31.8.23

IL-FUTUR TAL-KONSEGWENZI

1. L-Imperatur Ruman Marcus Aurelius (121-180 W.K.), fil-ktieb magħruf tiegħu Meditazzjonijiet jikteb fuq diversi suġġetti, l-iktar politiċi, b’sens u għaqal kbir. Fost dawn, ġiet quddiemi din is-sentenza: “Look closely at the past and its changing Empires, and it is possible to foresee the things to come.” (Ħares bir-reqqa lejn dak li għadda fil-passat u t-tibdil fl-Imperi varji, u jkun possibbli li tipprevedi dak li għad irid iseħħ.) Wara tant sekli ta’ storja, wara tant renji li qamu u ddominaw għal żmien qasir fl-umanità, ilkoll għandhom lezzjonijiet x’jgħaddulna. Hemm min waqt li jaqra jagħraf jeħodhom fit-tajjeb; uħud le. Hemm però iktar, sfortunatament, dawk li ma jaqrawx għax jaħsbu li kienu huma li twieldu l-ewwel u li huma l-iktar bravi f’kollox.

Jivvintaw il-ħajja


2. Dawk li fil-fatt jaħsbu li għandhom l-abbiltà li jivvintaw il-ħajja u jilludu ruħhom li dak li seħħ f’ħaddieħor jew lil ħaddieħor mhux ser jiġri lilhom jimmaġinaw li huma tant tajba li ser jiżgiċċaw għar-regoli tal-ħajja. Dawk li messew magħhom diversi tiranni, monarki, imperaturi li wara l-glorja messew id-dulur tad-diżunur. Hemm min jidħol jimmaġina li ladarba għandu l-poter f’idejh, kull ma jagħmel huwa ġustifikat u leġittimu. Bnedmin li jiksru r-regoli tal-ħajja u jaġixxu b’mod żbaljat fil-konfront ta’ dawk li jkolhom f’idejhom ir-responsabbiltà. Bnedmin li f’mumenti jidhru tant sodi u nvinċibbli imma li ż-żmien, wara, iġibhom f’posthom. Hemm lista ta’ dittaturi li għaddew minn dawn it-toroq. Uħud midfuna u lesti; oħrajn għadhom jirrenjaw fid-dinja immaġinarja tagħhom.

Hekk rajna

3. Jekk fl-aħħar żewġ artikoli li raw id-dawl f’din il-gazzetta messejt mal-perikli u l-konsegwenzi tal-ubbidjenzi, illum xtaqt nidħol fuq dak li qiegħed iseħħ quddiemna. Meta tara l-linji awtoritarji, dittatorjali li rajna fl-aħħar seklu ta’ Adolf Hitler fil-Ġermanja, ta’ Benito Mussolini fl-Italja u dawk ilkoll responsabbli fl-Imperu Ġappuniż. Meta tqis dak li ħareġ u rriżulta mill-fatti f’żewġ proċessi uniċi fl-istorja: dawk ta’ Norimberga (1945-1946) u dak ta’ Tokjo (1946-1947) tifhem kemm il-bniedem jibqa’ jwettaq l-istess żbalji. Tifhem kif, minkejja l-eżempji li l-istorja passata pprovdiet għalihom, xorta għażlu li jaqbdu toroq li minnhom kasbru ’l-bniedem. Neħħewlu mid-dinjità tiegħu f’isem is-suppost “suċċess” tar-rebħiet fuq il-kampijiet tal-battalja. Ilkoll nafu kemm persuni mietu fl-aħħar gwerra dinjija. Kemm miljuni ħallew ħajjithom maqtula fi proġetti militari li minnhom ma twieled xejn ħlief traġedji.

Proċessi legali

4. Kif kien ingħad tajjeb minn Hans Ehard (1887-1980), politiku Tedesk u ministru tal-pajjiż: “Those who forget. Then they would understand more readily that the tragic today had to develop from the criminal yesterday.” (Għal dawk li jinsew. Wara jifhmu aħjar li t-traġedja tal-ġurnata żviluppat mill-kriminalità tal-bieraħ.) F’dan, diversi li ġew ipproċessati kienu membri fil-forzi armati rispettivi. Huma kienu fil-maġġoranza, għalkemm mhux waħedhom, għax kien hemm oħrajn. Kienu huma li esegwew ordnijiet li ngħatawlhom mingħajr ma rreżistew għalihom. Għax m’għandekx bżonn bnedmin ħżiena biex iservu sistema ħażina. “Ordinary people are easily integrated into malevolent systems.” (Persuni normali huma faċilment integrati f’sistemi malizzjużi.)

Ġie stabbilit

5. F’dawk il-proċessi ġew stabbiliti diversi prinċipji għaċ-ċiviltà sħiħa tagħna. Ibda mill-iktar importanti: dak li, għall-ewwel darba, il-bnedmin li daħlu għall-gwerra ta’ aggressjoni u l-konsegwenzi sħaħ tagħha ġew miżmuma responsabbli ta’ kollox. Fihom ġew stabbiliti wkoll tlett forom ta’ delitti prinċipali: dawk, l-ewwel, il-Crimes against Peace (Krimini kontra l-Paċi); it-tieni: il-War Crimes (Krimini tal-Gwerra); u t-tielet, il-Crimes against Humanity (Krimini kontra l-Umanità). Prinċipji u delitti kriminali li ġew estiżi u żviluppati fil-proċess normali ta’ perfezzjoni tal-liġi fl-International Criminal Court (Qorti Kriminali Internazzjonali), kif inhija parti wkoll mis-sistema ġuridika tagħna fil-Kapitolu 453 tal-Liġijiet ta’ Malta, kif ġie fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2003. Pass ieħor li ġieb numru ta’ dittaturi oħra proċessati u kkundannati.

Unjoni Ewropea

6. Illum hemm preċedenti legali varji, fejn minnhom ħarġu passi li jassiguraw li hemm il-konsegwenzi. F’dan, ċertament, jidħol fix-xenarju dak li għaddej fl-Ukrajna, fil-gwerra ta’ aggressjoni li Vladimir Putin daħal għaliha. Ir-rapporti li għaddejjin u dak kollu li qed naraw quddiemna juru biċ-ċar li ma kien hemm ebda raġuni valida sabiex din l-istraġi tibda u tibqa’ għaddejja. Wisq inqas li jiġi, b’xi mod, aċċettat jew ġustifikat il-qtil ta’ tant persuni innoċenti, tant atroċitajiet u tant tkissir u tifrik li hu għaddej. Ix-xenarju huwa lura mill-ġdid fil-qies u d-dimensjoni li mexxejja politiċi preċedenti daħlu għalihom. F’dan hemm responsabbiltà morali u legali li qed tikber dejjem iktar ma’ kull ġurnata. F’dan il-proċess li, fl-aħħar mill-aħħar, irid jieqaf u jispiċċa.

Għandha raġun

7. F’dan, għandha raġun Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, li qed tinsisti li jittieħdu passi li jinvestigaw jekk sarux delitti li ġew stabbiliti f’Norimberga u Tokjo. Daqshekk ieħor li jitwaqqaf Tribunal Speċjali sabiex jiġu proċessati dawk kollha responsabbli. F’dan, sija min ta l-ordnijiet, kif ukoll min qiegħed jesegwihom. Id-difiża li xi ħadd wettaq azzjonijiet żbaljati fuq Ordnijiet Superjuri ilha li spiċċat mill-1945, u hawn tajjeb wieħed jgħid li għaliha l-Unjoni Sovjetika kienet firmatarja. Biss, dan irid isir fi ħdan Tribunal Speċjali għax il-Federazzjoni Russa, flimkien ma’ super potenzi oħra, mhix firmatarja tat-trattat li jġib fis-seħħ il-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Dak li ġej

8. Dak li ġej għal għada pitgħada ser ifakkarna f’dak li qal dak l-Imperatur Ruman Marcus Aurelius. Għax kif jidher ċar, meta nħarsu lejn il-passat, lejn l-istorja nifhmu li hemm lezzjonijiet li jridu jittieħdu. Dak li għaddej ser ikollu l-konsegwenzi sħaħ tiegħu. Dawk kollha li ħadu, u li qed jieħdu sehem u jesegwixxu dawk li jiġu definiti minnhom bħala “Ordnijiet Superjuri”, huma żbaljati. Forsi, kif nafu, d-dinja mhix perfetta, imma fil-proċess tal-eżistenza tagħha mxiet ferm ’il quddiem mill-passat. Hemm, issa, liġijiet fiċ-ċiviltà tagħna li jistabbilixxu konsegwenzi fil-futur.

GĦAD IRRIDU NIFHMUH - Fil-75 anniversarju mill-mewt ta' IL-GROSS

1. Il-politiċi tallum għandhom il-vantaġġ li jaraw il-pubbliku u lill-elettorat isegwuhom b’faċilità akbar. Drabi jiġu segwiti u f’mumenti oħrajn imqabbla ma’ dawk passati. Fil-preżent ninnota u nsibni b’ħafna iktar persuni li jitkellmu u jsemmuli politiċi ta’ ġenerazzjoni oħra. L-iktar dik li mexxiet lill-pajjiżna mill-1987 ’il quddiem. Nisma’ diskors ta’: “Dak kien żmien!”, u fil-fatt, hekk kien. Kull persuna għandu t-talenti u l-abbiltajiet partikolari tiegħu. Daqqa jkun fid-dawl pubbliku u jurihom, u daqqa jservi bihom fid-dell li l-politika attiva tixħtek fih.

Ġenerazzjoni

2. F’dan, però, nisma’ tifħir għal dawk tal-ġenerazzjoni ta’ qabel. Ħafna drabi dak dipendenti fuq memorja kollettiva. Din il-memorja kollettiva daqqa tkun preċiża u daqqa inqas, imma fil-kumplessità ta’ dak li seħħ u fil-kuntrast ta’ dak li huwa llum hemm ideat varji, rispett u għarfien. Għarfien li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kellna diversi deputati li servew b’intelliġenza, għaqal u umiltà. Biss, issa li għaddejjin diġà minn tibdil ġenerazzjonali ieħor, politiċi li kellna tletin sena ilu qegħdin, biċċa biċċa, jintesew. Għad hemm simpatija qawwija minn uħud għal xi wħud minn dawn il-mexxejja tagħna, imma l-verità hija li l-influwenza politika tagħhom fl-ideat u fid-direzzjoni mogħtija minnhom qegħda tonqos.

