17.7.20

L-Isptarijiet u ċ-Ċimiterji tagħna lkoll


 

1.     Niġġudikaw il-gvernijiet, mhux  minn dak li jgħidu, iżda minn dak li jagħmlu.  Dan il-Gvern, li beda taħt Joseph Muscat u issa qiegħed taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu jiġu ġġudikat, fost ħwejjeġ oħra, xi wħud forsi iktar gravi, fuq il-fatt li għadda t-tmexxija tal-isptarijiet u ċ-ċimiterji f’idejn il-barranin.  Mhux f’idejn għaqdiet filantropiċi, jew xjentifikament speċjalizzati, iżda f’idejn min għandu l-iskop li jagħmel il-profitt.

 

2.     Dan ma sarx għaliex il-Gvern kien miexi fuq l-ideoloġija Soċjalista, jew għallinqas, Laburista.  Assolutament il-kuntrarju.  Gvernijiet Soċjalisti jinnazzjonalizzaw l-isptarijiet, mhux jikruhom lill-privat (la Malti u lanqas stranġier).  Gvernijiet Soċjalisti kienu ġelużi li s-servizzi pubbliċi jkunu tal-pubbliku, jew, kif kien jingħad, tal-poplu.  Ma joħorġux minn idejna.

 

3.     Wieħed jistaqsi għaliex rajna dan il-fenomenu f’pajjiżna.  L-ewwelnett, f’pajjiżna, ilna bi sptarijiet tal-poplu sa mill-Medjuevu.  Skont speċjalista fl-istorja tal-Mediċina f’Malta, il-Professur tal-Ostetriċija C. Savona Ventura, l-ewwel li jissemma Sptar f’Malta kien fl-1372, u f’Għawdex fl-1454.  L-Isptar ta’ Santu Spirtu fir-Rabat, barra l-Imdina, kien jieħu ħsieb il-morda iktar minn sitt mitt sena ilu.

 

4.     Dejjem bnejna l-isptarijiet tal-Gverna għal kulħadd, u dawn dejjem tmexxew mill-Maltin.  Wieħed ifakkar li l-Isptar ta’ Santu Spirtu (li llum fih l-Arkivju Nazzjonali) nbena mill-Maltin għall-Maltin, u tmexxa għal sekli twal mit-tobba u l-infermiera Maltin.  Warajh, meta ġew il-Kavallieri, inbniet l-Infermerija, li serviet mhux biss lill-Kavallieri, iżda wkoll lill-baħħara u lil bosta oħrajn.  Santu Spirtu ma żżarmax, baqa’ għaddej, u f’din is-Sagra Infermerija li kellu l-Ordni ta’ San Ġwann servew ħafna tobba Maltin.  Anzi, meta nfetħet l-Università ta’ Malta, u bdiet il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, hemm kienu jagħmlu l-prattika l-istudenti.  Fi żmien il-Gran Mastru de Vilhena, inbena l-Isptar Ċentrali, fil-Furjana, fejn illum hemm id-Depot tal-Pulizija.

 

5.     Fi żmien l-Ingliżi nbnew sptarijiet oħra.  Kollha tmexxew mill-Maltin, barra minn dawk tas-Servizzi, bħal dak Navali tal-Kalkara, li nafuh bħala ‘Ta’ Bighi’, u dak militari tal-Imtarfa.  Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea kienu bnew ieħor fejn illum hemm il-Kulleġġ ta’ St Edwards.  Ma hemmx għalfejn ngħidu l-Istorja kollha.  Infakkru biss li l-Isptar ta’ San Luqa nbena mill-Gvernijiet Maltin fi żmien is-Self-Government.  U l-Isptar Mater Dei inbena fi żmien il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.

 

6.     Ma kellna bżonn lil ħadd biex jgħallimna kif jitmexxa sptar.  U taħt il-gvernijiet kollha, ta’ kwalunkwe kulur politiku li seta’ kien, ħadd ma ħolom li jipprivatizza l-isptarijiet li nbnew bi flus il-poplu Malti kollu u tmexxew dejjem mill-Maltin.  Fihom, kull Malti u Maltija kien imur/tmur bi dritt.  U fil-Parlament tagħna, id-deputati tal-poplu jikkritikaw, ukoll bi dritt, kif jitmexxew, għaliex huma ta’ kulħadd.  U l-gvernijiet tal-poplu Malti jagħmlu superviżjoni u jinżammu responsabbli tat-tmexxija u tas-servizz li jagħtu lill-poplu.

