28.9.17

L-Indipendenza tal-Poplu Tagħna



1.      Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jakkwista l-Indipendenza għal pajjiżna, u b’hekk il-famuża frażi “rajna f’idejna”.  L-Indipendenza ġibniha, kif ngħidu u nafu lkoll, meta kienu qegħdin jikkontestawna, u jikkontestaw l-istess kunċett, forzi politiċi oħrajn fosthom, b’mod partikolari, dawk tal-Partit Laburista, li għal żmien twil kien jgħid illi l-21 ta’ Settembru, dak il-jum tal-ikbar ferħ għalina, huwa għalih Jum l-Għajb.  Ingħaqadna mal-Unjoni Ewropea, bħala membri sħaħ, u l-istess Partit Laburista kien kontra, u lkoll nafu li kien huwa li għamel il-bsaten fir-roti għal dak il-pass progressiv.  Illum kulħadd jifhem u jirrealizza li kemm l-Indipendenza, kif ukoll l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea kienu tal-aqwa siwi għal pajjiżna, li jaf il-qagħda tiegħu aqwa tallum għaliex il-Partit Nazzjonalista kien ħa ħsieb jakkwistahom it-tnejn.  Minn dan l-akkwist gawda l-poplu, però aħna rridu nibqgħu nistinkaw li jibqa’ jgawdi minnu kulħadd.  Kif fakkar u appella tajjeb lilna l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tal-istess jum: għandna lkoll bħala politiċi nsara impenjati fil-ħidma demokratika li “nippromwovu l-ġid komuni”.

Bqajna indipendenti

2.      Mill-bidunett, il-partit kien u għadu jisħaq li meta dħalna fl-Ewropa Magħquda ma tlifniex l-Indipendenza.  M’aħniex sudditi tal-Ewropa; aħna sħab, u kif kien ċar f’għajnejn kulħadd fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kultant ninzertaw f’ras il-mejda mmexxu aħna.  Li però jeħtieġ żgur huwa li noqgħodu attenti li ma nitilfux l-indipendenza tal-moħħ tagħna.  Dari konna nikkumbattu ma’ dawk li kienu jaħsbu li l-barrani aħjar minna, u aħjar għalhekk li nibqgħu taħtu.  Kien hawn, sfortunatament, f’uħud, kumpless varju u kumplikat ta’ inferjorità.  Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirbaħ lil din il-mentalità b’ħidmietu u bil-fatti.  Hawn min, mhux biss kien jara lill-Ingliżi bħala superjuri, iżda li baqa’ jara lil kull min ġej minn barra bħala aħjar minna, bħala dawk li għandhom kollox perfett u aħna le.

Nikkumbattu din il-mentalità

3.      Din hi mentalità li jeħtieġ nikkumbattu bis-serjetà kuljum.  Mhux dejjem għandhom raġun dawk li qegħdin Brussell.  Mhux dejjem jaħsbu aħjar minna huma, jew dawk li jkunu madwar il-mejda.  Fuq ħafna materji ta’ prinċipji fundamentali, ta’ bioetika, ta’ filosofija politika, il-mod kif jaħsbuha l-Maltin mhux inferjuri għal dak ta’ Ewropej oħra.  Waqt li għandna x’nitgħallmu minn ħaddieħor fl-Ewropa bħalna, pajjiżna rnexxielu, minħabba ċertu karattru tagħna l-Maltin, jevita u jissupera problemi li għadhom ikiddu lil ħaddieħor.  Rajna x’ġara, qisna x’nagħmlu u wara ddeċidejna jekk huwiex tajjeb għalina jew le, u mhux kif riedna min għandu mentalità oħra, li naċċettaw kollox bla ħsieb.

Inħossni kburli li jien Malti

4.      F’Jum l-Indipendenza nħossni kburi li jien Malti, li għandi l-għeruq f’dawn il-Gżejjer imbierka.  Ma nixtieqx li kont Belġjan, Taljan, Franċiż, Awstrijak, Ingliż jew Skoċċiż, eċċ.  Ġensna rnexxielu, tul is-sekli, jagħmel l-għażliet it-tajbin u jirribella kontra l-impożizzjoni.  Kontra dawk li ċaħħduna mil-libertà u l-ġustizzja tagħna.  Sostnih il-karattru li ssawwar fit-tbatija u t-theddid.  Sostnietu l-fidi Nisranija li għadha soda magħna.  Trawwimna fil-maħfra u fil-ħniena.  U drajna nmiddu għonqna għax-xogħol.  Drajna fil-bżulija u fl-għaqal.  Bnejna fuq pedamenti sodi, ħafna drabi fuq iż-żonqor sod.