Hemm sfida

3. Nuqqas li jikber f’numru ta’ direzzjonijiet. L-ewwel: il-politika kif qed titħaddem illum mhix waħda li għandha warajha l-kunsens popolari. Mhix anqas dik li qed tispira lin-nies bl-istess mod li kienu jaraw qabel f’politiċi oħra bħal meta kienu jsegwu d-diskorsi u l-ħidmiet ta’ George Borg Olivier, Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Alfred Sant u oħrajn. It-tieni: għadna ma bnejniex biżżejjed klima ġenerali ta’ dibattitu politiku li fih jittieħdu, kemm jista’ jkun b’mod oġġettiv, l-ideat u n-nuqqas ta’ qbil politiku passat. Kull darba jrid ikun hemm timbru jew palata li naħa kellha iktar raġun minn oħra, meta fil-verità kull naħa kkontribwiet biex wasalna għal numru ta’ deċiżjonijiet tajba. Qisna, wara tant snin, għadna ma nistgħux nissuperaw kunflitti passati. Għad hemm min iżomm għal dak li anqas hu ma ħa sehem fih.

Pass ieħor

4. Diġà, dan waħdu huwa ċar u evidenti, imma daqshekk ieħor hemm id-diffikultà li wieħed jispjega l-importanza ta’ numru ta’ deputati li servew mill-1921 sallum. Mertu tagħhom li għandna s-sistema demokratika tagħna. Mertu tagħhom li għandna liġijiet tajba. Mertu aktar tagħhom għar-reputazzjoni tajba li pajjiżna jgawdi u li jixraqlu. Poplu intelliġenti, bilgħaqal u li huwa preparat jaħdem biex jimxi ’l quddiem mingħajr ma jiddependi fuq ħadd. Ġżejjer fil-Mediterran li kellhom fuqhom bnedmin deċiżi, u fil-verità kapaċi, li jiddeċiedu huma l-futur tagħhom u ma jibqgħux kolonja jew protettorati. Bnedmin li, meta fil-fatt taqra ħidmiethom tifhem li kienu ġenerużi, qalbiena, u anki jekk neċessarjament ma taqbilx ma’ kull ma qalu tagħraf li kienu repożitorji ta’ għerf u kultura.

Sibtni

5. Dwar dan iktar sibtni, tul dawn l-aħħar ġimgħat, fil-ħsieb li għandi nikteb l-artiklu ta’ dan il-Ħadd. Dan għax fid-29 ta’ Awwissu 1948 nannuwi, Carmelo Mifsud Bonnici magħruf bħala “Il-Gross”, ġie msejjaħ lura għal għand il-Ħallieq. Fil-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-mewt tiegħu ħassejt li jkun sewwa, mhux tant għalija, kif nista’ nħajjar iktar interess fih. Għalkemm reċentement xi ħadd bagħtilna ftit sekondi minn pellikola antika fejn jidher ħaj, jien nafu iktar mill-kitba tiegħu, li hija voluminuża, sabiħa u studjata, kif ukoll ta’ oħrajn dwaru. Iktar ma naqra mid-dibattiti parlamentari li ħa sehem fihom, iktar nifhem li kien persuna mimlija intelliġenza, kultura, qari, attent għal dak li kien għaddej mhux biss fis-soċjetà fejn kien jgħix, imma anke barra, fil-kontinent Ewropew. Persuna dedikata, bieżla għall-aħħar u determinat li jkun għas-servizz tas-sewwa.

Ġustizzja Soċjali

6. F’dan, hemm diversi bnedmin li messew miegħu, kellmuh u għarfu li kellu kwalitajiet uniċi. Kien kapaċi jitkellem ma’ kull faxxa ta’ nies fis-soċjetà u kien deċiż li jaqbeż għall-bnedmin li kienu l-iktar ’l-isfel. Kien il-persuna li beda l-proċess sabiex jitwieled l-istat soċjali f’pajjiżna, b’liġijiet li ntroduċew il-pensjonijiet, bil-liġi magħrufa bħala dik tal-Widows and Orphans tal-1927. Kontra kull kurrent f’ambjent imperjalista għall-aħħar. Imma rnexxielu, u beda proċess uniku għal pajjiżna. Bniedem li f’dan sofra wkoll minn dawk li ma qablux miegħu, jew li fil-fatt kienu avversi għalih. L-ideat tiegħu ma kinux tradizzjonali, anqas konservattivi, iżda progressivi. Ried, u rnexxielu, jieħu l-aqwa ideat ta’ pajjiżi oħra biex jintroduċihom hawn.

Opinjonijiet

7. Dawk li saru jafuh kitbu dwaru jew għamlu diskorsi għalih. Ħafna drabi nsib kitbet Eric Robert Shepherd fil-ktieb Malta and Me, li fih dan il-professur tal-Letteratura Ngliża jfaħħar lil nannuwi sew. Imma missejt ma’ oħrajn. Fosthom dak li kiteb Charles Bonham-Carter (1876-1955), li fiż-żmien kien serva f’pajjiżna bħala Gvernatur mill-1936-40. Fil-ktieb, fl-1936, wara li kien sar jafu jikteb hekk: “The last, Mifsud Bonnici (the Gross), is a great character; his enormous bulk commands notice wherever he goes and at first it rather put me off. But he has a really fine and very active brain and is a most thorough and conscientious worker. He is the most highly educated and cultivated man I have met in Malta and he has enormous influence in his own town of Cospicua and among a very large number of the moderate Nationalists. He is a fighter but at bottom a man of moderate views, and he is of great value in Council.”[1] (L-aħħar membru tal-Kunsill, Mifsud Bonnici (il-Gross) fih karattru: il-persuna goffa tiegħu tikkmanda l-attenzjoni kull fejn imur, u fil-bidu ma tantx ħadt grazzja miegħu. Però għandu moħħ attiv u fin, u huwa persuna mill-iktar attent u kuxjenzuz f’ħidmietu. Huwa l-iktar persuna edukata u mrawwma tajjeb li fil-fatt iltqajt miegħu f’Malta u għandu influwenza enormi f’beltu Bormla u fost ħafna Nazzjonalisti moderati. Huwa kombattiv, imma fondamentalment persuna ta’ ideat moderati u huwa ta’ valur kbir f’ħidmet il-Kunsill).

Moħħ attiv

8. Proprju f’dan kien persuna li seta’ jagħti iktar fil-ħajja pubblika, għax kien bniedem ta’ kultura. Il-pubblikazzjoni li kienet saret fl-2012, bit-titlu Il-Gross. Il-Kontribut Letterarju, li fiha ġabra ta’ poeżiji, diskorsi u kitbiet varji fuq bnedmin tal-letteratura jixhdu dan. Juru iktar li fil-kitbiet tiegħu dwar George Bernard Shaw, Alessandro Manzoni, Wolfgang Goethe, Byron, Coleridge u Sir Walter Scott fost l-oħrajn, kien hemm warajhom riċerka attenta. Analiżi tas-suġġett, tal-persunaġġ u wara l-għarfien preċiż u dirett sabiex il-pubbliku li ma kienx familjari miegħu jsir jafu. Ħidmietu f’dan għadha sallum kapaċi tfiehem u tmexxi ’l quddiem lill-bnedmin biex jaqbdu f’idejhom il-kotba, li baqgħu l-ħbieb tiegħu sal-aħħar, u jaqrawhom. Mhux biss, imma hemm kontinwament il-linja li fiha l-prinċipji etiċi Nsara jiġu mressqa u mqegħda ’l quddiem.

Ġeneruż

9. L-ideat tiegħu fil-politika u barra minnha nfluwenzaw, u jibqgħu, għal min jaqrahom. F’dan, però, meta wieħed jara kemm kiteb u kemm ħadem jifhem li dan kollu seħħ minħabba l-ġenerożità, il-bżulija u l-enerġija li kellu. Dejjem irid isir jaf iktar, u ppreparat jimxi ’l quddiem minkejja l-avversitajiet li l-ħajja għoġobha tpoġġi quddiemu. Dan fil-kuntest ta’ bniedem li ma qatax lilu nnifsu ’l bgħid min-nies, imma li baqa’ jgħix u jaħdem magħhom. Bniedem pożittiv, li snin wara jibqa’ ta’ ispirazzjoni mhux biss, u ċertament, għalija, imma għal kull min irid jagħti sehem veru u siewi fil-ħajja pubblika. F’dan l-anniversarju, għalhekk, nista’ biss inħajjarkom taqrawh u tapprezzaw kemm pajjiżna kellu x-xorti li jkollu deputati u mexxejja uniċi, li l-wirt tagħhom għad irridu nifhmuh.

[1] The Bonham-Carter Diaries, Publishers Enterprises Group (PEG), 2004, paġna 118

IL-KONSEGWENZI TAL-UBBIDJENZI

1. Biex inkompli mal-aħħar artiklu bit-titlu Il-Fruntiera tal-Ubbidjenza, xtaqt inżid dawn il-ħsibijiet. Fl-għarfien li l-ubbidjenza hija, ħafna drabi neċessità fis-soċjetà umana tagħna, din però ma tnaqqasx mir-responsabbiltà tal-bniedem meta l-ordnijiet ikunu żbaljati u immorali. Anzi, fid-dawl tal-esperjenza li l-istorja tgħaddilna bħala persuni, votanti u parteċipanti politiċi għandna dmir partikolari li nqegħdu f’pożizzjonijiet ta’ awtorità lil dawk li huma l-aktar kapaċi jużawha b’umanità. U dan jgħodd sija għal dawk li nivvutaw għalihom, kif ukoll għal dawk li jiġu magħżula minn dawk li jiġu vvutati. Rajna ħafna, u għadna naraw fil-preżent tagħna minn dawk li jiżbaljaw. Rajna varjetajiet ta’ tmexxijiet, uħud li rnexxew u wħud le. Imma f’dan xorta għandna, fl-għarfien li min għandu l-poter jesiġi miegħu l-ubbidjenza, fuq in-naħa l-oħra nagħrfu wkoll illi għandna mmorru lejn toroq fejn nagħtu u nissudaw iktar il-kuxjenza biex ikollna saħħa akbar li tirreżisti l-awtorità żbaljata.

