29.2.16

Non è detta.



1.     Il-pajjiż, fil-maġġoranza tiegħu, jrid jgħix ħajtu fil-paċi ‘l-bogħod mill-politika.  Ix-xewqa u l-pretensjoni normali għalih hija li anzi din tiggarantilu l-istabilità u l-ambjent neċessarju sabiex jaħdem, jikber u jiżviluppa.  Il-pajjiż iħares lejn il-politiċi bħala dawk li qegħdin għalih, biex ikollu fuq min jiddependi.  Biex iħoss li l-amministrazzjoni tal-beni u l-ġid komuni huma fdati fi bnedmin li kapaċi jmexxu f’isem kulħadd b’onestà, responsabbiltà u trasparenza.

2.     Sfortunatament l-eventi, kważi assidwament ġimgħa wara ġimgħa qed juru li dak li l-elettorat jippretendi qiegħed jispiċċa.  Il-fiduċja fil-bnedmin li ħafna jixtiequ jsejħu “politiċi” qegħda tmur.  Il-kelma, l-imġieba, l-aġir ta’ diversi qiegħed jibgħat messaġġ ċar li dak li qabel konna naraw illum qiegħed jispiċċa.  Għalhekk għandna iktar inċertezza fostna.  Iktar li qed jifhmu li s-serjetà u l-onestà ta’ dawk li l-mezzi tax-xandir juru mod huma, fir-realtà, kompletament il-kontra.

3.     Dan il-Gvern issa qiegħed ikompli għaddej b’eżempji li ħafna jqabblu ma’ dawk li huma arroganti u fis-sakra tal-poter.  Poter li qiegħed jaħkem tant l-imħuħ, f’dawk li issa ma għandhomx iktar bilanċ bejn dak li huwa ġust u dak li mhuwiex, bejn dak li huwa dritt u dak li huwa pjaċir.  Il-Gvern qiegħed jibbaża t-tmexxija tiegħu fuq it-tixrid tal-pjaċiri u ċ-ċaħda ta’ dak li huwa sewwa.  L-imġieba hija ħażina u m’għandhiex tkun, la f’dawn il-gżejjer u anqas f’pajjiżi oħra.

4.     Il-votant illum huwa ferm iktar liberu milli kien qabel.  Il-konsiderazzjoni tiegħu hija marbuta mal-użu tar-raġuni.  Għalhekk qiegħed idur u jaqra dak kollu li jista’ jinqara’ anke jekk qabel kien, għal raġunijiet tiegħu, jaħrab minnu.  Iktar ma dak li jingħad ikun serju u bażat fuq il-loġika u l-fatti aktar qiegħed jinqara’.  Il-pożizzjoni nbidlet sew, biss min qiegħed fit-tmexxija mhuwiex jinduna u minflok għadu jżomm lil ħafna kif kienu qabel.

5.     It-teħid u t-tqassim ta’ pakketti kbar ta’ konsulenzi qegħda ddejjaq iktar lill-votant.  Ħafna qed jgħarfu li dak li qiegħed isir huwa żbaljat u b’ebda mod ma jista’ jiġi ġustifikat.  Meta l-poplu jisma’ minn min imexxi li dak li huwa iswed jiġi deskritt bħala abjad jew griż ċar jiddejjaq.  M’aħniex pajjiż li tant mar il-baħar li nippreferu l-falz għall-verità.  Anzi, il-fiduċja tiġi proprju milli wieħed jgħid dak li huwa minnu u jammetti fejn naqas jew dak li huwa żbaljat.

6.     Kull ftit xhur qed insibu l-eżami tat-termometru politiku.  Kemm lesti jivvutaw naħa, kemm oħra u kemm mhumiex lesti li jivvutaw.  Kull darba qed naraw ċaqliq.  Il-maġġoranza qawija, arroganti u prepotenti tal-Gvern bdiet tittiekel sew.  Bdiet dan il-proċess prinċipalment, imma mhux unikament, minħabba dan l-aġir fit-tmexxija tal-pajjiż.  Prim Ministru, hu min hu u jiġi minn liema partit jiġi, meta jiċħad is-sewwa magħruf jitlef fil-kunsensi politiċi anke jekk iqassam kemm jiflaħ.  Dan huwa dak li qiegħed iseħħ illum.

