23.7.08

Il-Polonja tilfet patrijota

1. Fid-dinja moderna fejn il-ħajja hija okkupata u dominata mill-mezzi ġodda, nisimgħu f’numru ta’ drabi bl-aħbar li persuni tilfu ħajjithom traġikament. Minkejja li għandna nkunu drajna, xorta waħda, ibda minni, nibqgħu niddejqu u nieħdu qatgħa meta nisimgħu b’aħbarijiet simili. Stramba iktar għalija li ma nistax norbot ħajja ta’ bniedem fil-letteratura, fil-politika, fil-liġi, fit-teoloġija, fl-istorja ma’ mewta simili. Għadni ma naċċettax li Albert Camus, Thomas Merton, Antoine de Saint Exupéry u Alexander Dubček fost diversi oħrajn, li raw ħajja mimlija tant b’ideat u b’kitba b’pedament kulturali jispiċċaw il-kapitolu tagħhom f’din id-dinja b’dan il-mod.

2. Hekk ħassejtni għal darb’oħra tul din il-ġimgħa bl-aħbar tal-mewt verament traġika ta’ Bronislaw Geremek. Geremek kien persuna mill-iktar ġentili, intelliġenti, storiku bin l-art ġentili u twajba tal-Polonja. Bniedem li mpenja ruħu ma’ diversi oħrajn sabiex il-ħakma komunista tintemm. Kien hu, għal ħafna żmien, li mexxa id f’id ma’ Lech Walesa sabiex il-moviment Solidarnosc jieħu u jagħti l-libertà u l-ġustizzja. Ir-rabta ta’ pajjiżna ma’ dak huwa marbut b’tant qawwa għax proprju fil-jum meta fit-13 ta’ Diċembru 1981 il-Ġeneral Wojciech Jaruzelski daħal sabiex bil-militar jerġa’ “jirrestawra” r-rivoluzzjoni Soċjalista, aħna konna qed naraw il-ġurament ta’ Gvern li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu warajh.

3. Il-Professur Geremek kien wieħed minn dawk li ser iħalli warajh patrimonju ta’ aġir pożittiv. Wieħed li permezz tiegħu nbidel drastikament ix-xenarju politiku għal dak il-poplu nobbli u nisrani. Illum, mertu f’parti kbira tiegħu, il-pajjiż daħal membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, tan-NATO u ta’ l-Unjoni Ewropea. Żgur li ħadd ħlief uħud żgħar kienu jittamaw jew joħolmu fl-1981 li dan seta’ jseħħ. Però l-ħidma pożittiva tiegħu, anki fil-mumenti meta taħt dak ir-reġim spiċċa l-ħabs arrestat għall-ideat politiċi tiegħu, tibqa’ mniżżla fl-istorja. Għax il-bniedem li ħabb il-libertà għall-oħrajn sab ruħu mċaħħad minnha.

4. Kelli okkażjoni li niltaqa’ miegħu darbtejn f’ħajti. Biss naħseb li l-aqwa kienet meta kont attendejt għall-konferenza li tiġbor id-demokraziji ġewwa Varsavja li saret fis-26/27 ta’ Ġunju 2000. Ikolli ngħid kien l-ogħla mument għalih li, f’karriera politika li sabitu jokkupa l-post ta’ Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, kellu s-sodisfazzjon jara d-demokraziji anzjani, żagħżugħa u li għadhom qed jissudaw jinġabru f’pajjiżu. Kien hemm sens ta’ rivendikazzjoni qawwija f’diskorsu x’ħin elenka b’mod mill-iktar ċar li l-Polonja kellha għal żmien twil f’qalbha sentimenti demokratiċi qabel it-Tieni Gwerra Mondjali. Kull min imur lura lejn dik id-dikjarazzjoni jara ġabra ta’ prinċipji li jiffurmaw kważi bażi ġdida għal dan is-seklu.

