29.1.20

Żewġ Papiet




1.     F’dawn l-aħħar jiem inħareġ film li għoġobni, bit-titolu “The Two Popes”.  L-istorja minsuġa b’intelliġenza hija r-rabta li nbniet bejn il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku.  Il-Papiet isiru aktar bnedmin.  Dawk li jirrappreżentaw ideat u kulturi fi ħdan il-Knisja Kattolika, mimlija hija wkoll bit-tastieri fil-mużajk tagħha.  Issa, it-tnejn huma diġà suġġetti ta’ dokumentarji oħra reċenti mill-isbaħ, bħal dak imsemmi “Pope Francis: a Man of his word” .  Imma dan huwa dak li rnexxielu jasal ferm iktar viċin u dirett, mentri oħrajn baqgħi ‘l bogħod.

Il-wiċċ uman

2.     Fih joħroġ iktar ċar l-aspett uman.  It-tnejn għandhom il-linji partikolari tagħhom.  Wieħed aktar “akkademiku”; l-ieħor iktar impenjat man-nies fit-triq.  Karattri differenti.  It-tnejn, però, għas-servizz tas-sewwa.  It-tnejn taw, u għadhom qegħdin jagħtu s-sehem u l-kontribut tagħhom biex jibqgħu strumenti biex iwasslu l-Vanġelu.  It-tnejn sabu ruħhom fil-pożizzjoni li ma ħasbux.  Anzi jidher dejjem iktar evidenti, minn dak li naraw u nqisu sew, li verament xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.

Riżenji

3.     L-istorja tinbena fuq il-parti tal-istorja li Franġisku ried li jirriżenja u jiġi eżentat minn dmirijietu.  Benedittu, b’pass wara pass, jirrifjuta u jasal fil-pożizzjoni li jiġġustifika dan l-aġir.  Iktar ma jkellmu, iktar isir jafu, u iktar jifhem li warajh hemm proċess li ma jistax iżomm.  Pass li, għalkemm mhux imsemmi fil-pellikola, għandu iktar piż meta wieħed jiftakar li l-istess Benedittu kien talab diversi drabi lill-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni biex iħalli lilu jirriżenja u jwarrab, u dak ukoll għamel sew li rrifjuta.  It-tnejn offrew, imma t-tnejn inżammu għas-servizz tas-sewwa.

Kommoventi

4.     Huwa, f’dan, iktar uman u li, mingħajr ma trid, tinġibed biex tarah u terġa’ tarah.  Anzi, huwa isbaħ meta wieħed jikkunsidra li wara li Benedittu XVI irriżenja, qamu diversi teoriji.  Inkitbu artikoli u kotba jippruvaw jagħtu spjegazzjonijiet varji.  Uħud, bħal dak ta’ Giorgio Agamben, iħares lejn ħidmet il-forza tal-ħażen.  L-istess Massimo Cacciari, li jaqbad ukoll dellijiet suwed ħafna.  Kitbiet li huma spekulattivi, anke jekk ibbażati fuq ideat umani li jippruvaw jinterpretaw dak li ma jistgħux jifhmu.  Biss, f’dan il-film hemm spjegazzjoni isbaħ u iktar veritiera.  Benedittu rriżenja u ma ġiebx traġedji.  Anzi, ċaqlaq mill-ġdid id-dinja, għax għalkemm kien ilu sew ma jkun hemm dan, xorta kien fid-direzzjoni t-tajba.  Imma hawn, forsi wkoll nistgħu nifhmu aħjar li l-p huma bnedmin ukoll.

Midinbin

5.     Meta Benedittu kien ġie elett mill-Kulleġġ tal-Kardinali, fl-ewwel kelmiet tiegħu irrefera għal dik il-parti tal-Vanġelu fejn iddefinixxa ruħu bħala “serv inutili tal-Mulej”.  Daqshekk umiltà kienet laqtitni.  Ma stajtx, proprju, nirrikonċiljaha.  Imma llum nifhem iktar faċċata li ma kontx qed nara, u li issa naħseb li qiegħed.  Il-film joħroġ b’marka ċara li l-papiet huma bnedmin, u huma wkoll midinbin.  Strumenti f’idejn min ħalaqna.

Dixxendenti tal-Appostli

6.     Ma hemm xejn ġdid f’dan, ħlief li nħarsu lura lejn San Pietru, l-ewwel Papa.  Kien midneb huwa wkoll.  Kien hu li, kif nafu fil-Vanġelu, kellu d-dgħjufijiet tiegħu.  Imma fit-triq magħżula għalih kien il-ġebla li fuqu tfasslet u nbniet il-Knisja Kattolika.  Anzi, San Pietru kien dak l-appostlu li jidher l-iktar bħala midneb fost l-Appostli.  L-abbandun fil-mument tal-prova.  Imma dawn iż-żewġ Papiet isibu ruħhom fl-istess pożizzjoni, u għalhekk qegħdin isegwu l-passi tiegħu.

Fil-Verità

7.     Irid jingħad ulterjorment li għalkemm kien hemm ħafna li ma qablux li Benedittu jirriżenja, iż-żmien issa tana iktar parir.  Kien pass għaqli tiegħu.  Ma rajniex nuqqas ta’ kontinwità, anqas xi “konflitt”.  It-tnejn ġew katina importanti f’mument xejn faċli għall-Knisja Kattolika.  Biss, it-triq ‘il quddiem baqgħet.  Anzi, minn dak li nara, Franġisku rnexxielu jagħti ħajja ġdida.  Irnexxielu jkompli jibdel.  Irnexxielu jmexxi ‘l quddiem.  Irnexxielu jibni fuq ħidmet Benedittu u jassigura iktar ċaqliq u riformi li qegħdin, biċċa biċċa, jsiru.