7.     Il-futur politiku ma rah ħadd.  Ħadd ma jafu.  Hemm pendlu li jiċċaqlaq minn naħa għal oħra bir-ritmu u l-moviment tiegħu.  Għax għalkemm ma hemmx dubju li dan il-Gvern jitlaq b’vantaġġi kbar, xorta ħadd ma jista’ jserraħ rasu.  L-Oppożizzjoni minn naħa tagħha baqgħet biċċa biċċa żżid fil-ħidma, fl-osservazzjoni, fil-kritika, fir-responsabbiltà tagħha.  Għax għandha dmir li tassigura li taħdem biex turi kemm din il-maġġoranza qawwija qegħda sservi f’arroganza u mġieba żbaljata f’ħidmet il-pajjiż li hija unika.

8.     Ma hemmx dubju li l-Gvern jaħseb li huwa b’saħħtu ħafna u hekk qiegħed iġib ruħu.  Ma jħossx li għandu jagħti rendikont.  Anqas ma jħoss li għandu jimxi bi trasparenza u responsabbiltà.  Iħoss biss li ladarba għandu l-poter f’idejh, allura ħadd ma jista’ għalih.  Jaħseb li jagħmel x’jagħmel ma hemmx konsegwenza ta’ xejn.  Jipprova jnessi.  Jipprova jdawwar id-diskors.  Biss il-poplu, għall-kuntrarju ta’ dan qiegħed jisma’ u josserva.  Jekk hemm min huwa daqshekk ċert, l-eventi u l-figuri qed juru li “non è detta”.


23.2.16

Dawk tat-triq ser jispiċċaw fiha?







1.     L-istatistika li xahar wara xhar qegħda tiġi pubblikata mill-Gvern tindika li hemm żewġ fatturi li jidhru pożittivi.  L-ewwel, l-ekonomija sejra tajjeb ħafna.  It-tieni, li l-impiegi bħala numru qed jiżdiedu u l-persuni bla xogħol qed jonqsu.  Minkejja dan, hemm fatturi oħra fid-dinja mhux tan-numri jew l-istatistika li jindikaw li hemm sitwazzjonijiet li qed jiżviluppaw li hemm bżonn attenzjoni għalihom.



2.     Għad għandna numru sew ta’ persuni li qegħdin jaħdmu f’setturi li nindikaw bħala “prekarjat”, għad għandna parti mill-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi “part-time”, kif ukoll għandna iktar bnedmin li qegħdin fir-riskju jew fil-faqar.  Saru xi miżuri mill-Gvern, però dawn mhumiex jindirizzaw il-problema fl-għerq tagħha.  Dawk li huma minn taħt m’aħniex narawhom jitilgħu ‘l fuq.  Il-pakkett tas-salarju li hawn baqa’ l-istess jew nieżel ‘l isfel.



3.     Ilkoll niftakru li kienu saru diversi wegħdi elettorali.  L-ewwel kien hemm li kull min huwa fil-“prekarjat” ser ikollu impieg fiss.  Wara smajna li ser jidħol il-kunċett tal-“living wage”.  Ma’ din smajna wkoll li l-pagi li hemm fl-Unjoni Ewropea ser isiru r-regola.  Kellna wkoll min qalilna li persuni fir-riskju tal-faqar ser jisparixxu.  Dan smajnih diversi drabi.  Sa issa għadu ma sarx.  Biss fil-mument attwali, bil-prezz taż-żejt daqshekk baxx, bil-biljun li ġej mill-Unjoni Ewropea, bil-vantaġġi kollha l-oħra issa huwa l-mument irrepetibbli meta dan kollu jista’ jsir.



