-atti żbaljati li qed naraw, ta’ korruzzjoni, għandhom jieqfu immedjatament.  Din mhix waħda tal-partit imma hija nazzjonali.  Hija sejħa għall-bnedmin ta’ rieda tajba li ma jridux li l-pajjiż, ikun min ikun fil-Gvern, imexxi kif qiegħed.  Sejħa għas-sewwa sabiex il-fiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż minn politiċi tkun hekk – waħda bażata u ispirata fuq il-valuri nsara.  Għax hija dejjem, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ valuri.




Kull ġurnata hija Jum il-Memorja


1.     Ftit jiem ilu waqafna sabiex infakkru l-Jum tal-Memorja, ix-Shoah.  Niftakru f’dak li ħutna Lhud għaddew minnu tul l-aħħar gwerra dinjija.  Għax it-trapass taż-żmien ma għandu, bla ebda mod, inessina minn dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament nażisti varji.  Għax għalkemm għal certi eventi tad-dinja iservi biex inessi, ifejjaq u jirrikonċilja, dan ma jistax jgħodd għal dan il-ġenoċidju.

2.     L-atroċitajiet, is-sistema djabolika li biha sitt miljun persuna nqatlu, ma jistgħux ma jżommuniex nieqfu u nifhmu kemm iż-żerriegħa tax-xenofobija, tar-razziżmu u anti-semitiżmu hija sterili u perikoluża.  Dak li ġara fil-Ġermanja u fl-Italja huma eżempji ta’ kif popli twajba, ħawtiela, onesti bi prinċipji ta’ rettitudni, jispiċċaw jinħakmu minn mexxejja populisti, minn persuni fuq il-lemin estrem u japprovaw dak li ma għandhomx.  Sfortunatament diversi nħakmu minn dan.

3.     Hemm żerriegħa ta’ ħażen, li tinżera’ proprju minn punti żgħar, diskors żejjed, aġir żbaljat li jnibbet iktar il-quddiem l-irwiefen tal-mibgħeda.  Għalhekk, kull soċjetà demokratika għandha tibni fiha l-bilanċ bejn id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u, fuq in-naħa l-oġra, l-penalizzazzjoni ta’ diskors li jsir biex isaħħan, ixewwex jew jinkoraġġixxi bnedmin oħra biex jaġixxu b’mod żbaljat fil-konfront ta’ minoranzi.  Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li kollha għandna, però m’għandniex nużawha sabiex inkabbru mibgħeda kontra dawk li mhumiex parti  mis-sewwa.  Bħalma anqas ma għandna nippermettu li jsir diskors żbaljat fil-konfront tar-reliġjon.

4.     Hemm f’dan il-bżonn dejjem ta’ informazjoni u edukazzjoni.  Ħidma li l-midja f’pajjiżna hemm bżonn li tagħmel.  L-ewwel, b’iktar dokumentarji, diskussjonijiet u analiżi ta’ dak li seħħ taħt in-nażiżmu u l-faxxiżmu ta’ kemm kienu verament żbaljati u li ma għandhomx jiġu ripetuti.  Għax hemm bżonn li jiġu preżentati l-fatti b’mod ċar u li ma jħallix dubju f’ras ċerti nies li jitħawdu jew jinħakmu minn falsitajiet.

5.     It-tieni, li nibdew naraw iktar awto-dixxiplina u kontroll minn min jikteb u jirrapporta sabiex ma nagħmlux minn argument żbaljat wieħed li jista’ jkollu xi bażi, sempliċement għax għandna bżonn inbiegħu.  Il-liġijiet tagħna huma mekkaniżmu ta’ kontroll legali, biss huwa ferm iktar indikat li min juża d-dritt li jesprimi ruħu, ma jisparlax.  Iż-żerriegħa tal-mibgħeda razzjali trid tiġi miżmuma milli tieħu n-nifs, inkella tattakka d-demokrazija.  Għax huwa fl-interess tagħna li nkomplu ngawdu u nħaddmu l-mekkaniżmi kostituzzjonali li għandna mingħajr ma nitilfuhom.  L-esperjenza tat-Tieni Gwerra Mondjali għandha tfakkarna li d-diskors intolleranti ġieb fix-xejn id-demokrazija, qered diversi ħajjiet u ġieb miegħu straġi sħiħa.