 

7.     L-isptar tal-poplu jagħti servizz lil min għandu biex iħallas u lil min m’għandux.  Huwa l-aqwa servizz soċjali, għax jingħata meta bniedem l-iktar ikun fil-bżonn u vulnerabbli.  Kien hemm, terġa’, żmien twil fejn il-Gvern Laburista ma kienx jaħmel li jkun hawn sptarijiet privati bi ħlas.

 

8.     L-istess iċ-ċimiterji.  L-ipoġej li għandna juru li pajjiżna ilu jidfen fil-qima, u biċ-ċiviltà, għal eluf twal ta’ snin.  Issa, għall-kuntrarju, Gvern li għadu jsejjaħ lilu nnifsu ‘Laburista’, iżda li biddel il-mentalità u t-twemmin, sar jemmen li l-barranin kapaċi jmexxu ċ-ċimiterji iktar minna.

 

9.     L-isptarjijiet privati hemm lokhom.  Iserrħu mill-piż lill-isptarjijiet pubbliċi.  Iżda l-isptarjijiet tal-poplu għandhom jibqgħu tal-poplu, u kull gvern għandu jġorr ir-responsabbiltà tat-tmexxija tajba.  Iċ-ċimiterji tal-Knisja ukoll hemm bżonnhom, iżda ma nistgħux ninsew liċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn il-maġġoranza l-kbira tal-poplu tagħna għandha midfuna l-għeżież tagħha.  Dawn żbalji politiċi li diġà qed inħallsu l-konsegwenzi tagħhom.  Din hija linja żbaljata li trid tinbidel għall-ġid komuni tagħna lkoll.


Riflessjonijiet tal-mument


 

1.     Hemm ħafna letteratura klassika fuq l-epidemiji, speċjalment fuq il-pesta bubonika.  Fil-klassiċi Griegi nsibu r-rakkonti ta’ Tuċidide, fil-ktieb tiegħu Il-Gwerra fil-Peloponnesu [II.49] f’Ateni, fis-sena 430 qabel Kristu.  Imbagħad insibu wkoll dik il-pesta ta’ żmien l-Imperatur Marcus Aurelius Antoninus, li ddeskriva t-tabib Galenu fil-ktieb tiegħu ‘Methodus Medendi’, fis-sena 165 wara Kristu.  Iktar qrib lejna hemm id-deskrizzjoni stupenda ta’ Alessandro Manzoni, fir-rumanz storiku I Promessi Sposi.  Wara dan hemm ir-rumanz, relattiv modern (1944) ta’ Albert Camus, bit-titolu La Peste, li jikteb fuq il-pesta f’Oran, fl-Alġerija.  Ta’ Manzoni u ta’ Camus huma żewġ kapolavuri letterarji.  Valur xjentifiku m’għandhomx: ta’ Galenu, però, għandu valur kbir fl-istorja tal-Mediċina.

 

2.     Qiegħed niftakar fihom għaliex bħalissa għaddejjin minn esperjenza simili.  Altru l-letteratura, u altru r-realtà.  Ir-realtà taż-żminijiet l-oħra kienet forsi agħar: la f’Ateni tal-430 Q.K., la f’Milan tal-1630, u lanqas, għal kollox, f’dik ta’ Oran tal-1944 ma kellhom tagħrif xjentifiku veru dwar kif jinxtered il-mard.  Mill-esperjenza kienu ndunaw li kien jinxtered billi jgħaddi permezz tal-kuntatt ta’ bniedem ma’ ieħor.  In-nies jiġu kuntaġġjati: dan kien żgur, iżda kif u x’fatta ma kinux jafu.  B’danakollu, l-uniku rimedju kien li toqgħod ‘il bogħod u timponi kwarantina fuqek innifsek.

 

3.     Illum, ix-xjenza taf ħafna iktar fuq il-virus, il-batteri, u l-mikrobi in ġenerali.  Għadha ma sabitx tarf tal-Coronavirus, iżda lil hemm miexja.  S’issa, il-kwarantina u li żżomm ‘il bogħod huma l-mezzi biex tevita l-mard, u fuq kollox l-indafa, il-ħasil tal-idejn u l-għata fuq il-ħalq.  Dawn l-epidemiji jdaħħlu lill-bnedmin f’qoxrithom.  L-għadu, għalkemm nafu bih, għadna ma nafux kif neqirduh għal kollox.  Nafu biss kif nistgħu naqtgħulu nifsu, qabel ma jaqta’ tagħna, billi nieħdu l-prekawzjonijiet.