4.     Is-sitwazzjoni għall-klassi tal-ħaddiem titlob attenzjoni partikolari fiż-żminijiet komplikati tal-lum li però l-Gvern qiegħed jibgħat barra l-impressjoni li mhix qegħda ssir.  Għandek diġà żewġ fatturi li ma kienux proprju ta’ għajnuna għal dan.  L-ewwel kellek numru esaġerat ta’ persuni li ġew magħżula sempliċement għax parti minn sistema klijentelari biex jaħdmu mal-Gvern u l-korporazzjonijiet tiegħu.  It-tieni, li żdiedu l-ħaddiema barranin mill-Unjoni Ewropea u barra li daħlu biex jagħmlu l-istess xogħol li kienu jagħmlu l-Maltin b’salarji inqas.  Mhux qed ngħidu li taħlit ta’ ideat, ta’ bnedmin b’esperjenzi u formazzjonijiet differenti huwa ħażin imma qed nikkonstataw sempliċement li kien hemm dan l-effett fuq is-suq tax-xogħol.



5.     Meta titkellem fuq madwar 5,000 persuna li daħlet mal-Gvern u madwar 30,000 ħaddiem mhux Malti jew Għawdxi, wieħed jifhem ferm iktar l-impatt tiegħu fuq id-dinja tax-xogħol.  Għal dan, il-Gvern ma jidhirx li qiegħed jieħu xi miżuri biex itaffi, biex inaqqas l-impatt li minnu qed naraw li iktar bnedmin qed jidħlu għas-servizz tal-ekonomija iktar milli, kif għandu jkun il-kontra.  Hemm direttament jew indirettament il-messaġġ li l-istampa l-kbira hija ferm iktar importanti mill-biċċiet iż-żgħar.



6.     Fid-djar, meta titkellem mal-poplu ssib li ħafna qed jifhmu li ma tantx hemm ħeġġa sabiex ikun hemm miżuri fejn id-dħul tal-ħaddiem jiżdied, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jogħlew u l-pensjoni tikber verament.  L-eżempji ta’ tixrid ta’ flus fuq konsulenzi varji u tberbiq f’operazzjonijiet skandalużi qiegħed iżid ferm u ferm iktar fid-doża tal-melħ fil-feriti miftuħa.  Hawn issa forom varji ta’ rassenjazzjoni, speċjalment meta diversi huma konxji tal-maġġoranza kbira u qawwija li l-Gvern għandu fil-Parlament.



7.     Tul din il-ġimgħa kelli l-okkażjoni nqajjem dawn il-punti f’dibattitu parlamentari.  Magħhom semmejt ukoll il-pożizzjoni ta’ numru sew ta’ ħaddiema li għandna jaħdmu fil-kumpannija “De La Rue”.  Il-pajjiż ilu jaf mill-1 ta’ Diċembru li għadda li ser jitnaqqsu madwar tlett mitt impieg.  Il-kumpannija Ingliża ddeċidiet li filwaqt li żżomm il-ħaddiema tagħha fl-Ingilterra, fil-Kenja u s-Sri Lanka, f’pajjiżna proprju l-kontra.  Ser tinvesti 21 miljun ewro f’linja kompletament differenti u għax ser tagħmel dan ser jispiċċaw bla xogħol, lura fit-triq, diversi ħaddiema.



8.     F’Diċembru konna smajna lil min iddikjara li ser jintervjeni biex isalva dawn l-impiegi.  Xahrejn u nofs skorruti wara jidher li dan ma seħħx.  Minflok, min hemm irid japplika mill-ġdid biex jidħol fil-ħidma l-ġdida, però ovvjament la hemm garanzija li dawn il-ħaddiema ser jiġu magħżula u żgur mhux forsi ħafna ser jispiċċaw barra.  Dan huwa ta’ nkwiet mhux biss għal dawn il-familji direttament involuti, imma wkoll għall-ħaddiema ma’ kumpanniji oħra li jibżgħu li din ix-xorti tmiss lilhom ukoll.  L-inkwiet, u miegħu wkoll doża ta’ suspett joħorġu għax ilkoll nafu li huwa magħruf li s-salarju tal-ħaddiema tad-De La Rue huwa wieħed li jaqbeż sew fil-valur tiegħu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti jirrispettaw id-dinjità tal-ħaddiem.