6.     Li nfakkru x-Shoah huwa essenzjali sabiex nifhmu dak li għaddew minnu ħutna l-Lhud, però wkoll sabiex nifhmu x’inhuma l-elementi essenzjali ta’ sistema demokratika b’saħħitha.  Essenzjali u attwali anki llum li nkunu magħquda kontra dan l-aġir anti-uman li jiżra’ biss il-banalità tal-ħażen.  Għax għalkemm għadew is-snin għandna xorta obbligu morali u legali li nkomplu nfakkru.  Jekk irridu iktar sewwa u verità rridu niftakru li kull ġurnata hija Jum il-Memorja.


Il-bżonn tal-ġustizzja soċjali


 1.     Kull soċjetà żviluppata għandha tħares li tibni lilha nfisha fuq il-pilastri tal-ġustizzja u l-ugwaljanza.  Ilkoll nafu li din hija sfida f’kull żmien u mument.  Nafu li trid issir ħidma motivata, determinata u kostanti sabiex wieħed jipprova jassigurahom.  Tmexxija demokratika li tifhem dan u s-soċjetà li għandha f’idejha trid tkun attenta biex tagħraf il-polz tal-pajjiż u tqis sew jekk kemm-il darba hix qegħda tittraskura, toqgħod lura jew tkun kaġun hija stess u f’dan tħalli diversi ċittadini tagħha nieqsa, b’oħrajn jieħdu dak li ma għandhomx.

2.     Fi żminijiet oħra, it-tqassim tal-ġid fid-dinja ekonomika seta’ jitqiegħed lura f’postu forsi b’numru mhux esaġerat ta’ miżuri determinanti.  Niftakru dak li l-magħruf Henry Ford kien jgħid, li jekk wieħed jassigura paga ġusta lill-ħaddiem, allura l-konsegwenza hija li tikber magħha wkoll l-ekonomija.  Fi kliemu: “If you don’t pay workers decent wages, the economy will lack the demand to sustain economic growth”.  Illum id-dinja hija iktar komplikata minn dak li kienet u għalhekk irridu noqogħdu attenti għal dak li għaddej biex il-ġustizzja tikber u mhux tiċkien.  Għax il-gambetti għaliha kibru sew.

3.     Għax jista’ jkollna pajjiż li r-riżultati ekonomiċi tiegħu huma meqjusa bħala tajbin ħafna, kif il-ħin kollu nisimgħu b’tifħir kontinwu li però fuq in-naħa l-oħra għandu r-realtà li huma l-ftit li qed igawdu minn dan il-ġid.  Hemm disugwaljanza li trid toħroġ frott diversi fatturi, uħud passati u oħrajn iktar evidenti u qawwija bħall-klijenteliżmu u preferenzi attwali llum.

4.     Għandna tlett fatti li minn analiżi ġenerali kostantement joħorġu.  L-ewwel, id-differenzi kbar fis-salarji bejn dawk li qegħdin ‘il fuq, li qegħdin jitilgħu iktar u dawk li qegħdin taħt u li qed jinżlu iktar ‘l isfel.  It-tieni, li għandna wkoll it-tnaqqis fil-valur ekonomiku li s-salarji tal-ħaddiema jirrappreżentaw fil-pakkett sħiħ tal-ġid nazzjonali.  It-tielet, li qed naraw bidla fid-direzzjoni, fil-proċess ta’ distribuzzjoni fejn ta’ taħt qed jikkontribwixxu iktar għal dawk li qegħdin fuq u mhux il-kontra.  Dan kollu għax il-pagi f’pajjiżna mhumiex jimxu bl-istess pass ta’ bidla bħal dik tal-ekonomija nazzjonali, anzi kif qed naraw, niżlin lura.