Arawh

8.     Jien, li nieħu pjaċir naqra kitbet dawn iż-żewġ Papiet, iktar minn darba nammetti li dan il-film ħaqqu ta’ min jarah.  Jien, kif għidt, rajtu iktar minn darba, u kull darba sibt punti, kliem u riflessjonijiet ġodda.  Ma fihx kontenuti żbaljati, anzi, li jressqu lejn is-sewwa.  Messaġġ tajjeb, aktar u aktar f’soċjetà fejn lill-Papa hemm min jikkontestah u jċekknu.  Messaġġ li jġib lura u jwassal ferm iktar milli strumenti oħra jistgħu.  Inħajjarkom, proprju għalhekk, li tarawh intom ukoll, u li forsi jiġi kkunsidrat li l-Knisja tara li jiġi divulgat iktar minn fuq il-pulpti tagħna.





Id-Dinja fl-2020




1.     Għadu ma waslax f’idejja.  Kull sena, il-ġurnal “The Economist” jipprova jindika, jew aħjar, jipprova jbasar dak li jkun ġej għad-dinja.  Fil-bidu tagħha ssir ħafna analiżi u l-editur, flimkien mal-ġurnalisti tiegħu jiddikjaraw, skont huma, x’ser jiġri f’artikoli varji.  Tajjeb li dan isir għalkemm, ċertament, ħafna minn dak li jitbassar ma jseħħx.  Imma l-eżerċizzju uman huwa tajjeb, u jmexxi diversi biex jifhmu ftit aħjar xi problemi d-dinja tkun sejra tiffaċċja.

The World in 2019

2.     Qabel ma niġi għal sitwazzjonijiet varji, huwa tajjeb li wieħed iħares lura u jipprova jfakkar lilu nnifsu dak li għaddejna minnu.  Dak li d-dinja ta’ madwarna u pajjiżna għaddew minnu għandu jiġi analizzat kemm jista’ jkun oġġettivament u bil-fatti bħala gwida.  Fil-ħarġa tas-sena li għaddiet, taħt l-artikolu “Tales of the unexpected”, ir-riflessjoni kienet, l-ewwel: “Our predictions a year ago should have been bolder”, it-tieni: “For 2018 has turned out to be another year when what was once almost unthinkable has had a habit of happening”; u t-tielet: “The lesson for 2019? Expect disruption”.

Id-Dinja nbidlet?

3.     Tul is-sena li għaddiet rajna tibdil kbir.  Dak it-tibdil, li ħaddieħor ma kienx ibassar, u fil-verità ma setax b’xi mod ibassar.  Diffiċli tkun profeta, għalkemm, kif nafu, hawn ħafna li jersqu ‘l quddiem biex jgħidulna, skont huma, x’ser jiġri.  Uħud iqawwulna qalbna; oħrajn tagħhom, u diversi oħrajn jippruvaw jaqtgħuhielna.  Id-dinja dejjem skura; għal oħrajn, dejjem sabiħa.  Imma meta tara dak li nkiteb f’“The Economist”, wieħed jifhem ukoll li diversi jidħlu għal dan.  Ifittxu li jippreparaw ruħhom għal dak li jkun ġej.  Imma, kif jgħidu, dejjem kun preparat u stenna dak li ma tistenniex.  Żomm moħħ miftuħ beraħ.

Fl-Ewropa s-sena li għaddiet

4.     Fl-Ewropa rajna tibdil li ħadd ma ppreveda.  Bdejna bil-Parlament Ewropew.  Ħafna qed jaraw Parlament fejn il-Lemin iktar Lemin żied u b’partiti populisti jikbru tant li jiddominaw.  “The Economist” kien iddikjara li r-riżultat kien ser ikun hekk: “The headline, however, will be a familiar one: the populist surge.”  Ir-riżultat ma kienx f’din il-linja.  Iċ-Ċentru żamm, għalkemm ma żiedx, imma anqas ma rajna l-Lemin Lemin jikber daqstant.

Brexit u r-Renju Unit

5.     F’dan il-pajjiż, ma’ dan il-poplu rajna tibdil sħiħ tul is-sena li għaddiet.  Kien hemm dubji sħaħ u ġustifikati dwar dak li kien ser iseħħ, għalkemm dan dejjem fiċ-ċertezza li “Brexit will again dominate British politics in 2019”.  Illum nafu li l-Prim Ministru li bdiet is-sena 2019, Theresa Mary, irriżenjat, u wara elezzjoni interna laħaq Boris Johnson, li l-istess ġurnal kien bassar li l-ħatra tiegħu kienet “less likely”.  Illum nafu li dak li kien jidher dubjuż fis-sena, jiġifieri jekk ir-Renju Unit kienx ser joħroġ jew le, issa nafu li l-Partit Konservattiv għandu l-maġġoranza neċessarja li biha ser jiggarantixxi dan il-ħruġ.

Fl-Italja

6.     Għalkemm, fl-istess, il-ħsieb dwar dan il-pajjiż kien jibda bil-kliem: “Italy is seldom predictable”, però ħadd ma seta’ jbassar dak li seħħ tul is-sena.  Fil-fatt, il-ħsieb ta’ “The Economist” kien li “Mr Salvini has the luxury of being able to choose between sticking with the Five Stars and returning as undisputed leader of a right-wing alliance”.  Ir-realtà nbidlet ta’ taħt fuq, u kif rajna, kien Luigi di Maio li żamm il-mazz f’idejh.  Żamm il-poter u biddel l-alleati tiegħu.  Flok Matteo Salvini għażel lil Nicola Zingaretti tal-Partit Demokratiku.  Fejn ser imorru tul din is-sena, għad naraw.