5. Ma nistax ngħid li kont naqbel mal-ħsibijiet kollha tiegħu. Bażikament jibqa’ liberali mhux demokristjan, però dan ma jfissirx li ma nistax ma nsellimlux għall-mod determinanti li bih biddel it-triq pollakka. Anzi, għandi nirrikonoxxi li kien vuċi għal-libertà mhux biss f’pajjiżu, iżda kull fejn kien jara li hemm ċaħda. L-aħħar diskorsi tiegħu fuq is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe jixirqu attenzjoni partikolari. Għax kien politiku onest, rett, leali. Kellu dak is-sens ta’ missjoni favur kull kalpestar tad-drittijiet umani. Baqa’ għalhekk idealista, forsi f’mumenti utopiku wkoll. Bniedem li jrid jissielet mhux bil-forza, iżda bir-raġuni. Għax ir-raġuni ma tridx forza u l-forza ma għandhiex bżonn tar-raġuni.

6. Bronek, kif kienu jafuh sħabu, miet traġikament huwa u jaqbeż karozza bil-vettura Mercedes antika li kellu f’Poznan, milli stajt nifhem huwa u sejjer lejn laqgħa tal-Parlament. Kellu 76 sena, però baqa’ attiv politikament u intellettwalment sa l-aħħar. Il-Polonja tilfet patrijott, biċċa oħra mill-istorja iebsa tas-soċjaliżmu Sovjet telqet. Ġenerazzjoni li batiet sew – waħda li tat eżempju lill-oħrajn. Ismu jinżel ma’ l-eroj l-oħra bħal ma huma dak ta’ Alexander Dubček, il-patrijott Ċekoslovakk li huwa wkoll tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku. Ma hemmx dubju li jibqa’ eżempju. Wieħed li juri li r-raġuni verament ma trid forza ta’ xejn.

14.7.08

Il-Programm tal-Gvern Beda

1. Ma tgħaddix ġimgħa li fiha l-poplu ma jiġix infurmat bil-passi u miżuri li dan il-Gvern qiegħed iressaq għall-konsiderazzjoni tiegħu. Waħda wara l-oħra, b’direzzjoni ċara – dik li trid tkompli tikber u tirriforma dak li għandna. Nafu li l-ħin jgħaddi malajr, leġislatura ttir minn idejk sakemm mill-bidu nett tagħha ma titlaqx fuq programm ta’ ħidma li tista’ tintlaħaq. Mhux tlaħħaq int biss, imma li tippermetti lil min irid isegwi li jifhem u jidħol fi spirtu parteċipattiv.

2. Dawn is-snin ibbażajna l-politika tagħna fuq id-djalogu, u sewwa għamilna. Però altru għoxrin sena ilu u altru fil-mument tagħna. Inbidlu ż-żminijiet għax il-mezzi ta’ komunikazzjoni kibru u kotru, tant li ma għadniex bil-pass ta’ veloċità ta’ qabel. Biss dan waħdu la biddel u anqas jista’ jdawwar il-punt fundamentali li l-pajjiż irid ikun infurmat sew. Ikollu l-fatti quddiemu u jkollu wkoll spjegazzjoni ta’ dak li nkunu qed nipproponu li jsir. Pajjiż mgħarraf u parteċipattiv iżid fil-valur tad-deċiżjoni politika, ekonomika, soċjali u nazzjonali li trid tittieħed.

3. Mhux biss il-kontenut jitla’ ’l fuq iżda anke l-implimentazzjoni tiegħu. Għax hemm ukoll l-għarfien li aktar ma ċ-ċittadini tagħna jifhmu dak li qed isir għax huma parti minnu, iktar id-dħul fis-seħħ tiegħu jsir tajjeb. Minn meta tlaqna f’din il-leġislatura ħadna ħsieb li nidħlu għal numru ta’ proġetti li jixraq li l-pajjiż jimbarka fihom. Jixraq għax irridu l-ħin kollu jkollna ċar quddiemna li nagħmlu minn dan il-pajjiż dak li għandu jkun. Dak li għandna nistennew u mhux ikunu kuntenti b’dak li għandna b’biża’ konservattiva li żżommna fejn aħna.