 

4.     Aħna, li m’aħniex tobba, jeħtiġilna nobdu t-twissijiet.  Anke t-tobba jridu jobdu, anzi forsi iktar huma, għaliex iktar esposti, billi huma jeħtieġu li jagħmlu kuntatt mal-morda.  Huwa żmien ta’ periklu għal kulħadd, iżda napprezzaw ħafna l-fatt li bħalissa t-tobba, l-infermieri, l-ispiżjara u l-pulizija huma iktar esposti għall-periklu.

 

5.     Fil-pajjiż hawn arja stramba.  Toroq vojta.  Knejjes magħluqa.  Ħafna ħwienet ibiegħu bi prekawzjonijiet eċċezzjonali.  Jew jibqgħu magħluqa.  Il-ħajja soċjali tal-każini, tal-ħwienet tax-xorb, waqfet.  Kemm it-tiġrijiet, kif ukoll il-funerali huma effettwati.  Ħafna qed jgħixu l-esperjenza tal-patrijiet trappisti: magħluqin waħedhom fiċ-ċella.

 

6.     Il-poplu Malti huwa poplu matur u fehem il-bżonn tad-dixxiplina.  Ikun hemm min jabbuża, iżda jiġi mċanfar, għaliex il-kotra fehmet il-bżonn tad-dixxiplina.

 

7.     Fil-gwerer kbar tas-seklu li għadda, li laqtu ‘l-popli b’mod qawwi, wieħed seta’ jara li l-esperjenza komuni tbiddel il-mentalità.  Il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919 inħmew fil-Gwerra l-Kbira (1914-18).  It-tibdiliet radikali ta’ wara l-1945, saru possibbli minħabba l-esperjenzi komuni 1939-45.

 

8.     Meta, jekk Alla jrid, neħilsu minn din l-epidemija mondjali, id-dinja kollha ser titlob tibdil ieħor kbir.  Mhux il-mument, bħalissa, li nagħmlu attakki feroċi fuq xulxin, iżda ġrajja bħal dawn jikxfu n-nuqqasijiet strutturali.  Issa huwa l-mument li nosservaw f’hiex pajjiżna seta’ mexa aħjar.  Issa l-mument li nieħdu nota, sabiex nibnu aħjar is-soċjetà.  Issa l-mument li nifhmu kif nippreparaw stat demokratiku li jħares lejn il-futur.

 

9.     Hemm għoqda li bħalissa qegħda tiġi diskussa fuq pjan politiku: dik ta’ sptarijiet Maltin f’idejn il-barranin.  Esperjenza li mhix sabiħa.  L-interess pubbliku għandu jkun suprem, l-iktar fil-qasam tas-saħħa.  Bil-Latin kienu jgħidu: Salus populi suprema lex esto.  Kif insibu tant tajjeb fil-ktieb ta’ Ċiċerun, De Legibus (Liber III, parti III, sub. VIII): Is-saħħa tal-poplu għandha tkun l-aqwa liġi.  Il-profitt għandu liġijiet oħra.

 

 

 

 


Lejn it-tieni mewġa

1.     Sa dan il-mument, pajjiżna baqa’ jirreżisti tajjeb.  Baqa’, kemm jista’ jkun, attent sabiex jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu.  Jipproteġi bil-koperazzjoni ta’ diversi.  Ħafna persuni li fehmu li għandhom joqogħdu għad-direzzjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.  Hemm min aġixxa b’responsabbiltà, u hemm min le.  Nippreferu li, bħala pajjiż, inkunu lkoll f’daqqa.  Inkunu f’daqqa f’dan il-mument iebes u doloruż.  Flimkien nistgħu noħorġu minnu.  Waħedna ngħaddu minn dak li soċjetajiet oħra għaddew, jew għadhom għaddejjin minnu.