F’pajjiżna

7.     F’dan il-ġurnal prestiġjuż, ma kien hemm ebda tbassir għalina fis-sena li għaddiet.  Imma l-eventi li rajna biddlu x-xenarju politiku sew.  Dak li konna qed nisimgħu lil uħud jgħidu li ser iseħħ ma seħħx, imma dak li ma konniex nistennew li jseħħ, fil-fatt seħħ.  Prim Ministru nbidel fi ftit ġimgħat u għal dan, ċertament, ħadd ma kien jaħlef li kien ser iseħħ.  Għadna fuq dan għax naqblu, u ngħidu: “For 2019 has turned out to be another year when what was once almost unthinkable has had a habit of happening.”  X’ser iseħħ f’din is-sena 2020 għad irridu naraw, imma r-regola tibqa’ li wieħed għandu jkompli jistenna dak li ma jistenniex.




Il-futur ħadd ma rah




1.     Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li dak li seħħ f’pajjiżna fi tlett xhur ma setax jitbassar.  Dak li deher daqshekk sod fil-poter, ħadd ma kien jgħid li kellha tiġi mewġa politika fuqu, bħal ma rajna.  Kif seħħ dan, diversi jistgħu llum jispjegawh.  Uħud iridu l-mertu tagħhom.  Uħud jibqgħu, sallum, ma jistgħux jaċċettawh.  Imma r-realtà hija li dak li kien il-Prim Ministru, fil-preżent m’għadux.  Seħħ proċess li bih, min kien wettaq diversi żbalji kellu jħallas il-kont politiku tiegħu.  Ir-responsabbiltà hija ċertament tiegħu, u mhux ta’ ħaddieħor, kif hemm min qiegħed jipprova jgħid.

It-tama għas-sewwa

2.     Bħala persuni fil-politika, f’partit Demokratiku Kristjan, nibqgħu nħarsu ‘l quddiem sabiex titwettaq is-sewwa.  M’għandniex, f’ebda mument, naqtgħu qalbna.  Anqas m’għandna nċedu, jew ingergru fuq dak li nippruvaw inwettqu għax naħsbu li huwa għal xejn.  Nistgħu naħdmu ħafna u nidhru li aħna m’aħniex nirbħu.  Nistgħu nħarsu lura u naħsbu li tlifna s-snin f’ħidma inutli.  Nistgħu nitilfu l-kuraġġ meta naraw uħud jitilquna, jew ma jarawniex iktar kredibbli jew rilevanti.  Imma, mingħajr ma nafu, il-ħidma t-tajba, ladarba hekk tkun, kif diġà rajna, għada pitgħada tagħti l-frott.

Ħriġna minn tmexxija

3.     Anke jekk uħud ma jammettux, illum hemm diversi li qed iħossu li ħarġu minn taħt sistema ta’ Gvern żbaljata.  Sistema li kienet daħlet f’kollox.  Tiddomina, tiddetta, timmanipula u xxekkel lura.  Kontroll qawwi tal-poter tal-Istat.  Kontroll tal-bnedmin u biża’ f’qalbhom f’dak li ser iwettqu jekk jista’ jkun b’xi mod, jew interpretat, kontra dak taċ-ċentru.  Kemm il-persuni li kienu parti mill-Gvern ta’ Muscat huma illiberati, huma jridu jarawh.  Kemm hemm bnedmin li jħossuhom f’arja differenti, għad irridu naraw.  Il-fatt huwa li kien hemm tmexxija li kienet żbaljata ħafna, li issa ħriġna minnha.  Tinsab warajna.

Riedet tkissirna

4.     Avolja, kif nafu, li l-Gvern Muscat kien elettoralment ħafna iktar b’saħħtu wara l-2017, xorta ried ikisser kemm jiflaħ lill-Partit Nazzjonalista.  Ipprova b’kull mezz, u sab għajnuna diretta u indiretta għal dan.  Imma r-riżultat huwa li dan ma seħħx.  Bqajna partit wieħed, bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li r-relazzjonijiet umani jġibu magħhom.  Mhux biss, imma l-bniedem li ġie l-aktar attakkat b’mod qawwi ħafna minnu, li kien proprju l-Kap tal-Oppożizzjoni, irreżista.  Smajna b’diversi allegazzjonijiet.  F’mumenti ma kenitx tgħaddi ġimgħa li ma kinitx tiġi vvintata xi storja ġdida.  Kien hemm proċess sistematiku ta’ fake news li bih daħlet żerriegħa f’ras uħud.  Ir-realtà hija li llum Adrian Delia baqa’ jmexxi, u Joseph Muscat m’għadux.

Mumenti ta’ prova

5.     Kull mexxej jgħaddi minn mumenti ta’ prova.  Fost dawn ikun hemm l-għidut dwaru.  Ikun hemm min javversah, ukoll.  Fil-bniedem li jħares ‘il quddiem, dawn il-fatturi, flok ikissruh jispiċċaw jissudawh.  Jagħmluh politiku aħjar, persuna li tifhem kemm il-politika hija iebsa, u xi jrid jaffronta għada pitgħada.  Dak li jgħaddi minnu jservih ta’ eżami.  Kull mexxej fid-dinja, aqra liema ħajja trid, issib li kellu mumenti minn dawn.  F’uħud iddeċidew tajjeb, f’oħrajn inqas.  Imma fl-aħħar tal-jum, fehmu ferm iktar dak li qegħdin hemm għalih.  Fehmu ferm iktar kemm trid taħdem u tħares dejjem bit-tama lejn il-futur.

