3.3.16

Viżjoni limitata mill-Gvern għan-naħa t'isfel ta' Malta. Aggornament.




Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici sejjaħ bħala viżjoni limitata u ħrafa l-għajta tal-Gvern Laburista u tal-kelliema tiegħu li jibqgħu jagħtu l-impressjoni li qabel ma tela' dan il-Gvern tliet snin ilu, ma sar xejn fin-naħa t'isfel ta' Malta. Fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, Carm Mifsud Bonnici fakkar kif meta fl-1987 tela' fil-Gvern il-Parit Nazzjonalista, in-naħa t'isfel ta' Malta kien fi stat żbaljat u kien mertu tal-PN li biddel l-immaġini ta' dawn il-lokalitajiet bid-diversi inizjattivi u proġetti li saru u li llum jista' jgawdihom kulħadd.

L-argument li llum qiegħed jitkompla x-xoġħol fuq dak li sab, hu ġust, iżda ma jaċċettax li l-ħidma bdiet fl-2013 mill-Gvern tal-lum. Semma kif Gvern Nazzjonalista ta lill-parti tal-Kottonera importanza kulturali b'diversi proġetti kbar u b'investiment qawwi li taw krettu li qabel ma kienx hemm. Bit-twaqqif ukoll tal-Kunsilli Lokali, saret ukoll ħidma kbira li komplew saħħu l-karatteristiċi u l-aspetti storiċi u kulturali. Illum, il-Gvern qiegħed jikkonkludi proġetti li kienu bdew mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, fosthom dak ta' Baċir Numru 1.

Irrimarka li n-nies tan-naħa t'isfel għandhom sitwazzjonijiet ferm aktar ta' nkwiet li jitolbu lill-Gvern jieħu deċiżjonijiet. Semma numru ta' toroq li l-Gvern mhux qed jagħmel, uħud minnhom ukoll arterji prinċipali. Semma t-triq li minn Bir id-Deheb tagħti għaż-Żejtun li hemm bżonn tinbidel, it-triq minn Ħaż-Żabbar għaż-Żejtun, u dik minn Santa Luċija għal Raħal Ġdid li jeħtieġu jitranġaw.

Tkellem ukoll fuq l-aspett soċjali tan-nies fin-naħa t'isfel. Sejjaħ bħala ta' nkwiet li f'Bormla huma ħafna l-familji li qed jirrikorru għall-għajnuna ta' ikel provdut mill-UE. Irrimarka wkoll li Bormla hu post ukoll fejn il-Partit Laburista għandu l-aktar saħħa iżda wkoll fejn hemm l-aktar diffikutajiet soċjali marbuta ma' sitwazzjonijiet ta' faqar jew fir-riskju ta' faqar,

Appella lill-Gvern jidħol fid-dettal ta' din is-sitwazzjoni biex in-nies f'Bormla u fiz-zoni ta' madwar ikollhom ħajja aħar milli għandhom illum. Semma l-kirjiet tad-djar mingħand il-gvern li żdiedu b'mod qawwi li wkoll qed jaffettwaw lil dawn il-famijli l-aktar fil-bżonn u li qed jissarraf f'piż esaġerat u kbir aktar mill jifilħu. Ta' niket ukoll is-sitwazzjoni ta' nies li m'għandhomx pensjoni adegwata u li ma taqbiżx il-€500 fix-xahar, u ta' nies li qed jaħdmu fuq bażi part-time u f'kundizzjonijiet ta' xogħol, definit bħala prekarjat.

Semma l-aspett soċjali marbut ma' nies fir-riskju tal-faqar li qed jinqatgħu u ma jiħdux is-servizzi tal-benefiċċji soċjali, u oħrajn li qed  jinqatgħu mir-reġistru tal-qgħad u oħrajn li qed jitilfu l-għajnuna tal-mard. Dan ukoll jimmerita attenzjoni immedjata mill-Gvern. Fisser li qed tinħoloq idea li hemm xi ħaġa ħażina f'min jieħu l-benefiċċji soċjali. Sejjaħ dan bħala żball għaliex dawn huma familji fil-bżonn ta' dawn il-benefiċċji soċjali.