5.     Naqblu li għandna nħarsu lejn soċjetà li trid timbotta u tassigura li dak li huma minn taħt jitilgħu ‘l fuq mingħajr estremiżmi.  Fejn is-sistema tat-tassazzjoni tibqa’ waħda ġusta u li kemm jista’ jkun tħajjar li jsir iktar xogħol.  Biss, meta naraw li l-ġid tal-pajjiż qiegħed biċċa biċċa jikkonċentra ruħu f’inqas dejn, meta naraw li l-istatistika turi li iktar ħaddiema qed ifittxu li jkollhom xogħol part-time mal-full time u li l-pakkett tas-salarju tagħhom qiegħed jiġi mhedded b’iktar ħaddiema barranin li lesti jagħmlu l-istess xogħol b’salarji ferm inqas, allura wieħed irid jieqaf jirrifletti.

6.     Irridu nżommu lura minn dik il-linja deċiża li tħalli din is-sistema tkompli għaddejja fejn l-iżbilanċi finanzjarji huma aċċettati u fis-silenzju promossi.  Nafu l-effetti fuq diversi familji li jgħaddu minn tbatijiet kbar, uħud jibdew jitilfu mill-umanità u d-dinjità tagħhom, oħrajn jitkissru kompletament.  Diġà uliedna għandhom trobbija f’familji fejn il-ġenituri jaħdmu t-tnejn sa’ ħinijiet fit-tard, fejn iridu jfendu għal rashom u jaħsbu huma għall-bżonnijiet fid-dar.  Hawn għajta għall-ugwaljanza u għall-ġustizzja li qegħda tikber u tinfirex.

7.     L-agħar f’dan hu li hemm min fix-xenarju politiku li mhuwiex jara l-bżonn li jbiddel u jikkumbatti din l-inġustizzja soċjali.  Fejn hemm min jimmaġina li dik hija s-sistema li tħadem u allura ma għandekx tmissha.  Għalhekk qed narawha tissoda iktar għax uħud magħżula qed jingħataw dak li ma ħaqqhomx flok jitqassam fuq kulħadd.  Irridu nwasslu l-messaġġ li dan huwa żbaljat, li anzi l-verità hija li iktar ma jkun hawn ugwaljanza fil-ġid, l-ekonomija iktar tikber u tissaħħaħ.

8.     Għalhekk hemm bżonn nifhmu li mhux minnu li min qed idaħħal ħafna ser jaqsam ma’ min għandu inqas, li l-ġid ta’ fuq ser żgur jinżel ‘l isfel.  Anzi, is-sistema qegħda ġġid li kollox jibqa’ fejn hu, kull persuna għal rasha.  Għandna iktar persuni li qed jiġġieldu fiż-żona tar-riskju tal-faqar, li jitolbu minna azzjoni malajr u fit-tul.  Għalhekk il-bżonn tal-ġustizzja soċjali hija ferm iktar u din hija l-vera sfida politika tallum.


9.     Proprju fuq dan wieħed irid jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-prinċipji tiegħu ħares kontinwament lejn il-ġustizzja soċjali li għandha valur miżjud u aqwa.  Għax kif ingħad minnu: “Biex issalta il-ġustizzja fil-pajjiż, mhux biżżejjed li jkun hemm liġijiet li jassiguraw li ċittadin ma jgħallatx b’ieħor (ġustizzja kommutattiva).  Lanqas mhu biżżejjed li jitqassam b’mod xieraq il-qligħ li jipproduċu bejniethom (ġustizzja distributtiva).  Neħtieġu wkoll liġijiet li jassiguraw it-twettiq tad-dmirijiet ta’ l-individwu lejn il-komunità u tal-komunità lejn l-individwu (ġustizzja soċjali).”  L-impenn u r-responsabbiltà fuqna bħala difensuri ta’ dawk li huma ‘l isfel fis-soċjetà hija ferm ikbar.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jwebbisx rasu u jimplimenta miżuri b'saħħithom fit-twaqqif mill-ġdid tat-Tribunal Industrijali.