 

Sejħiet għas-sewwa

 2.     Nazzjonalment, wieħed ma jistax ma jammirax id-diversi li raw kif għamlu u qegħdu lilhom infushom għas-servizz tal-proxxmu.  Saru, u għadhom qed isiru, sagrifiċċji erojċi.  In-nuqqasijiet fl-ikel u fl-affarijiet essenzjali ġiebu mewġa ta’ altruwiżmu u solidarjetà.  Ħafna, jum wara jum, qegħdin jieħu ikel, mediċini u kull ma hemm bżonn lil diversi, jew vulnerabbli, jew marbuta li ma jistgħux jiċċaqilqu minn darhom.  L-attività tal-ħajja tagħna nbidlet.  Magħha, nittama li erġajna ksibna lura l-għarfien ta’ liema huma l-valuri essenzjali tal-ħajja.  Inqas egoiżmu, iktar altruwiżmu.  Inqas materjaliżmu, iktar rispett lejn il-proxxmu tagħna.

 

Ħidmietna

 

3.     Il-prijorità, f’dan il-mument, tibqa’ dik li taqbeż u tipproteġi saħħet il-bniedem.  Dak huwa l-bidu ta’ kull kunsiderazzjoni.  F’dan, min-naħa tal-bank tal-Oppożizzjoni, żammejna vuċi waħda u kostanti.  Żammejna mal-linja li m’għandniex, b’xi mod, immorru kontra dak li l-awtoritajiet tas-saħħa jidderieġu.  Biss, dan ma żammniex milli nitkellmu fuq aspetti oħra tal-ħajja.  Kif għaddejjin soċjalment u ekonomikament, tajnihom attenzjoni.  Mhux nifhmu biżżejjed kemm hawn min tilef l-impjieg, id-dħul tiegħu u għandu biżgħat għall-futur ta’ familtu.  Jum wara jum ipproponejna punti ġodda, suġġerimenti u proposti differenti minn dak li l-Gvern kien qiegħed jara.  Anzi, ħafna drabi wassalna aspetti li ma kienux lanqas ittieħdu in konsiderazzjoni.

 

Fl-iżbilanċ

 

4.     Affrontajna, f’dan il-proċess, sistema inġusta mwielda mill-iżbilanċ preżenti li hawn fix-xandir.  Diversi jaqbdu u jiġġudikawna mingħajr ma jkunu biss fehmu dak li qed nipproponu jew ngħidu.  Diversi, anzi, ingħataw sistematikament l-impressjoni li għax qegħdin insemmu leħinna, qed naġixxu kontra xi interess ġenerali.  Huwa mill-iktar żbaljat, f’demokrazija, li l-ewwel ma tinstemgħax il-vuċi tal-Oppożizzjoni, u t-tieni, li min ikun fil-poter jagħlaq lilu nnifsu, minn qabel, għal kull proposta li ssir.  F’dawn il-mumenti, it-tentazzjonijiet lejn l-anti-demokrazija jikbru, kif qed naraw.  Huwa eżami ieħor għad-demokrazija tagħna.  Kemm hija soda u tibqa’ garantita anki hawn.  Tibqa’ taħdem f’pożizzjoni diffiċli u mimlija kumplikazzjonijiet.

 

Naħsbu għal quddiem

 

5.     Ħidmet l-Oppożizzjoni ħarset iktar lejn dak li ser insibu magħna kif tibda tispiċċa din is-sitwazzjoni.  Kif ser ngħixu u naħdmu wara.  Kif ser inġibu lura l-pajjiż jaħdem u l-bnedmin ibatu mill-inqas fih.  Kif ser nassiguraw il-ħidma tal-ġustizzja soċjali f’ambjent li ser ikollu tentazzjonijiet iddettati minn min huwa l-iktar b’saħħtu.  Irridu nifhmu, minn issa, dak li ser insibu f’din it-triq.  Naħsbu x’soċjetà ser ikollna.  X’ambjent irridu nissudaw.  X’ekonomija rridu nibnu, jew lura, jew mill-ġdid, jew lejn toroq oħra.

 

Diskors fl-arja

 

6.     Għandna, bħala soċjetà, l-abbiltà li nibnu u nfasslu programm għall-futur.  Nittama li ħadd ma huwa jaħseb li kollox ser jiġi lura f’postu waħdu.  Nittama li aktar jifhmu kemm hemm bżonn ta’ proposti konkreti, milli diskors fl-arja.  Aħjar wieħed iressaq dak li jara li għandu jsir biex jikber id-djalogu soċjali, li tant ilu nieqes.  Tul dawn is-snin ġiet dettata wisq linja ekonomika minn fuq, mingħajr attenzjoni għal dak li qiegħed iseħħ fil-parti ta’ isfel tal-bniedem.  Ir-riżultat illum huwa wkoll kaġun ta’ dan in-nuqqas ta’ ħsieb u tal-fiduċja żbaljata fil-forza tas-suq.  Injorajna u straħna fix-xejn, biex ma nbiddlux dak li kien jidher li qiegħed jaħdem.

