12.9.17

Dmirna li Niftakru.


 
1.      Għaddew issa diġà sittax-il sena mill-11 ta’ Settembru 2001.  Minn dak il-jum li fih saru erba’ attakki fuq l-Istati Uniti tal-Amerika frott il-ġenn uman.  Għax il-bniedem jitwieled għas-sewwa.  Jieħu n-nifs u jingħata l-ħajja biex jingħaqad ma’ oħrajn sabiex ikun strument għat-tajjeb.  Dik hija t-triq normali u diretta tiegħu.  Meta jaqbad l-oħra jkun qiegħed imur kontra f’dik tat-taħwid.  F’dak il-jum id-dinja waqfet tħares, waqt li erba’ ajruplani ntużaw bħala armi sabiex jolqtu fil-qalb mhux biss dak il-poplu, imma fir-realtà, lid-dinja kollha.

Ferita għall-umanità

2.      Dak il-jum huwa ferita għall-umanità kollha.  Għal dak kollu li nirrappreżentaw fl-avvanz li b’diffikultajiet kbar għamilna bħala bnedmin.  Kien il-mument meta rajna ruħna iktar vulnerabbli milli konna naħsbu, f’dinja li t-teknoloġija moderna kienet qed tibgħatilna minflok messaġġ ta’ saħħa u sigurtà.  Kien il-jum li mmarka, u ser jibqa’ jimmarka, ġenerazzjonijiet sħaħ fil-banalità ta’ atti simili li l-bniedem m’għandux spjegazzjonijiet loġiċi għalihom.  Kif kien qal il-Papa Ġwanni Pawlu II l-għada: “The human heart has depths, from which schemes of unheard ferocity sometimes emerge, capable of destroying in a moment the normal daily life of people”.

Il-martri veri

3.      F’dak l-attakk, immexxi minn Osama bin Laden, mexxej tal-Al Qaeda, seħħew delitti li l-ebda immaġinazzjoni umana ma setgħet qatt ikollha qabel.  Mietu madwar tlett elef persuna, kompletament innoċenti.  Persuni umani li tilfu ħajjithom għax kienu fil-post żbaljat, fil-mument żbaljat.  Dawk li qabdu ajruplan għad-destinazzjoni varja tagħhom.  Dawk li kienu fiż-żewġ torrijiet jew fil-postijiet l-oħra fejn niżlu l-ajruplani.  Il-bnedmin li nqatlu huma l-martri veri u mhux min qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-ħażen.  Dan kollu seħħ quddiem dinja li għarfet li, minkejja l-avvanz kollu li għamlet, f’dak il-ħin partikolari ma setgħetx issalva l-ħajjiet tagħhom.

Kliem mimli dieqa

4.      L-istorja umana għandha dan kollu mniżżel fiha.  Mhix dik l-istorja ta’ atti erojċi, imma dik ta’ kliem mimli dieqa u rabja miktuba fl-irħam li ma jintilifx u ma jitħassarx.  Min imur fil-post fejn kien hemm mibnija ż-żewġ torrijiet, u jmiss mal-monument nazzjonali li hemm issa, jifhem aktar dan.  Jifhem il-mewt, it-traġedja umana u, fl-istess ħin, jieħu lura miegħu l-għarfien ta’ kif żewġ torrijiet, mibnija b’tant sagrifiċċji, li kienu simboli tas-saħħa, il-poter fid-dinja tal-kummerċ, negozju u finanzi, spiċċaw trab.  F’jum wieħed, strutturi bħal dawn ġew lura fil-pożizzjoni tal-bidu tagħhom; minflok mimlija bil-ħajja saru ċimiterji ta’ bnedmin li l-ġisem tagħhom ma jinsabx mifrud, imma parti minn dak l-irmied.

Kawża li ma teżistix

5.      F’dak il-post, waqt li b’idejk tmiss l-ismijiet tal-innoċenti maqtugħa fil-ħadid, tifhem iktar kemm kien jum iswed u ikrah fl-eżistenza tagħna.  Daqqa ta’ ħarta iebsa għalina lkoll.  Wieħed li fetaħ il-bieb għal iktar attakki mingħajr kap u kuda, intenzjonati biss biex jolqtu s-soċjetajiet tagħna, id-demokrazija u r-renju tad-dritt.  Dak l-eżempju ħażin ġieb, kif bqajna naraw sallum, innoċenti jinqatlu f’isem kawża li ma teżistix.  Kif mezzi tat-trasport jiġu intenzjonalment trasformati f’armi ta’ qtil.  Kif f’ġabriet ta’ bnedmin oħrajn jaraw l-okkażjoni biex joqtluhom.  Għax il-ħażen huwa kontra l-ordni naturali, u dan iwassal għall-instabilità u t-telf tal-paċi pubblika.

