28.7.13

Lejn il-futur tas-soċjetà.



1.             Irridu naċċettaw li s-soċjetajiet Ewropej u Afrikani għaddejjin minn bidliet li qegħdin imissuna l-ħin kollu.  Il-preżenza ta’ bnedmin influwenzati b’ideat differenti.  Dik ta’ politiċi li jservu f’soċjetà li wħud jaħsbu li jifhmuha u ta’ oħrajn li qegħdin sempliċement jinjorawha.  Ta’ bnedmin li jridu jikkontribwixxu, imma joqogħdu lura għax iħossu li s-soċjetà hija f’idejn il-medja li hija, fil-perċezzjoni tagħhom, ostili għall-ideat differenti minn tagħhom.  Kif ukoll ta’ bnedmin li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komplikati li mhux dejjem joħroġ l-ordni minnhom, anzi l-kaos huwa l-ordni tal-jum.

2.             Fil-mument partikolari tal-lum jidher iktar ċar li s-soċjetà qegħda ssib ruħha mingħajr direzzjoni vera.  Ma hemmx viżjoni sħiħa li qegħda tħares fit-tul, imma waħda li tgħix il-ġurnata.  Il-bżonn ta’ tqegħid ta’ pedamenti ġodda, differenti, li jieħdu strutturi li kapaċi jirreżistu s-sejħiet tas-soċjetajiet futuri huma non-eżistenti u, jekk isiru, qed isiru mingħajr ħsieb imma b’kumbinazzjoni.  Hemm, iktar minn żminijiet oħra, sejħa għal iktar ħsieb, iktar riflessjoni fil-fond fuq dak kollu li hemm lok li jsir fil-futur tagħna.  L-ispazju li kien disponibbli f’diversi soċjetajiet demokratiċi għall-akkademiċi, għall-ħassieba, għall-persuni li jridu jagħtu lura mill-esperjenzi varja li l-ħajja basktithom fihom kważi sparixxa.

3.             Il-preżenza ta’ dawn il-persuni li jwasslu messaġġ fis-soċjetà qiegħed jintilef.  Anzi, l-pożizzjoni tagħhom qegħda iktar u iktar tkompli tiġi injorata mill-klassi politika.  Hemm illum ostilità għal dawk li jridu jirriflettu fuq dak li huwa għaddej.  Il-klima politika fis-soċjetà tagħna hija dik li tħares b’suspett u tavversa dawk li jridu jaraw fit-tul, ta’ dawk li jridu jaħsbu għas-servizz tal-oħrajn.  Il-Gvern tal-jum qiegħed jibgħat hemm barra l-messaġġ ċar li huma m’għandux, b’xi mod, jiġi avversat ladarba għandu maġġoranza ta’ disgħa siġġijiet u daqshekk voti warajh.  Il-poter għal uħud, tant qiegħed f’rashom li jfisser li huma dejjem għandhom raġun.  Min jissogra jkun differenti jrid jipprepara ruħu għal aġir żbaljat kontrih.

4.             Il-fatti huma li għaż-żmien li ġe, mhux ser ikollna min qiegħed fil-poter li jagħti każ, li jrid jisma’ u anzi jkabbar bnedmin li jaħsbu għax jistgħu jkunu kontra dak li qed iwettqu huma.  Dan jixħet fuqna obbligu ikbar.  Bħala partit fl-Oppożizzjoni rridu nħarsu li nwettqu din il-ħidma.  Nassigurawha b’dover u bi pjaċir lejn il-proċess li jeħodna lejn il-verità u soċjetà, li jassigura li min jinsab minn taħt jitla’ ‘l fuq.  Il-Partit Nazzjonalista, ma ninsewx, huwa dak il-wieħed li rnexxielu jibdel is-soċjetà proprju għax għal perjodu twil jisma’ u jikkultiva l-ħsieb, l-akkademja ta’ dawk li forsi llum narawhom eċċentriċi, biss għada pitgħada, nirringrazzjawhom.  Il-proċess ta’ ħsieb ma jistax jiġi limitat f’viżjoni utilitarista, imma jrid jitħalla jimrah.

5.             Hemm ħafna punti x’wieħed jirrifletti fuqhom, proprju  għax il-gvernijiet passati wettqu ħafna.  Biss, dak li sar hemm bżonn li nerġgħu, aħna stess, inħarsu lejn u narawh f’dimensjonijiet storiċi, oġġettivi  u billi naraw l-effett soċjali tiegħu.  F’dan il-mument nistqarr li iktar ma ngħarbel, ma naħseb iktar nara li l-partit, minkejja l-isforzi tiegħi ‘il-kontra, xaqleb lejn il-lemin u abbanduna l-għaqal taċ-ċentru fl-aħħar perjodu tiegħu.  Kemm għandi raġun fuq dan, ma nafx, imma hemm bżonn diskussjoni fejn iktar bnedmin ta’ ħsieb jersqu sabiex jagħmlu dan.  Il-bniedem fil-ħajja, iktar ma jkun ċar f’dak li għandu  jwettaq, tant aħjar.  Il-mewġa llum hija waħda li trid taħkem lilna lkoll li naġixxu mingħajr ma naħsbu, mingħajr ma nħarsu ‘l quddiem, mingħajr ma nqisu l-prinċipji etiċi li fuqhom qed nibbażaw l-azzjoni.

