24.8.23

IL-FRUNTIERA TAL-UBBIDJENZA

1. F’dawn il-ġimgħat ’il bgħid mis-seduti parlamentari, hemm l-opportunità li wieħed jieqaf u jirrifletti. Jagħraf dak li aħna sejrin lejh u dak li ħerġin minnu. Temi ġodda fuq naħa, imma oħrajn rikorrenti fuq in-naħa l-oħra. Anzi, pożizzjonijiet simili f’kuntesti u ċirkostanzi differenti. F’kif għandu jaħseb u jaġixxi l-bniedem, iktar u iktar f’din is-soċjetà fejn l-għeruq morali tagħha qed tarahom jidhru minsija. Fejn il-bniedem, kull wieħed, u miegħu aktar il-politiku, irid jagħraf kif ser jagħrbel pożizzjoni u kif ser jiddeċiedi dwarha.


Voti parlamentari


2. Dan ħareġ iktar attwali fl-aħħar vot parlamentari fil-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar it-twaqqif ta’ inkjesta pubblika wara t-traġedja tal-mewt tal-ġuvnott Jean Paul Sofia. Kien, u jibqa’, mument determinanti fl-istorja politika ta’ pajjiżna. L-iktar fil-kuntest tad-deċiżjoni personali li kull membru parlamentari ġie mitlub jieħu. Fejn infetaħ mill-ġdid il-kunflitt li kull min iservi b’esperjenza jagħraf iħoss f’kuxjenztu bejn fuq naħa dak li jara hu li huwa sewwa, u dak li d-dixxiplina parlamentari titlob minnu. Pożizzjonijiet mhux faċli minnhom infushom, imma li fuqhom jissawwru u jitbasktu l-bnedmin li jservu.

Neċessità


3. Huwa, f’dan, minnu li l-ubbidjenza hija element bażiku ta’ kull struttura soċjali. Hija neċessarja fil-ħajja tal-bnedmin għax huma biss dawk li jgħixu iżolati li mhumiex marbuta li jobdu l-liġi jew direzzjoni. Huwa komportament li mingħajru ma jkunx hemm ordni imma kaos, u proprju għalhekk huwa parti integrali mill-imġieba umana. Fis-soċjetà, il-liġijiet għandhom isiru sewwa mill-bidu. Jirrispettaw il-valuri tal-verità u tal-ġustizzja, imma meta jkunu hekk iridu, kemm jista’ jkun, jiġu obduti u osservati. Inkella mmorru lura. Is-soċjetà tħossha mhedda bid-diżubbidjenza. Biss, wieħed jibqa’ jistaqsi: għandu wieħed jobdi, meta d-direzzjonijiet, il-kmandi jmorru u jkunu f’kunflitt mal-kuxjenza personali tiegħu jew tagħha?

Kif seħħew

4. Dan fih aktar importanza llum wara dak il-vot. Argument li jibqa’ attwali, u minnu jingħarfu dawk li għandhom sens minn dawk li kull ma jridu huwa li jitmexxew. Argument iktar iebes għal din is-sena fil-Grupp Parlamentari Laburista. Ċert li kien hemm diversi li ma qablux, fil-kuxjenza tagħhom, li jivvutaw kontra, u huma wkoll persuni li tkellmu internament. Mhux faċli tmur kontra l-kurrent u f’dan nagħraf, fl-esperjenza politika, il-piż ta’ dan kollu meta, kif għamilt numru ta’ drabi, esprimejt il-pożizzjoni differenti tiegħi. Imma kif rajna, proprju għax għad għandna kuxjenza nazzjonali qawwija, dak il-vot immarka. Ġieb il-kundanna morali u politika tal-poplu u l-elettorat sħiħ. Ġieb ukoll l-għarfien li sar żball, għax flok ġiet osservata l-kuxjenza tas-sewwa, ġiet mgħoddija fil-perikli tal-ubbidjenza għamja.

Formazzjoni kulturali


5. Inħoss li dan il-punt għandu jiġi diskuss u analizzat mhux tant biex wieħed sempliċement jikkritika, jew jagħmel punt politiku, imma biex verament jirrifletti. Jifhem dak li ġara u jiftakar f’dak li seħħ fil-passat. Aktar u aktar meta tul is-sajf immissu mal-atroċitajiet u l-viltajiet li seħħew fl-aħħar Gwerra Dinjija, u anzi aktar f’dak li hu għaddej fil-preżent fil-gwerra fl-Ukrajna. Iktar, f’dan, il-fatti kif rappurtati fil-ktieb stampat sittin sena ilu minn Hannah Arendt (1906-1975) bit-titlu Eichmann in Jerusalem. A report on the banality of evil. Wieħed li nibqa’ konvint li għandu jkun fost il-ġebel tax-xewka tas-sistema edukattiva tagħna. Wieħed li fih jidher ċar li l-bnedmin jagħmlu l-iżball li jobdu dak li m’għandhomx.