Rapport N-Nazzjon Taghna.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jkomplix iwebbes rasu u jisma' lill-Oppożizzjoni, lill-korpi u l-partijiet involuti li qed jappellaw lill-Gvern għal bidliet radikali u serji fit-twaqqif mill-ġdid tat-Tribunal Industrijali li bħalissa jinsab wieqaf quddiem sentenza Kostituzzjonali li stabbilit li t-Tribunal kif inhu llum ma jistax jibqa' jiffunzjona. L-Oppożizzjoni appellat għal miżuri permanenti u b'saħħithom, u mhux temporanji.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, Kelliem dwar ix-Xogħol, Relazzjonijiet Industrijali u Drittijiet tal-Ħaddiema, saħaq fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, li l-Oppożizzjoni trid liġi aħjar milli hi llum għax kif qed tiġi proposta fl-emendi mressqa, mhix aċċettabbli.
Fisser li anke korpi kostitwiti tkellmu kif dan l-Abbozz ta' Liġi kif imressaq mill-Gvern, sar fi spirtu ta' emerġenza, u li kif sar diġà, xi ħadd jista' jerġa' jattakkah fil-Qorti.

Appella biex illum, inħallu barra mid-dibattitu dwar ta' min hu t-tort b'rabta mas-sitwazzjoni li jinsab fiha dan it-Tribunal. Irrimarka li dan hu Tribunal li twaqqaf fl-1979 minn Karmenu Mifsud Bonnici, u wara li saru diskussjonijiet fl-2002, taħt ir-responsabbiltajiet ta' Lawrence Gonzi bħala Ministru f'dak iż-żmien, u meta kienu saru qabżiet ġodda fil-liġi. Fakkar li dakinhar, il-partijiet involuti fit-tmexxija ta' dan it-Tribunal ma ridux iċaqilqu t-Tribunal minn kif kien stutturat għaliex kien sar l-argument li jekk qed jaħdem, ma jinbidilx.

Saħaq ukoll li x-xenarju llum inbidel b'sentenza Kostituzzjonali għal kawża li ppreżentat il-General Workers' Union, u li l-union rebħet is-sena li għaddiet u li ġie dikjarat li t-Tribunal Industrijali mhux formulat skont il-Kostituzzjoni.

Quddiem din is-sitwazzjoni, Carm Mifsud Bonnici saħaq li hemm bżonn li niddiskutu l-Att sħiħ dwar il-Liġi Industrijali, u li l-miżuri jsiru malajr u ma jkunux kontra l-Kostituzzjoni. Ikkritika li l-emendi mressqa mill-Gvern ma sarux tajjeb għaliex saħaq li hemm bżonn li nidħlu aktar fil-fond hekk kif l-Oppożizzjoni lesta tikkopera biex l-emendi jsiru sew.

Spjega wkoll li l-partijiet soċjali li l-Oppożizzjoni tkellmet ukoll magħhom, ukoll ikkonfermaw li l-liġi kif proposta minn dan il-Gvern trid tinbidel.

“Din hi sitwazzjoni li ħadd m'għandu jaħrab minnha jew li jagħmel xi ħaġa ta' malajr u mbagħad naraw 'il quddiem”, saħaq Carm Mifsud Bonnici li spjega li kif proposta l-liġi mill-Gvern mhix qed tagħlaq il-partijiet kollha li l-Qorti tal-Appell stabbiliet. Filwaqt li qal li hu tajjeb li qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet soċjali, irrimarka li d-diskussjonijiet għadhom ma mmatterjalizzawx f'xi ħaġa konkreta.

Fakkar li f'Ottubru li għadda, fid-dibattitu dwar il-Baġit, kien irrimarka li din is-sentenza mill-Imħallef Anna Felice tista' tkun ikkonfermata fl-Appell, u li tista' toħloq kriżi. Fakkar li kien ippropona li jibdew it-taħditiet fuq din il-liġi.