Proċessi ta’ Nurimberga

2. Min jabbuża mill-poter u min jesiġi ubbidjenza fuq naħa u min, fuq l-oħra, joqgħod għaliha jaf li għandu konsegwenzi li ser imiss magħhom. Dan hu li ġara f’dawk li mxew wara Adolph Hitler u l-ġennati tiegħu. Hekk seħħ b’min ma kkontestax imma esegwixxa, fis-suppost “dmir” li jwettaq, azzjonijiet li kuxjenztu kienet qed tniggżu bihom. F’dan għandna niftakru li bejn l-20 ta’ Novembru 1945 u l-1 ta’ Ottubru 1946 kien hemm proċess legali kontra numru minn dawk li kellhom responsabbiltà fl-aħħar gwerra dinjija. Kien att ta’ ċiviltà li bih ġie stabbilit li hemm imġieba umana li mhux biss hija moralment kundannabbli, imma anke kundannabbli legalment. Kien att li mmarka l-istorja taċ-ċiviltà umana meta, fit-8 t’Awwissu 1945, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja Sovjetika, Franza u l-Ingilterra ffirmaw ftehim partikolari: dak imsejjaħ Agreement for the Prosecution and Punishment of the Major War Criminals for the European Axis. (Ftehim sabiex jiġu pproċessati u kkundannati d-delinkwenti kriminali prinċipali tal-Forzi Ewropej tal-Assi).

Deċiżjoni importanti

3. Seta’ kien hemm min ressaq argumenti varji kontra t-twaqqif ta’ dan it-Tribunal Speċjali. Imma fid-dawl ta’ dak kollu li ħareġ minnu, wieħed jikkonkludi li kienet deċiżjoni importanti fl-istorja umana. Dan għax, għall-ewwel darba daħal il-prinċipju li min jidħol fil-gwerra għandu responsabbiltà li jrid iġorr. Mhux biss għax ġew stabbiliti l-Krimini kontra l-Paċi (Crimes against Peace), il-Krimini tal-Gwerra (War Crimes) u l-Krimini kontra l-Umanità (Crimes against Humanity) bħala delitti, imma għax saret il-prova tagħhom waqt il-proċess. Fiż-żmien li nġabru l-provi u bl-argumenti li tressqu, sija mid-difiża, kif ukoll mill-prosekuzzjoni ħarġu fid-dawl l-atroċitajiet kollha li saru. Mhux biss, imma l-iktar ġiet identifikata r-responsabbiltà personali tagħhom.

Il-Liġi għodda

4. Hans Ehard (1887-1980), politiku Tedesk, kien kiteb dwar il-benefiċċju ta’ dan il-proċess għall-poplu Tedesk. Proċess fil-ħidma tal-ġustizzja għall-futur tal-pajjiż, fir-riedukazzjoni tiegħu. Fit-twaqqif ta’ pedamenti morali sodi, kif kien qal: “... foundation for the moral uplift of the German people’s first stage in its integration into the community of free countries.” (... pedament sabiex jogħla l-moral tal-poplu Ġermaniż bħala l-ewwel stadju biex il-pajjiż jidħol jagħmel parti mill-komunità ta’ pajjiżi ħielsa.) Imma llum, quddiem il-fatt li qed nerġgħu naraw aġir uman żbaljat, tali sejħa tgħodd għad-dinja kollha, aħna nklużi. Dan iktar fid-dawl ta’ dak li kien iddikjara Lord Justice Geoffrey Lawrence (1880-1971): “The trial which is about the begin is unique in the history of the jurisprudene of the world and it is of supreme importance to millions of people all over the globe.) (Il-ġuri li ser jibda dalwaqt huwa uniku fl-istorja tal-ġurisprudenza tad-dinja u huwa ta’ importanza kbira għal miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kollha.)

Responsabbiltà personali

5. Uniku għax beda fid-diffikultà biex iġib diversi bidliet fil-ħsieb u fir-responsabbiltà ta’ min imexxi. L-ewwel: li l-bniedem li b’xi mod jgħid, jew idaħħal lil pajjiżu fi gwerra ta’ aggressjoni huwa miżmum responsabbli personalment, flimkien ma’ dawk ta’ madwaru. It-tieni: li għalhekk daħal il-kunċett ta’ responsabbiltà kollettiva tad-delitt ta’ kospirazzjoni u konfoffa, b’dan illi l-membri u l-mexxejja tan-Nazzjonal Soċjaliżmu (Nazi) setgħu jiġu miżmuma ħatja tad-delitti, anke jekk ma kienx hemm prova li kienu huma li wettquhom. It-tielet: li d-difiża tal-ordnijiet superjuri ġiet mibdlua fil-ftehim jiddikjara: “The Fact that the defendant acted pursuant to order of his government or of a superior shall not free him from responsibility but may be considered in mitigation of punishment.” (Il-fatt illi l-akkużat aġixxa fuq ordni tal-gvern tiegħu jew dik tas-superjur tiegħu ma jneħħi xejn mir-responsabbiltà tiegħu iżda jista’ jiġi kkunsidrat waqt l-għoti tal-kastig.) Passi li bidlu l-perspettiva u l-konsegwenz ta’ dawk li fl-irresponsabbiltà assoluta tagħhom idaħħlu poplu f’kunflitt imdemmi.

Ubbidjenza

6. Diversi kienu dawk li ġew akkużati li tul il-proċess invokaw id-difiża tal-ordnijiet superjuri. Imma t-Tribunal, ġustament immarka li f’aġir diżuman, fl-atroċitajiet imwettqa min-Nażiżmu dan ma kienx, b’xi mod, aċċettabbli. Kif kien qal tant tajjeb l-Imħallef Amerikan Robert H. Jackson: “Those in lower ranks were protected against liability by the orders of their superiors. The superiors were protected because their orders were called acts of state. Modern civilisation put unlimited weapons of destruction in the hands of man. It cannot tolerate so vast an area of legal irresponsibility. The ultimate step in avoiding periodic wars is to make statesmen responsible to law.” (Dawk fir-rangi l-iżjed baxxi kienu protetti kontra kull azzjoni kontrihom minħabba l-ordnijiet li kienu ħadu mingħand ta’ fuqhom. Iċ-ċiviltà moderna qegħdet f’idejn il-bniedem, mingħajr ebda limitu, armi tal-qerda tal-massa. Wieħed ma jistax jittollera firxa tant wiesgħa ta’ irresponsabbiltà legali. L-awqa mezz biex wieħed jevita gwerer ripetuti huwa li jġiegħel lill-kapijiet politiċi jwieġbu għal għemilhom quddiem il-liġi.)

Gwerra

7. F’dan iktar, l-akkużi kienu marbuta ma’ dak kollu li seħħ bejn l-1 ta’ Settembru 1939 u t-8 ta’ Mejju 1945, f’elenku li għandu jibqa’ jfakkar lill-mexxejja tallum. Hemm ingħad li d-delitti kontra l-gwerra kienu: “1. Murder and ill treatment of the civilian population; 2. Deportation for slave labour; 3. Murder and ill-treatment of prisoners of war; 4. Murder of hostages; 5. Plundering of public and private property; 6. Compulsory recruitment of civil labours; 7. Degrading the standard of life.” (1. Qtil u maltrattament tal-popolazzjoni ċivili; 2. Deportazzjoni għal-lavuri forzati; 3. Qtil u maltrattament tal-priġunieri tal-gwerra; 4. Qtil tal-ostaġġi; 5. Sakkeġġ tal-propjetà pubblika u privata; 6. Ingaġġ furzat ta’ ħaddiema ċivili; 7. Degradazzjoni tal-kwalità tal-ħajja.) Fil-proċess, bil-provi li nġiebu nsibu l-istorja sħiħa tal-atroċitajiet kollha li saru. Ibda mit-triq lejn il-poter, it-tisħiħ tiegħu, l-inganni, il-ħażen, it-terrur, il-ġlieda kontra l-klassi tal-ħaddiema, il-ġlieda kontra l-Knisja, il-persekuzzjoni tal-Lhud u l-orruri kollha tal-gwerra. F’dak il-proċess, li sfortunatament ma ngħatax l-importanza li però ħaqqu, hemm id-dokumentazzjoni sħiħa u preċiża, korretta ta’ dak kollu li seħħ.

Lezzjonijiet

8. Dawk li kellhom responsabbiltà fid-deċiżjonijiet żbaljati tal-lemin estrem Tedesk u li kienu identifikati ġew ipproċessati. Diversi nstabu ħatja u ġew ikkundannati. Dak li seħħ għandu jservi ta’ lezzjoni għad-dinja, għall-bnieden, għal kull mexxej politiku. Deċiżjonijiet politiċi li jmorru kontra l-bniedem, id-dinjità u l-umanità sħiħa jibqgħu dejjem kundannabbli. Ir-responsabbiltà tagħhom, anzi, ma tiqafx f’min ħadhom imma wkoll fuq min esegwihom u seta’ żammhom. Lezzjonijiet li d-dinja qed tkompli tittraskura. Lezzjonijiet li anki aħna, fl-abbandun tal-pedamenti morali tagħna, qed ninsew. L-ordinijiet superjuri ma jsirux leġittimi meta jkunu żbaljati, imma jibqgħu li huma. Jibqgħu fir-responsabbiltà personali ta’ min ikun wettaqhom. Lezzjonijiet li, minnhom, diversi għandhom jagħrfu li hemm verament il-konsegwenzi tal-ubbidjenzi.

FIL-MUMENTI TAL-PROVA

1. Sakemm kollox ikun għaddej u sakemm ma jinqala’ xejn, il-bniedem ikun li jkun. Meta jinqalgħu l-intoppi, meta jiġi attakkat, meta jiġi avversat joħroġ iktar il-karattru veru tiegħu. Jidher aktar fil-miftuħ jekk huwiex, fil-prova tar-realtà, kapaċi jżomm sod mal-ideat u l-prinċipji tiegħu. Għal dawk l-eventi fil-ħajja meta jiġu magħżula dawk li jibqgħu ma jitgħawwġux u anqas jinbidlu f’forom li ma jintgħarfux. Tajjeb li l-bniedem, il-ħbieb tiegħu, ilkoll jitqegħdu f’din il-perspettiva. F’dik l-abbiltà li jibqgħu li huma, anki jsiru aqwa milli kienu, għax għandhom ir-riħ qawwi u t-tempesti għaddejjin minn fuqhom u ġewwa nofshom.