Jeħtieġ nagħtu l-kontribut oriġinali tagħna

5.      F’dan kollu xorta, anqas fuq in-naħa l-oħra s-suppervja u s-suspett lejn dak li ġej minn barra, ma jwassluna mkien.  Mingħand il-pajjiżi kollha msieħba tagħna fl-Unjoni Ewropea, u anke mingħand oħrajn, nistgħu nieħdu anki t-tagħlim.  Iżda biex l-Unjoni tirnexxi, iktar u iktar illum, kulħadd, inkluż aħna, jeħtieġ nagħtu kontribut oriġinali.  Ngħid għalija, meta kont Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u kont niltaqa’ ma’ Ministri Ewropej oħra, ma kontx inħossni inqas minnhom.  La meta kien Angelino Alfano, dak il-ministru ta’ intelliġenza u abbiltà, u lanqas meta kien xi wieħed mill-Ministri l-oħra, kien Franċiż jew kienet Svediża, dejjem ittrattajna lil xulxin ta’ ħbieb ugwali.  Proprju għalhekk li meta rġajt iltqajt ma’ Alfano, li kien qiegħed jakkumpanja lill-President Taljan Sergio Mattarella ftit ġranet ilu, tkellimna ta’ ħbieb antiki li aħna u li ħdimna flimkien.

Għandu jħossu kburi

6.      Il-Partit Nazzjonalista għandu Kap ġdid f’Adrian Delia, li daħal wara proċess demokratiku.  Hemm ħafna x’għandu jingħad fuq dan iktar ‘il quddiem, meta l-ilmijiet jikkalmaw iktar.  Ngħid li għandu llum iħossu kburi li daħal fil-kariga li kienet ta’ Ġorġ Borg Olivier, li akkwista l-Indipendenza bil-kuraġġ u bid-diplomazija, u li kien kburi li kien Malti, kif ibnu Alexander tant tajjeb tkellem fuq dan.  Għandu jħossu kburi li daħal fis-siġġu ta’ Eddie Fenech Adami, li kkumbatta, barra milli eżerċita paċenzja kbira, biex kiseb l-adeżjoni mal-Unjoni, kif kien dejjem jipprospetta Ġorġ Borg Olivier qablu.  Eddie kien u għadu eżempju ta’ Malti veru li hu kburi li hu Malti, li ma jinġarrx mal-moda li kultant kaxkret xi parti mill-Ewropa, imma żamm ruħu sod mal-għeruq demokratiċi Nsara tagħna.

Kburin

7.      Kieku ma konniex indipendenti, ma konniex inkunu nistgħu nidħlu fl-Unjoni bħala ugwali.  Ninsistu rridu, iktar minn qabel, fuq l-ugwaljanza, issa li aħna membri.  U nibqgħu kburin: Maltin veri naħilfuh.  Kif inkantaw dak li kiteb nannuwi Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala “Il-Gross”, fl-1932.  Kburin bl-indipendenza tal-moħħ u tar-rieda.  Kburin b’dak li l-Maltin irnexxielhom jibnu tul is-sekli.  Kburin b’pajjiżna, ta’ Nazzjonalisti u patrijotti li aħna lkoll kemm aħna.

Il-kontribut ta’ Patri Victor Xuereb S.J.


Bir-raġun kollu nqimu l-memorja u napprezzaw ix-xogħol kbir li għamel il-Professur Pietru Pawl Saydon, li ttraduċa għall-Malti l-kotba kollha tal-Bibbja mill-ilsna oriġinali. Wettaq opra kbira, kemm fuq il-pjan reliġjuż, billi l-Bibbja hi rivelazzjoni u l-qari tagħha huwa talb barra milli parti mil-liturġija ta’ kuljum fil-knejjes tagħna; kif ukoll fuq il-pjan kulturali. Il-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa huma ta’ ispirazzjoni għall-kultura tagħna, bħala Maltin, bħala Ewropej u bħala bnedmin tas-seklu tagħna. Il-kotba ta’ poeżija li hemm fil-Bibbja, fosthom is-Salmi, kienu ta’ ispirazzjoni għall-letteratura tagħna, tal-Ewropa u tad-dinja kollha tar-Reliġjonijiet li jemmnu f’Alla wieħed. Sa mill-bidu, għalina, mill-Kantilena ta’ Caxaru, jinstemgħu l-eki tal-versi tas-Salmi. Il-Bibbja kienet ta’ ispirazzjoni wkoll għall-pittura fid-dinja tal-Punent kollu, u l-iżvilupp tal-mużika beda mill-kant tal-liturġija li tagħmel użu qawwi mill-Bibbja. Grazzi Professur Saydon, u grazzi wkoll għal tradutturi oħra minuri, fosthom Patri Ġeraldu Paris, Dun Xand Cortis u s-Sur Alfons Maria Galea, li qalbu għall-Malti xi wħud mill-Kotba Sagri. Ix-xogħol ta’ Richard Taylor u ta’ Mikiel Anton Vassalli baqa’ għal kollox barra mill-għatba tal-knejjes Kattoliċi.