Ikkritika lill-Gvern li ma ħax din l-offerta u llum għandna stat ta' nkwiet għaliex it-Tribunal Industrijali hu wieqaf. Appella li kull ċaqliq li jsir fi ħdan dan it-Tribunal isir biss b'emendi li jirriflettu dak dikjarat fis-sentenza Kostituzzjonali.

Fil-waqt li reġa' offra l-id tal-Oppożizzjoni, Carm Mifsud Bonnici kkritika wkoll l-argument tal-Gvern li qed kontinwament  twasal il-messaġġ li l-Oppożizzjoni ma tistax titkellem dwar dawn l-emendi għax dawn ma sarux meta l-Oppożizzjoni kienet fil-Gvern.
Spjega li fl-amministrazzjoni preċedenti ma kienx hemm il-kunsens ta' kulħadd, filwaqt li llum dan il-Gvern ukoll qiegħed jistenna l-kunsens kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-unions.

Fakkar li l-Gvern ilu jaf mid-19 ta' Ġunju tas-sena l-oħra li seta' jiġi fis-sitwazzjoni tal-lum. Iżda llum, il-Gvern qed jiddefendi s-sitwazzjoni li jinsab fiha u jwaħħal fl-amministrazzjoni preċedenti f'sitwazzjoni ta' kawża li bdiet fl-2008 u spiċċat is-sena li għaddiet.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li hu llum, li hemm din is-sentenza Kostituzzjonali, li bilfors irid ikun hemm leġiżlazzjoni emendata u li tkun tajba.

Wara djalogu mal-partijiet soċjali, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li t-Tribunal Industrijali għandu jmur fuq linja li jitmexxa minn Maġistrat u żewġ persuni li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-unions.

Quddiem is-sentenza tal-Qorti tal-Appell li attakkat erba' punti prinċipali, Carm Mifsud Bonnici qal li l-emendi kif saru llum mill-Gvern mhux qed jattakkaw fil-fond il-problema ta' tribunal indipendenti u imparzjali.

Il-ħatra ta' Maġistrat fuq dan it-tribunal jagħti fiduċja ta' imparzjalità tal-partijiet li jidhru quddiemu. Spjega wkoll li l-Oppożizzjoni qed tressaq il-kunċett ta' Tribunal Amministrattiv għaliex illum dan diġà għandu track record tajba, b'membru tal-ġudikatura u b'żewġ  membri oħra.

Saħaq li dak li qed jiġi propost mill-Gvern illum mhux sod u hemm bżonn li jsir aktar titjib. Dan quddiem sistema ġudizzjarja li tifhem li t-Tribunal Industrijali mhux qed jffunzjona, kwantità kbira ta' nies mhux qed jingħataw rimedju, u meta l-kwistjonijiet industrijali huma weqfin. Wissa li kif huma ffurmati l-emendi tal-Gvern, nistgħu nerġgħu nsibu ruħna fl-istess sitwazzjoni li xi ħadd jisfida l-Kostituzzjonali

Appella għal bżonn ta' struttura aktar qawwija lit-Tribunal Industrjiali fi żmien meta hemm kwistjonijiet li qed ibaqbqu bħalma huma l-inċertezza tal-ħaddiema fid-De La Rue, il-ħaddiema tal-Air Malta, u ħafna oħrajn li qegħdin fil-prekarjat.

Staqsa jekk il-Gvern hux lest li jibdel aktar mill-Abbozz ta' Liġi ppreżentat diġà fil-Parlament għax saħaq li dan hu l-mument opportun li jiġi assigurat li ma jkunx hemm dubju fuq min qed jippresiedi t-Tribunal, bil-Gvern ma jkollu ebda forma ta' id li jista' jbiddel in-nies fit-Tribunal fuq xi pressjoni li tista' ssirlu.

Jidher ċar, saħaq Carm Mifsud Bonnici, li skont l-emendi tal-Gvern, il-liġi tista' terġa' tiġi attakkata b'kawża kostituzzjonali li terġa' twaqqaf il-proċess kollu kemm hu. Dan mhu fl-interess ta' ħadd.