Inħarsu lejn l-istorja

2. F’dan, nibqa’ nifhem li kull persuna tgħaddi mill-istaġuni tal-ħajja tagħha. Daqqa fil-kalma u daqqa aktar fil-maltempati tal-ħajja. Dawk li jiġu minn rajhom u dawk li joħolqu l-bnedmin l-oħra għalihom. L-abbiltà tagħhom li jifhmu dak li jkun għaddej u jirreaġixxu sabiex iħarsu ’l quddiem. Jistgħu jaħsbu li qed jitilfu llum dak li għada pitgħada jista’, b’xi mod, jiġi lura għandhom. Kull persuna fl-istorja li żamm il-kolp f’dawn il-mumenti għandu jkun għalina eżempju u fanal ta’ raġġ ta’ dawl qawwi meta aħna stess insibu ruħna fid-dlam. Dak li jiġi minn toroq li jissarrfu għalina fi sqaqien fejn nistennew l-affarijiet, bil-paċenzja u b’attenzjoni, li jinbidlu.

Ulied Awwissu

3. F’dan, mingħajr ma rrid, insibni ndur lejn żewġ persuni li mmarkaw l-istorja, mhux biss ta’ pajjiżhom, imma wkoll dik Ewropea u mondjali. Niftakar mill-ġdid li tul dan ix-xahar ġew imsejħin lura għal għand il-Ħallieq tagħna Don Luigi Sturzo u Alcide de Gasperi. Sturzo li twieled fit-3 ta’ April 1881 u ġie nieqes fid-19 t’Awwissu 1954, kważi sebgħin sena ilu u de Gasperi, li twieled fis-26 ta’ Novembru 1871 u li ġie nieqes fit-8 t’Awwissu 1959, kważi ħamsa u sittin sena ilu. Kien hemm differenza ta’ għaxar snin bejn dawn iż-żewġ persuni li ġiebu fir-realtà l-proġett li bih l-Insara daħlu fil-kamp politiku. Daħlu bl-ideat separati tagħhom. Dawk li permezz tagħhom taw dinjità akbar lill-persuna umana, lis-soċjetà u lill-ekonomija, il-kultura u d-demokrazija. Ħallew marka f’qalb dawk li llum forsi jsibu l-ħin jaqraw, janalizzaw u jifhmu ħidmiethom.

Batew

4. F’kull sens, Luigi Sturzo kien il-fundatur tal-Partit Popolari Taljan. Dak li f’Jannar tal-1919 kiteb dak l-appell uniku għall-bnedmin liberi u sodi, bil-kliem ċari u preċiżi: “A tutti gli uomini liberi e forti, che in questa grave ora sentono alto il dovere di cooperare ai fini superiori della Patria, senza pregiudizi né preconcetti, facciamo appello perché uniti insieme propugnano nella loro incertezza gli ideali di giustizia e libertà.” (Lill-bnedmin kollha liberi u sodi li f’dan il-mument tal-prova jħossu sew id-dmir li jaħdmu flimkien għal raġunijiet aqwa tal-pajjiż, mingħajr preġudizzji jew pre-konċetti nagħmlu appell sabiex, magħquda flimkien, inressqu ’l quddiem fis-sħiħ l-ideali tal-ġustizzja u l-libertà.)

Kien miegħu

5. Miegħu kien hemm ukoll Alcide de Gasperi, li anki jekk kien hemm differenza fl-età bejniethom, kellu l-istess fibra u f’qalbu l-istess ideali. Kienu organizzaw forza politika b’saħħitha, li fl-ewwel elezzjoni tas-16 ta’ Novembru 1919 eleġġiet mitt deputat parlamentari. Forza li riedet iġġib fis-seħħ, b’għaqal u intelliġenza, id-duttrina soċjali tal-Knisja biex ikun hemm soċjetà aqwa. Immarkat sew il-preżenza tagħha fl-ideali Demokratiċi-Nsara li ħaddnet. Waħda li sabet ruħha attakkata u avversata sew mir-Reġim Faxxista ta’ Benito Mussolini (1883-1945), li biċċa biċċa għalaq kull spazju politiku u parlamentari li setgħu jaħdmu fih. F’ittra li de Gasperi kiteb lil Sturzo, eżiljat fi Franza, jgħidlu hekk: “Il regime non soffre né critiche né opposizioni né discussione ed è sovratutto intollerante.” (Ir-Reġim ma jaċċetta ebda kritika jew oppożizzjoni jew diskussjoni u huwa, fuq kollox, intolleranti.)

Sodi fl-ideali

6. Billi ma ċedewx, kif għamlu oħrajn, li jmorru mal-Faxxiżmu, huma batew sew. It-tnejn mexxew il-partit f’mumenti diffiċli: Sturzo mill-1919 sal-1923 u de Gasperi mill-1924 sal-1925. Kellhom jirriżenjaw minħabba raġunijiet varji interni, u t-tnejn sabu ruħhom avversati. Biss, it-tnejn baqgħu sodi fl-ideali tagħhom. Ma ċedewx. Imma f’dan tifhem iktar dak li għadda bejniethom f’dan il-perjodu kkumplikat u perikoluż fejn deputati varji, bħall-kuraġġuż Soċjalista Giacomo Matteotti (1885-1924) li ġew maqtula mill-Faxxisti u ta’ oħrajn, bħall-Komunista Antonio Gramsci (1891-1937), li ġew imsakkra u tturufnati.

Mill-ittri


7. Meta wieħed jaqra l-korrispondenza li kien hemm bejniethom, speċjalment mill-1924 ’il quddiem u tul il-Gwerra, tifhem aktar ir-rabta politika li kellhom bejniethom, u l-mument li fih it-tnejn taw prova. F’ittra minnhom, de Gasperi jiktiblu hekk: “Quante volte ho sentito il bisogno del tuo consiglio, del tuo incoraggimento; e con me quanto lo sentono tutti gli amici! Fu solo perché crediamo e più ancora, abbiamo fatto credere che la tua assenza sarà breve, che ci adattiamo a questa lontananza, ed è anche il conforto di saperti al riparo dai tristi avversari.” (Kemm-il darba ħassejt il-bżonn tal-parir tiegħek, tal-kliem ta’ kuraġġ tiegħek; u miegħi kemm iħossu dan il-ħbieb kollha. Kien biss għax nemmnu, u iktar minn hekk emminna li n-nuqqas tiegħek ser ikun qasir, li qed naddattaw għal dan, kif ukoll il-konfort li nafu li tinsab protett minn dawn l-avversarji li n-nuqqas tiegħek huwa għalina inqas morr.)

Soffersi il soffribile

8. Iktar diretta, u li turi d-diffikultajiet ta’ dawn il-bnedmin li minħabba l-ideat politiċi tagħhom sofrew u batew sew, hemm ittra datata 29 ta’ Diċembru 1925, fejn de Gasperi jibgħat jgħid lil Sturzo li rriżenja minn Segretarju tal-partit abbandunat fil-pożizzjoni. Jgħidlu hekk: “Non mi accuserai di diserzione: la campagna personale feroce, giunta al colmo delle minaccie, il terrore sparso anche per gli amici di Trento ... Non mi avrebbero fatto piegare, se avessi visto tutta la convinzione che il mio sacrificio fosse utile. Mi ritirai invece per un ultimo servigio al partito; e l’ho fatto, colle lagrime nella gola.” (M’għandekx takkużani li abbandunajt; il-kampanja personali feroċi kontrija, li kienet waslet sat-theddid, it-terrur li ġie mxerred anki fost il-ħbieb ta’ Trento ... Ma kinux ser jgħawwġuni, jekk ma rajtx il-konvinzjoni ta’ kulħadd li s-sagrifiċċju personali tiegħi kien ser ikun utli. Irriżenjajt biex inservi għal darb’oħra ’l-partit; u għamiltu bid-dmugħ fi griżmejja.) Kliem li jixhdu waħedhom.

Hemm iktar

9. Hemm ferm iktar f’ħajjet dawn il-bnedmin li ħadmu u stinkaw għal-libertà fl-ideali Demokratiċi Nsara tagħhom u tiegħi. Bnedmin li baqgħu ħajjin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u speċjalment Alcide de Gasperi kienu determinanti fir-rikostruzzjoni ta’ soċjetà demokratika u progressiva fl-Italja. It-tnejn ħallew warajhom legat ta’ ideat u proposti varji. Wirt uniku għad-dinja Ewropea. Wieħed li għandu jispira dejjem aktar lill-politiċi llum. Dawk li jridu jkunu verament għas-servizz tas-soċjetà. Dawk li jagħrfu li għalkemm jistgħu jiġu avversati direttament, jew oskurati, indirettament imqegħda fil-ġenb, iridu jibqgħu sodi. Jibqgħu għaddejjin fis-Sewwa, l-iktar fil-mumenti tal-prova li ħaddieħor jgħaddihom minnu.

24.8.23

IL-FRUNTIERA TAL-UBBIDJENZA

1. F’dawn il-ġimgħat ’il bgħid mis-seduti parlamentari, hemm l-opportunità li wieħed jieqaf u jirrifletti. Jagħraf dak li aħna sejrin lejh u dak li ħerġin minnu. Temi ġodda fuq naħa, imma oħrajn rikorrenti fuq in-naħa l-oħra. Anzi, pożizzjonijiet simili f’kuntesti u ċirkostanzi differenti. F’kif għandu jaħseb u jaġixxi l-bniedem, iktar u iktar f’din is-soċjetà fejn l-għeruq morali tagħha qed tarahom jidhru minsija. Fejn il-bniedem, kull wieħed, u miegħu aktar il-politiku, irid jagħraf kif ser jagħrbel pożizzjoni u kif ser jiddeċiedi dwarha.


Voti parlamentari


2. Dan ħareġ iktar attwali fl-aħħar vot parlamentari fil-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar it-twaqqif ta’ inkjesta pubblika wara t-traġedja tal-mewt tal-ġuvnott Jean Paul Sofia. Kien, u jibqa’, mument determinanti fl-istorja politika ta’ pajjiżna. L-iktar fil-kuntest tad-deċiżjoni personali li kull membru parlamentari ġie mitlub jieħu. Fejn infetaħ mill-ġdid il-kunflitt li kull min iservi b’esperjenza jagħraf iħoss f’kuxjenztu bejn fuq naħa dak li jara hu li huwa sewwa, u dak li d-dixxiplina parlamentari titlob minnu. Pożizzjonijiet mhux faċli minnhom infushom, imma li fuqhom jissawwru u jitbasktu l-bnedmin li jservu.