Attakk lid-demokrazija

6.      Dawn l-attakki jsofru minnhom il-bnedmin, imma huma diretti kontra s-soċjetà demokratika.  Dak li nbena f’ġenerazzjonijiet twal, frott il-valuri nsara, jiġi f’sogru.  Dan għax kull gvern jagħraf li f’dan il-proċess jgħaddi minn prova ta’ debbulizza f’għajnejn iċ-ċittadini tiegħu.  Vulnerabbli u miftuħ għal attakk tali, li l-esperjenza turih li ma jistax jipproteġi lil kull persuna, kif għandu d-dmir li jagħmel.  Il-poplu jirreżisti u huwa kontra min iwettaq atti ħżiena bħal dawn, però daqshekk ieħor f’dawn il-mumenti jaf idur kontra min qiegħed imexxih.  Dawk li jsofru direttament mod, dawk li ma jintlaqtux mod ieħor.

Is-sejħa tagħna

7.      Proprju iktar f’dan, u għal dan li nistgħu nagħrfu li għalkemm ħajjitna baqgħet għaddejja, xorta waħda ġejna mmarkati bl-inġustizzja tagħha.  Immarkati minn ġewwa però f’dan, jum wara jum nagħrfu li r-rebħa mhix tal-forzi tal-ħażen.  Għax anke jekk f’dak l-attakk jistgħu jidhru li qegħdin fuq quddiem, għal dawk li jemmnu f’Alla jafu li la l-ħażen, u lanqas il-mewt m’għandhom l-aħħar kelma.  Hemm għalina sejħa qawwija interna li tħajjarna mhux biss inkunu ċittadini tajba, imma bnedmin tajba.  Hemm f’dan iktar u iktar għarfien li kull persuna jrid iwieġeb għal din is-sejħa, għal dik partikulari tiegħu.  Kbira kemm hija kbira, jew żgħira kemm tista’ tidher qegħda hemm, u wieħed għandu jagħmel il-parti tiegħu.

Magħquda

8.      Għada għandna lkoll inkunu, għal darb’oħra, magħquda b’solidarjetà ma’ dak il-poplu kbir.  M’għandniex inħallu l-jum jgħaddi qisu ma ġara xejn, imma għandna nieqfu u nifhmu dak li seħħ u s-sehem tagħna fid-dinja tal-lum.  Kemm dak li nagħmlu fil-ħajja, żgħir kemm jista’ jidher żgħir, huwa parti mill-proċess uman li jew ikabbar is-sewwa jew isaħħaħ il-ħażen.  Pass iktar ‘il quddiem fit-tama minn dak li ħassejna wara dawk il-jiem fejn stajna ningħaqdu ma’ Virġilju, li fl-Enejde jingħad: “Spem voltu simulat, premit altum corde dolorem” (fil-wiċċ jipprova juri t-tama, mentri joħnoq f’qalbu d-dwejjaq kbar tiegħu).

Sepulchre of famous men

9.         Fit-triq fil-ġlieda għas-sewwa rridu nassiguraw li nfakkru.  Għandna anzi dmir li nagħmlu dan.  Bih induru lura, niftakru f’dak li ġara u nippruvaw niftħu għajnejna iktar għal dak li ġej.  Id-dinja hija miftuħa għall-irjiħat u ma hemmx kantunieri jew kenn garantit.  Proprju għax kull persuna li tilfet ħajjitha hija importanti li nkunu qed nonqsuha u lid-dinjità umana li ma nfakkruhiex.  Kif, jekk tippermettuli, Thucydides, waqt li kien qed ifakkar li Perikle jgħid: “Id-dinja kollha hija l-maqbar ta’ nies famużi; jiġu mfaħħra mhux biss mill-monumenti u l-lapidi f’pajjiżhom, iżda wkoll f’artijiet barranin fuq monumenti mhux minquxa fil-ġebel iżda fil-qlub u l-imħuħ tal-bnedmin”.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...