Il-Gvern Abela

6.     F’dan, fit-tkomplija ta’ din il-leġislatura fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, hemm ukoll il-mumenti ta’ prova.  Dieħel ċertament fiż-żarbun ta’ ħaddieħor.  Dieħel fl-iżvantaġġ tal-bidla waqt li wieħed qiegħed fil-Gvern.  Ma kellux il-preparazzjoni li tiġi minn meta Kap jintgħażel waqt li l-partit ikun fl-Oppożizzjoni.  Imma minkejja dawn il-pożizzjonijiet, xorta huwa mistenni ħafna minnu.  Huwa mistenni li jkun aħjar minn ta’ qablu.  Mistenni minn parti mill-poplu li jnaddaf kompletament lill-Partit Laburista.  Minn oħra, li jsib xi pożizzjoni ta’ kompromess, fejn minn naħa waħda jidher li qiegħed ibiddel, mentri fil-fatt ikun qiegħed iħalli kemm jista’ dak li wiret.

Għażliet

7.     F’dan hemm iktar l-għażla li l-Gvern Abela għandu issa quddiemu, wara r-riżenja aċċettata tal-Kummissarju tal-Pulizija.  Hemm sistemi varji ta’ kif dan jista’ jsir.  Imma preżentement m’għadx hemm l-ispazju li seta’ kien hemm seba’ snin ilu.  Tant ġraw eventi skandalużi li fihom il-ħidma t-tajba jew le tal-Korp daħlet fin-nofs, li jkun żbaljat ħafna jekk wieħed jibqa’ għaddej.  Is-sitwazzjoni hija gravi; mhix ċertament normali u titlob azzjonijiet tajba.  Hija, anzi, opportunità sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jwettqu l-ġid għal-lum u għal għada.  F’dan, il-Partit Nazzjonalista għandu arma waħda: dik li joffri l-id tal-għajnuna sabiex il-proċedura tal-għażla ssir kif għandha, għal issa u għall-futur.

Triqat differenti

8.     F’dan, il-Gvern Abela qiegħed jagħżel li jirrifjuta din l-okkażjoni.  Qiegħed jirrifjuta li jaċċetta li, kif seħħ f’karigi oħra bħal dik tal-President tar-Repubblika, tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali, ikun hemm qbil u l-vot taż-żewġ naħat tal-Kamra jkun favur.  Mhux veru li s-sistema taż-żewġ terzi ma taħdimx.  Anzi, kif rajna qabel, ħadmet sew.  Għandha bżonn il-kuraġġ li titħaddem iktar.  Din, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li hija l-linja li jara li hija l-aħjar għall-pajjiż tagħna.  Għandu, ċertament, raġun.  Tagħmel il-ġid bħala sistema.  Tagħmel il-ġid fil-mument storiku li fih illum ninsabu.  Tibgħat messaġġ qawwi barra li jagħmel ġieħ lilna lkoll.

Il-jiem li ġejjin

9.     Meta taqbad dawn il-punti kollha, tifhem iktar kemm hemm bżonn passi sewwa, b’direzzjoni ċara, fil-pajjiż tagħna.  Tifhem iktar li d-dmir tagħna jibqa’ li naħdmu bis-sewwa, u għas-sewwa.  Bl-użu tal-verità u tar-raġuni.  Fl-avversità m’għandniex naqtgħu qalbna.  L-esperjenza personali tagħna tgħallimna f’dan.  Għax hemm il-garanzija li meta twettaq sewwa, allura l-bidliet isiru, u jsiru meta ma tistenniex u ma tbassarx.  Kif nafu, u kif nistgħu nagħtu lkoll xhieda tiegħu, il-futur ħadd ma rah, imma l-bidliet iseħħu.
     

25.1.20

IL-GUDJA – RAPPORTI TA’ DELITTI REĠISTRATI





12417. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ delitti reġistrati fl-Għassa tal-Gudja tul is-sena li għaddiet u kemm kien hemm rapporti ta’ serq fl-istess lokalità?

17/01/2020

  ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti li seħħew u ġew reġistrati fl-Għassa tal-Gudja fis-sena 2019 kien ta’ mitejn u ħdax (211)-il każ.  Minn dawn mija u għaxra (110) kienu każijiet ta’ serq.

Seduta  290
22/01/2020


NAZZJONIJIET UNITI - VOTI




12198. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10543, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’kienet ir-raġuni u l-pożizzjoni wara l-vot kontra ta’ pajjiżna fil-vot li ttieħed fil-5 ta’ Diċembru 2018 fil-“Convention on the Prohibition of the Use of Nuclear Weapons” (A/Res/73/74) u “Reducing Nuclear Danger” (A/Rs/73/55) fin-Nazzjonijiet Magħquda?

18/11/2019

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Intperellant li fil-vot li ttieħed fil-5 ta’ Diċembru 2018, fil-Convention on the Prohibition of the Use of Nuclear Weapons (A/Res/73/74) u Reducing Nuclear Danger (A/Rs/73/55) fin-Nazzjonijiet Magħquda, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, qablu fuq pożizzjoni komuni u vvutaw kontra.

Seduta 288
20/01/2020

TRANSPORT MALTA – TWAĦĦIL TA’ BOLLARDS TAL-PLASTIK




12197. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’inhija l-proċedura, dejjem jekk teżisti, li xi ħadd jiġi awtorizzat minn Transport Malta biex iwaħħal bollard tal-plastik fuq il-bankina u fit-triq?