 

Fażi oħra

 

7.     Waqt li hemm numru ta’ dawk li bdew jagħmlu pressjoni biex kollox jiġi f’daqqa waħda għan-normal, hemm bżonn li wieħed joqgħod attent u ma jċedix.  Il-politika t-tajba titlob prudenza.  Dik populista titlifha.  Ma nidħlux fit-tieni mewġa u sogru fix-xejn, għax dak li nkunu wettaqna sa issa jitlef il-valur tiegħu.  Inkunu attenti u naħsbu f’iktar soluzzjonijiet.  Naħdmu fit-triq id-diffiċli, u mhux f’dik li hija apparentement faċli.  Jekk ma nkunux preparati u mgħarrfa f’dan, il-konsegwenzi mhumiex ħlief xejn tajba.  Iktar tbatija.  Proprju waqt li sejrin lejn it-tieni mewġa, ejja nkunu aktar determinati u perseveranti.


Fl-interess tan-Nazzjon


 

1.     Fix-xenarju politiku huwa evidenti li hemm min għandu interess li jbiddel l-aġenda nazzjonali.  Hemm forzi varji li jridu jaljenaw minn dak li huwa l-iktar importanti u li jrid jiġi affrontat.  Meta wieħed jibda jaqra b’allegazzjonijiet varji dwar politiċi jifhem ferm iktar kemm din hija linja ta’ strateġija passata.  Dik imwielda fil-bżonn li l-pajjiż, wieħed jixħetlu l-attenzjoni tiegħu mhux dwar dak li ser ikollu jaffronta.  Mhux fuq li jaqbad it-triq prinċipali, imma li jħares fil-ġnub.  Sewwieq tajjeb jaf li dmiru huwa li jħares ‘il quddiem, u mhux ikun distratt fit-truf.

 

Difiża politika

 

2.     Hija kjarament parti minn forma ta’ difiża politika.  Waħda li tħares li tipproteġi dak li m’għandhiex, l-ewwel, u t-tieni li tiddefenti lil dak li m’għadux difensibbli.  Kollox jitlaq mill-fatt li dak li seħħ fit-tmexxija tal-Gvern tal-pajjiż mill-Partit Laburista mhuwiex l-aqwa fl-istorja politika.  Issa dan jew jiġi affrontat, inkella mċaqlaq għal jiem u persuni oħra fil-futur.  Dak li kien beda l-ġimgħa li għaddiet fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, issa twaqqaf ħesrem.  Dak li beda tajjeb, li jkun hemm l-aċċettazzjoni tal-iżbalji li saru u d-deċiżjonijiet dwarhom, issa spiċċa.

 

Il-messaġġi

 

3.     Il-pajjiż, b’dan, qiegħed jiġi aggravat iktar.  Diġà kien serju u tal-mistħija.  Serju u gravi li ġew permessi tant korruzzjoni, nepotiżmu, klijenteliżmu u inġustizzji.  Iktar, li kien hemm involviment, b’xi mod, fil-qtil ta’ persuna umana bl-intriċċi kollu tiegħu.  Il-poplu saritlu, l-ewwel, azzjoni żbaljata f’dan.  Wara, u fl-istess ħin it-tieni, li f’dan kollu saret kampanja sistematika , maħsuba u mimlija ngann li taħbi dak li sar, kien u għadu jsir.  Hemm min jaħseb li jekk tiċħad, allura jfisser li jkun hemm min jemmen li l-affarijeit ma ġrawx.  Biss, f’dan tkun biss qiegħed taħrab mill-problema li ġejja b’qawwa ikbar għalik.

 

Effetti negattivi

 

4.     Il-linja politika fil-partit tal-Gvern hija dik li hemm bżonn ikomplu jaħirbu mir-realtà.  Biss, il-korruzzjoni hija ta’ ħsara kbira mhux biss għall-politika, imma iktar minn hekk, għall-ħajja soċjali u ekonomika tagħna.  Meta pajjiż jippermetti li jinsteraq minn uħud, ikun qed iċaħħad oħrajn minn dak li huwa tagħhom.  Iktar persuni f’dawn il-gżejjer ser ikollhom bżonn għajnuna tal-Istat li mhumiex ser isibuha.  Iktar ser ibatu minn problemi finanzjarji.  Iktar ser jersqu viċin il-linja tal-bżonn.  Mhux biss, imma ser nitqegħdu fejn il-Gvern qiegħed jeħodna: ma’ dawk is-soċjetajiet li ma jridux, u mhumiex kapaċi jaffrontaw il-kriminalità u l-illegalità.  Tiċpis irreparabbli għalina. 

