20.10.15

IL-FGURA – TRIQ HOMPESCH – BUS STOP


 
19880. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16362, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus stop indikata fil-Fgura hiex se tiġi estiża?

13/10/2015

  ONOR. JOE MIZZI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investigazzjoni li saret fuq il-post jirriżulta illi m’hemmx spazju biżżejjed sabiex dan il-bus shelter jitkabbar.

Seduta  302
19/10/2015

ETC – PERSUNI LI WAQFU JIRREĠISTRAW MILL-EWWEL PARTI





19879. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ tul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Kemm persuni ġew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?

13/10/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni ta' Xogħol u t-Taħriġ, bejn Jannar u Ġunju 2015 in-numru ta' persuni li waqfu jirreġistraw (lapses) mill-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol kien ta’ 7,864. Minnhom kien hemm 491 persuna li ġew maqtugħa (strike offs) u 20 persuna li irtiraw.

Seduta  302
19/10/2015

ŻGĦAŻAGĦ LI MA KOMPLEWX L-ISTUDJI TAGĦHOM WARA L-EDUKAZZJONI SEKONDARJA





19878. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ li ma komplewx bl-istudji tagħhom wara li spiċċaw mill-iskejjel sekondarji fl-aħħar sena akkademika? Jista’ jindika l-ammont li ġew klassifikati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)? Jista’ jindika s-sess tagħhom?

13/10/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li madwar 4,687 żagħżugħ spiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom matul is-sena 2014. Minn dawn jirriżulta li f’Ottubru 2014, kienu 3,001 li komplew fl-edukazzjoni formali. Mid-921 li kienu qed jaħdmu, 403 kienu qed jistudjaw ukoll. Wieħed ikun jista’ jara x’ġara minn dawk iż-żgħażagħ li lestew l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom din is-sena aktar ‘l quddiem minħabba li l-istudenti jkunu komplew bl-istudji tagħhom matul dan ix-xahar. Il-figuri maqsumin skont is-sess huma kif ġej:

                  Bniet
          Subien
   Total
Għadd ta’ żgħażagħ
2,270
2,417
4,687
  In Education
1,532
1,469
3,001
  In Employment
457
464
921
  NEETs
495
674
1,169

Seduta  302
19/10/2015

16.10.15

Magni mqabbda, karozzi wieqfa





1.      Ġejt iffurmat fil-ħsieb politiku li l-Gvern qiegħed hemm biex jaħdem għall-progress tal-poplu.  Il-Gvern huwa forza għas-sewwa u mhux kif jaħsbu ċerti liberali.  Huwa forza biex juża r-riżorsi, l-abbiltajiet tiegħu biex isolvi l-problemi u dan għall-ġid komuni.  Din il-ġimgħa, meta kont bħal diversi oħra mwaħħal f’siegħat fil-karozza fit-traffiku, ġew iktar riflessjonijiet fuq dan.  Kull amministrazzjoni ssib ruħha b’sitwazzjonijiet li tkun taf bihom diġà qabel meta tkun fl-Oppożizzjoni.  Ħafna oħrajn le.  U barra dan, hemm dejjem xenarji ġodda li jqumu.  Hemm ukoll iktar pożizzjonijiet fejn il-kumplikazzjonijiet jikbru, bħal meta problema magħrufa ssir agħar milli kienet.  Dan jew b’kawżi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom, jew meta sfortunatament ikun hemm kontribuzzjoni diretta biex jiżdiedu l-egħqiedi.