18/11/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, illi l-proċedura biex jiġu nstallati plastic bollards hija li l-entità li tkun tixtieq tinstallahom tapplika għand Transport Malta għal permess permezz ta’ email, ittra,  standard application form jew e-forms.  Normalment tiġi wkoll annessa site plan u / jew ritratt.  L-Awtorità tevalwa r-rikjesta skont iċ-ċirkostazi tal-post u li’ standards u toħroġ “No Objection” jew “refusal” skont il-każ.

Seduta  288
20/01/2020


NAZZJONIJIET UNITI - VOTI


  
12196. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10543, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kif ivvota pajjiżna fil-5 ta’ Diċembru 2018 fil-“Convention on the Prohibition of the Development, Production and Stockpiling of Bacteriological and Toxin Weapons ” (A/Res/73/87) fin-Nazzjonijiet Magħquda?

18/11/2019

  
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-vot li ttieħed fil-5 ta’ Diċembru 2018, fil Convention on the Prohibtion of the Development, Production and Stockpiling of Bacteriological and Toxin Weapons (A/Res/73/87) fin-Nazzjonijiet Magħquda, l-Unjoni Ewropea ħadet pożizzjoni komuni, fejn il-pajjiżi kolha tal-Unjoni Ewropea kosponsorjaw ir-riżoluzzjonijiet inkluz Malta. Ir-Riżoluzzjoni ġiet adottata mingħajr vot.



Seduta 288
20/01/2020

ĦAL TARXIEN – TRIQ IS-SORIJIET - XOGĦLIJIET


  
12195. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru preżentement f’Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien?

18/11/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11900 f’Seduta 280.

Seduta  288
20/01/2020

NAZZJONIJIET UNITI - VOTI


 
 
12194. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10543, jista’ l-Ministru jinforma x’kienet ir-raġuni u l-pożizzjoni wara l-vot ta’ astensjoni ta’ pajjiżna fil-vot li ttieħed fis-17 ta’ Diċembru 2018 għar-“Report of the Human Rights Council” (A/Res/73/152) fin-Nazzjonijiet Magħquda?
 
18/11/2019
 
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-vot li ttieħed fis-17 ta' Diċembru 2018 għar-Report of the Human Rights Council (A/Res/73/152) fin-Nazzjonijiet Magħquda, l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, qablu fuq pożizzjoni komuni u astjenew.
 
Seduta 288
20/01/2020


RAĦAL ĠDID – TRIQ KARL CHIRCOP - XOGĦLIJIET





12193. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru jinforma l-Kamra jekk humiex isiru xogħlijiet sabiex jittaffa dak li għaddejjin minnu r-residenti ta’ Triq Karl Chircop, f’Raħal Ġdid?

18/11/2019

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed tintuża sistema ta’ wheelwashing minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin waqt il-bini taċ-Ċentru Reġjonali Vincent Moran f’Raħal Ġdid.

Seduta  288
20/01/2020

24.1.20

REĠISTRU TA’ ORGANIZZAZZJONIJIET MHUX GOVERNATTIVI - LISTA’ TA’ ORGANIZZAZZJONIJIET.




12205. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11883, jista’ l-Ministru jelenka l-organizzazzjonijiet li hemm sa issa, fir-reġistru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi skont l-art. 10 tal-Att dwar Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta (Kap. 515) kif ukoll, għal kull organizzazzjoni, il-pajjiż li huma stabbiliti fih?

18/11/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta' organizzazzjonijiet li ġew inklużi fir-reġistru ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi skont Art. 10 tal-Att dwar il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta (Kap. 515), inkluż f'liema pajjiżi huma stabbiliti tinsab hawn taħt.

Lista ta' orgnaizzazzjonijiet mhux governattivi Maltin irreġistrati:

1. Maltese - Canadian Federation, Ontario, il-Kanada
2. Leħen Malta TV Program, Mississagua, Ontario, il-Kanada
3. Festa San Ġorġ Association of Toronto, Mississagua, Ontario, il-Kanada
4. Assoċjazzjoni Maltin fil-Belġju asbl - Brussell, il-Belġju
5. Maltese Community Council ta' New South Wales (NSW) l-Awstralja.

Seduta  289 
21/01/2020

KONVENZJONI TAL-MALTIN – PASSI U PROGRAMMI




12202. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’passi u x’programmi ġew preparati għall-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu barra f’Ottubru 2020?

18/11/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru waqqaf kumitat organizzativ biex speċifikament jieħu ħsieb jorganizza u jfassal il-programm tal-Ħames Konvenzjoni tal-Maltin li Jgħixu Barra, liema Konvenzjoni bit-tema: Keeping Connected, se ssir bejn is-6 u s-7 ta' Ottubru 2020. Barra minn hekk fis-17 ta' Ottubru, l-Ministeru bagħat u talab lill-Ambaxxati u l-Konsulati kollha Mlatin biex jiċċirkulaw stedina lill-Maltin u d-Dixxendenti kollha li jgħixu barra minn Malta biex dawn jirreġistraw l-interess tagħhom u jipparteċipaw fil-Konvenzjoni li jmiss. Jien infurmat li bħalissa l-Kumitat organizzattiv għaddej bl-aħħar tħejjijiet fuq l-abbozz tal-programm tal-Konvenzjoni.

Seduta  289 
21/01/2020

KOTBA MIXTRIJA BIL-LINGWA SPANJOLA




12201. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm inxtraw kotba bil-lingwa Spanjola tul dawn l-aħħar tliet snin?