6.             Il-jiem li għaddew erġajna missejna u rajna quddiem wiċċna realtà li ninjoraw.  Il-preżenza tal-Papa Franġisku fil-Brażil qegħda tħabbat ma’ bibien tas-soċjetajiet Ewropej li jridu jaljenaw rashom, jinqatgħu mir-responsabbiltajiet tagħhom u jaħsbu biss fil-bżonnijiet tagħhom.  Dan il-bniedem, Jorge Bergoglio, jiġi mimli bl-użu tar-raġuni għas-sewwa.  Miegħu, ftit qablu, ġew Josef Ratzinger u Karol Woytila.  Bnedmin li qraw, studjaw u servew bl-esperjenzi tagħhom, imma fuq kollox, kienu katalisti ta’ ħsieb.  Kif tħares lejn il-bniedem, il-valur tiegħu, x’soċjetà għandna, x’waħda għandu jkollna.  Huma stess terġa’, influwenzati minn bnedmin oħra qabilhom u magħhom.  Dak li jgħidu, dak li qalu, jingħad bis-sens, b’viżjoni, b’direzzjoni li wieħed jista’ jinjora jew jilludi ruħu li m’huwiex applikabbli, però l-ħsieb huwa fond u rilevanti għal min irid soċjetà futura aqwa.

7.             Ngħid li diversi, f’din is-soċjetà tagħna, kapaċi jikkontribwissu.  Jersqu ‘l quddiem b’ideat li jċaqilqu lejn direzzjonijiet li fuqhom aħna fil-politika nistgħu nipparteċipaw u nsiru protagonisti ta’ sustanza.  Ngħid li għandna obbligu fuqna, bħala Partit Nazzjonalista li ħabb dejjem l-edukazzjoni sħiħa tal-bnedmin, li nimxu f’din id-direzzjoni.  F’dawn is-snin fl-Oppożizzjoni hemm bżonn ngħarfu iktar kemm irridu nkunu preparati għal żmien ieħor.  M’għandniex naqgħu fil-linja li qiegħed fiha l-Gvern bħalissa, dik li jkun kontinwament wieħed reazzjonarju.  Irridu nkunu dawk li jħaru ‘l quddiem billi ngħarfu r-realtà preżenti u futura u nfasslu linji ta’ tibdil li bihom nassiguraw iktar demokrazija, dinjità lejn il-bniedem, tqassim aħjar tal-ġid u, fuq kollox, li min huwa minn taħt jitla’ iktar ‘il fuq.



25.7.13

IL-POLITIKA: XJENZA.

Reċensjoni minn Charles Magro

IL-POLITIKA: XJENZA

(Carm Mifsud Bonnici: IL-POLITIKA TAS-SEWWA.  Pubblikazzjoni 2013.)


            Bħala parti mill-kampanja elettorali li wasslet għall-Elezzjoni Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2013 l-Onor. Dr. Carm Mifsud Bonnici, LL.D., MP, stampa u qassam ktieb li jagħti ħarsa intelliġenti lejn il-mod li bih il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħadem biex żviluppa u saħħaħ it-tessut demokratiku f’Pajjiżna.

            Il-ktieb fih ġabra ta’ artikli li l-istess Dr. Carm Mifsud Bonnici kiteb matul iż-żmien fil-gazzetti “Il-Mument” u “Illum”.  L-artiklu l-aktar antik imur lura għat-30 ta’ Awwissu 2009; filwaqt li dak li hu l-aktar riċenti hu dak tat-22 ta’ Lulju 2012.

            Fuqhiex kiteb f’dawn l-artikli Dr. Carm?  Il-kontenut ta’ dawn l-artikli hu bħal ilma ġieri frisk għal dawk li xebgħu bil-politika kif jifhmuha l-partitarji akkaniti; dik il-politika partiġġjana li taħdem biss għall-voti biex tirbaħ l-elezzjoni, u l-Partit, hu liema hu, jieħu l-poter f’idejh.

            Il-politika tas-sewwa mhix hekk.  Dawn l-artikli jinfurmawna fuq kif titħaddem ix-xjenza politika għall-ġid tal-Pajjiż u għas-servizz tal-poplu; kollu, mhux tal-partitarji tal-qalba biss.

            Meta Dr. Carm kiteb fuq il-Partit Nazzjonalista (“Il-Partit Ċar Kien U Jibqa’” – “Il-Mument”, 26 ta’ Ġunju 2011) kiteb li l-PN hu apprezzat għax għandu prinċipji li jiggwidawh.  Il-PN għażel li jħaddan il-valur demokratiku u l-valur nisrani, u fit-tħaddim ta’ dawn il-valuri dejjem kien ċar, u kollox juri li ‘l quddiem dejjem hekk se jibqa’.  L-ex-Prim Ministru, Dr. Lawrence Gonzi, LL.D., MP, wera li anki llum il-Pajjiż jista’ jitmexxa b’suċċessi kbar mingħajr ma jbiegħ il-prinċipji.

            Il-PN la hu liberali, kif sfortunatament iriduh li jkun xi nies li m’għandhom ebda sens ta’ responsabbiltà, u anqas konservattiv.  F’artiklu ieħor (“Responsabbiltà u Libertà” – “Il-Mument”, 1 ta’ Lulju 2011) Dr Mifsud Bonnici jgħid li ħafna mill-inkwiet dinji hu ġej minnn żbilanċ bejn ir-responsabbiltà u l-libertà.  B’bilanċ pożittiv bejn ir-responsabbiltà u l-libertà jkunu assigurati l-ġid, il-ġustizzja u s-solidarjetà.