Iżda barra mill-Bibbja, il-kultura tagħna (Ewropea, iżda wkoll tad-dinja kollha), xorbot ħafna miċ-ċiviltà tal-Greċja antika. Il-Filosofija (dejjem insemmu lil Aristotli u lil Platun, iżda kienet skola sħiħa), il-Letteratura (il-poeżija, lirika u epika, id-dramm, l-istorja, id-diskors pubbliku, fil-Qorti u fl-Assemblea); l-Arti Figurattiva, speċjalment l-iskultura; l-arkitettura.  Il-Griegi tal-qedem tawna wkoll is-sisien tad-demokrazija. Kienet ċiviltà kbira, li mbagħad ħadu fuqhom ir-Rumani; żiedu l-kittieba kbar u l-arkitetti u l-inġinieri ċivili tagħhom, u xerrdu kollox ma’ kullimkien. Intant, din il-letteratura “Klassika” kienet tasal għandna jew bit-Taljan jew bl-Ingliż, għaliex ftit kienu jistudjaw il-Grieg antik, u n-numru ta’ dawk li studjaw il-Latin qiegħed dejjem jonqos. Għalija li studjajtu, hija ħasra.



Dak li Saydon għamel għall-Bibbja beda jagħmlu l-Ġizwita naxxari Victor Xuereb, għall-kultura klassika. Qaleb għall-Malti t-tlett poemi epiċi maġġuri tal-letteratura klassika: ‘L-Odissea’ u ‘L-Ilijade’ mill-Grieg, u ‘L-Enejde’ mil-Latin. Huma stejjer u parabboli: tal-vjaġġ li jfittex il-ġdid, tal-Assedju biex jinfed l-antik, tal-bidu mill-ġdid wara telfa. Victor Xuereb qaleb dawn l-eluf ta’ versi għal versi endekasillabi bil-Malti. Midd idejh ukoll għal xogħol iktar diffiċli: qaleb għall-Malti ‘Ir-Repubblika’ ta’ Platun, li kuwa trattat filosofiku dwar il-politika. Patri Victor Xuereb ħalla warajh opra monumentali li ma niddejjaqx inqiegħed ħdejn dik ta’ Saydon, u li sabet min ikompliha: ta’ min isemmi t-traduzzjoni li s-Sur Karmenu Serracino għaddielna ta’ ‘L-Arti Poetika’ ta’ Aristotile, ħames snin ilu.



Saydon iltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-pubblikazzjoni ta’ xogħlu, ħajtu kollha. Niftakru meta jiena kont għadni student l-Università u editur tal-Malta Letteraria, fl-Empire Press fi Triq San Pawl, il-Belt, jikkoreġi l-bozzi ta’ l-aħħar kotba tat-Testment il-Ġdid. Kien igerger li kieku ma kinux is-Soċi tal-Museum li jixrtu ċertu numru ta’ kopji, kien iħossu li ħadd ma japprezza x-xogħol tiegħu. Smajtu darba jagħti lezzjoni memorabbli fuq il-Ktieb ta’ Rut.  Meta sirt avukat, darba minnhom il-Professur Dun Karm Sant, dixxiplu u suċċessur tiegħu, ħadni għandu għal parir fuq xi manuskritti. Il-Bibbja ta’ Saydon damet l-għexieren tas-snin ħierġa ktieb ktieb, u kien wara ħafna żmien, u bl-għajnuna tas-Soċjetà tal-Museum, li ġiet ippublikata bħala volum wieħed.