Neċessità


3. Huwa, f’dan, minnu li l-ubbidjenza hija element bażiku ta’ kull struttura soċjali. Hija neċessarja fil-ħajja tal-bnedmin għax huma biss dawk li jgħixu iżolati li mhumiex marbuta li jobdu l-liġi jew direzzjoni. Huwa komportament li mingħajru ma jkunx hemm ordni imma kaos, u proprju għalhekk huwa parti integrali mill-imġieba umana. Fis-soċjetà, il-liġijiet għandhom isiru sewwa mill-bidu. Jirrispettaw il-valuri tal-verità u tal-ġustizzja, imma meta jkunu hekk iridu, kemm jista’ jkun, jiġu obduti u osservati. Inkella mmorru lura. Is-soċjetà tħossha mhedda bid-diżubbidjenza. Biss, wieħed jibqa’ jistaqsi: għandu wieħed jobdi, meta d-direzzjonijiet, il-kmandi jmorru u jkunu f’kunflitt mal-kuxjenza personali tiegħu jew tagħha?

Kif seħħew

4. Dan fih aktar importanza llum wara dak il-vot. Argument li jibqa’ attwali, u minnu jingħarfu dawk li għandhom sens minn dawk li kull ma jridu huwa li jitmexxew. Argument iktar iebes għal din is-sena fil-Grupp Parlamentari Laburista. Ċert li kien hemm diversi li ma qablux, fil-kuxjenza tagħhom, li jivvutaw kontra, u huma wkoll persuni li tkellmu internament. Mhux faċli tmur kontra l-kurrent u f’dan nagħraf, fl-esperjenza politika, il-piż ta’ dan kollu meta, kif għamilt numru ta’ drabi, esprimejt il-pożizzjoni differenti tiegħi. Imma kif rajna, proprju għax għad għandna kuxjenza nazzjonali qawwija, dak il-vot immarka. Ġieb il-kundanna morali u politika tal-poplu u l-elettorat sħiħ. Ġieb ukoll l-għarfien li sar żball, għax flok ġiet osservata l-kuxjenza tas-sewwa, ġiet mgħoddija fil-perikli tal-ubbidjenza għamja.

Formazzjoni kulturali


5. Inħoss li dan il-punt għandu jiġi diskuss u analizzat mhux tant biex wieħed sempliċement jikkritika, jew jagħmel punt politiku, imma biex verament jirrifletti. Jifhem dak li ġara u jiftakar f’dak li seħħ fil-passat. Aktar u aktar meta tul is-sajf immissu mal-atroċitajiet u l-viltajiet li seħħew fl-aħħar Gwerra Dinjija, u anzi aktar f’dak li hu għaddej fil-preżent fil-gwerra fl-Ukrajna. Iktar, f’dan, il-fatti kif rappurtati fil-ktieb stampat sittin sena ilu minn Hannah Arendt (1906-1975) bit-titlu Eichmann in Jerusalem. A report on the banality of evil. Wieħed li nibqa’ konvint li għandu jkun fost il-ġebel tax-xewka tas-sistema edukattiva tagħna. Wieħed li fih jidher ċar li l-bnedmin jagħmlu l-iżball li jobdu dak li m’għandhomx.

Sottomissjoni


6. F’dan hemm tagħlimiet li wieħed irid jieħu minn dak li sar min-Nażisti biex qatlu tant Lhud innoċenti. Kif hemm min jikkmanda, imma taħthom kien hemm min jesegwixxi u ma rreżistiex. F’dak li Stanley Milgram (1933-1984) jgħid: “Ordinary people, simply doing their jobs and without any particular hostility on their part, can become agents in a terrible destructive process. Moreover, even when the destructive effects of their work become patently clear, and they are asked to carry out actions incompatible with fundamental standards of morality, relatively few people have the internal resources to resist authority.” (Nies komuni, li sempliċement jagħmlu dmirhom mingħajr ebda forma ta’ reżistenza min-naħa tagħhom jistgħu jsiru aġenti ta’ proċessi terribbilment distruttivi. Mhux biss, imma anke meta dawn l-effetti distruttivi tax-xogħol tagħhom jidhru ċar x’inhuma, u huma jiġu mitluba jwettqu dak li huwa kontra l-livell fondamentali tal-moralità, huma biss il-ftit li għandhom fihom il-kapaċità li jirreżistu l-awtorità.)

Kieku llum


7. F’dan, diversi jistgħu jkunu konvinti mill-iżball li jkunu ser iwettqu, imma fil-biża’ li ma jobdux, xorta ma jikkumbattux awtorità u ordnijiet bħal dawn. Jista’, f’dan, jingħad u jinstema’ kif seħħ fil-proċess ta’ Norimberga (1945-1946) kontra l-kapijiet Nażisti fejn ingħad li suldat qiegħed jobdi l-ordnijiet superjuri għalih, u f’dan biex jobdi l-obbligi militari tiegħu. Fejn jittrasoforma ruħu fi strument, għodda, oġġett biex jiġu eżegwiti x-xewqat u d-direzzjonijiet ta’ oħrajn, u għalhekk ma jħossx li huwa personalment responsabbli ta’ dak li huwa moralment kundannabbli. Imma dak li seħħ f’dak il-proċess legali u l-lezzjonijiet li ġew stabbiliti jibqgħu gwidi għal min irid iservi lis-soċjetà b’mod verament effettiv.

Ċert illum

8. F’dan ninsab ċert li, b’dak li ġara, għad-deputat hemm lezzjonijiet. Fis-sens li għaraf li kellu jivvota kontra dak li, fil-fatt, seħħ wara, u għalhekk kieku ma kienx jivvota kif ivvota. Huma, f’dan, parti minn dawk il-mumenti meta wieħed imiss mal-fruntieri tal-ubbidjenza. Jifhem li hemm ordnijiet, imma wkoll li hemm liġijiet superjuri li jżommuh milli jesegwixxi, u anzi jagħtuh balzmu biex jirreżisti. Fejn irid ukoll jagħti rendikonti differenti oħra. Dak li seħħ għandu jkun, għal darb’oħra, lezzjoni fi klassi politika li jibqa’ jkollha l-bżonn li tifhem l-istorja biex taħdem sew fid-demokrazija. Klassi li trid tħares sabiex id-deċiżjonijiet ikunu maħsuba sew mill-bidu. Veru li l-bniedem jiżbalja, naturalment, imma f’dawn l-appuntamenti politiċi dawn id-dnubiet ma jmorrux minn fuqu, imma jibqgħu miegħu.

Il-bniedem huwa tajjeb

9. Sejħilhom li trid: lealtà, dmir, dixxiplina, ilkoll immirati biex jassiguraw l-obbligu li tobdi lill-awtorità. Imma meta ma tarax il-konsegwenzi ta’ azzjonitek tkun qed tidħol, jew iddaħħal iktar il-kunċett ta’ soċjetà fejn m’hemmx responsabbiltà. Fejn min wettaq u min iddeċieda l-ħażin jevaporaw mingħajr ma jsofru il-konsegwenzi ta’ għemilhom. Anzi, jiġu moħbija minn dawk li kellhom jeżegwixxu kontra r-rieda tagħhom. Parti minn proċess li jissoda iktar dak li huwa żbaljat, u jaqta’ barra dak li fuqu tikber soċjetà: it-tajjeb. Kif jiġri, però, qegħdin f’soċjetà demokratika li, fortunatament, għad għandha għarfien u mħabba għall-valuri fundamentali u effetti politiċi hemm. Soċjetà li, però, hemm bżonn tifhem iktar li hemm fruntieri, imma aktar, perikli fl-ubbidjenza li jridu jiġu osservati.

DETERMINAT FIS-SEWWA

1. Il-bniedem ifittex biex isib triqtu. Ifittex iktar biex isib dik it-tajba. Ifittex f’ħajjet bnedmin oħra. F’dak li għamlu u, ħafna drabi, f’dak li jkunu ġarrbu. Daqqa jqabbel, daqqa jikkonsla, u drabi oħra jieħu direzzjoni. Jagħraf il-pożizzjoni tiegħu f’oħrajn, anke jekk hemm differenzi fiż-żmien, fiċ-ċirkostanzi u fil-karattri. Imma l-kelma, il-kitba u l-istess eżerċizzju mentali tagħhom jgħinu biex isir bniedem aħjar, li minnu tgħin biex tagħraf dak li huwa s-Sewwa.

Tiltaqa’ ma’ varjetà

2. Minna jonqos, speċjalment dawk li huma fil-politika, li nfittxuhom. Ftit huma dawk li jħossu l-bżonn, għar-raġunijiet tagħhom. Imma, fuq in-naħa l-oħra, hemm diversi ħajjiet li huma għad-dispożizzjoni tagħna. Ħafna ħallew il-memorji tagħhom. Oħrajn hemm kitbiet dwarhom. Hemm dawk li huma l-politiċi l-kbar u hemm dawk inqas, u hemm dawk li għalkemm mhux fil-politika parlamentari taw is-sehem tagħhom. F’ħafna sens, il-politika f’pajjiżna tikber jekk ikun hemm għarfien ta’ dan kollu.

Fil-Kungress

3. F’wieħed mill-aħħar Kungressi tad-Demokrazija Kristjana, u l-uniku li mort għalih, kont xtrajt numru ta’ kotba. Fosthom librett ta’ ftit kitbiet ta’ Don Primo Mazzolari (1890-1959), bit-titolu Note Politiche (1945-1948), maħruġ fl-1978. Persuna li ma kontx naf bih, u fhimt li anqas Dr Eddie Fenech Adami ma kien jaf bih meta urejtulu. Imma min hemm akkumpanjani f’diversi mumenti f’ħajti. Niftakar ferm aktar tard diskussjoni dwaru mal-mibki Patri William Axiaq (1942-2010), li kellu l-kollezzjoni kollha tal-kotba tiegħu miġbura u mqegħda bil-preċiżjoni tipika tiegħu fuq l-ixkafef taċ-ċella li kellu fil-Kunvent tal-Kalkara.