Id-Deputat Nazzjonalista sejjaħ lill-Gvern biex jirranġa wkoll sitwazzjonijiet oħrajn fl-ambjent tan-naħa t'isfel ta' Malta bħalma huma l-bus stops. Semma eżempju ta' bus shelter li kienet kbira u nbidlet għal waħda iżgħar meta s-sitwazzjoni hi li jkun hemm kwantità ta' nies jistennew fl-istess ħinijiet. Semma wkoll żewġ bus stops mill-Fgura sa Ħaż-Żabbar li tneħħew.

Hemm problemi ta' immaniġġjar ta' traffiku fi Triq Sir Paul Boffa, fejn kien hemm il-Marsa Shipbuildng, li llum saret karreġġjata waħda u qed ikun hemm diffikulttajiet kbar anke biex tgħaddi ambulanza.

Carm Mifsud Bonnici tkellem ukoll dwar dak li hu proġettat li jagħmel dan il-Gvern fiż-Żonqor, f'Wied il-Għajn, u kif il-Gvern tilef rasu warajh. Fisser kif il-Gvern seta' solva l-problemi li ilhom pendenti u marbuta mal-Lukanda Jerma minflok ma ttieħdet art ODZ fiż-Żonqor.

Innota wkoll li meta tikkunsidra kollox, malajr tirrealizza li saru diversi wegħdi li mhux qed jiġu implimentati. Semma li dan jikkuntrasta bil-kbir ma' dak li qed jintefaq fit-tieni distrett, fejn hemm numru ta' Ministri waqt li appella biex  l-istess ammont ta' flus jintefqu fuq distretti elettorali oħrajn.

Staqsa kif il-Gvern jispjega li se jsir xogħol f'Ħal Tarxien b'nefqa ta' €3,000 biex jirranġa ġnien, iżda lest jonfoq nofs miljun fuq arterja industrijali f'Bulebel li sservi l-fabbriki. Mhux biss, illum il-viżjoni tal-Gvern hi limitata, iżda l-unika ċaqliqa hi biss l-għoti ta' parti mill-Baċir Numru 1 lil istituzzjoni edukattiva u mhux università.Tkellem ukoll dwar dak li qed jingħad li se jsir f'Raħal Ġdid, meta hemm min qed jgħid li dan mhux se jsir u li talab lill-Gvern jaċċerta li dan se jsir u li jkun hemm time frames.

Appella biex is-siġar fil-pjazza ta' Raħal Ġdid li ilhom għal dawn l-aħħar 40 sena, ma jitneħħewx u jkunu nklużi fil-proġett li se jsir. Filwaqt  li qal li hemm bżonn li l-Gvern iħares ukoll lejn il-postijiet l-oħrajn fin-naħa t'isfel biex jidħol fid-dettal ta' dak li hemm bżonn li jsir, Carm Mifsud Bonnici semma l-problema u l-isfida tal-immaniġġjar tat-traffiku fejn hemm nuqqasijiet kbar.

Irrimarka li jekk kif qed jingħad, il-Baċir li nfetaħ għat-traffiku se jingħata lil kumpanija privata u jista' jingħalaq, dan ikun qed  joħloq problemi kbar ta' traffiku f'din iz-zona li diġà għandha problemi kbar ta' immaniġġjar ta' traffiku.

Appella għal pjan strateġku għan-naħa t'isfel ta' Mata quddiem ukoll sitwazzjoni li fiha l-Gvern għadu ma tkellimx fuq il-pjan ta' immaniġġjar tat-traffiku għall-proġett taż-Żonqor. Dwar dan, ir-residenti fl-inħawi huma mħassba u wkoll qed jistaqsu ħafna u qed jistennew risposti.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...