            Lill-ex-Prim Ministru, Dr. Lawrence Gonzi, isejjaħlu “Kaptan tajjeb fil-maltemp” (“Fil-Maltemp il-Kaptan it-Tajjeb” – “Il-Mument”, 8 ta’ Jannar 2012).  L-għan tal-politika għall-Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti kien biforkali: (i) l-ekonomija tibqa’ tikber u tiġġenera x-xogħol; (ii) il-pakkett soċjali ma jonqosx biex tingħata l-għajnuna lil kulmin ikun jeħtieġha.

            Li l-PN laħaq dawn l-għanijiet anqas l-avversarji politiċi ma jiċħduh.  U dan l-artiklu jagħtina bħala raġunijiet prinċipali l-attenzjoni, l-applikazzjoni u l-perseveranza tal-ex-Prim Ministru Nazzjonalista.  Dr. Lawrence Gonzi hu politiku kapaċi li għaraf minn qabel is-sinjali taż-żminijiet u ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa bil-għaqal kollu.  Kien sod f’dawn id-deċiżjonijiet għax bħala politiku nisrani hu dejjem iggwidat minn sejħat partikolari skont it-twemmin nisrani li jħaddan.
            Dr. Gonzi għandu virtujiet oħra, bħas-sabar u l-paċenzja, li kienu essenzjali biex ħareġ bl-unuri kollha kemm fi kwistjonijiet internazzjonali, kif ukoll fl-inkwiet intern, lokali.  U l-ġid li ħareġ mill-politika li ħaddem gawda minnu l-Pajjiż kollu.

            F’artikli oħra l-Onor. Carm Mifsud Bonnici jelenka l-ħidma li saret, bla ħafna daqq ta’ trombi, għas-sostenn tad-demokrazija f’Pajjiżna, mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern meta hu kien Ministru ta’ dan id-Dekasteru.  Din hi ħidma li kienet tindirizza lis-soċjetà Maltija kollha kemm hi, u li toffri bażi biex is-soċjetà Maltija tibqa’ ttejjeb il-livell tal-għixien tagħha.  Dr. Carm qagħad attent biex fit-tfassil tal-Liġijiet ma jkun hemm xejn li jmur kontra r-regoli tal-ħajja; kontra n-natura umana.

            Biex jissaħħaħ it-tessut demokratiku tal-Pajjiż il-PN waqqaf l-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, u l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.  Saru emendi għal ċerti Liġijiet biex jiżdiedu t-trasparenza u d-demokrazija (“It-Tessut Demokratiku” – “Il-Mument”, 23 ta’ Mejju 2010).  Bħala Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, Dr Mifsud Bonniċi ta sehem sħiħ f’dan ir-rigward.  Waqqaf b’Liġi ċ-Ċentru tal-Medjazzjoni.  Ħadem ukoll bla heda biex ġiet fis-seħħ il-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi.

            Ħadem ħafna ukoll fil-qasam tal-Immigrazzjoni Irregolari (“Is-Settur tal-Immigrazzjoni” – “Illum”, 15 ta’ April 2012).  Taħt l-amministrazzjoni tiegħu saru avvanzi kbar f’ħafna punti għall-ġid tal-immigranti u tal-poplu Malti wkoll.  Malta ffirmat il-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil, li permezz tiegħu ġie mwaqqaf l-Uffiċċju tal-Ażil u ppustjat f’Malta.  Il-politika li ħaddem l-Onor. Mifsud Bonnici kienet tinkludi kemm ripatrijazzjoni kif ukoll integrazzjoni, biex hekk din l-isfida kienet tkun tista’ tittraduċi ruħha f’opportunità.  Kienu diversi l-pajjiżi li fehmu din il-politika u għenu lil Malta billi ħadu għadd ta’ immigranti irregolari fit-territorju tagħhom biex jibdew ħajja ġdida.

            Meta wieħed jaqra u jixtarr sewwa l-artikli li hawn miġbura f’dan il-ktieb ikun qed jeduka ruħu dwar politika tas-sewwa; dik il-politika li l-poplu jeħtieġ biex ikun jista’ jiffaċċja l-isfidi b’suċċess.  U dan jiswih ġid għall-arrikkiment tal-personalità tiegħu.  Imma wkoll iservih bħala għodda biex jagħraf min huma l-politiċi ppreparati li jeħtieġ il-pajjiż, li huma kapaċi jifhmu dak li jkun qed iseħħ madwarhom u jsibu s-soluzzjonijiet li, għalkemm kultant ma jidhrux sbieħ, ikunu d-deċiżjonijiet li jkun jeħtieġ il-pajjiż.


(N.B. L-Onor. Dr. Carm Mifsud Bonnici qiegħed għadd ta’ kopji ta’ dan il-ktieb fil-ħanut tal-PIN, il-Blata l-Bajda.  Min jixtieq kopja jista’ jakkwistaha minhemm, u kull donazzjoni li tingħata tmur għall-Partit Nazzjonalista).

21.7.13

Is-serjetà u l-verità ħarġu mit-tieqa.