Ġbart mingħandu

4. Kont issellift mingħandu wieħed mill-kitbiet ta’ Mazzolari, La più bella avventura (1934), li qrajt u għaddejtu lura. Wara xtrajt oħrajn li għandi, imma mhux il-kollezzjoni kollha. Il-bniedem għandu diversi paġni li titgħallem minnhom. Kien is-saċerdot li spiċċa “tturufnat” f’raħal żgħir bl-isem ta’ Bozzolo. F’ħafna sens, “eżiljat” proprju fi żmien il-Faxxiżmu. Kien skomdu għax ma riedx li jgħin, jew b’xi mod isostni l-lemin estrem. Minħabba f’hekk, sparaw ukoll fuqu, u fortunatament ma laqtuhx. Imma f’dak iż-żmien ukoll, barra l-ktieb li ssellift, kiteb ukoll żewġ kotba oħra: Il Samaritano. Elevazioni per gli uomini del nostro tempo (1938) u Tempo di Credere (1941).

Kumplikat


5. Kitbietu ma niżlux tajjeb. Kienu mimlija riflessjonijiet avvanzati. Fil-bżonnijiet tas-soċjetà li tifhem il-verità u ta’ Knisja li tagħraf il-missjoni vera tagħha mal-bniedem. Ideat u linji ta’ ħsieb li l-Papa Franġisku, li ma jinvista l-qabar tiegħu fl-20 ta’ Ġunju 2017, ġabar. Anke jekk kien ħa sehem fir-reżistenza fl-1943 u ssogra sew, xorta baqa’ emarġinat. Baqa’ mwarrab. U hu ma baqax lura milli jitkellem u jikteb. Ħareġ ukoll ġurnal bit-titolu li jitkellem waħdu: Adesso, biex ixerred iktar il-bżonn li wieħed jibdel, jirriforma u jaġġorna ħidmet il-Knisja u l-Insara fil-politika.

Żammewh fejn kien

6. Proprju l-għedewwa li kien laħaq għamel fil-Kurja, proprju minħabba dak li kien qal dwar il-Patti Lateranensi tal-11 ta’ Frar 1929. Il-kritika lill-ftehim li kien sar bejn il-Knisja u r-reġim Faxxista ta’ Benito Mussolini f’dak li deher li kien qiegħed jiġi aċċettat bħala s-sewwa fil-kontra tad-demokrazija. Il-kritika lil dawk il-bnedmin li anke fl-ordni reliġjużi jaħsbu żbaljatament li l-lemin estrem huwa xi affermazzjoni jew protezzjoni għalihom.

Qabel il-Knisja

7. Kif ġie rikonoxxut aktar tard mill-Papiet Ġwanni XXIII, Pawlu VI u Franġisku, kliemu kien, qabel iż-żmien, favur il-fqar fis-soċjetà. Favur Knisja li hija mpenjata tinvesti għall-bniedem, u mhux għall-ġebel tagħha. Dawn qabel sew il-messaġġ li l-Konċilju Vatikan it-Tieni (11 ta’ Ottubru 1962) juri li huwa kien diġà ħares fit-tul. Proprju dan li fehmu fih u f’kitbietu ż-żewġ bnedmin li semmejt. Fil-fatt, f’Novembru 1957, dak iż-żmien il-Kardinal Montini u wara Papa Pawlu VI, sejjaħu sabiex jippriedka f’Milan. Aktar tard, Ġwanni XXIII, fi Frar tal-1959 kien iltaqa’ miegħu u sejjaħlu “Tromba dello Spirito Santo nella Bassa Padana”.

Kariżmatiku u Profeta

8. Kien dak li ħares ’il quddiem sabiex jinsisti li hemm bżonn impenn favur il-bniedem. Impenn politiku wkoll. Mingħajr sustanza umana fil-ħidma u fl-impenn, wieħed jasal biss lejn forom ta’ diżgrazzji politiċi. Kien attent għal dak li għaddej, imma mhux preparat ma jkunx xhud għas-sewwa. Kien jaf postu, imma fl-istess ħin ma kienx lest li jiċħad il-verità u jwaqqa’ lilu nnifsu fis-silenzju li bih tgħin dak li hu żbaljat biex jissoda. Kien maħbub u miġjub mill-parruċċani tiegħu u segwit barra mill-parroċċa, għax fi kliemu u mġiebtu kien kariżmatiku u profetiku.

Ċertament bata

9. Kien il-bniedem li, biex jaqdi dmiru ta’ Nisrani u dak li f’imħabba huwa mpenjat għall-oħrajn, tkellem. Imma ta’ dan bata sew. Fil-kitba varja u mill-isbaħ tiegħu sibt din is-sentenza, li titkellem waħedha: “Ho bisogno di attaccarmi a due mani a Cristo per non lasciarmi abbattere. Si fa fatica a credere nello spirito in quest’ora di Giuda.” (Inħoss il-bżonn li norbot idejja t-tnejn ma’ Kristu biex naqtax qalbi. Inbati li nemmen fl-ispirtu f’din is-siegħa ta’ Ġuda.) Kliem li jitkellmu waħedhom u jmexxu lil kull min irid, bħalu, ikompli jservi.

Fil-Funeral

10. Fl-omelija li Monsinjur Guido Astori kien għamel fil-funeral tiegħu, juri aktar il-vuċi skomda ta’ dan il-bniedem, meta jgħid hekk: “Fra il clero diocesano incontrò incomprensioni e forse qualche ostilità, ma si può spiegare; il suo metodo pastorale non poteva essere capito da tutti, ne imitato, molti suoi atteggiamenti non erano condivisi.” (Fi ħdan il-kleru djoċesan iltaqa’ ma’ ħafna li ma setgħux jifhmuh, u anke xi ostilità għalih kien hemm, imma dan tista’ tispjegah; il-metodu pastorali tiegħu ma setax jiġi mifhum minn kulħadd, anqas imitat, ħafna mill-atteġġjamenti tiegħu mhux kulħadd kien jaqbel magħhom.)

Għadu magħna

11. Imma minkejja dan, huwa baqa’ vuċi rilevanti sallum. Baqa’, anzi, aktar xhud u eżempju ta’ kif il-bniedem li jrid iwettaq is-sewwa għandu jaġixxi. Jibqa’ jikteb, jibqa’ jitkellem, jibqa’ jaħdem għall-proxxmu, anke jekk jitqiegħed fid-deżert, ’il bgħid. Anke jekk jitqiegħed f’pożizzjoni li fiha jippruvaw iċekknuh, jiċħduh u jeliminawh, jibqa’ għaddej. Dan huwa li għamel dan il-bniedem u f’dan, għalhekk, għandna napprezzawh u nagħtuh il-ġieħ li oħrajn, żbaljatament, ċaħdulu u nieħdu eżempju minnu: dak li wieħed jibqa’ għaddej determinat li jwettaq is-Sewwa.

14.8.23

KUXJENZA NAZZJONALI GĦAD GĦANDNA

1. Hemm min jaħseb li huma biss il-kwistjonijiet ekonomiċi li jinteressaw lill-bnedmin fuq dawn il-gżejjer. Mill-esperjenza politika li ġbart nista’ ngħid li dan mhuwiex minnu. Il-votant iħares lejn il-prinċipji, l-ideat u l-viżjoni ta’ partit u ta’ kull politiku. Ifittex li jkollu persuni ffurmati tajjeb u li ser jaħdmu bis-sewwa biex ikattru l-kunċett sħiħ tal-ġid komuni. Kemm dawn li huma hekk jingħataw spazju, dik ħaġ’oħra. Imma l-fatt jibqa’ li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer għandhom kuxjenza u jħarsu wkoll lejn ruħhom.

Dmirijiet

2. F’dan hawn prinċipji etiċi mħaddna minn diversi li jagħrfu li għandhom dmirijiet morali li jridu jsegwu. Dawk li mhumiex miktuba fil-liġi, jew miktuba l-kontra, li l-Maltin u l-Għawdxin iħossu fis-sewwa ta’ qalbhom li għandhom jimxu warajhom. Id-drittijiet, ħafna drabi jinsabu marbuta u relatati ma’ kuntesti, kundizzjonijiet partikolari. Id-dmir, waħdu jsib ruħu jgħix indipendenti mill-kundizzjonijiet. U kif kienet qalet Simone Weil: “They belong to a realm situated above all conditions, because it is situated above this world.” (Huma parti minn dak ir-renju li jinsab fuq kull kundizzjoni, għax jinsabu ’l fuq mid-dinja.)

Fortunatament

3. Fortunatament, huwa parti mit-tessut soċjali tagħna li għadna nħaddnu kuxjenza f’dawk l-għażliet. Dawk il-gwidi nterni li jressquna niddeċiedu jekk huwiex sewwa jew le, ġust jew inġust, bi dmir jew bi pjaċir. Huma dawn il-pilastri li jżommuna nħarsu lejn il-bniedem bħala persuna, u mhux bħala oġġett. Mhuwiex, għalhekk, għalih l-individwu, imma huwa l-bniedem fid-dinjità sħiħa tiegħu. Dak li mhuwiex oġġett tal-oħrajn, imma suġġett li jagħraf li għandu jagħti lill-oħrajn ukoll. Dak li jkompli jagħraf li aħjar l-altruwiżmu milli l-egoiżmu; aħjar il-ħidma mal-bnedmin għall-oħrajn milli l-viżjoni magħluqa li jħares lejh innifsu biss.

Fl-għeruq tagħna

4. Dawn huma l-għeruq it-tajba tagħna, li jippermettulna nagħtu l-frott lill-oħrajn. Għeruq li jridu jkomplu jiġu kkultivati, għax waqt li siġra tinżabar biex tikber, huwa mertu ta’ dak li jinsab taħt li jissudaha. Tifhem aktar dan fil-kuntest ta’ dawn il-jiem. Fil-ġimgħa li tħalli warajha l-Festa ta’ San Lawrenz Martri u tgħaddi għall-Festa tal-Assunta. Il-15 t’Awwissu jiġi ċelebrat bis-saħħa proprju mertu tal-għeruq tagħna. Il-qniepen isejħu, il-baned idoqqu waqt lil-antifoni jinstemgħu minħabba l-fatt li s-siġra tal-kuxjenza nazzjonali tagħna għadha hemm.