Saħaq li llum għandna opportunità tad-deheb biex nibdlu l-liġi b'mod radikali u b'mod tajjeb biex inwieġbu għas-sentenza Kostituzzjonal u biex jiġu indirizzati l-garanziji kontra l-pressjonijiet minn barra, il-kwistjoni ta' żmien u kif jinħatru l-membri tat-Tribunal.


Appella biex fi stadju ta' Kumitat dwar dan l-Abbozz ta' Liġi li qed jippreżenta l-Ministru Owen Bonnici, il-pożizzjoni tal-Gevrn tkun flessibbli biex naslu f'pożizzjoni li biha nassiguraw li ma jkollniex  il-biża' li l-liġi terġa' tiġi attakkata, jew għal darb'oħra mwaqqa' lura.

Inbidlet il-pożizzjoni.


1.     Hemm mumenti u eventi li jbiddlu t-triq u l-passaġġ tal-istorja.  Wieħed jista’ jħares lura u jittama li dak li seħħ ma jkunx.  Jipprova jifhem għala ġrat ħaġa u mhux oħra.  Jittama li dak li qiegħed jara quddiemu ma ġarax.  Biss ir-realtà hija li ladarba dawn ikunu seħħew ma tista’ tagħmel xejn, salv li taċċetta u timxi ‘l quddiem.  F’ħafna sens dan huwa dak li għaddej minnu l-Gvern tal-ġurnata.

2.     L-arloġġ ma jistax jieħdu lura.  Anzi llum, il-mument attwali huwa tant mibdul li flok reazzjonijiet attivi qiegħed nara nostalġiji passivi.  Il-mentalità, il-linja tal-ħsieb għadha dik ta’ partit li jew għadu ser jidħol fil-poter jew fil-bidu tiegħu meta tant seħħew punti gravi li m’għadux iktar il-każ.  Fi żmien tlett snin ġie fl-istess livell ta’ partit li ilu jżomm ir-riedni tal-poter f’idejh għal ħafna.  Ministri tiegħu spiċċaw, oħrajn qdiemu u oħra m’għadhom ileqqu xejn.

3.     Il-mument kompla jinbidel bl-aġir u ħidmet l-istess Gvern li xeba’ jidħol f’borom li m’għandux.  Però wieħed irid jirrimarka f’dan li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd li għadda kienet mument li mmarkat il-passaġġ minn perjodu għall-ieħor. Il-bnedmin li nġabru ma ġewx għax ser jivvutaw lill-partit tal-Oppożizzjoni.  Ġew biex juru li ma jaqblux mal-korruzzjoni li ħafna qed jaraw għaddejja quddiemhom.  Bnedmin ta’ ideat varji, mhux biss nazzjonalisti jew ex- nazzjonalisti, imma laburisti u oħrajn li nġabru fis-skiet.  Inġabru biex jibgħatu messaġġ bil-kelma t-tajba.

4.     Hemm wara dak il-jum sfida ġdida li qegħda titressaq.  Dik li titlob li jkun hemm miżuri li bihom dak li sar jittieħed kont u rendikont tiegħu u li fil-futur ma jkunx hemm aġir simili.  Il-Ħadd immarka b’linja ħamra kbira f’ras diversi li ġew u dawk li xtaqu imma ma ġewx.  Immarka bidla fir-riħ li għandu jingħata attenzjoni proprju għax mhux biss seħħ imma seħħ kmieni fil-leġislatura.  Kmieni ħafna meta fil-bidu tagħha sar diskors li dawk ser ikunu l-ewwel ħames snin minn ħafna u ħafna oħrajn.  Jekk il-Gvern jinjora din is-sejħa sempliċi għas-sewwa jkun qiegħed ikompli u jżid fl-iżbalji tiegħu.
5.     L-ilmijiet politiċi f’ħakka t’għajn huma verament aġitati.  Hemm, kif sewwa ngħad, tempesta qawwija li qabdet.  Il-pajjiż iddaħħal f’fażi elettorali bikrija.  Fejn qabel il-jum tal-elezzjoni ġenerali kien il-bgħid, moħbi fil-moħħ tal-Prim Ministru, illum huwa parti mid-diskors kontinwu fit-triq.  Il-Gvern daħal u daħħal lilu nnifsu f’mekkaniżmu li bih il-pajjiż qiegħed jarah jersaq malajr għall-vot, proprju biex ma jitlifx iktar kunsensi milli qiegħed.  L-ispekulazzjonijiet huma verament varji u hemm kriżi li diffiċli titqiegħed lura f’postha.  Waħda li daħħlet instabilità li ftit ippretendew li sejra tiġri.