9.     Meta għandek parti mill-ħaddiema tiegħek fil-pajjiż li qegħdin fil-prekarjat, jew li jridu jaħdmu part-time ukoll biex ikampaw, ikun żball li tippermetti li aktar jiżdiedu magħhom u jonqsu dawk li qegħdin tajjeb.  Hawn, flok immorru ‘l quddiem, jekk ma jsirx intervent dirett tal-Gvern, ser immorru minflok aktar lura.  Proprju għalhekk qiegħed inqajjem dan is-suġġett.  Għax tul dawn ix-xhur ma smajniex jekk ittiħdux xi miżuri biex dawn l-impiegi jiġu salvati, kif seħħ diversi drabi fil-passat.



10.   Ma smajniex, fost diskors ieħor, jekk kemm-il darba kienx hemm min min-naħa tal-amministrazzjoni li ma jiltaqa’ mal-kumpannija barra minn pajjiżna.  Jekk kienx hemm diskussjonijiet jew pressjonijiet fuq livell iktar għoli jew le.  Jekk il-Gvern fassalx miżuri alternattivi jew huwiex ser iħalli l-affarijiet għaddejjin.  Dan mhuwiex artikolu biex nirbħu xi punti politiċi jew nippruvaw inkerrħu ‘l-Gvern.  Anqas ma huwa f’isem ħaddiema ta’ Union partikolari jew ta’ partit politiku partikolari.  Huwa wieħed li qiegħed jitlob azzjoni ġenwina u risposti diretti.



11.   F’dan għalhekk inqajjem dawn il-punti: l-ewwel, għax il-ħaddiema involuti jixirqilhom li l-Gvern jinżel fil-kamp tal-battalja u jissielet kemm jiflaħ u jista’ għalihom.  It-tieni, għax il-poplu għandu dritt ikun jaf sewwasew x’sar u x’ser isir u x’jista’ jsir.  It-tielet, għax mhuwiex xieraq li dawk li jaħdmu ma’ tat-triq jispiċċaw huma fiha.  Nittama li dan jasal fil-widnejn u quddiem l-għajnejn ta’ dawk li llum għandhom ir-responsabbiltà fuqhom.

19.2.16

Fuq FB taf issibu żgur.





1.      Mark Zuckerberg huwa llum rikonoxxut bħala dak li ħoloq din is-sistema li permezz tagħha nfetħu bibien ġodda fid-dinja tal-komunikazzjoni.  F’pajjiżna FB (Facebook) sar parti sħiħa mill-ħajja soċjali tagħna.  Issib il-preżenza tagħha kullimkien.  Kummerċ, kultura, politika, attività soċjali, li trid.  Aħna magħqudin ma’ diversi oħra fid-dinja mingħajr fruntieri.  Għadu fil-wieħed u tletin sena tiegħu, biss nistgħu naqblu li ismu niżżlu diġà qrib dawk bħal Bill Gates u Steve Jobs.

2.      Ideat għandu.  Wettaq uħud u oħrajn qiegħed jipprova kontra l-kurrenti.  Tul dawn l-aħħar xhur sibnih jaqbad għajn il-medja internazzjonali b’saħħa darbtejn.  Ftit qabel tmiem is-sena li għaddiet, fit-twelid ta’ bintu ħabbar li fis-snin li ġejjin ser jibda jagħti 99% tal-ishma li għandu ġewwa FB, stmati llum madwar 45 biljun dollaru.  Kull sena jgħaddi biljun.  Fl-istess żmien ħareġ bil-proġett magħruf bħala “Free Basics”.  Programm li bażikament huwa indirizzat sabiex jagħti aċċess ikbar u aqwa lil iktar bnedmin f’36 pajjiż fejn hemm faqar li jiċħad l-aċċess għall-internet.