 

Nifhmu

 

5.     Fil-ħajja hemm il-linja tal-prinċipju u hemm dik tal-konvenjenza.  Hemm għażla.  Il-bnedmin fil-politika jsibu ruħhom f’dan.  Ftit imorru għall-prinċipji diversi, għal dak li jaħsbu li jaqbillhom.  L-istorja tifridhom.  Dawk li, b’intelliġenza, jżommu mal-linja tas-sewwa jirbħu mhux biss rispett, imma iktar il-kamp elettorali.  Dawk li jfittxu t-triq il-qasira tal-konvenjenza, jispiċċaw ħażin.  Diġà, il-Partit Laburista għandu eżempju ta’ dan.  Diġà, fl-istorja reċenti, kellu mexxej li kien l-iktar b’saħħtu elettoralment, li flok għażel il-prinċipju u qata’ fil-laħam il-ħaj, ċeda għal dak tal-konvenjenza.  Issa huwa ċar li hemm min irid jirrepeti l-istess żball.

 

Il-verità tibqa’

 

6.     Il-fatti ma taħrabhomx.  Għandek il-libertà li tiddiskutihom, tgħarbilhom u tinterpretahom, imma hemm jibqgħu.  Minn dak li jum wara jum qed joħroġ fil-beraħ, huwa iktar ċar li mhumiex iktar allegazzjonijiet.  Anqas li huma imputazzjonijiet foloz jew żbaljati.  Hemm fatti konkreti.  Din hija l-verità.  Issa, jekk hemm min irid ir-rispett lejh, dan irid jaffrontah.  Irid jifhem, l-ewwel: li għandu jibda t-triq twila tat-tindif intern u estern.  It-tieni: li jagħżel li jibni regoli ġodda li jneħħu, darba għal dejjem, il-ħidma tal-qarnit mafjuż.  Biss, jekk inti lest li tibqa’ tgħix fl-istess kamra magħhom, allura għandek problema.

 

Tindif ġenerali

 

7.     Min huwa lest li jgħix fit-tajn tal-oħrajn jitħammeġ huwa wkoll.  Min lest li jibqa’ jqum u jaħdem magħhom isir parti minnhom f’għajn kull persuna.  Min irid juri li huwa differenti minn ta’ qablu ma jistax jagħmel l-istess bħalu.  Min irid jagħmel il-ġid lill-Partit Laburista u ‘l-politika Maltija fit-tul irid jibda jnaddaf serjament.  Din hija r-realtà.  Biss, fil-jiem li għaddew, ġie iktar ċar li dan il-proċess mhuwiex ser iseħħ.  It-tama li wħud kellhom issa qegħda, biċċa biċċa, tispiċċa.  Mill-apparenza għall-intolleranza għall-atti żbaljati, issa ċerti mit-tolleranza assoluta għal dawk li saru qabel u dawk li għadhom qed isiru.

 

Sistema

 

8.     Mhux ser ikun faċli biex wieħed iwassal din ir-realtà tal-fatti lill-pajjiż.  Ser ikun hemm ħafna ostakli biex is-sewwa, fl-aħħar, tirbaħ lura.  Ser, ċertament, naraw iktar aġendi moħbija ħerġin biex iżommu lura u jtawlu.  Imma, kif nafu u rajna, “tardre si, scappare no”.  Għax il-ġlieda għas-sewwa bdiet tintrebaħ.  Dak li seħħ fil-kurituri ta’ Kastilja huwa tal-mistħija.  Illum jew għada hemm proċess li ser ikompli jikxifhom.  Il-ħidma popolari tagħna, però, trid tibqa’, biex dan ikun ċar quddiem il-pajjiż, u t-tieni: li jkun hemm mekkaniżmi legali li ma jippermettux li dan iseħħ mill-ġdid.  Pajjiżna dan jixraqlu.  Għax dan huwa, u jibqa’ dejjem, l-interess veru tan-Nazzjon tagħna.

 

 

 


FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...