18/11/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li bil-lingwa Spanjola, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu xtrat 311-il ktieb tal-qari u dawn tqassmu fl-iskejjel. L-iskejjel medji u sekondarji nfushom xtraw 518-il ktieb ieħor. Jiġifieri b’kollox inxtraw 829 ktieb bil-lingwa Spanjola.

Infurmat ukoll li f'dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi d-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilitàxtara 1,952 ktieb bil-lingwa Spanjola.

Seduta  289 
21/01/2020

SKEJJEL SEKONDARJI – STUDENTI JISTUDJAW IL-LINGWA SPANJOLA




12200. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jistudjaw il-lingwa Spanjola?

18/11/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel sekondarji u medji tal-istat li qegħdin jistudjaw il-lingwa Spanjola huwa kif se nsemmi: 
Skejjel Sekondarji - 1,194 student
Skejjel Medji - 942 student

Seduta  289 
21/01/2020

ĦAL TARXIEN – TRIQ IS-SORIJIET - XOGĦLIJIET



12199. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru preżentement f’Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien?

18/11/2019

ONOR. JOSÈ HERRERA: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien tinsab lesta mix-xogħlijiet.

Seduta 289
21/01/2020

21.1.20

Mumenti xejn faċli.




1.     Il-mument politiku jibqa’ wieħed diffiċli u kumplikat ħafna.  Minn liema parti wieħed jaqbad jagħti direzzjoni, mhuwiex faċli.  Min daħal fl-għażla li saret fi ħdan il-Partit Laburista jaf li l-passat qiegħed mat-tmexxija tiegħu.  Dan mhuwiex Kabinett li dieħel wara riżultat elettorali.  Dan huwa wieħed li jrid ikompli fuq ta’ qabel.  Min ġie magħżul, u min ġie eskluż.  Min ġie mtella’ ‘l fuq, min tħalla fejn huwa u min tniżżel ‘l isfel.  Irid iħares lejn dak li sar u, jew jikkoreġi bl-iskomdu tiegħu, inkella jħalli kollox kif inhuwa sakemm jiġi l-appuntament elettorali li jmiss.

Partiti jew kurrenti

2.     F’dan huwa iktar ċar li fl-istess Partit Laburista hemm kurrenti varji.  Hemm dawk bażati fuq ir-rabtiet u l-allejanzi personali li ilhom ġejjin tul dawn l-aħħar għoxrin sena.  Hemm ukoll dawk li jemerġu minn ideat, forom ta’ ideoloġiji politiċi.  Dan għax, f’dawn l-ewwel jiem ta’ din it-tmexxija, qiegħed jidher ċar ħafna li hemm żewġ verżjonijiet tal-Partit Laburista.  Hemm, f’dan, neċessità.  Min daħal fil-poter irid juri li huwa differenti minn ta’ qablu.  Wieħed jifhem iktar dan fiċ-ċirkostanzi, imma hemm limitu.  Ma jistax jinċaħad dak li seħħ f’seba’ snin.  Ikrah kemm huwa ikrah il-karru, fih x’fih irid jinġarr.  It-tajn iswed irid jiġi ndirizzat u jitnaddaf.

Verżjonijiet

3.     F’dan hemm l-effett, il-konsegwenza ta’ elezzjoni interna għall-Mexxej u Prim Ministru li seħħew waqt li partit qiegħed fil-Gvern.  Partit jidħol f’żewġ verżjonijiet.  Kliem żejjed bejn naħa lejn l-oħra jsir.  Jinbnew riżentimenti u konflitti li diffiċli ġġibhom lura kif kienu qabel.  Il-mera tixxaqqaq b’mod u manjiera li diffiċli tmexxi, iktar u iktar meta ż-żmien li għad fadal fil-leġislatura mhuwiex wieħed twil.  Kien fih tiegħu meta seħħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Imma hemm kien hemm l-għarfien li deħlin fi żmien ta’ sfida kbira fil-wirt ta’ Prim Ministru li kien daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.  Ma kienx hemm is-sitwazzjoni preżenti.

Ġudizzji?

4.     Mhuwiex il-mument li wieħed jidħol f’ġudizzji dwar kif ser ikun il-futur ta’ din it-tieni verżjoni tal-Gvern Laburista.  Wieħed irid jagħti ż-żmien biex jara x’ser iseħħ.  Imma, fl-istess ħin hemm il-bżonn li jiġu ndirizzati ħafna pożizzjonijiet li ma jistgħux jitħallew iktar lura.  Il-pajjiż irid jimxi ‘l quddiem mhux taħt l-impressjoni li nbidlu l-affarijiet, imma li hemm verament il-prospett li jinbidlu.  Għax huwa fil-linja tal-ħajja li drajna nħarsu lejn il-metodi, il-ħsibijiet, l-istrateġiji u t-tattiċi li l-Gvern Laburista Verżjoni Muscat daħal fihom.  Drajna lkoll, u ser jgħaddi ż-żmien sew biex ikun hemm bidliet.

Il-Verità aċċettata?

5.     Kien hemm min qal li l-verità tgħaddi minn tlett fażijiet.  L-ewwel, tiġi redikolata.  It-tieni, tiġi kontestata.  It-tielet, tiġi aċċettata bħala ovvja.  Dan seħħ tul dawn l-aħħar seba’ snin ta’ tmexxija żbaljata tal-Istat Malti mill-Gvern Muscat.  Għaddejna minn triq twila, jekk dejjem wieħed jaċċetta t-terminu, ta’ “fake news”.  Itteħidna f’toroq li servew, fl-aħħar tal-ġurnata, sabiex il-Gvern għotor u waqa’ kompletament.  Dak li kien qiegħed isir konna, bħala Oppożizzjoni, qed nitkellmu dwaru.  Kemm kien gravi sirna iktar nafu aktar tard, fl-aħħar tlett xhur.  Disgħin jum li fihom il-pajjiż waqaf irid jifhem sewwasew x’laqtu.