1.         Nhar l-Erbgħa għalaqna s-seduti parlamentari għas-sajf li qegħdin diġà fih.  Nibdew f’Ottubru b’xahrejn u nofs bejn perjodu u ieħor.  L-aġġornament huwa fost l-itwal li qatt kellna.  Dan żgur f’kuntrast ma’ dak li konna smajna.  Kienu qalulna li tant kienu preparati, tant kellhom “road maps”, tant pjani u miżuri li ser idaħħlu malajr malajr.  Issa, minflok, bdejna naraw id-differenza bejn dak li qalu u dak li qed iwettqu.  Kuntrast ikbar meta nikkunsidraw kemm kienu tkażaw bina għax sena minnhom kellna aġġornament li kien itwal minn tas-soltu.  Il-poplu qiegħed issa jibda jmiss u jqis dak li jingħad u dak li jsir effettivament mill-Gvern.  Iqis is-serjetà tiegħu u kemm jorbot lilu nnifsu li jgħid il-verità.

2.         Huwa ċar għal diversi li l-Gvern, fl-abbundanza ta’ ministri li għandu, qed jibgħat messaġġi mħallta.  Fuq naħa jidher li hemm min minn fosthom li qiegħed jipprova serjament ifendi ‘l quddiem u oħrajn li huma kompletament mitlufa.  F’ċertu sens, dan l-aġġornament twil huwa riżultat tal-fatt li l-Partit Nazzjonalista f’dawn ix-xhur irnexxilu jkun dak li mmira għalih.  Irnexxilu jkun Oppożizzjoni b’saħħitha.  Kważi kull ġimgħa, il-bank tal-Oppożizzjoni ġieb lin-naħa tal-Gvern f’diffikultà.  Id-domandi parlamentari sari u laqtu f’ħafna miri.  Id-dibattiti, l-aġġornamenti kienu effettivi.  Il-Gvern sab ruħu, f’ħafna mumenti, f’sitwazzjonijiet diffiċli u kumplikati li ma ħariġx tajjeb minnhom.

3.         Ma’ kull jum li jgħaddi minn din il-leġislatura hemm proċess inevitabbli li l-Gvern irid iwieġeb għal dak li qed iwettaq u ma jibqax jinħeba wara dak li suppost sab ħażin.  Il-pajjiż fir-realtà għadu qiegħed jifhem dan it-tibdil fix-xenarju.  Għadu qiegħed jibda jinduna li s-serjetà u l-verità, li tant smajna bihom, m’humiex proprju hemm.  Ġew meħuda diversi deċiżjonijiet li kienu żbaljati u bagħtu messaġġi xejn tajba f’setturi varji.  Il-fatt li ċ-Ċivil f’ħabta u sabta nqaleb ta’ taħt fuq ma niżel tajjeb xejn.  It-tneħħija tal-Kap taċ-Ċivil, li serva b’intelliġenza, flimkien ma’ dik tas-Segretarji Permanenti li servew huma wkoll lill-poplu kollu kien assolutament żbaljat.  Bħal ma kien dak li tneħħew diversi Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fix-xejn.

4.         L-Istat Malti, f’ħakka t’għajn tilef mill-kontinwità u l-esperjenza tagħhom li huma tant neċessarji sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.  Mhux biss, imma ntbagħat barra u ġewwa l-istess Ċivil il-messaġġ ċar li tista’ timxi ‘l quddiem fil-karriera mhux skont l-abbiltà tiegħek, imma skont l-opinjoni politika.  Dan rajnieh f’diversi setturi.  Trasferimenti varji, mingħajr spjegazzjoni salv dik li dak li jkun m’huwiex tal-qalba.  Kollox sar mingħajr ebda forma ta’ mistħija, anzi sar bis-saħħa u bl-arroganza ta’ min iħossu invinċibbli fil-poter.  Ta’ min iħossu li għandu dritt li jwettaq azzjonijiet bħal dawn fuq oħrajn għax il-poplu tah mandat elettorali qawwi.  Għandu l-poter tal-Istat u jista’ jeżerċitah kif irid u kif jogħġbu.

5.         Il-poplu jinnota dan kollu.  Qiegħed jinduna li d-diskors li ngħad qabel fil-kampanja elettorali kien biss paraventu.  Hemm diġà min għażel li jkun parti minn dik il-maġġoranza li ntlaqat direttament minn dan l-aġir.  Dan it-timbru li jmur kontra kull serjetà governattiva, kontra kif wieħed għandu jmexxi poplu sħiħ ‘il quddiem issibu anke fejn ma tippretendix.  Fil-fatt, tul il-ġimgħa, aħna mill-Oppożizzjoni vvutajna kontra liġi li ser tippermetti li numru ta’ membri parlamentari tal-Gvern li ma laħqux ministri jinħatru f’postijiet li m’għandhomx ikunu maħtura fihom.