Meta kont Ministru tal-Edukazzjoni u sirt naf bix-xogħol ta’ Patri Victor Xuereb, li kien għadu għaddej, tkellimna fl-uffiċċju tiegħi u ftehmna li nirranġa biex l-istampar tat-traduzzjoni tal-Odissea ssir mill-Ministeru. Hekk sar, u ktibt il-preżentazzjoni fil-5 ta’ Lulju 1989. Konna qegħdin naħsbu biex nintroduċu ‘L-Oqsma tal-Għerf’, u l-għatx għall-iskoperti u l-esperjenzi ġodda li kellu Ulisse (Odissews), kien jaqbel li ssibhom bil-Malti.  Meta lesta t-traduzzjoni tal-‘Ilijade’ kont President, iżda r-Rettur Professur Peter Serracino, u s-suċċessur tiegħi fil-Ministeru Louis Galea, ħasbu biex din it-traduzzjoni tiġi stampata mill-Università. Talbuni nagħmel daħla. Imbagħad il-ktieb tnieda fl-4 ta’ Ottubru 2000 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Introduċa Ġorġ Peresso u tkellmu Peter u Louis. Qara’ xi biċċiet, u bħas-soltu qaxxarhom, Philip Farrugia Randon.  Patri Xuereb kompla sejjer u qaleb għal ilsienna xi drammi ta’ Sofokle, ‘Ir-Repubblika’ ta’ Platun u ‘L-Enejde’ ta’ Virġilju.  Issa kont irtirat, iżda l-ħabib tagħna Toni Cortis ftiehem ma’ Michael Schiavone biex ‘L-Enejde’ u ‘Ir-Repubblika’ jiġu pubblikati mill-PIN, wieħed fl-2004 u l-ieħor fl-2008.



Patri Victor Xuereb, barra minn kultura klassika (kien jaf l-Ebrajk sewwa, barra mill-Grieg u l-Latin) u kien jikteb u jitkellem tajjeb ukoll il-lingwi moderni, kellu Malti sabiħ, b’vokabularju għani ħafna. Kien isaħħarni meta nisimgħu: sew meta kien l-Isla u kien jagħtina omeliji mirquma, kif ukoll meta nitkellmu privatament fl-uffiċċju tiegħi fil-Ministeru.  Barra minn saċerdot eżemplari kien ċittadin u patrijott, li ħallielna traduzzjonijiet ta’ kapolavuri tal-kultura tad-dinja kollha. Miet fis-26 ta’ Awwissu li għadda, u meta qaluli bdew għaddejin minn quddiem għajnejja tant ġrajja, u tant diskors ta’ bniedem ta’ Alla, li serva lill-bnedmin ħutu b’tant dedikazzjoni. U nista’ nżid b’tant għerf, poeżija u kultura.



Ħaqqu wisq iktar minn monument. Ħaqqu l-ġieħ u t-tifkira tan-nazzjon tagħna.







Ugo Mifsud Bonnici

President Emeritu




19.9.17

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jissaħħaħ


 
Il-Partit Nazzjonalista għadu b’saħħtu u qiegħed ikompli jissaħħaħ kuljum. Joseph Muscat jiżbalja jekk jaħseb li se jsib Oppożizzjoni dgħajfa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt attività politika waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jingħaqad u ħabbar li aktar kmieni llum beda l-proċess ta’ tranżizzjoni fit-tmexxija. Huwa rringrazzja lil Chris Said tad-disponibilità immedjata li wera biex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiġi flimkien u jissaħħaħ.

Adrian Delia qal li llum il-Partit Nazzjonalista kellu rebħa oħra meta l-Imħallef Mizzi aċċetta t-talba li s-smiegħ dwar il-każ tar-rekuża jsir fil-miftuħ. Huwa qal li maħniex ngħixu f’pajjiż normali meta jkollu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni personalment li jagħmel rikors il-Qorti biex issir investigazzjoni fuq allegazzjonijiet serji kontra l-għola uffiċjali tal-Gvern. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Jason Azzopardi tal-preparazzjoni serja tiegħu f’dan il-każ ta’ importanza nazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna llum hemm l-għatx għal politiċi li jħossu bħan-nies u joffrulhom tama. Politika qrib in-nies ma tfissirx biss li l-politiċi jgħixu fil-viċin man-nies, iżda li jinvolvu l-ideat tagħhom fit-tfassil tal-politika, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-aġġornament politiku tal-Partit Nazzjonalista ma jistax jinjora l-fehmiet u l-ħsibijiet li joħorġu mill-esperjenza ta’ kuljum tan-nies.

