17.1.20

It-triq it-twila.



1.      Ħadd ma jista’, b’xi mod iċekken il-livell tal-ħsara li saret lil pajjiżna.  Jiżbalja min jipprova jaħrab minn dak li għandna quddiemna.  Dak li seħħ taħt Gvern Laburista ta’ Muscat ser jibqa’ magħna għal żmien itwal milli ħaddieħor qiegħed jagħti x’wieħed jifhem.  Biex noħorġu minnu hemm bżonn ħafna passi tajba.  Hemm bżonn, ċertament, ferm inqas konfrontazzjoni min-naħa tal-Partit Laburista, li qiegħed fil-maġġoranza bħalissa.  Min jimmaġina li ser jibqa’ għaddej waħdu, mingħajr l-appoġġ ta’ diversi, ma jafx x’inhuwa jgħid.  Hemm proċess twil li jitlob ferm u ferm attenzjoni, u inqas u inqas slogans politiċi li jġibu l-firda u jindikaw immaturità politika.

Formula unika?

2.      Ma hemmx, f’dan, triq waħda, jew soluzzjoni unika.  Wisq inqas ma hemm xi proċedura maġika u infallibbli.  Hemm bżonn ta’ diversi inizjattivi biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.  Fosthom, l-ewwel: li jibda billi jiggarantixxi tmexxija tajba u nadifa minn issa ‘l quddiem; it-tieni: sabiex jidħol fi proċess li minnu jirbaħ il-kunfidenza tal-Istati Membri l-oħra fl-Unjoni Ewropea; u t-tielet: sabiex jara li l-poplu tittaffilu t-tbatija ekonomika, soċjali, kulturali u loġistika li ser jgħaddi minnha.  Ir-raba’: sabiex nikkunsidraw x’passi ekonomiċi għandna nidħlu għalihom sabiex ngħinu u ma nieqfux mill-iżvilupp li dħalna għalih fi snin twal ta’ ħidma.  Fir-realtà, hemm bżonn programm fit-tul, u mhux fil-qosor.

Din hija r-realtà

3.      Forsi fi ħdan il-Partit Laburista ftit għadhom fehmu kemm il-problema hija serja u gravi.  Jista’ jkun ukoll, fuq in-naħa l-oħra, li ħafna kienu jafu b’dak li kien għaddej u ma żammewx l-affarijiet milli jkomplu.  Biss, biex iġġib Gvern li kien imdorri jaħdem b’ċertu sistema żbaljata lura biex jaħdem tajjeb, hemm bżonn bidliet kulturali li ma huma faċli xejn.  Daħlet issa, wara seba’ snin, prattika, metodu, li tant qegħda kullimkien li ma tistax tinbidel b’sempliċi dikjarazzjonijiet.  Wisq u wisq inqas bil-bidla sempliċi tal-Prim Ministru tal-pajjiż.  Iktar u iktar meta dan, flok jersaq għad-djalogu u l-parteċipazzjoni, iżomm il-linja tal-Gvern Muscat u jwebbes rasu fit-torri ta’ Kastilja.

Kif żviluppaw

4.      Tajjeb, proprju f’dan, li wieħed iħares lura lejn dawn l-aħħar sentejn, biex jifhem iktar dak li kien qiegħed jgħaddi minn ras il-“potenzi” Muscatjani.  Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu kemm kienet importanti għalihom, dak iż-żmien, li l-Partit Nazzjonalista jiġi attakkat inġustament u b’metodi xejn tajba.  Kien hemm żewġ prijoritajiet: l-ewwel: li l-Partit jgħaddi minn żmien li jidher li huwa maqsum f’għajnejn il-poplu; it-tieni: li kontinwament jintbagħtu messaġġi negattivi dwar l-abbiltajiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia.  Niftakru kif, għal kważi tmintax-il xahar, Muscat kien, kull nhar ta’ Ħadd, jibgħat dawn iż-żewġ messaġġi u jgħid li ma hawnx Oppożizzjoni fil-pajjiż.