Sottomissjoni


6. F’dan hemm tagħlimiet li wieħed irid jieħu minn dak li sar min-Nażisti biex qatlu tant Lhud innoċenti. Kif hemm min jikkmanda, imma taħthom kien hemm min jesegwixxi u ma rreżistiex. F’dak li Stanley Milgram (1933-1984) jgħid: “Ordinary people, simply doing their jobs and without any particular hostility on their part, can become agents in a terrible destructive process. Moreover, even when the destructive effects of their work become patently clear, and they are asked to carry out actions incompatible with fundamental standards of morality, relatively few people have the internal resources to resist authority.” (Nies komuni, li sempliċement jagħmlu dmirhom mingħajr ebda forma ta’ reżistenza min-naħa tagħhom jistgħu jsiru aġenti ta’ proċessi terribbilment distruttivi. Mhux biss, imma anke meta dawn l-effetti distruttivi tax-xogħol tagħhom jidhru ċar x’inhuma, u huma jiġu mitluba jwettqu dak li huwa kontra l-livell fondamentali tal-moralità, huma biss il-ftit li għandhom fihom il-kapaċità li jirreżistu l-awtorità.)

Kieku llum


7. F’dan, diversi jistgħu jkunu konvinti mill-iżball li jkunu ser iwettqu, imma fil-biża’ li ma jobdux, xorta ma jikkumbattux awtorità u ordnijiet bħal dawn. Jista’, f’dan, jingħad u jinstema’ kif seħħ fil-proċess ta’ Norimberga (1945-1946) kontra l-kapijiet Nażisti fejn ingħad li suldat qiegħed jobdi l-ordnijiet superjuri għalih, u f’dan biex jobdi l-obbligi militari tiegħu. Fejn jittrasoforma ruħu fi strument, għodda, oġġett biex jiġu eżegwiti x-xewqat u d-direzzjonijiet ta’ oħrajn, u għalhekk ma jħossx li huwa personalment responsabbli ta’ dak li huwa moralment kundannabbli. Imma dak li seħħ f’dak il-proċess legali u l-lezzjonijiet li ġew stabbiliti jibqgħu gwidi għal min irid iservi lis-soċjetà b’mod verament effettiv.

Ċert illum

8. F’dan ninsab ċert li, b’dak li ġara, għad-deputat hemm lezzjonijiet. Fis-sens li għaraf li kellu jivvota kontra dak li, fil-fatt, seħħ wara, u għalhekk kieku ma kienx jivvota kif ivvota. Huma, f’dan, parti minn dawk il-mumenti meta wieħed imiss mal-fruntieri tal-ubbidjenza. Jifhem li hemm ordnijiet, imma wkoll li hemm liġijiet superjuri li jżommuh milli jesegwixxi, u anzi jagħtuh balzmu biex jirreżisti. Fejn irid ukoll jagħti rendikonti differenti oħra. Dak li seħħ għandu jkun, għal darb’oħra, lezzjoni fi klassi politika li jibqa’ jkollha l-bżonn li tifhem l-istorja biex taħdem sew fid-demokrazija. Klassi li trid tħares sabiex id-deċiżjonijiet ikunu maħsuba sew mill-bidu. Veru li l-bniedem jiżbalja, naturalment, imma f’dawn l-appuntamenti politiċi dawn id-dnubiet ma jmorrux minn fuqu, imma jibqgħu miegħu.

Il-bniedem huwa tajjeb

9. Sejħilhom li trid: lealtà, dmir, dixxiplina, ilkoll immirati biex jassiguraw l-obbligu li tobdi lill-awtorità. Imma meta ma tarax il-konsegwenzi ta’ azzjonitek tkun qed tidħol, jew iddaħħal iktar il-kunċett ta’ soċjetà fejn m’hemmx responsabbiltà. Fejn min wettaq u min iddeċieda l-ħażin jevaporaw mingħajr ma jsofru il-konsegwenzi ta’ għemilhom. Anzi, jiġu moħbija minn dawk li kellhom jeżegwixxu kontra r-rieda tagħhom. Parti minn proċess li jissoda iktar dak li huwa żbaljat, u jaqta’ barra dak li fuqu tikber soċjetà: it-tajjeb. Kif jiġri, però, qegħdin f’soċjetà demokratika li, fortunatament, għad għandha għarfien u mħabba għall-valuri fundamentali u effetti politiċi hemm. Soċjetà li, però, hemm bżonn tifhem iktar li hemm fruntieri, imma aktar, perikli fl-ubbidjenza li jridu jiġu osservati.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...