6.     Ngħid diffiċli mhux għax ma hemmx soluzzjoni.  Hemm waħda ċara u ovvja.  Hemm anzi għajta nazzjonali u maġġoritarja li għal raġunijiet varji qed jintalbu bidliet malajr.  Biss, it-tmexxija qegħda tkompli ttawwalha.  Qed tipprova taljena bi proposti differenti li flok jirnexxu qed iktar jissudaw l-ideat kuntrarji.  Flok dak li huwa abjad jingħad hekk qed nisimgħu ċaħdiet kontinwi tal-verità.  Indikazzjoni evidenti f’moħħ numru ta’ persuni li l-kontroll tal-poter ħareġ mill-idejn u ġie perikolat u mdgħajjef.

7.     Ebda tmexxija fi stat demokratiku ma tista’ tipprevedi l-futur tagħha.  Tista’ biss tieħu l-passi neċessarji kif jinqalgħu l-eventi u l-mumenti kkumplikati.  L-abbiltà tat-tmexxija hemm qegħda.  Dak li jiġi fuqha jew taħtha trid tagħraf tieħu azzjoni għalih.  Meta ma tagħrafx tindika li jew mhux qed tifhem jew ma tistax għax għandek moħħok jew idejk marbuta.  Fit-tielet sena l-arja nbidlet sew.  Ħadd ma jista’ jibqa’ jaħseb li kollox għadu l-istess u li, kif jgħidu, qisu ma ġara xejn.  Anzi, kif qed naraw, il-pożizzjoni nbidlet u għalhekk jew tinbidel għaliha inkella tibdlek hi.


8.3.16

MINISTERU GĦAT-TURIŻMU – SIT TA’ LUKANDA.





23624. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru, b’referenza ghad-domandi preċedenti, jinforma lill-Kamra x’pożizzjoni preżentament qed jieħu l-Ministeru għat-Turiżmu fil-konfront ta’ x’għandu jsir fil-futur mis-sit fejn kien hemm topera l-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’Wied il-Għajn?

26/02/2016

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’referenza ghat-twegiba ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 15654, datata 15 ta’ April 2015, nerga’ ntenni li l-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’Wied il-Għajn hija propjeta’ privata li taħt Gvern Nazzjonalista kienet għalqet. 


Nirreferi lill-Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33454, datata 23 ta’ April 2012, mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Zgħar u Konsumatur ta’ dak iz-zmien fejn ġie mwieġeb illi “s-sit li fuqha kien hemm mibnija il-Lukanda Jerma f’Marsaskala għalkemm hija proprjetà tal-Gvern, però hija mogħtija b’ ċens perpetwu lil terzi u għalhekk il-Gvern, li huwa biss id-direttarju, ma jidħolx fil-mertu ta’ xi zvilupp isir fuq din l-art”.

Seduta  365
07/03/2016

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT ĠENERALI – ĠBIR TA’ FLUS





23623. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inġabru flus għad-drittijiet u spejjeż dovuti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tul is-snin 2014 u 2015?

26/02/2016

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġabar €98,215.39 fl-2014 u €130,890.01 fl-2015 għad-drittijiet u spejjeż dovuti lill-istess Uffiċċju.

Seduta  365
07/03/2016

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...