4. Tul dawn l-aħħar ġimgħat il-pajjiż daħal għal proċess iktar qawwi ta’ tisħiħ tad-demokrazija tagħna. Dan sar fi tlett passi determinanti. L-ewwel, il-bidu tad-dibattitu parlamentari fuq il-liġi li trid tagħti strutturi ġodda lill-amministrazzjoni pubblika. It-tieni, d-dibattitu parlamentari fuq iktar libertà ta’ informazzjoni governattiva. It-tielet, il-proposta tat-twaqqif ta’ kumitat b’membri taż-żewġ naħat tal-Kamra għat-tfassil aħjar ta’ x’kontenut demokratiku għandna u lejn x’hiex għandna mmorru.

5. Għalkemm dan jista’ jidher bħala “sempliċi” ħidma parlamentari normali, fir-realtà dan m’huwiex. Hawn, għall-ewwel darba f’kemm ilna li ħadna l-Indipendenza u fassalna l-bidla fundamentali tar-Repubblika Maltija, ser inkunu nistgħu nħarsu mill-ġdid lejn numru ta’ punti ta’ kif jaħdem il-Parlament, kif taħdem is-sistema ta’ kontrolli u bilanċi istituzzjonali. F’kelma waħda, f’dak li għandna fid-dokument kostituzzjonali li minnu jitfassal il-qafas ta’ dak li huwa għal qalbna. Il-libertà, il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali huma żgur tajba fil-kotba, però fihom valur meta mfassla f’mekkaniżmi umani li aħna nsejħu liġi li jiggarantixxu ħidmiethom. Għalhekk dan huwa proċess determinanti għas-seklu li ġej.

6. Id-determinazzjoni, il-perseveranza tagħna bħala Gvern, bħala poplu li nissudaw dak li għandna jiddependi dejjem iktar fuq kemm aħna ċari. Ċari li ngħarfu li ma nistgħux nieqfu. Ċari fuq dak li jagħmilna u jassiguralna l-futur fl-istabilità u l-paċi. Moħħ li jaf li jekk ma jaffrontax il-problemi pendenti ser jispiċċa jinħakem minnhom. Jekk ma naħsbux għall-quddiem b’kuraġġ ninħakmu mill-ewwel. Dan għandna naħirbuh billi naqbdu toroq ġodda. Dan hu l-programm li beda dan il-Gvern: wieħed li jissodana iktar bħala ċiviltà demokratika li għandna.

4.7.08

Il-Valuri Fundamentali tas-Soċjetà

1. Ħafna drabi nitkellmu fuq numru ta’ nuqqasijiet fis-soċjetà. Id-diskors fit-toroq u max-xtut, iktar u iktar issa li ġej is-sajf, ser żgur jiżdied b’iktar ħin għal dibattiti simili. Elenki u prijoritajiet, ma hemmx dubbju, li ser jiġu stabbiliti. Anzi nammira kemm persuni jiffurmaw opinjoni fuq ħaġa u oħra u ssibhom b’ġenerożità jgħidu lilek u lil xulxin x’għandu jagħmel il-Gvern fuq ħaġa u fuq oħra. Dan huwa materjal ta’ ideat u suġġerimenti li dejjem tajjeb li wieħed jikkonsidra u jgħarbel, anke jekk mhux neċessarjament jaqbel miegħu. Nifhem ħafna ċerta mentalitajiet, però jibqa’ dejjem fatt inkontestat li din hija demokrazija ħajja.

2. Id-demokrazija hija strutturata kostituzzjonalment fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza u għalhekk hija indiretta. Però altru l-liġi u l-proċedura tagħha u altru s-sustanza. Il-vuċi tal-poplu ma tistax tinżamm lura, iżda trid tingħata dejjem iktar spażju jekk kemm-il darba rridu nassigurawha. Il-passaġġ taż-żmien qiegħed juri iktar minn qabel li hemm mezzi ferm ikbar u diretti, l-ewwel, fejn wieħed jesprimi opinjoni, u t-tieni, li r-rabta bejn min jirrappreżenta u jiġi rappreżentat qegħda dejjem issir iktar viċina.