6.         Għaddew f’dawn il-jiem liġi malajr malajr sabiex issa membru parlamentari tal-Gvern ikunu jistgħu jaħtruh f’numru ta’ kumitati bħal dak tal-Kunsill tal-Ilsien Malti, jew f’dak tal-Artiġjanat.  Dawn huma kumitati maħtura bil-liġi u li huma magħmula għal dawk li jifhmu verament fis-suġġett u intenzjonati sabiex iġibu s-soċjetà ċivili fihom.  Issa minflok, ser jiżżattu fihom membri parlamentari.  Il-Gvern, mingħajr ebda forma ta’ mistħija, irid jara kif ser jippremja lil dawk li ma ħadux rigal u sab dan bħala mezz.  L-istess qiegħed, sfortunatament, iseħħ b’iktar gravità fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.  Ma’ kull ġurnata qegħdin niskopru li minn Kastilja ħadu deċiżjoni ħażina oħra u jkunu ħatru lil min m’għandux isib ruħu ambaxxatur.  L-impatt ta’ dawn l-esperimenti ser iservu biex nitilfu fl-esperjenza, fis-serjetà u fl-abbiltajiet ta’ diversi li servew fil-Korp Diplomatiku b’tant attenzjoni għal pajjiżna.

7.         Il-pajjiż kien qed jippretendi ferm aħjar minnhom.  Nittamaw li dawn l-għaxar ġimgħat sħaħ ta’ aġġornament iservu sabiex il-Gvern jaħsibha sew, jindem u jinduna li tul dawn l-erba’ xhur irnexxielu jixħet barra mit-tieqa s-serjetà u l-verità u jibdel egħmilu.



16.7.13

Kwistjoni ta’ demokrazija



1.         Dak kollu li sfortunatament seħħ tul din il-ġimgħa f’pajjiżna marbut mal-immigrazzjoni irregolari jitlob riflessjoni.  F’dan is-settur, b’mod partikolari l-konfrontazzjoni, ma twassal għal ebda forma ta’ soluzzjoni.  Aġir li jaħrab mill-binarju ta’ diskussjoni, u finalment ta’ persważjoni, huwa żbaljat.  Min, minflok, jidħol għall-proċessi li d-demokrazija tagħtih jagħżel li jimponi fuq ħaddieħor, ikun qiegħed iressaq proposta li qatt ma tista’ sseħħ.  Illum, anzi b’mod partikolari, għandna nifhmu kemm kienet deċiżjoni tajba li dħalna fl-Unjoni Ewropea.  Ngħid dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, għax mingħajr il-qafas legali li qegħdin fih kien ikun hemm min, bil-poter f’idejh, imur lura lejn aġir anti-demokratiku u t-tieni, għax permezz tagħha nistgħu nkomplu nsibu tarf u soluzzjoni għall-kumplikazzjonijiet li l-immigrazzjoni irregolari u l-ażil iġibu magħhom.  Sfida li nfakkar li bdiet qabel dħalna fl-Unjoni, u mhux wara.

2.         Allura hija, żgur mhux forsi, politika kundannabbli li b’xi mod politiku jittanta ruħu li jitkellem f’termini, f’lingwaġġi, li jagħti pjaċir lil min huwa fuq il-lemin estrem.  Min huwa elett bil-proċess tad-demokrazija moderna u avvanzata tagħna ma jistax imur lura lejn metodi dittatorjali.  Kull min qara l-istorja jaf li minn dawn it-tipi ta’ responsabbiltajiet twieldu traġedji kbar li welldu massakri u ġenoċidji.  It-tieninett, fl-Unjoni Ewropea wieħed irid ikollu l-ħin kollu id-determinazzjoni u l-preparazzjoni biex jifhem u jċaqlaq pajjiżi oħra lejn linja politika jew oħra.  Biex dan isir, kull gvern tal-ġurnata jrid jassigura li l-Ministri tiegħu, id-diplomatiċi tiegħu jkunu preparati u ffurmati biex jaħdmu fuq dik il-linja.  Kif dan jibda jsir, allura tibni rapport ta’ diskussjoni u, fuq kollox, fiduċja li jwelldu riżultati tajba.

3.         Għalhekk kien żball oħxon ieħor li tiġġieled proprju mal-Kummissarja attwali Cecilia Malmström.  Fil-ħames snin li għaddew pajjiżna kellu, għax ħadem għalih, rapport dirett l-ewwel mal-Kummissarji li kienu responsabbli għall-immigrazzjoni; u t-tieni, ma’ diversi ministri ta’ pajjiżi oħra.  Appena laħqet Kummissarja Cecilia Malmström, għażlet li l-ewwel vjaġġ tagħha jkun f’pajjiżna proprju biex tara b’għajnejha dak li konna għaddejjin minnu.  It-tieni, kienet hi li f’diversi mumenti insistiet ma’ stati oħra li pajjiżna għandu sitwazzjoni partikolari u li għandhom jidħlu biex ikunu solidali magħna.  Niftakar li, fl-aqwa tal-kriżi tal-gwerra ċivili Libjana, iffissat laqgħa apposta biex iktar stati jidħlu jaħdmu fil-programm ta’ rilokazzjoni.  Dak il-programm, li permezz tiegħu f’dawn is-snin madwar 800 ruħ bdew ħajja ġdida fi stati varji fl-Unjoni Ewropea.  Malmström qatt ma kienet kontra tagħna u ma nistax nifhem għalfejn kien hemm min ħass il-bżonn li jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt.  Stima tagħti lill-ħbieb, mhux disprezz.