Vuċi li tasal għand il-poplu kollu

Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun biss għan-Nazzjonalisti, qal Adrian Delia iżda l-vuċi tal-partit trid tasal għand il-poplu kollu sabiex aktar nies jiġu konvinti li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija l-aħjar waħda. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm ħtieġa għal aktar dibattitu politiku fuq il-mezzi tax-xandir.

Adrian Delia qal li tul dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista għadda minn ristrutturar finanzjarju u, minkejja li s-sitwazzjoni issa hija stabbli, l-isfidi għadhom jeżistu. Huwa qal li jrid isir investiment biex tinbidel il-media minn mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa għal wieħed strateġiku individwali. Permezz tal-media, il-Partit Nazzjonalista jrid jasal għand in-nies b’mod effettiv billi juża l-aktar teknoloġija moderna.

Huwa żied li hemm pjanijiet biex l-investiment isir ukoll fir-riżorsi umani speċjalment b’taħriġ kemm għal persuni li diġà jaħdmu kif ukoll għal persuni ġodda. Adrian Delia semma’ kif fil-viżjoni tiegħu il-kamra tal-aħbarijiet għandha tiffoka aktar fuq ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità.

Partit Nazzjonalista aktar inklussiv

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa qiegħed iħares ‘il quddiem dwar kif in-nies, u b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, qed jaċċessaw l-informazzjoni. Huwa fakkar ukoll li fi ftit snin oħra ż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena se jkunu qiegħdin jivvutaw ukoll u għalhekk huwa mportanti li l-media tal-Partit Nazzjonalista taħseb minn issa għall-mezzi ta’ informazzjoni li se jkunu qed jużaw iż-żgħażagħ fis-snin li ġejjin.

Adrian Delia qal li huwa jrid mhux sempliċiment li jkun hemm aktar żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista iżda li l-partit jerġa’ jsir żagħżugħ mill-ġdid. Huwa qal li lest jagħti liż-żgħażagħ il-poter li jesperimentaw u jwettqu l-politika huma stess.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, bl-istess mod, il-kumitati sezzjonali għandhom rwol akbar x’jagħmlu fit-tfassil politiku. Huwa żied li l-membri tal-kumitati sezzjonali huma strumentali sabiex aktar nies iwasslu l-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom fil-politika.

Fl-aħħar erba’ snin il-Partit Nazzjonalista irnexxielu jibdel il-proċessi interni biex ikun aktar inklussiv, qal Adrian Delia, u fakkar li l-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru kienet waħda storika għaliex kienet l-ewwel darba li d-deċiżjoni importanti dwar Kap ta’ partit politiku kienet fdata f’idejn ħmistax-il elf persuna.

Adrian Delia qal li huwa sinjal tajjeb li l-media Laburista qiegħda diġà tattakkah għaliex huma skomdi bih. Huwa qal li l-istqarrija tal-Partit Laburista aktar kmieni llum turi li l-partit negattiv huwa fil-fatt dak immexxi minn Joseph Muscat.

18.09.17

18.9.17

Mhux aċċettabbli ħaddiema jispiċċaw vittmi ta’ theddid mill-Ministru


 
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta li spiċċaw vittmi ta’ theddid bla preċedent mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi. L-aħbar tal-lum - li l-Ministru hedded li jekk il-ħaddiema ma joqgħodux għal dak li jiddeċiedi hu, jagħlaq l-Air Malta - hi ta’ tħassib serju u li għandha tinkwieta mhux ftit lill-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom.

Din it-tip ta’ dikjarazzjoni hi ta’ xokk għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jiftakar li sa ftit tal-ġimgħat ilu, l-Gvern kien qed jiftaħar li għaddej b’negozjati tajbin mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Għalhekk illum wieħed ma jistax ma jsaqsix: id-diskors ta’ qabel l-elezzjoni kien kollu fieragħ, u l-wegħdiet li saru mill-Partit Laburista kien biss kliem?

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Air Malta għandu jkollha futur sostenibbli b’direzzjoni li ma tħarisx l-Air Malta bħala entità kummerċjali għaliha, iżda f’kuntest usa li jirrifletti r-rwol li l-Air Malta kellha u għad għandha fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’pajjiżna, partikolarment, iżda mhux biss, it-turiżmu. 

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u dejjem jibqa’ jkun ċar mal-ħaddiema. It-theddid mhuwiex fl-istil tal-Partit Nazzjonalista.

Robert Arrigo
Kelliem għat-Turiżmu

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista 

16.09.17

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...