3.      Inizjattivi li jitolbu żgur attenzjoni.  Preżentement, b’mod partikolari, għaddej b’diffikultajiet sabiex jintroduċi dan is-servizz ġewwa l-Indja.  Mill-popolazzjoni hemm kwart, 300 miljun, li għandhom aċċess u minn dak li qrajt jidher li sal-2020 dawn il-figuri għandhom jirduppjaw.  Għal dan il-bniedem dan huwa żmien huwa twil wisq.  L-aċċess għalih għandu jkun ferm iktar rapidu.  Imma għall-kuntrarju, l-awtorità Indjana TRAI (Telecom Regulatory Authority of India) din il-ġimgħa ċaħdet il-pakkett li kien qiegħed jipprova jintroduċi mal-kumpannija Reliance Communications.

4.      L-argumenti kontra, li ma kinux anqas mingħajr ebda bażi, jidher li kienu marbuta ma’ tlett punti:  “i) Free Basics is a walled garden of FB-approved content, ii) it breacher consumer privacy picking up all the data generated by users; iii) it is anticompetitive to boot”.  Hu x’inhu, kienu għalija iktar interessanti l-argumenti li Zuckerberg ressaq huwa u jipprova jikkonvinċi lill-pajjiż.  Għax meta l-kontroversji jikbru, allura ħafna drabi wieħed mhux biss jiddikjara l-pożizzjoni imma jimmotivaha wkoll.

5.      F’artikolu minnhom iddikjara dan: “We believe that connectivity is a human right and that getting connectivity for the world is one of the fundamental challenges of our generation.  When people are connected we can accomplish some pretty amazing things.  We can get closer to the people that we care about, we can get access to new jobs, and opportunities and ideas.  We can receive education and healthcare and access to new services.”  Mingħajr ma wieħed jidħol neċessarjament fil-polemika Indjana jew jekk effettivament FB huwiex l-istrument l-iktar effiċjenti għal dan, però jrid jingħad li għandna naqblu li kull bniedem illum għandu jkollu, mingħajr dubju, dan id-dritt kif ukoll il-mezzi biex iġibu fis-seħħ.

6.      Hemm f’dan sejħa lejn dak li huwa llum u dak li ġej għada pitgħada.  Pajjiżna fortunatament ilu snin twal jibni politika li tiftaħ dan is-settur.  L-investiment li sar kien verament qawwi taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, li proprju għax ma għamlu xejn għal ħamsa u għoxrin sena, fetħu beraħ dan is-settur.  Dan ilkoll nafu li serva sabiex għandna għodod mill-iktar avvanzati għall-industrija u l-kummerċ li ħolqu iktar postijiet tax-xogħol u ġid għall-ekonomija tagħna.  Imma ma kenitx limitata għal dawk li għandhom il-mezzi, imma kienet assigurata għal kulħadd.  Il-poplu għandu aċċess qawwi u veloċi għall-internet.  U nafu li hawn għandna ferm iktar ugwaljanza diġitali li f’popli u f’pajjiżi oħra ma hemmx.

7.      Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda qed imissu direttament dan.  Iktar qegħdin il-ħin kollu fl-internet jużaw l-istrumenti kollha, fosthom il-FB.  Il-komunikazzjoni kibret ferm.  Id-dinja politika ppruvat tifhem u, f’ċertu sens, taħkem.  Prinċiparjament biex twassal il-messaġġi tagħha.  L-aħħar elezzjoni ġenerali tant kien hemm bumbardament qawwi u abbuż tas-sistema li l-effett illum huwa li ħafna qatgħu barra.  Iż-żgħażagħ għandhom id-dinja u l-ħajja tagħhom li fiha FB huwa parti integrali.  Is-soċjetà ta’ qabel naraha li ma tistax tifhem għax għadha kif kienet.  Din hija verament sfida ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet.

8.      Dan jidher iktar u iktar f’kategorija ta’ żgħażagħ magħrufa bħala NEET (Not in Education, Employment or Training).  Minn domandi li għamilt jidher li hemm ċertu diffikultà biex tidentifika kemm huma u min huma dawk li spiċċaw l-iskola, li la qed jaħdmu, la baqgħu jistudjaw u lanqas daħlu għal xi taħriġ.  Jidher li ma’ kull sena, kwart ta’ dawk li jispiċċaw mill-iskola f’ċertu sens jisparixxu mill-istatistika.  Dawn hemm bżonn urġenti li jintlaħqu lura.  Mhux biex wieħed imexxihom fejn ma jridux, imma biex jikkomunika l-opportunitajiet u l-iktar li jħajjarhom jibqgħu jitgħallmu.