3. Għalhekk illum, f’dawn iż-żminijiet tat-teknoloġija u bis-sofistikar kollu tagħna ħloqna qafas organizzattiv li jersaq viċin ħafna lejn dak li ċiviltà fl-aħjar tagħha għandu jkollha. Imma hemm quddiemna f’dan il-mument żewġ konsiderazzjonijiet u cioè, l-ewwel, kif aħna nistgħu nibqgħu nassiguraw u niggarantixxu din il-linja ta’ ħidma u metodu ta’ deċiżjonijiet, u t-tieni, kif dak li jidher bħala sempliċi formaliżmu jiġi dejjem aġġornat u trasformat f’mezz effettiv ta’ direzzjonijiet. Fir-realtà dawn iż-żewġ punti huma interdipendenti għax is-sustanza u l-livell ta’ l-ideat fil-“vuċi tal-poplu” jassiguraw it-tnejn.

4. Il-ħidma f’din id-demokrazija parteċipattiva u indiretta tal-membri parlamentari tikber, tissoda u tagħti iktar frott skond kemm hemm ideat tajbin minn ħdan il-pajjiż. Il-verità llum hija li d-dittatorjati jmorru lura għax ma hemmx din iċ-ċavetta importanti fl-iskambju liberu u kostanti ta’ ħsieb. In-nixfa li tmexxi id f’id u konsegwenzjali lid-dittaturi hija l-kaġun tal-waqa’ tagħhom. Aħna li nemmnu iktar fil-valur tad-demokrazija li hija fundamentali għas-soċjetà, però nifhmu li jekk ma noqogħdux attenti anke s-sistema tagħna tista’ tinxef mill-ideat. Għalhekk id-demokrazija titlef kompletament mill-iskop tagħha u ssir sempliċi proċess mejjet.

5. Ninnota kull darba li ma hemmx biżżejjed viżjoni f’diversi fis-soċjetà. Ma nafx kemm qed nistaqsu lilna nfusna jekk kemm-il darba aħniex qegħdin immorru lejn sitwazzjoni li flok ninkoraġġixxu r-responsabbiltà, l-bżulija, s-sens ta’ sagrifiċċju, l-altruwiżmu u d-dixxiplina qed immorru direttament il-kontra. Aħna għandna min qiegħed jaħseb li l-libertà hija liberazzjoni mir-responsabbiltà lejn il-persuna li żżewwiġt, lejn l-ulied li ġġenerajt, lejn min ipprovdilek ix-xogħol, lejn l-organizzazzjoni sħiħa tas-soċjetà. M’aħniex niddiskutu l-problemi li jitqajmu fil-fond tagħhom, anzi hemm ċerta superfiċjalità. Mhux biss. Forsi sforz ta’ nuqqas ta’ bilanċ fil-forzi kulturali esterni bejn dik li tħares lejn il-viżjoni nisranija u dik li hija sekulari jew mingħajr paragun ta’ qabel, dik il-forza ta’ influwenza amerikana, ewropea, orjentali jew li trid, hemm ukoll tnaqqis ta’ dibattitu serju.

6. Ma nafx kemm qegħdin inħarsu u nistimulaw dibattiti iktar dettaljati fil-fond, fejn hemm mhux skambju superfiċjali ta’ ideat iżda sustanza iktar qawwija. Il-verità jfittixha kull bniedem, hija parti minnu, jista’ jaħrabha, jista’ jattribwixxi ħaġa bħala verità meta mhix, però l-kilba hemm qegħda. F’din is-soċjetà, issa li nħoss li qed nikkalmaw wara t-tsunami ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, hemm bżonn li jinbeda dibattitu għall-ġid tagħha mill-pedament. Mhux iktar superfiċjalità. Ideat għall-pjaċir tad-diversità, iżda ta’ riċerka f’dak li konna u li mexxiena ’l quddiem. Is-soċjetà demokratika tagħna tiddependi għall-eżistenza effettiva tagħha, l-ewwel minn kemm jirnexxilha żżomm livell għoli, u t-tieni, kemm nassiguraw li jikber fiha l-għarfien ta’ kif tifred l-opinjoni li twassal għall-ġid minn dik li twassal għad-deni. Għandna ninvestu iktar fil-valuri fundamentali tas-soċjetà – dawk li jkabbruna u jiggarantulna użu tajjeb ta’ l-intelliġenza tagħna.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...