2.      Hija stramba għall-aħħar, inkella parti mill-kultura “neo-arroganti” li għandna, kif il-problema tat-traffiku qed tiġi ndirizzata mill-Gvern.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li l-intoppi twieldu ma’ dan ix-xahar għax rajniha qabel.  Biss, qatt ma kellna sitwazzjoni fejn flok tiġi affrontata, mnaqqsa jew b’xi mod solvuta, qed narawha tiġi abbandunata.  Ma rridx ngħin dan, biss, ħafna qed jaraw li hemm min daħħal lilu nnifsu fil-palazzi tal-poter u qed jaqta’ lilu nnifsu minn dak li d-diversi ħaddiema qed jaraw kuljum.  Ħadd fil-poter ma qisu qiegħed iħoss is-sens ta’ frustrazzjoni, ta’ passività li ħafna, kull ġurnata, jitilqu kemm jitilqu kmieni xorta jsibu serbuti twal ta’ karozzi fejn min qabbeż, qabeż u  min stenna baqa’ jistenna.  Ir-risposta tal-Gvern għal dan hija ċara u ovvja: li l-problema waħdeha trid issib soluzzjoni.  Qalulna fil-fatt li l-Gvern jistenna li fil-ġimgħat, mhux ġimgħa, li ġejja l-affarijiet jissolvew.  Abbandun li ħsara qiegħed jagħmel.

3.      Kienet ikbar barra mis-soltu r-reazzjoni fil-Parlament għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabiex is-sitwazzjoni tiġi diskussa.  Sar dibattitu mgħaġġel, mingħajr il-preżenza tal-Ministru tat-Trasport, fejn il-messaġġ reġa’ kien li l-poplu qed joħloq il-problema u allura huwa jrid isolviha.  L-aqwa waħda kienet li jekk jitraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel, allura jkun hemm iktar karozzi fit-triq u b’loġika evidenti propjru għalhekk li ma għandux jiġi mraħħas.  Argument barra minn loku li però huwa indikattiv.  L-Oppożizzjoni għamlet sew li ressqet din il-mozzjoni.  Il-Gvern żbalja li qabad u għamilha bl-għaġġla u flok ġie b’risposti validi pprova jidfinha.  Mozzjonijiet parlamentari jistgħu jimbarazzaw lill-amministrazzjoni u tista’ l-istess titgerbeb fiha, però lkoll nafu li ssir biex il-punt jiġi dibattut biex nersqu lejn soluzzjoni.  Vot fl-aħħar ma kienx hemm.  Ma ridniex.  Ma kienx l-iskop tagħna.  Kien hemm biss mozzjoni pożittiva li l-Gvern irreaġixxa għaliha b’mod negattiv għall-aħħar.  Flok kien pro-attiv sab ruħu jiddefendi ħażin il-pożizzjoni kaotika li hawn.  Nifhem li l-Griegi kienu jemmnu li mill-kaos jiġi wara l-ordni, biss biex dan isir trid taħdem għalih.

4.      Il-poplu finalment jinteressah minn soluzzjoni u waħda ta’ malajr.  Xeba’ jara kull filgħodu serbuti ta’ karozzi wieqfa u jisma’ ‘l dak u ‘l-ieħor jitkellem fuq l-istess problema.  Għax għalkemm wieħed jista’ jifhem dan kollu, il-kwistjoni hija iktar u iktar fonda.  Il-vantaġġ elettorali fl-aħħar vot ġenerali, flok ġieb lil min imexxi f’pożizzjoni fejn jieħu d-deċiżjonijiet li jista’ hu biss jieħu għax għandu din il-maġġoranza qawwija, qed iġib il-kontra.  Il-maġġoranzi ma jiġux preservati billi wieħed ma jagħtix każ jew jaħrab mill-pożizzjoni, imma billi wieħed jaħdem skont il-mandat li jkun irċieva.  Iktar u iktar f’dan is-settur fejn konna nisimgħu li huma kellhom pjan mill-aqwa lest biex appena jkunu fil-Gvern iwettquh.  Sar diskors politiku żejjed li naqqas mill-fiduċja tan-nies fil-kelma tal-politiċi.  F’dan kollu rimedju żgur li għandna bżonn, biss jidher ċar li l-partit fil-poter la ħaseb qabel u wisq anqas ma huwa jaħseb issa.  Hu x’inhu, il-problema hemm qegħda u trid tiġi affrontata bl-Oppożizzjoni lesta biex timxi u tagħti sehemha.