9.      Naf li hemm sforzi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, sija fuq FB kif ukoll fuq Twitter.  Biss, apparti l-fatt li f’mumenti jagħti l-impressjoni li huwa estensjoni politika tal-partit fil-Gvern, ma jidhirx li qed jirnexxi.  Hemm bżonn viżjoni u linja ta’ ħsieb kompletament differenti minn dak li hemm sabiex naslu għandhom.  Pariri diretti minn Zuckerberg ma hemmx bżonn, però użu aqwa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li vvinta hemm.  Dan għax, ikolli ngħid, iż-żagħżugħ li qiegħed f’din il-kategorija fuq FB taf issibu żgur.


8.2.16

Id-disattenzjoni tal-arroganza.





1.         Il-poter jgħaddi lill-bnedmin minn diversi provi.  Jara fil-proċess jekk jaħkimhomx jew huwiex ser jinżamm f’postu minnhom.  Hemm fuq naħa min, bi ftit, malajr jitlagħlu għal rasu u hemm min jibqa’ dak li hu.  Il-kotba tal-ħajja politika jgħallmu li l-poter iħassar u jikkorrompi lill-bnedmin u li  meta dan, terġa’, jkun assolut il-ħsara tkun daqshekk ieħor fl-effetti tagħha.

2.      Bħalissa f’pajjiżna wieħed ikollu, b’dieqa kbira, jammetti li l-affarijiet qabdu triqat żbaljati.  Għax hemm dispjaċir fil-fatt li flok qed naraw avvanz ‘il quddiem fil-kwalità tat-tmexxija tal-pajjiż, fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet, qed naraw proprju l-kontra.  Għax hawn forom varji ta’ nuqqasijiet li diversi jaħsbu li huma mwielda mill-arroganza.  Minn min iħossu daqshekk b’saħħtu li jista’ jaġixxi kif irid u mingħajr konsegwenza.

3.      Il-kontroll u d-dixxiplina fil-Gvern f’dan sejra lura.  Il-fatt li ġie stabbilit li biex ikun hemm ċaqliq fis-siġġijiet tal-ministri jrid ikun hemm rapporti twal u voluminużi fejn il-provi huma qawwija qiegħed iġib dawn il-konsegwenzi.  Il-messaġġ huwa li jekk ma tkunx ultra-gravi ma jsir xejn.  Kollox jibqa’ għaddej u allura jikber iktar il-ħsieb arroganti ta’ dawk li jħossu li xejn ma jista’ jneħħihom mill-poter.

4.      Dan il-Gvern twieled bl-iżvantaġġ li għandu maġġoranza kbira wisq.  Għax hija proprju din li qegħda tieklu minn ġewwa.  Tieklu għax il-poter qiegħed jidher li qed jiġi użat bl-aġir tal-arroganti.  Ta’ min ma joqgħodx attent, ta’ min jaħseb li xejn ma huwa ser jilħqu għax ċert li ser jibqa’ hemm għal snin twal.  Dan kollu għax tlett snin ilu ġieb riżultat elettorali li qatt ma rajna bħalu.

5.      Dak li jinstema’ ġimgħa wara ġimgħa huwa biss l-effett ta’ din il-kawża.  Dak li qiegħed jidher fil-gazzetti u fuq fomm il-poplu huwa kollu ġej minn numru li qegħdin fil-Kabinett li l-poter ma jafux jaħkmuh u, minflok, ħadhom.  Ċert li kieku kien hemm nofs farka ta’ dak li għaddejjin immu llum ħames snin ilu, kieku ttieħdu n-nies sabiex jitħaġġru pubblikament.  B’dawk li huma arroganti llum ikunu fost tal-ewwel li jgaraw.