Mhux magħrufa

5. Diversi, għax iħossu dan bħala, naturalment, parti minnhom u dak li jikkunsidraw li huma, wara ma jagħrfux reazzjonijiet mill-politiċi tagħhom. Dan hu li kisser u qaċċat il-paraventi li kellna quddiemna. Il-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fil-fatt, fetaħ dan beraħ. Wera li altru l-valuri u l-prinċipji tal-eletturi, u altru dawk ta’ min qiegħed imexxihom. Laqat direttament fil-qalb tal-poplu għax dan għad għandu l-kuxjenza tiegħu f’postha: titkellem u tiggwida. F’dak li deher, u huwa fil-fatt daqshekk ovvju, ħafna raw li mhuwiex jiġi mħaddan u mħaddem fil-ħidma tal-Istat. Kif jgħidu t-Taljani: dik il-qatra li “trabocca il vaso”.

Tidher żgħira imma hija kbira

6. Dik il-qatra li tingħaqad ma’ diversi oħra li ma tkunx bilfors kbira, u anqas neċessarjament gravi daqs ta’ qabilha, imma li f’dan il-każ hija ferm iktar gravi. Għax għandna x-xorti li għad għandna kuxjenza f’pajjiżna, li biha l-pożizzjoni nbidlet u nfetaħ bieb ġdid għal min huwa kapaċi jagħraf il-polz u l-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin. Proċess ta’ verità, u li għandu jibdel. Kif jingħad, anzi, bl-esperjenza taż-żmien: “Ama la goccia che fa traboccare il vaso. È nascosto lì dentro ogni bel cambiamento.” (Ħobb dik il-qatra li timla l-kontenitur. Hemm moħbija f’dan kull bidla sabiħa.) Għax fin-nuqqas politiku kien hemm il-balzmu tar-reazzoni popolari. Dik li ħarġet fil-beraħ, ġejja minn liema kurrent imwielda jew imsawwra sabiex tiddikjara li dak li seħħ kien kontra l-kuxjenza nazzjonali tagħhom.

Sfidi

7. Kif kiteb b’intelliġenza u attenzjoni Aleks Farrugia fil-ġurnal The Times nhar it-Tlieta: “Those who want to run the State first of all need to have faith in its ability to address the continuous challenges to guarantee the best deal for all citizens.”. (Dawk li jridu jmexxu l-pajjiż għandu jkollhom, l-ewwel, il-fidi fl-abbiltà tal-istess li jindirizza l-isfidi kontinwi sabiex jiggarantixxi l-aħjar liċ-ċittadin.) Hija dik l-abbiltà li tbiddel u tagħmel mill-politiku l-persuna li kapaċi jagħraf iż-żmien, fejn u kif għandu jaġixxi għat-tajjeb b’dak li għandu. Meta dawn l-elementi ma joħorġux il-pożizzjoni, kif qed naraw, tinbidel fl-imrar.

Il-bieb jingħalaq

8. Dak li ġara mmarka leġislatura. Dak li seħħ immarka klassi politika sħiħa. Ser iġġorr magħha fid-deżert din id-dabra li trid reazzjoni. Jekk ma jkunx hemm bidliet ser inkomplu mmorru lura, fejn l-awtorità morali tkompli tispiċċa, u magħha l-leġittimità ta’ kull deċiżjoni li tittieħed. Il-bniedem jiżbalja. Kemm ikun hemm min jaħfirlu, kif nafu ben tajjeb, dik ħaġ’oħra. Iktar u iktar fix-xenarju politiku li nbena mill-istess Partit Laburista f’dawn is-snin, li kabbar u kerraħ oħrajn, u wettaq agħar. Illum qiegħed jikkonfronta r-riga li huwa stess stabilixxa għal oħrajn. Qiegħed, f’dan, jum wara jum jingħalaq għalih bieb u kapitolu. Kemm kapaċi jifhem u jaġixxi, dik oħra. Imma f’dan, il-poplu mhuwiex injorant, kif jaħsbu, imma għandu qalb. Wisq anqas ma biegħ lilu nnifsu, għax fortunatament għad għandu kuxjenza nazzjonali.

VUĊI MOĦBIJA QAWWIJA

1. Għal min jaqra jagħraf li hemm bnedmin li nfluwenzaw, li però jinsabu moħbija fl-istorja. Diversi drabi, bnedmin jispiraw ruħhom minn oħrajn dwar dak li għandhom jaħdmu għalih, liema f’dan dawk l-ideat li jmissu lil politiċi varji sabiex iseħħ is-sewwa. Ideat tajba u oħrajn inqas, li fuq in-naħa l-oħra huma dawk li ma jitwieled xejn minnhom. Dawk għall-interessi materjali, personali tagħhom u dawk li ġejjin minn bnedmin li l-uniku difett tagħhom huwa li jridu jġibu d-dinja aħjar milli hija. Dedikazzjoni sħiħa għall-ġid tal-proxxmu.

Avvenire

2. Tul il-ġimgħa li għaddiet sibtni naqra editorjal bit-titolu Nuova Stagione delle Persone ta’ Mauro Magatti, fil-gazzetta Taljana importanti u mimlija ideat, l-Avvenire. L-awtur imiss mas-suġġett li huwa ċentrali fis-soċjetà li ngħixu, jew għad irridu ngħixu fiha. Il-valur u l-pożizzjoni tal-bniedem fiha. Lura lejn il-personaliżmu ta’ Emanuel Mounier (1905-1950). Riflessjoni preċiża ħafna dwar l-ideat li din il-persuna żviluppa ma’ diversi oħrajn fil-kitbiet varji tiegħu b’pożizzjoni Nisranija. Waħda li tiddistingwina ’l bgħid mill-individwaliżmu liberali fuq naħa, u l-kollettiviżmu soċjalista fuq in-naħa l-oħra. Fil-bżonn li f’kull pajjiż, dejjem jekk irid jinbena tajjeb, jitlaq minn dak li ġie ddikjarat: “Primato della persona.”

Il-Bniedem

3. Mounier għex ħajja unika. Persuna li twieled fl-1 t’April 1905 fil-belt Franċiża ta’ Grenoble, u li kompla jistudja f’Pariġi. Influwenzat sew minn Charles Peguy (1873-1914), u wara minn Nikolai Berdyev (1874-1948) huwa żviluppa f’kitbiet varji l-filosofija Personalista, ibda fl-1935 b’Revolution personaliste et comunitaire, fl-1936 b’De la propriete capitaliste et la propriete humaine, u fl-istess sena Manifesto au service du personalisme. Għex fid-dell tal-espansjoni u d-dominanza temporanja tat-totalitarjaniżmu Faxxista. Bena front ta’ ideat li għenu fir-reżistenza, sija fuq il-livell intellettwali b’kitba varja, senjatament fil-ġurnal Esprit, kif ukoll fl-attività fir-Reżistenza Franċiża. Arrestat, miżmum il-ħabs, ipproċessat u liberat, baqa’ għaddej sakemm fi tmiem il-gwerra reġa’ lura fil-Belt Kapitali. Ħadem kemm felaħ u influwenza daqshekk ieħor f’pajjiżu u barra fl-Ewropa bix-xejn li kellu.

Il-Perspettiva

4. Kif jgħid hu: kollox jitlaq mill-impenn determinanti li kull Nisrani huwa msejjaħ għalih. Huwa jgħid: “Il Cristiano deve convincere il mondo che il cristianesimo è la più grande avventura e la più impegnativa, la vita più inquieta e pericolosa.” (In-Nisrani għandu jikkonvinċi lid-dinja li l-Kristjaneżmu huwa l-ikbar avventura u l-iktar waħda impenjattiva, dik li hija iktar attiva u perikoluża.) Fejn: “The State is meant for man, not man for the State
.) Fejn: l-Istat huwa għall-bniedem, u mhux il-bniedem għall-Istat. Il-messaġġ ċar li l-bniedem huwa, u għandu jibqa’ fiċ-ċentru tas-soċjetà fid-dinjità sħiħa tiegħu. Kif il-kbir Frederick Copleston (1907-1994) ikompli jgħid fuq dan dwaru: “In totalitarianism the value of the person is overlooked. Indeed the person is reduced to the individual even if the individual is regarded on as apology with the cell in an organic whole. Proprju fil-ħsieb li Mounier kien iddikjara: “That the significance of every person is such that he is irreplaceable in the position which he occupies in the world of persons.” (Il-valur tal-bniedem huwa tali li ħadd ma huwa irrilevanti fil-pożizzjoni li jokkupa fid-dinja tal-persuni.)

Minn dan

5. Minn din il-viżjoni, Copleston ġustament jikteb fil-ktieb imprezzabbli tiegħu History of Philosophy: “There is such a thing as a personalist universe, seen from the perspective of man as a free and creative person; and there is such a thing as a personalist philosophy.” Dan aktar importanti fil-kuntest kuntrarju ta’ dak li llum inħakmet minnu s-soċjetà Ewropea u tagħna. Dak li għandna nirreżistu. Kif meta l-persuna tiġi materjalizzata taħt l-iskuża li qed tiġi elevata, emanċipata jew liberata tkun, fir-realtà, qed tiġi deklassifikata.

Individwaliżmu miċħud

6. Il-filosfu jkompli jgħid: “The individual, in the pejorative sense in which personalists are inclined to use the term, is the egocentric man, the atomistic individual in abstraction from society. The term also signifies man as devoid of a sense of a moral vocation.” (L-individwu, fis-sens peġjorattiv li l-personalisti jużaw, huwa l-bniedem egoċentriku, l-individwu atomu fl-astratt tas-soċjetà. Dak il-bniedem li m’għandux vokazzjoni morali.) Proprju f’dan, Mounier jgħid li l-bniedem huwa persuna li għandu dimensjoni spiritwali, fejn mhux il-materjali biss huwa importatni, imma li jista’ jikber proprju fl-għarfien sħiħ li qed jgħix għal skop preċiż u mhux skont x’jipproduċi.

Influwenza

7. F’dan il-kuntest, proprju wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-ideat ta’ Mounier eżerċitaw influwenza politika siewja u qawwija. Magatti jibda l-editorjal billi jfakkar li numru ta’ artikoli fil-Kostituzzjoni Taljana huma ispirati mill-personaliżmu. L-istess għandu jingħad għalina, li fid-dokument ta’ Fehmiet Bażiċi (li jibqa’ uniku u mhux superat) insibuh direttament ispiratur. Ibda mill-kunċett ta’ servizzi soċjali personalizzati, u wara l-bżonn ta’ ekonomija għas-servizz tal-bniedem. Kliem diretti minn Revolution personaliste et comunitaire.