5.      Dan huwa proprju aġir pożittiv.  Linja ta’ ħidma li tindika iktar u iktar il-kuntrast meta niftakru kemm tul dan il-sajf il-Gvern għamel hiltu kollha biex jgħid li l-Oppożizzjoni hija negattiva.  Kemm ma tafx x’inhuwa jiġri u kemm ma tafx.  Anki f’dawn il-jiem, taqra l-istqarrijiet u tara l-espressjonijiet fuq l-uċuh il-messaġġ huwa li ċċekkem ħidmet din in-naħa tal-Kamra.  Id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi dwar id-dokument li ġie ppreżentat mill-Oppożizzjoni għall-Budget kien proprju f’din il-linja.  Flok dan serva ta’ dibattitu kostruttiv, il-Gvern kellu fl-aġenda li jipprova jċekknu.  Flok uża r-raġuni biex jispjega kien kollu aġġettivi biex jipprova jirredikola dak li sar bi sforz tajjeb mill-Oppożizzjoni.  L-istess għamel il-Prim Ministru fuq it-taraġ ta’ Kastilja wara l-laqgħa tal-kumitat dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza.  L-espressjonijiet u d-diskors kien dispreġġjattiv fix-xejn bl-isbaħ kienet meta hu, li mhux avukat, jgħid lill-Kap tal-Oppożizzjoni li huwa ma jafx il-liġi.  Din hija strateġija mill-iktar żbaljata.  Fuq naħa tgħid li aħna negattivi u fuq l-oħra tipprova ċċekken dak li jingħadlek fis-sewwa.  Sinjali ta’ nuqqas ta’ ħsieb ċar li nittamaw li f’xi mument joħroġ l-ordni.

6.      Il-pajjiż tagħna kiber ħafna.  Proprju għalhekk li għandek diversi li jħossu l-bżonn li, għar-raġunijiet varji tagħhom, jużaw il-karozzi tagħhom biex jiċċaqilqu filgħodu minn post għall-ieħor.  Huwa sinjal li hemm attività umana għaddeja li tiġbor fiha ħafna: trasport lejn l-iskejjel, lejn l-isptarijiet, lejn ix-xogħol, lejn in-negozju – kollha indikattivi ta’ ħidma ekonomika.  Waħda ġġib naturalment lill-oħra, jimxu id f’id.  Min imexxi jrid jassigura li jkun hemm iktar informazzjoni u direzzjoni, u li jidħol bil-paċenzja fid-dettall għala pesuni joħorġu f’ħin u mhux f’ieħor.  Ma hemm soluzzjoni waħda iżda ġabra tagħhom.  Però żgur mhux forsi ma tistax tħalli dan kollu għall-aħħar u tippretendi li fl-1 ta’ Ottubru, meta huwa magħruf li jibdew l-iskejjel u li l-ħaddiema tal-Gvern jispiċċawlhom in-nofs ta’ nhari.  Hemm bżonn iktar ħsieb, konsultazzjoni, impenn u ħidma vera. Jekk kif qal il-Prim Ministru jippretendi li kulħadd isir “salesman”, ma jistax jippretendi li jħalli t-trasport fl-istat li huwa.  Ilkoll nafu li dik il-ħidma titlob li ddur faċilment minn post għall-ieħor, inkella ma tbigħx.  Nittamaw li ssir xi ħaġa.  Fil-frattemp nibqgħu bil-magni mqabbda u l-karozzi wieqfa jistennew.


L-Indipendenza li tixirqilna.