4.         Il-gravità ta’ dan tikber meta wieħed iħares lejn x’jista’ jagħmel legalment pajjiż.  Wara l-aħħar sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, preċiżament ta’ Hirsi Jamaa, l-affarijiet inbidlu.  Inqatgħet kompletament barra l-possibilità li persuni jiġu mibgħuta lura f’pajjiżhom meta interċettati fuq il-baħar, wisq u wisq inqas li tibgħathom lura qabel ma tara jekk għandhomx dritt għall-istatus tal-ażil jew umanitarju.  Dan ix-xenarju l-Gvern għażel li jinjorah kompletament u ħa l-passi preparatorji li ra neċessarji biex jibgħat lura persuni li l-applikazzjoni tagħhom kienet għadha mhux proċessata.  Kumplikazzjoni żejda u aġir li huwa legalment arroganti.  Il-Gvern kien jaf biha din il-pożizzjoni u webbes rasu fix-xejn.  Il-konsegwenzi li ġieb fuqu u fuqna huma agħar.  L-ewwel, is-sitwazzjoni legali ġiet ferm aktar gravi fuqna għax dik il-Qorti ħarġet ordni li aħna bilfors irridu nobdu li dawn il-persuni għandhom jibqgħu hawn; it-tieni, ġiebet il-kundanna ta’ diversi organizzazzjonijiet, mezzi tax-xandir u politiċi u t-tielet, ser iġġib għada pitgħada diversi organi Ewropej hawn jinvestigaw x’sar sewwasew u għala kien ser isir.

5.         Minn dak li ġara nżilna ‘l isfel sew fl-iskaluni li rridu nitilgħu.  Tlifna vantaġġi li konna ksibna u f’ħafna, speċjalment fil-fiduċja, irridu nibdew mix-xejn.  Ngħid dan għax ma kinetx assolutament faċli għalina fl-aħħar leġislatura.  Kellna ferm iktar persuni li ġew u li llum m’għadhomx hawn mis-sempliċi 300 ruħ li waslu issa.  L-isfidi kienu ferm ikbar.  Qattajt ferm iktar sigħat imqajjem mal-lejl tul mhux ġimgħa, imma snin u ma qagħadtx nitbekka barra, wisq inqas inqajjem lill-Prim Ministru tiegħi.  Ma kellniex biex inwieġbu għal dak li ġie fuqna.  Imma rnexxielna, anki jekk kellna attakki varji, żleali u inġusti tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.  Meta spiċċajt minn Ministru, is-sitwazzjoni kienet kompletament differenti minn kif kont bdejt fil-bidu.  Hemm lista twila ta’ tibdil li sar u ħafna minnu sar mertu ta’ fondi li kien irnexxielna niġġieldu għalihom li waslu mill-Unjoni Ewropea.  Fuq kollox irnexxielna nġibu mekkaniżmu li ħadem għar-rilokazzjoni ta’ persuni minn pajjiżna għal pajjiżi oħrajn.

6.         Tul dawn is-snin dħalna fi programmi ta’ rilokazzjoni lejn l-Ewropa u lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.  Taħt din il-ħidma ġew rilokati madwar 2,100 persuna.  Dawn, speċjalment familji, sabu assistenza minn pajjiżi oħra b’fondi varji sabiex jibdew ħajja ġdida.  Ġew mogħtija minn dawn il-pajjiżi post fejn jgħixu, fejn jaħdmu, fejn jibgħatu lil uliedhom l-iskola u fejn jingħataw servizzi mediċi.  Proċess li mhu faċli assolutament xejn.  Iktar u iktar meta nafu li biss biss, fl-Unjoni Ewropea kollha, kien hemm ‘il fuq minn 333,000 persuni li applikaw għall-ażil u għalhekk kull pajjiż kellu l-isfidi partikolari tiegħu.  Imma pajjiżna kellu diġà s-sodisfazzjon li sab soluzzjoni umana għal problema umana.  Jekk irridu nħarsu ‘l quddiem, irridu bilfors inkomplu naħdmu sabiex dawn il-programmi jikbru u jissudaw.  Gvern demokratiku m’għandux alternattivi oħra.

7.         Ir-riżultat ta’ dawn il-passi żbaljati li wettaq il-Gvern, fejn kull persuna kompliet tqum ixxomm it-tè jew il-kafè, ħallew effetti ħżiena ħafna għalina.  L-ewwel, rajna tnaqqis mir-rispett lejn id-demokrazija u lagħabna b’ideat tal-lemin estrem, tad-dittatorjati passati; it-tieni, ġeja li aħna pajjiż li lesti li naraw id-drittijiet fundamentali jinkisru għax hekk jaqbel; it-tielet, tlifna fil-kredibilità tagħna; ir-raba’, ħattejna dak kollu li kien inbena tajjeb qabel; il-ħames, daħħalna allarmiżmu żejjed fost il-poplu, qabbadna nar ta’ xenofobija u razziżmu.  L-agħar hu li qabbadna mewġa ta’ kunflitt, tgħajjir li jfakkrek fi żmien Martin Luther King jew fi Pretorja ta’ żmien l-apartheid.  Huwa ċar li l-famuż “interess nazzjonali” mar il-baħar waħda sew.  Il-Gvern, li tant kien żleali fl-Oppożizzjoni u kien jattakkana fuq dan, minflok għamel xi ħaġa mar kompletament lura u dan issa proprju kontra l-interess nazzjonali.