6.      L-arloġġ elettorali ma jistenna lil ħadd.  Il-Prim Ministru kellu dawn l-aħħar xhur biex jifhem li hemm bżonn bidliet kbar fl-Eżekuttiv u jaġixxi.  Biss, jew għal nuqqas ta’ ġudizzju, jew għad-disattenzjoni, traskuraġni, jew il-ħsieb li n-nies jinsew baqgħu ma tteħdux id-deċiżjonijiet li kellhom.  Ħasra, għax hemm tant deputati u segretarji parlamentari validi u serji li qegħdin fil-bank tal-Gvern li stranament, flok jiġu magħżula biex jibdlu lil dawk li qed ifallu, qed jitħallew dejjem iktar lura.  Il-poplu llum qiegħed ibatihom.  Il-partit fil-Gvern bihom beda jitlef mill-kunsensi.

7.      L-iktar telf huwa dak fl-aspett tal-mant tas-sewwa.  Ħafna jaħsbu li l-elezzjonijiet ġenerali jintrebħu jew jintilfu skond kemm tkun qassamt jew ikun hemm flus jiġru fil-but.  Dan għandu effett, però l-prinċipali jibqa’ marbut mal-korrettezza, mal-onestà, mal-umiltà, mal-użu tal-verità u mal-bżonn tal-attenzjoni għad-dettall f’dak li qiegħed jitwettaq.  Din il-leġislatura, mill-bidu marret kontra u insistiet fis-sakra tal-tqassim, il-klijenteliżmu qawwi u għax baqgħet għaddejja hekk qed tmiss livelli fil-qiegħ li konna ilna ma naraw bħalhom.

8.      Għax ma nemminx li hemm daqshekk disperazzjoni jew neċessità li l-Gvern irid jibgħat barra l-messaġġ li huwa determinat jaqdi lil dawk li minn barra jidhru li huma ta’ ġewwanett.  Din għal ħafna hija iktar stramba meta taħseb li fost dawk li l-aktar li jirreżistu l-poteri varji tal-Istat huma l-liberali l-aktar akkaniti.  Dak li, kif nafu, jidher li kienet is-sejħa u l-ġelu tal-għaqda tal-“Moviment”.  Menti kif qed naraw hawn, dak li huwa suppost imwieled minn xewqat leġittimi ta’ libertà, tul dan iż-żmien qed isir fonti ta’ arroganza.  Estremi, estremi oħrajn iġibu magħhom.

9.      L-effetti diretti huma: l-ewwel, li ħafna qed jaraw il-pajjiż jimxi pass pass lura; it-tieni, li diversi li jimmeritahom qed jinqabżu; it-tielet, li oħrajn li jintgħażlu qed jiġu użati, jinħarqu u jintremew; u r-raba’, li dak li diversi persuni ġenwini ppretendew iseħħ qed jarawh imur il-kontra.  F’dan hija s-saħħa parlamentari u elettorali qawwija li hija l-kaġun.  Kieku kien hemm maġġoranza, imma ta’ inqas, kieku għandna iktar attenzjoni u ferm u ferm inqas arroganza.

Niddefendu l-istituzzjonijiet demokratiċi




1.      Il-poplu dara jisma’ diskorsi dwar kemm aħna demokratiċi jew kemm għandna nkunu aktar hekk.  Biss, il-pajjiż ma jitwassallux biżżejjed li d-demokrazija tiddependi fuq il-parteċipazzjoni ħajja u diretta ta’ dawk li jgħixu fiha.  Speċjalment fil-mod ta’ kif inhija mmexxija.  Hemm fir-realtà diversi istituzzjonijiet u karigi kostituzzjonali li qegħdin għas-servizz tiegħu.  Imma mhuwiex magħruf x’sehem determinanti għandhom u x’għajnuna jistgħu jagħtuna.

2.      L-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa proprju wieħed minnhom.  L-Ombudsman huwa d-difensur ta’ dawk li jsibu li l-amministrazzjoni tal-Istat ittrattathom inġustament, naqsithom minn drittijiethom.  Din il-ħidma tista’ titwettaq: l-ewwel, jekk iċ-ċittadin ta’ dawn il-gżejjer jiktiblu bl-ilment tiegħu, inkella dan l-Uffiċċju għandu l-poter li jista’ jwettaq waħdu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess.  Tul dawn l-għoxrin sena diversi marru u ħadu risposti.  Sabu difensur u protettur essenzjali f’soċjetà moderna u demokratika bħal tagħna.