 
1.      Għada niċċelebraw il-wieħed u ħamsin sena tal-indipendenza tagħna.  Jum importanti fi ħdan ġabra ta’ jiem f’xahar ta’ ċelebrazzjonijiet nazzjonali.  Il-jum tal-21 huwa mimli b’valur għalina li nemmnu li l-bnedmin fuq din il-gżira kapaċi jmexxu ‘l quddiem lilhom infushom.  Hemm żewġ naħat f’dan.  Fil-passat inħarsu u ngħarfu dak kollu li diversi patrijotti wettqu, tkellmu u ħadmu sabiex bl-intelliġenza li kellhom iwasslu għal dan il-jum fl-1964.  Fuq l-oħra, il-ħarsa ‘l quddiem lejn dak li ġej u li nixtiequ li jiġi.  Missirijietna stinkaw f’dak li qegħdin ingawdu aħna llum.  Diversi minnhom mietu mingħajr ma raw it-tmiem tal-ħakma kolonjali li konna taħtha.  Ma hemmx dubju li konna nifilħu nkunu f’din il-pożizzjoni sekli qabel, però l-istorja ddettat mod ieħor.

2.      Kull min jaqra ħajjet il-bnedmin fi żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann jagħraf li kine hemm diġà dik l-abbiltà.  Bnedmin li jaħdmu, kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet, b’lingwa separata tagħhom u kellhom industrija taż-żejt, tal-qoton, tal-għasel, tal-larinġ, li kienu magħrufa fil-Mediterran.  Min qara dak li ħallew dawk li qed jinvistaw dawn il-gżejjer jgħarfu wkoll li kellna liġijiet tagħna, li konna diġà soċjetà tolleranti u kapaċi toħloq ambjent fejn nies ġejjin minn fejn ġejjin jistgħu jgħixu flimkien.  Mitejn u tletin sena skorruti f’pajjiża kien hawn diġà moskeja, anke jekk l-Ordni li kien jiddomina hawn kien imwaqqaf mill-kattoliċi.  Pajjiżna sar indipendenti fl-1964 però l-għeruq ta’ dik il-ġurnata huma ġejjin fis-sekli.  Kien hemm aspirazzjoni u viżjoni ta’ dan sa minn żmien il-waqa’ ta’ Gonsalvo Monroy.

3.      L-indipendenza ġustament niċċelebrawha fil-jum, però jrid jingħad li l-eventi li seħħew wara fl-ewwel siegħat ta’ din il-libertà nazzjonali jixirqilhom attenzjoni.  Niċċelebraw ħidmet George Borg Olivier li kien il-bniedem li ntagħżel biex ikun l-artefiċi ta’ kollox.  Il-persuna li bil-paċenzja, għaqal, pulitizza u bil-metodu t-tajjeb wasal minn fuq il-mejda tad-diskussjoni.  Ma ppruvaw ikun dak li ma kienx.  Mexa fi triqtu bir-raġuni fuq naħa u bil-valuri nsara fuq l-oħra.  Kellu min kien miegħu fit-triq, daqshekk ieħor kellu min ma kienx kapaċi jagħraf dak li kien qiegħed jara.  Hu seta’ jħares fit-tul u kellu wkoll il-kuraġġ li jidħol għal piż daqshekk qawwi li ftit kellhom.  L-indipendenza ġiebet libertà u magħha wkoll responsabbiltà.  Ġarrha tajjeb ħafna, bena pedamenti li kienu determinanti għalina lkoll li qed ngħixu f’dan is-seklu.

4.      Meta tħares lejn dawk l-ewwel passi, meta taqra d-diskorsi li saru fis-snin ta’ wara, wieħed jifhem iktar il-kapaċitajiet li kellu.  Meta tqis li l-għada, fit-22 ħa ħsieb ilaqqa’ l-Kamra tad-Deputati bħala issa dik tal-Maltin u l-Għawdxin ġodda.  U hemm għamel l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Prim Ministru indipendenti.  Ftit analiżi ta’ dan joħroġ ċar l-ewwel li huwa kien jara li dan il-pass ma kienx ifisser li pajjiżna ma kienx għad fadallu l-bżonn u l-għajnuna tal-ħbieb fid-dinja.  L-indipendenza ma hix separazzjoni jew iżolament, iżda integrazzjoni libera ma’ oħrajn.  It-tieni, li l-Maltin kellhom jistinkaw biex juru lid-dinja li kien jixirqilhom ikunu indipendenti.  Anzi, aħjar, li ma kienx lussu iżda neċessità tal-eżistenza għalina.  Bnedmin li ma għandniex inqas minn oħrajn u kapaċi nippruvaw lill-oħrajn li għandna t-talenti biex inġorru dik ir-responsabbiltà.