8.         Il-pajjiż laqqat daqqa ta’ ħarta kbira, ma hemmx dubju, u ser ikollna diffikultajiet ferm u ferm iktar minn qabel biex nerġgħu nibdew it-triq.  L-Oppożizzjoni hija verament inkwetata sew fuq dan, proprju għax taf il-konsegwenzi.  Biss, id-diskors tal-Kap tagħna Simon Busuttil kien ċar ħafna.  M’aħniex ser niżbaljaw bħalma għamel il-Partit Laburista u nikkonfrontaw fuq problema li qatt ma kellha tkun hekk.  Aħna nafu li hija politika żbaljata, bħalmakien jaf ukoll Alfred Sant li ġġib l-immigrazzjoni irregolari fin-nofs.  Bnedmin jibqgħu bnedmin, ser jibqgħu jaħarbu mill-gwerer u ser jibqgħu jippruvaw jaħarbu l-persekuzzjoni u dan ħadd m’huwa ser iżommhom.  Din hija r-realtà u jkun ħmar min jaħseb il-kontra.  Illum, proprju fil-jum li l-Franċiżi jiċċelebraw bħala dak tal-libertà u l-fratellanza, il-Gvern għandu iktar minn qabel il-ballun f’saqajh.  Irid jitlaq billi jiskuża ruħu, ifiehem il-verità lill-poplu, jixrob it-tè u l-kafè mingħajr zokkor u jerġa’ jibni dak li konna bnejnilu aħna.  Soluzzjonijiet faċli ma hemmx, biss irid jassigura li l-proġett ta’ rilokazzjoni jkompli jaħdem u jiżdied.  Fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni ta’ demokrazija, ta’ dinjità umana, ta’ drittijiet fundamentali li aħna rridu nassiguraw li jibqa’ jkollna fuq dawn il-gżejjer.

7.7.13

Il-biżgħat għall-futur ekonomiku ta’ ulied uliedna



1.         Għadda l-aħħar Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju.  Mar il-Prim Ministru, ġie lura, saret stqarrija parlamentari u komplejna bil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Biss, hemm numru ta’ punti li jimmeritaw riflessjoni sabiex wieħed imexxi lilu nnifsu ‘l quddiem u jsib x’inhuma d-deċiżjonijiet żbaljati li aħna għandna naraw li naħarbu.  Ħadd, żgur, ma jista’ jkun profeta f’dan is-settur tant delikat u li fih, fi ftit sigħat, imperi finanzjarji jikkrollaw.  Imma dan, fuq in-naħa l-oħra, ma jfissirx li m’għandniex nidħlu sabiex nanalizzaw u naħsbu f’dak li ġej għalina.  Naħseb li l-Ewropa tal-Unjoni tat-tmienja u għoxrin għaddejja minn diffikultajiet li jitwieldu minn numru ta’ punti.  L-ewwel, hemm bżonn ta’ viżjoni aqwa ta’ dak li aħna u lejn dak li aħna għandna mmorru lejh.  It-tieni, il-bżonn ta’ użu u, fl-istess ħin, spazju aqwa tal-ħidmiet tagħna li permezz tagħhom nistgħu nispiraw fiduċja fil-futur.  It-tielet, it-tneħħija ta’ biżgħat żejda li qed jaqtgħu barra l-fiduċja tal-bniedem fil-futur tiegħu u fl-abbiltajiet tiegħu li jibdel l-affarijiet.  Ir-raba, ma hemmx analiżi verament fonda u serja ta’ dak li d-dinja sejra tkun fis-sena 2030 u wara fl-2050.

2.         Għal dawn l-aħħar sitt snin, l-awsterità ekonomika kienet l-ordni tal-ġurnata.  Il-mazz, f’ħafna mumenti, ħareġ minn idejn il-mexxejja politiċi Ewropej.  Il-politika ekonomika li kienet ħolqot il-kriżi kienet u għadha sal-ġurnata tal-lum tiddetta s-sitwazzjoni.  F’diversi ġranet u Kunsilli, ir-reazzjoni kienet dik ta’ dawk li mhumiex ilaħħqu ma’ dak li ħaddieħor kien qed jeħodhom għalih.  L-ekonomija tas-suq li jirregola lilu nnifsu, għalkemm għamlet tiġrif u ħerba, reġgħet sabet lilha nfisa tiġi dettata lura.  Dawk li emmnu fiha u rawha tikkrolla għadhom ma jistgħux jemmnu li falliet u jridu bilfors jerġgħu jintroduċuha biex, skont huma, “tirnexxi”.  F’ħafna sens, wieħed seta’ jerġa’ jsib lilu nnifsu jiftakar fid-diversi soċjalisti u komunisti li, quddiem il-falliment ċar tal-Unjoni Sovjetika, baqgħu jgħidu li  mhux dak li qalu Marx u Lenin li kien ħażin, imma dawk li ppruvaw jimplimentawh.

3.         Mingħajr ma ħafna li jaħdmu u jħallsu t-taxxi fi l-ġurnata ta’ kuljum tagħhom jindunaw, hemm fatturi, hemm istituzzjonijiet li qegħdin iktar jiddeterminawna.  Iktar ma wieħed jaqra, iktar wieħed jifhem x’sehem il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jew il-Bank Dinji (World Bank), ‘l hekk imsejħa kumpanniji tal-“credit rating”, qed ikollhom.  Deċiżjonijiet ekonomiċi qed jiġu, diversi drabi, dettati minn dak li jgħidu, jħabbru, ibassru jew jagħtu pariri huma.  M’hemmx bżonn taqra aktar minn dak li persuni bħal Joseph Stigliz u oħrajn bħalu jgħidu biex tifhem li f’dawn l-aħħar tletin sena hemm storja sħiħa ta’ nuqqas ta’ suċċessi.  Ta’ deċiżjonijiet żbaljati meħuda minn dawn l-istituzzjonijiet li wasslu għal diżastri ekonomiċi.  L-aħħar każ tal-Greċja huwa ċar u tond quddiemna.  Il-miżuri ta’ awsterità li nħolqu, li ġew dettati, ma wasslux għal tkabbir jew tibdil, imma ġiebu iktar miżerja f’poplu li ma jixraqlux li jiġi b’xi mod imċekken.