Nuqqas ta’ Verità

6.     Il-pajjiż irid ikun jaf il-verità qabel ikun jista’ jibda jaħdem b’kunfidenza.  Biex, kif qiegħed jingħad, jekk verament hekk irridu biex l-iżbalji ma jiġux ripetuti, wieħed irid ikun jaf iktar x’ġara ġewwa Kastilja.  Wieħed irid jifhem iktar kif is-sistema kienet qegħda taħdem bl-effetti tagħha sabiex wieħed ikun jista’ jbiddel.  Jekk hemm min jaħseb li jista’ jieħu deċiżjonijiet politiċi mingħajr ma jispjega, ikun qiegħed biss jassigura iktar li dak li ġara jerġa’ jiġri.  Parti mill-mediċina legali li trid tiġi amministrata tibbaża ruħha fuq dijanjożi preċiża.  Jekk hemm min daħal bil-ħsieb li għandu, direttament jew indirettament jaħbi, qiegħed jitlef u jmur lura minn dmir politiku nazzjonali.

Partit u pajjiż

7.     Fl-għażliet ser joħorġu iktar u iktar, naħa u oħra, dawn il-faċċati fil-linja tax-xogħol.  Il-prijoritajiet mhux ser ikunu faċli.  Dan għax il-Partit Laburista, anki jekk bħalissa għaddej minn proċess li jipprova jindika li għandu diversi “verżjonijiet” jew “kurrenti” fih, huwa ċertament jibqa’ wieħed.  F’għajnejn il-pajjiż ir-responsabbiltà hija, kif għandha tkun, waħda kollettiva.  Kull min kien, b’xi mod, fil-Gvern Muscat huwa assoċjat ma’ dik il-memorja u piż politiku.  Dak li jseħħ fl-ewwel jiem ħafna jħallu għaddej, imma għada pitgħada hemm il-mument meta d-dejn politiku jitħallas.

Responsabbiltà ikbar

8.     Il-ħidma tal-Oppożizzjoni, f’dan qegħda tikber iktar u iktar.  Min, minn dak li qed naraw, qiegħed jipprova jinjora, ser isib li dik hija linja politika mhux tant tajba.  Infakkruh li dak li kienet qalet l-Oppożizzjoni li l-Gvern Laburista Verżjoni Muscat injora, irredikola u avversa, fl-aħħar kellu jiġi aċċettat.  Jidher li f’dan ma nbidel xejn.  Pariri tajjeb li jittieħdu minn kull naħa, speċjalment meta ġejjin mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia.

Biex il-futur jerġa’ jibda

9.     Il-Gvern illum irid jifhem, dejjem jekk irid verament ibiddel, li għandu bżonn lill-Oppożizzjoni.  Dak li qed tgħid u tindika hija, il-Gvern jista’ jaħirbu, imma għada pitgħada wieħed irid jiġu lura għalih.  Il-jiem li ġejjin quddiemna rridu naħdmu għalihom.  Bħala Oppożizzjoni nifhmu aktar dan.  Nifhmu li f’dan il-mument diffiċli għandna d-dmir li naħdmu dejjem iktar.  Naħdmu b’ħarsitna lejn li nassiguraw li l-futur jerġa’ jibda.





17.1.20

Il-bidla ma tistax issir.



1.      Ftit huma dawk li bdew jifhmu pajjiżna minn x’hiex għadda u għadu għaddej.  Kif ġraw u ġew imfassla ser inkunu ilna tlett xhur weqfin nistennew.  Kwart tas-sena ntilfet minħabba l-iżbalji li saru mit-tmexxija tal-Partit Laburista ta’ Muscat.  Nirrepeti dan għax għadni nara u nisma’ b’persuni f’dawn il-gżejjer li għadhom ma fehmux tant li ma jistgħux jaċċettaw li t-tmiem tal-Gvern Muscat nġieb minnu stess.  L-Oppożizzjoni ħadmet sabiex tiftaħ għajnejh.  Sabiex jieħu l-passi neċessarji għas-sewwa, imma huwa għalaqhom u minflok ġie f’dak li ġie.  Dak li kien jidher “normali” rrenda ruħu lura fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni li xejn ma kien, jew għadu, “normali”.

Konsegwenzi fin-nuqqas ta’ normalità

2.      Hemm konsegwenzi differenti fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali tagħna.  Minn nhar it-Tnejn, meta nittamaw li l-Partit Laburista jagħżel kap ġdid, il-pożizzjoni ser tkun mibdula.  Min jaħseb li ser iġib xi żmien tal-“glorja”, jew tad-“deheb”, qiegħed jiżbalja.  Ċertament, ir-realtà ekonomika ser tiddetta miżuri ġodda.  Jekk, kif inhuwa ċar, li l-kummerċ waqaf ħesrem.  Jekk, kif qed naraw, numru ta’ deċiżjonijiet baqgħu ma ġewx meħuda.  Jekk ħafna ġie ridott għal ħidma essenzjali.  L-effetti tagħhom ser nibdew inħossuhom.

Tqabbad il-magna?