Hawn Oppożizzjoni, u qegħda tissoda

5.      Hemm, f’dan, kif iseħħu l-eventi tal-ħajja.  Forsi b’doża li għandek dejjem tistenna dak li ma tistenniex.  Biss, il-bniedem liried iwettaq din l-aġenda negattiva, sab lilu nnifsu fl-istess pożizzjoni ta’ dak li kien qiegħed jgħid li ħaddieħor għandu.  Il-ġebla li xeħet u għatta jdejh, issa ġiet lura fuqu.  Huwa ser ikollu jitlaq minflok, u l-Partit Laburista qiegħed, biex ngħidu l-inqas, f’mument diffiċli ħafna.  Il-mewġa l-kbira għaddiet minn fuq il-Partit Nazzjonalista f’Lulju.  Biss, issa, ħadet magħha lil min kien jidher tant b’sod u b’saħħtu.  Il-politika hija, kif għidt drabi varji oħra, pendlu – daqqa tmur naħa u daqqa tmur oħra.

Ġie fi kliemna

6.      Kien żball tal-Gvern Laburista ta’ Muscat, u kollu kemm huwa, li njora, żeblaħ u ċekken id-diversi sejħiet li sarulu mill-Oppożizzjoni sabiex jieħu azzjoni u jibdel lilu nnifsu u diversi liġijiet.  Kien, f’dan, ċertament negattiv, li tilef opportunitajiet tad-deheb biex ikollu kunsens nazzjonali.  Tilef f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: ġie umiljat għax irid iwettaq, issa, dak li kien ilu jiċħad li għandu jwettaq.  Irid imur lura mill-kelma tiegħu u jieħu dak li, anzi, kien jgħid li m’għandux iseħħ.  It-tieni: wassal messaġġi ta’ ħsara kbira fis-soċjetà għal min ġie quddiem bil-proposti.  Żera’ żerriegħa kontra s-sewwa, u issa qiegħed ikollu jaqta’ l-frott tagħha huwa stess.

Il-bidla demokratika

7.      Il-forza politika demokratika tgħallem li l-poter jgħaddi minn id għal oħra.  Jgħaddi minn partit għal ieħor.  Biss, f’dan kien żball tal-Partit Laburista li jipprova jaqta’ barra lill-Partit Nazzjonalista fil-ħajja u l-ħidma li l-istituzzjonijiet demokratiċi jitolbu.  Kieku kien iktar pożittiv u miftuħ fl-ideat seta’ jsir iktar.  Kieku ma daħħalx lilu nnifsu fir-retorika li m’għandux jisma’ l-vuċi tal-Oppożizzjoni, kieku ma ġiex f’dan.  Partit fl-Oppożizzjoni jiġi bil-vuċi u l-ħsibijiet tiegħu, dejjem.  Sija jekk ikun dak attwali, kif ukoll jekk ikun hemm ieħor.  Biss, il-pajjiż ma jimxix ‘il quddiem jekk ma jkunx hemm, kemm jista’ jkun kunsens, djalogu, kompromess u qbil.

Għandhom bżonn tal-Oppożizzjoni

8.      Kif inhija s-sitwazzjoni, issa ġiet iktar u iktar li l-Gvern għandu bżonn l-Oppożizzjoni.  Mingħajrha mhux ser jimxi sabiex iġib lura xi forma ta’ kredibilità.  Mingħajrha mhux ser jifhem id-dimensjonijiet u l-kumplikazzjonijiet sħaħ ta’ dak li għaddejjin minnu.  Mingħajrha m’huwiex ser ikollu r-riżorsi għall-ideat tal-bidla, u jispiċċa li jkun irid jimita u jirrepeti dak li m’huwiex konvint minnu.  Iktar ma xi ħadd fil-Gvern jifhem dan malajr, iktar ikun aħjar għal pajjiżna.  Iktar ma xi ħadd jifhem, anzi, li s-sitwazzjoni m’għadhiex bħal ma kienet sa’ Settembru 2019, iktar aħjar.  Is-sitwazzjoni politika nbidlet, u sew, u proprju għalhekk li s-soluzzjonijiet iridu jkunu verament rilevanti.  It-triq għal pajjiżna hija f’hekk, ċertament, waħda twila.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...