5.      Kellu u għad għandu ma’ kull jum raġun George Borg Olivier li stqarr li l-indipendenza tixirqilna.  Biss ilkoll nafu li biex dan hekk ikun irridu nkomplu naħdmu fiha u għaliha.  L-indipendenza tagħna fortunatament twaqqfet mill-bidu tagħha fid-demokrazija u fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dan f’qafas legali relattivament ġdid.  Twelidna stat b’dokument bażiku, il-Kostituzzjoni li għad-differenza tar-Renju Unit daħħlet mill-ewwel il-prinċipju tas-supremazija legali ta’ dak id-dokument.  Aħna bdejna triq għal rasna per dan sar f’ambjent kompletament ġdid.  Jiġifieri mhux biss xerqilna, iżda iktar minn hekk ma kienx hemm illużjonijiet bla sens, imma deċiżjonijiet konkreti għal dak li kien ġej.  Illum għaddew is-snin u tajjeb li nduru u naraw kemm dak li seħħ fihom konniex denji aħna tal-indipendenza jew le.

6.      Kemm konna kapaċi nżidu ma’ dak li kellna mingħajr ma nneħħu (kif uħud żbaljatament iridu llum) it-tajjeb u l-pedamenti tajba li writna.  Proprju għalhekk kien għaqli li dħalna fl-Unjoni Ewropea.  Daqshekk ieħor li nsiru parti mill-munita unika tal-Ewro.  Il-proċess tagħna ma waqafx.  Bqajna u llum hemm opportunitajiet ġodda fejn aħna nuru li jixirqilna l-indipendenza.  Moħħna tagħna.  Kapaċi niddeċiedu għal rasna u ngħarfu li fil-maltemp li għaddejna minnu nimxu ‘l quddiem.  Id-deċiżjonijiet li mmaturaw fl-2004 u fl-2007, kif semmejt bnew qafas soċjali u legali ġdid.  Aħna fir-realtà ferm iktar liberi u kapaċi nġorru r-responsabbiltà proprju għax għandna stabilità demokratika u ekonomika li oħrajn ma għandhomx.  Dak li seħħ fl-aħħar ħmistax-il sena mexxiena sabiex nissudaw lilna nfusna.  Jekk hemm min qiegħed iqassam illum, dan jista’ jagħmlu għax konna bil-għaqal u attenti fid-deċiżjonijiet qabel.

7.      Għada pajjiżna jieqaf għal jum ta’ mistrieħ u ċelebrazzjoni.  Jieqaf iħares lura lejn dak likien u ‘l quddiem lejn dak li ġej.  L-isfidi l-ġodda u l-għarfien tad-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jiġu meħuda.  Il-maturità politika serviet lill-mexxejja ta’ qabilna.  Serviet li wieħed jaħdem sewwa u għas-sewwa.  Li ma jidħolx sabiex iwettaq azzjonijiet ħżiena mwielda mill-velenu żbaljat tal-makkjavelliżmu, iżda li jassigura t-tajjeb lil kull bniedem.  L-Indipendenza waslet bi Prim Ministru li kien ġej mill-Partit Nazzjonalista però dan ma jfissirx li jgħodd biss għal dak li jidentifikaw ruħhom f’dak il-partit.  Il-libertà, ir-responsabbiltà li jiġu mill-indipendenza qegħdin f’idejn kull persuna f’dawn il-gżejjer.  Jiddependi minna lkoll jekk aħniex kapaċi nibqgħu nuru lid-dinja li l-indipendenza verament tixirqilna.



IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...