3.      Il-magna tal-pajjiż kważi waqfet f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Min dieħel ser ikollu diffikultajiet ġodda li ġew akkumulati minn ta’ qabel.  Ser ikollu jidħol għal xenarju xejn pjaċevoli.  Għat-tajjeb tal-pajjiż, iridu jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri legali u amministrattivi li m’humiex ser ikunu popolari ħafna ma’ min dara jwettaq il-kontra.  Mhux biss.  Iridu jitneħħew numru ta’ persuni minn pożizzjonijiet strateġiċi.  Kollox jibda, però, mill-għażla li min ser jiġi elett ser jagħmel ta’ ministri u segretarji parlamentari.  F’dak diġà ser ikun hemm indikazzjoni ċara ta’ jekk il-magna hix ġdida, hix ser taqbad u fejn hija sejra.

Il-kult tal-personalità

4.      Min ser jidħol irid forsi, f’xi mument jista’ jifhem li x-xenarju politiku nbidel.  Minn politika bażata fuq il-kult tal-personalità, issa wieħed irid imur lura lejn dak li konna mdorrija bih.  Il-fatt li l-Partit Laburista bena l-istrateġija tiegħu madwar persuna waħda.  Il-fatt li tbiddlu n-nies, l-istrutturi tiegħu, biex jagħtu importanza unika lill-kap, f’dawn iċ-ċirkostanzi jridu jinbidlu.  Min dieħel fil-ħsieb li issa “tielgħa xemx ġdida” qiegħed jidħak bih innifsu.  Il-pajjiż m’huwiex proprju fil-burdata li jafdaw mill-ġdid persuna oħra mill-kamp Laburista kif għamlu fil-konfront ta’ Joseph Muscat.  Għalhekk, il-partit ser jerġa’ jkun iktar importanti mill-mexxej tiegħu.

X’linja politika?

5.      Mhux biss, imma x’linja politika ser jieħu min jiġi elett ser tkun hija wkoll kruċjali.  Għandu, forsi, tlett għażliet.  L-ewwel: li jmur kontra dak li wettaq il-Gvern Muscat u jibda jiddikjara, inevitabilment pubblikament, li qiegħed iwettaq dan bi programm politiku ġdid.  It-tieni: li jkompli għaddej fuq l-istess mentalità, bil-klijenteliżmu qawwi, bi preferenzi, nuqqas ta’ trasparenza, akkontabilità u meritu.  It-tielet: imur sabiex ikollu  sieq oħra, jipprova jbiddel u, fl-istess ħin, iħalli l-affarijiet għaddejjin kif kienu qabel.  Ma narax li ser ikun hemm għażliet differenti minn dak li qrajt u smajt miż-żewġ kontedenti.  Fir-realtà, il-pajjiż għandu bżonn linja politika kompletament differenti.

Triq ġdida jew l-antika?

6.      Ir-realtà hija li min dieħel ser ikollu kumplikazzjonijiet umani xejn faċli.  Anzi, il-verità iktar qawwija hija li min ser jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh irid jiġi b’politika kompletament ġdida.  Kemm f’dan hemm l-abbiltà u l-possibiltà għal bidla neċessarja, ħafna għandhom dubju.  Kemm hemm fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista u kemm hemm appoġġ fi ħdan dik il-maġġoranza għal-linja politikament ġdida hemm ferm aktar dubji. Il-“partitarju” dera b’ċertu metodu li issa qiegħed jingħata l-impressjoni ċara li ser jitkompla.  Min jidħol irid jagħżel li jew imur kontra, jew ikompli, b’kif jgħidu, “more of the same”.

Il-Gattopardo Mellieħi

7.      F’dan, wieħed irid jagħti mertu lil min kien fetħilna għajnejna wkoll meta kien hemm il-bidu tat-tmexxija Muscat fil-Partit Laburista.  Kollox kien baqa’ l-istess.  Illum nagħrfu dejjem iktar kemm kollox baqa’ l-istess.  Inbidlu l-uċuh, imma l-politika baqgħet l-istess.  F’dan il-mument l-għażla, direttament jew indirettament, ser teħodna lura għal dak li ġie rifjutat li jinbidel.  Min kellu l-idea li l-“Moviment” ser iġib linja politika differenti, li timplimenta l-ġustizzja soċjali, illum jaf li dan ma seħħx.  Mhux biss, imma l-pożizzjoni ġiet iktar kompromessa.  Dak li seta’ jsir, ma sarx.  Dan, illum, f’dan ix-xenarju ma jistax isir.

Lezzjonijiet nazzjonali

8.      F’dan kollu hemm lezzjonijiet nazzjonali li għandhom jittieħdu.  Nindirizzaw f’dan lill-poplu kollu, imma nafu li hemm parti li, isir xi jsir, ma tistax tassorbi u tirreaġixxi.  Id-daqqa hija qawwija ħafna għal sezzjoni li vvutat lil dan il-proġett politiku li Muscat irrappreżenta.  Ngħidu x’ngħidu, ser ikun diffiċilissimu biex iġġib bnedmin li ilhom maħkuma f’bużżieqa ta’ non-realtà għal iktar minn għoxrin sena lura fi ftit xhur.  Biss, dan ma jfissirx li m’għandux isir, aktar ‘il quddiem, il-proċess tal-bidla nazzjonali.  Dik li minnha wieħed jifhem: l-ewwel x’inhuma l-fatti, sa fejn daħlet il-moffa, sa fejn hemm il-velenu anti-demokratiku; u t-tieni, xi jrid isir biex niġu, għada pitgħada, lura għan-normal.  Meta wieħed iqis kollox, wieħed għandu jifhem ferm u ferm iktar kemm hemm bżonn ma nidħkux bina nfusna.  Nifhmu li l-bidla li wiegħed il-Partit Laburista Muscat ma seħħitx. Nifhmu li hemm, ir-realtà hija li l-Bidla li ma tistax issir illum.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...