29.1.20

Żewġ Papiet




1.     F’dawn l-aħħar jiem inħareġ film li għoġobni, bit-titolu “The Two Popes”.  L-istorja minsuġa b’intelliġenza hija r-rabta li nbniet bejn il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku.  Il-Papiet isiru aktar bnedmin.  Dawk li jirrappreżentaw ideat u kulturi fi ħdan il-Knisja Kattolika, mimlija hija wkoll bit-tastieri fil-mużajk tagħha.  Issa, it-tnejn huma diġà suġġetti ta’ dokumentarji oħra reċenti mill-isbaħ, bħal dak imsemmi “Pope Francis: a Man of his word” .  Imma dan huwa dak li rnexxielu jasal ferm iktar viċin u dirett, mentri oħrajn baqgħi ‘l bogħod.

Il-wiċċ uman

2.     Fih joħroġ iktar ċar l-aspett uman.  It-tnejn għandhom il-linji partikolari tagħhom.  Wieħed aktar “akkademiku”; l-ieħor iktar impenjat man-nies fit-triq.  Karattri differenti.  It-tnejn, però, għas-servizz tas-sewwa.  It-tnejn taw, u għadhom qegħdin jagħtu s-sehem u l-kontribut tagħhom biex jibqgħu strumenti biex iwasslu l-Vanġelu.  It-tnejn sabu ruħhom fil-pożizzjoni li ma ħasbux.  Anzi jidher dejjem iktar evidenti, minn dak li naraw u nqisu sew, li verament xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.

Riżenji

3.     L-istorja tinbena fuq il-parti tal-istorja li Franġisku ried li jirriżenja u jiġi eżentat minn dmirijietu.  Benedittu, b’pass wara pass, jirrifjuta u jasal fil-pożizzjoni li jiġġustifika dan l-aġir.  Iktar ma jkellmu, iktar isir jafu, u iktar jifhem li warajh hemm proċess li ma jistax iżomm.  Pass li, għalkemm mhux imsemmi fil-pellikola, għandu iktar piż meta wieħed jiftakar li l-istess Benedittu kien talab diversi drabi lill-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni biex iħalli lilu jirriżenja u jwarrab, u dak ukoll għamel sew li rrifjuta.  It-tnejn offrew, imma t-tnejn inżammu għas-servizz tas-sewwa.

Kommoventi

4.     Huwa, f’dan, iktar uman u li, mingħajr ma trid, tinġibed biex tarah u terġa’ tarah.  Anzi, huwa isbaħ meta wieħed jikkunsidra li wara li Benedittu XVI irriżenja, qamu diversi teoriji.  Inkitbu artikoli u kotba jippruvaw jagħtu spjegazzjonijiet varji.  Uħud, bħal dak ta’ Giorgio Agamben, iħares lejn ħidmet il-forza tal-ħażen.  L-istess Massimo Cacciari, li jaqbad ukoll dellijiet suwed ħafna.  Kitbiet li huma spekulattivi, anke jekk ibbażati fuq ideat umani li jippruvaw jinterpretaw dak li ma jistgħux jifhmu.  Biss, f’dan il-film hemm spjegazzjoni isbaħ u iktar veritiera.  Benedittu rriżenja u ma ġiebx traġedji.  Anzi, ċaqlaq mill-ġdid id-dinja, għax għalkemm kien ilu sew ma jkun hemm dan, xorta kien fid-direzzjoni t-tajba.  Imma hawn, forsi wkoll nistgħu nifhmu aħjar li l-p huma bnedmin ukoll.

Midinbin

5.     Meta Benedittu kien ġie elett mill-Kulleġġ tal-Kardinali, fl-ewwel kelmiet tiegħu irrefera għal dik il-parti tal-Vanġelu fejn iddefinixxa ruħu bħala “serv inutili tal-Mulej”.  Daqshekk umiltà kienet laqtitni.  Ma stajtx, proprju, nirrikonċiljaha.  Imma llum nifhem iktar faċċata li ma kontx qed nara, u li issa naħseb li qiegħed.  Il-film joħroġ b’marka ċara li l-papiet huma bnedmin, u huma wkoll midinbin.  Strumenti f’idejn min ħalaqna.

Dixxendenti tal-Appostli

6.     Ma hemm xejn ġdid f’dan, ħlief li nħarsu lura lejn San Pietru, l-ewwel Papa.  Kien midneb huwa wkoll.  Kien hu li, kif nafu fil-Vanġelu, kellu d-dgħjufijiet tiegħu.  Imma fit-triq magħżula għalih kien il-ġebla li fuqu tfasslet u nbniet il-Knisja Kattolika.  Anzi, San Pietru kien dak l-appostlu li jidher l-iktar bħala midneb fost l-Appostli.  L-abbandun fil-mument tal-prova.  Imma dawn iż-żewġ Papiet isibu ruħhom fl-istess pożizzjoni, u għalhekk qegħdin isegwu l-passi tiegħu.

Fil-Verità

7.     Irid jingħad ulterjorment li għalkemm kien hemm ħafna li ma qablux li Benedittu jirriżenja, iż-żmien issa tana iktar parir.  Kien pass għaqli tiegħu.  Ma rajniex nuqqas ta’ kontinwità, anqas xi “konflitt”.  It-tnejn ġew katina importanti f’mument xejn faċli għall-Knisja Kattolika.  Biss, it-triq ‘il quddiem baqgħet.  Anzi, minn dak li nara, Franġisku rnexxielu jagħti ħajja ġdida.  Irnexxielu jkompli jibdel.  Irnexxielu jmexxi ‘l quddiem.  Irnexxielu jibni fuq ħidmet Benedittu u jassigura iktar ċaqliq u riformi li qegħdin, biċċa biċċa, jsiru.

Arawh

8.     Jien, li nieħu pjaċir naqra kitbet dawn iż-żewġ Papiet, iktar minn darba nammetti li dan il-film ħaqqu ta’ min jarah.  Jien, kif għidt, rajtu iktar minn darba, u kull darba sibt punti, kliem u riflessjonijiet ġodda.  Ma fihx kontenuti żbaljati, anzi, li jressqu lejn is-sewwa.  Messaġġ tajjeb, aktar u aktar f’soċjetà fejn lill-Papa hemm min jikkontestah u jċekknu.  Messaġġ li jġib lura u jwassal ferm iktar milli strumenti oħra jistgħu.  Inħajjarkom, proprju għalhekk, li tarawh intom ukoll, u li forsi jiġi kkunsidrat li l-Knisja tara li jiġi divulgat iktar minn fuq il-pulpti tagħna.





No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...