Il-kuntest

8. Fil-kuntest sħiħ tallum, Magatti jmexxi lilu nnifsu biex jikkonkludi li l-individwaliżmu fis-soċjetà madwarna jidher li huwa temporanjament rebbieħ: “L’individualismo ha vinto, ma il personalismo aveva ragione.
) (L-individwaliżmu rebaħ, iżda l-personaliżmu kellu raġun.) Imma, iktar minn hekk jispjega li dan seħħ għax: “La vittoria dell’individualismo si è realizzata, prima di tutto, sul piano culturale: a destra, col neoliberalismo che ha fatto della libertà di scelta la propria bandiera; a sinistra, col progressismo che ha ripensato l’idea di uguaglianza a partire dai diritti individuali.” (Ir-rebħa tal-individwaliżmu waslet l-ewwel fuq livell kulturali, fil-lemin bin-neo-liberaliżmu li għamlet mil-libertà tal-għażla l-bandiera tagħha; fuq ix-xellug wara li fil-progress tagħha waslet għall-ħsieb li l-ugwaljanza titlaq mid-drittijiet individwali.) L-egoiżmu fis-soċjetà ġie nkurunat u l-altruwiżmu mogħti l-ġenb, bil-bniedem jaħseb li jista’ jgħix il-bogħod u separat mill-oħrajn fil-kunċett li l-ewwel hu, u hu biss jgħodd.

Tweġiba

9. Meta taqra kitbiet sħaħ ta’ dan il-bniedem, li sofra biex iwassal messaġġ ta’ tama tifhem li hemm bżonn azzjoni biex nibdlu s-soċjetà fl-immobiliżmu iswed li tinsab fih. Nibdluha lejn ordni ġdid. Wieħed li jagħti skop ikbar lill-bniedem f’kull settur. Wieħed li mhuwiex limitat mal-materjaliżmu li qiegħed jeqred l-eżistenza ta’ diversi fil-kunċett li int għandek valur bħala persuna, u mhux skont kemm għandek proprjetà jew flus. Hemm bżonn, f’dan, li niftħu lura staġun ġdid ta’ Personaliżmu li Emanuel Mounier kien tant intelliġenti biex imexxina lejh. Għandna dmir nimxu fi triqtu u nkabbru mill-ġdid iż-żerriegħa t-tajba. Nimxu fid-direzzjoni li vuċi qawwija u moħbija bħal tiegħu għad għandha.

IKTAR GRAVI MILLI TIDHER

1. Għalkemm tul din il-ġimgħa, fil-bidu tagħha kien qisu jidher li daħlet lura xi forma ta’ normalità, fir-realtà, sal-aħħar tagħha l-pajjiż għadu jżid fl-inkredulità. Għadu ma jistax jemmen dak li hu għaddej minn fuqu. Ma jistax jemmen li dak kollu li seħħ f’dawn ix-xhur, u b’mod partikolari tul dawn l-aħħar ġimgħat, fil-fatt ġara. Pajjiż li kellu jkun garanzija ta’ ordni, stabilità u progress, sab ruħu fil-kontra. Mhux biss fuq skala nazzjonali, imma issa aktar fl-intern tal-Partit Laburista fir-responsabbiltà xejn faċli, li huwa stess irnexxilu jikkomplika: dik li jmexxi l-Gvern.

Ma tafx issibx tarf


2. Il-pożizzjoni hija iktar hemm għax jidher ċar li sejrin inkomplu ninżlu iktar ’l isfel. Ser inkomplu ninjoraw lin-nies, lill-istatistika, lill-verità u nimxu fejn jidhrilna, mingħajr direzzjoni. Fit-toroq, fil-pjazez, id-diskors kien, u sfortunatament għadu, li pajjiżna qiegħed, biċċa biċċa, jispiċċa. F’għajnejn diversi, kollox qiegħed jitbiel, jitqaxxar, jitkisser u l-Partit Laburista, li għandu f’idejh il-mandat elettorali li jmexxi f’din il-leġislatura, qiegħed jidher li l-mazz ħariġlu sew minn idejh. Jidher li m’għadux iktar kapaċi jmexxi, magħqud, ’il quddiem.

Nuqqas ta’ qbil

3. Biex wieħed ikompli, bl-aħbarijiet xejn tajba li fil-Kabinett tal-Ministri l-ispirtu ta’ djalogu spiċċa, il-pożizzjoni hija marka għola fil-gravità. Ħadd, barra, m’għadu fehem għala ċċekken il-portafoll tal-Ministru tal-Finanzi. Ħadd, anqas, m’huwa jara wisq l-għaqda neċessarja wara l-Prim Ministru. Uħud qegħdin jgħoddu diġà s-saħħa ta’ dawk li għandhom il-geddum u ta’ dawk li, anke jekk m’għandhomx, qed jaraw li l-pożizzjoni ser tinbidel malajr. Jekk, kif smajna, hemm min irid Partit Laburista aqwa milli kellna jrid iħabrek biex jipprova jġib il-bidla. Mhux waħda kożmetika, anqas sempliċement partitika, imma konvinċenti.

Lura fil-passat?


4. Għax huwa mill-iktar evidenti li dak li seħħ internament fil-Partit Laburista biex ġie magħżul Joseph Muscat bħala mexxej għad għandu l-effetti sħaħ tiegħu magħna. Dan, aktar fil-fond ta’ dak li seħħ fis-sajf sħun tal-1998. Minn dak li qed joħroġ jum wara jum, f’ħafna qiegħed jeħodna lura biex nifhmu l-kuntest tiegħu lejn dak li ntqal u dak li seħħ tul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena. Il-feriti, li jidher li ma kinux ingħalqu, reġgħu nfetħu aktar milli kienu. Dan aktar fid-diversi persuni li sofrew fix-xejn minn tmexxijiet varji, li flok ġabru, xerrdu aktar.

Kull politiku huwa wkoll persuna

5. Wara kollox, kull politiku għandu qalb. Warajh hemm familja, hemm segwaċi, hemm dawk li jaraw li l-affarijiet ma sarux sewwa. Din hija regola qawwija f’kull poplu tal-Mediterran, aktar f’tagħna. Min jinjora din il-verità jkun qiegħed jimxi f’toroq xejn tajba. Kif, għalhekk, f’dan qed naraw li l-pożizzjoni, minn dak li qiegħed jingħad, tidher li qed tersaq ftit iktar fil-punt fejn tkun irriversibbli. Bix-xenarji li jeħduna lura lejn dawk li ġew iffaċċjati minn oħrajn. Fl-għażla iebsa li jew jinbidlu huma, jew imorru għal ġirja oħra. Proprju għax hemm lezzjonijiet tajba minn mexxejja diversi oħra preċedenti li ma ttiħdux li wasalna fejn aħna.

Politika interna

6. Dawk li jmexxu partit, speċjalment f’dawn il-gżejjer, idumu biex jifhmu li kull persuna li hija parti minnu, hija importanti. Kull persuna, fil-fatt, tiġi fdata lilek, u trid taċċettaha bis-sħiħ u mhux tittolleraha. Persuni li jdumu biex jirrealizzaw li hija politika nterna żbaljata li jkunu settarji, u jiżirgħu b’dan l-għira tal-fazzjonijiet. F’dak il-ħsieb erronju li taħseb li tista’ telimina lil dak jew lill-ieħor. Inkella li tagħżel lil dawk li taħseb li huma l-iktar leali lejk u ’l-oħrajn tieħu ħsieb tressaqhom ’il-bgħid kemm tista’ biex tagħmlilhom ħajjithom diffiċli tant li timbuttahom biex jitilqu. Kull min imexxi partit, iktar u iktar Prim Ministru ta’ pajjiż, irid ikun attent f’ħidmietu. Jagħraf jagħti spazju ugwali u li t-talenti, huma x’inhuma, tal-komponenti politiċi huma tal-partit innifsu, u mhux tiegħu. Jagħraf, fuq kollox, li huwa mhux ser jibqa’ hemm għal dejjem. Jagħraf, forsi iktar, li l-partit ma bediex l-istorja tal-eżistenza tiegħu permezz tiegħu meta wasal hu.

Il-Pajjiż huwa Demokratiku

7. Trid verament abbiltajiet xejn faċli biex tmexxi sewwa, u bil-għaqal, partit. Daqshekk u ferm iktar biex tmexxi pajjiż. Trid, anzi, tifhem li l-poter u r-responsabbiltà li għandek ma jagħmlukx, u la re, u wisq inqas imperatur. M’aħniex parti mill-monarkija Burbonika, fejn il-poplu jrid jibqa’ taħt madmad ta’ ħaddieħor. L-affarijiet jimxu bir-raġuni, u mhux bir-ras iebsa. Aħna qegħdin f’demokrazija ħajja u moderna u li, anzi, għandna d-dmir li nsostnu. Waħda li mertu tal-Partit Nazzjonalista hija ferm iktar evoluta. M’aħniex soċjetà primittiva, jew li għandha bżonn tkisser dak li għandha biex terġa’ tibni lilha nfisha mill-ġdid. Trid tibdiliet, imma mhux distruzzjoni. Anzi, f’dan ngħid li hija l-Oppożizzjoni stess li trid tifhem li t-tarbija li welldet għandha tassigura li tkompli tikber, sija fl-intern tagħna, kif ukoll fuq skala nazzjonali.

Għadu mhux tard, jew huwa tard wisq?

8. Il-pożizzjoni tista’, b’ħafna xogħol u sagrifiċċji, tinbidel. Però, trid ħidma ferm u ferm diffiċli u differenti, forsi wkoll minn bnedmin ta’ iktar esperjenza. Bidliet qawwija fil-viżjoni u fid-direzzjoni. Proċess veru ta’ rikonċiljazzjoni, li fih wieħed jirrifletti fejn sejjer effettivament. Fejn il-bidu jkun dak illi wieħed jaċċetta r-realtà, u jibda verament jaħdem minnha. Jaħdem biex jibdel minn ġewwa, u mhux kif bqajna sa issa naraw dak li jkompli jipprova jagħti ħafna minn dawk l-impressjonijiet esterni biex kollox jidher sew, mentri jaf li mhuwiex. Ikun awtentiku mal-elettorat, u li juri x’hemm u x’jista’ jsir. Jekk dan ma jsirx, il-pożizzjoni ser tkompli sejra lura. Tkompli, anzi, turi li ma tistax titwaqqaf. U għax ma tistax, tkun fil-fatt qegħda tixhed biex turi li l-pożizzjoni hija ferm u ferm iktar gravi milli tidher li hi.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...