4.         F’diversi kriżijiet ekonomiċi hemm dejjem dawk li jaqgħu fl-iżball li, flok ifittxu fihom infushom kif joħorġu minnhom, jispiċċaw imorru għand ħaddieħor.  L-esperjenza kontinwa ta’ dawn is-snin qegħda turi li min qiegħed fil-pajjiż jaf ferm iktar minn min jiġi minn barra u jistabbilixxi programmi li ma jistgħux jiġu mwettqa.  Diversi kienu diġà jafu li dak li kien qiegħed jiġi dettat lill-Greċja kien ser iwassal għal xejn tkabbir imma sempliċement għal iktar awsterità.  L-effett però fl-Unjoni Ewropea ma kienx limitat għal dak il-poplu, imma nfirex fuq diversi oħrajn.  In-nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku effettwa diversi oħra u s-suq sħiħ Ewropew.  L-attakk li seħħ wera li l-kontroll tal-ekonomiji nazzjonali u Ewropej faċli jinħareġ minn idejn dawk li qed jgħixuh u jsir strument ta’ esperimenti li, sena wara sena, ma jirnexxux.  Ħafna huma d-drabi meta smajna l-Fond Monetarju Internazzjoni jiskuża ruħu f’dak li ppropona u ma rnexxiex.  L-iskużi huma tajba, imma l-effett u l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet qed iħallsuhom iċ-ċittadini Ewropej.

5.         Fl-aħħar Kunsill Ewropew kien hemm attentati sabiex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi li daħlet u daħħluha fiha bi proposti u direzzjonijiet ġodda.  Dan huwa tajjeb għax hemm bżonn li jkun hemm tmexxija politika vera: waħda li tħares ‘il quddiem.  Imma kemm dan iseħħ, għandi d-dubji tiegħi.  Fil-paragrafu 4 nsibu: “Member States will now translate the recommendations into their forthcoming decisions on budgets, structural reforms and employment and social policies, while promoting full national ownership and preserving social dialogue. The Council and the Commission will closely monitor their implementation. The Council will regularly discuss and assess the economic situation in Europe.”  Dan żgur huwa tajjeb u bilanċjat, biss min ser jiġi bir-rapporti mhuwiex ser ikun politiku, imma mrawwem fid-dinja ekonomika li sfortunatament, wara tant snin, għadha taħseb li s-suq isuq u jirregola lilu nnifsu.

6.         Nittama li l-iskrutinju ma jkunx iktar imnebbaħ minn ideat ta’ politika ekonomika li l-passat juri li ma rnexxietx.  Dan l-attentat sabiex ikun hemm riformi ekonomiċi f’pajjiżi marbuta, l-ewwel: ma’ tmexxija, direzzjoni nazzjonali tagħhom; it-tieni, minn djalogu soċjali; u t-tielet, li wieħed jikkunsidra b’ferm iktar importanza l-effetti tad-deċiżjonijiet fuq il-bnedmin fil-kwalità tal-eżistenza tagħhom huwa determinanti għall-futur tagħna.  Għaddejna minn sitt snin ta’ deċiżjonijiet immexxija minn awsterità żejda.  Awsterità li l-effett tagħha kien li naqqas l-iżvilupp, naqqas il-progress u naqqas fit-tama li kull bniedem għandu jkollu fil-futur tiegħu.  Dan il-perjodu serva sabiex rabba l-ħsieb ta’ ġenerazzjoni li għandha l-biża’ li se tkun agħar milli kienet.

7.         Id-deċiżjonijiet li ġejjin huma determinanti għall-Unjoni Ewropea f’diversi biċċiet li nittama li, fl-artikoli li ġejjin, inkompli nittratta.  Huma importanti minnhom infushom, imma iktar minn hekk irridu bħala politiċi nerġgħu nieħdu lura ħafna mill-mazz tad-direzzjoni li rridu nieħdu.  Rajna ħafna żbalji jsiru.  Uħud rajna,  oħrajn le.  Uħud sibna ruħna sfurzati fihom, oħrajn ġibnihom fuqna.  Biss l-Ewropa, u aħna fiha, trid tirrifletti iktar u tagħraf li jekk ma taqbadx ekonomija u tirrispetta ‘l-bniedem, li tkun għas-servizz tiegħu, tiżbalja.  L-Ewropa qegħda titlef għal swieq oħra li qed jikbru b’saħħa ikbar, qed titlef mill-mobilità interna tagħha.  Mhux qed tħares li tipprevedi u taffronta l-isfidi li ġejjin, imma xorta waħda hija art ta’ futur li kapaċi toħroġ minn dak li hi biex tagħti ħajja aqwa għas-snin li ġejjin.


IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...