3.      Dan kollu jseħħ proprju minħabba żewġ elementi vitali.  L-ewwel, l-użu frekwenti tal-liġi mill-poplu; it-tieni u l-iktar importanti, l-għażla tal-persuna li jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman.  Il-passat hawn serviena ta’ suċċess.  Nistgħu llum inħarsu lura u nirreġistraw eżempji varji.  Dan fih innifsu huwa żgur tajjeb, biss ilkoll nafu li biex nibqgħu nimxu ‘l quddiem irridu nassiguraw li l-futur ikun bħall-preżent.

4.      Huwa għalhekk illum determinanti għas-sistema demokratika tagħna li jkun hemm ferm iktar programmi fuq ix-xandir li jispjegaw ċar ħidmet dan l-Uffiċċju.  Għax huwa, l-ewwel, fih innifsu tajjeb li wieħed ikun jaf u jiġi infurmat; u t-tieni, għax l-Istat għandu dover li jinforma lill-poplu.  Nafu, għalkemm hemm min qed jaħrab minnu, li l-Gvern għandu d-dmir li jinfurmah, mhux biss fuq dan l-Uffiċċju imma fuq dak kollu li huwa għaddej.

5.      Proprju fuq dan il-punt, l-istess Ombudsman reċentement ippubblika ktieb mill-iktar interessanti bit-titolu “The State’s duty to Inform”.  Wieħed li jista’ jinkiseb b’xejn.  Wieħed li huwa miktub b’messaġġ dirett u ċar għal kull min, f’xi żmien, jokkupa karigi kostituzzjonali.  Dak li f’isem il-verità, it-trasparenza u l-akkontabilità jrid jittieħed bis-serjetà u jiġi mwettaq id-dmir tal-Gvern li jinforma.  Għax salv ftit kwistjonijiet il-Gvern, kull wieħed, għandu d-dmir fundamentali li jinforma lill-poplu b’dak li għandu f’idejh, dak li huwa għaddej u dak li seħħ.  Ħadd ma huwa ogħla mill-Kostituzzjoni, mid-demokrazija u mill-poplu li jista’ jimmaġina f’xi rokna ta’ rasu li għandu d-dritt li ma jinfurmaw jew li jiddeċiedi hu fuq x’hiex għandu jinforma.

6.  Nafu lkoll li preżentement pajjiżna għandu magna demokratika tajba li però tiddependi ħafna fuq kif tiġi użata.  Nafu wkoll li l-preżent u l-futur tagħna jiddependu fuq kemm jirnexxielna ma mmorrux lura u li anzi nimxu ‘l quddiem billi  nsaħħu u nipperfezzjonaw dak li għandna.

7.      Parti essenzjali minn dan huwa marbut ma’ min jiġi magħżul biex jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman.  L-Uffiċċju f’dawn l-aħħar għaxar snin kompla jitmexxa b’indipendenza assoluta, b’integrità, b’dinjità u fid-direzzjoni l-ġusta mill-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Said Pullicino.  Kien hu li assigura li l-istima u l-fiduċja tal-poplu ma jonqsux, anzi jiżdiedu.

8.      Biss, issa li huwa wasal fi tmiem il-kariga, dan għalhekk ifisser li l-pajjiż irid imur għall-għażla tal-Ombudsman il-ġdid.  Quddiem il-fatt li hawn min huwa maħtur f’pożizzjonijiet kostituzzjonali li ma huwiex jimxi bir-reqqa, il-poplu qiegħed jippretendi li dan isir bir-reqqa.  Jintgħażel persuna oħra li jkun kapaċi jimxi fl-istess direzzjoni bħal ta’ qablu.  Dan sabiex id-demokrazija tagħna ma tmurx lura u l-poplu ma jitlifx minn difensur li tant għandu bżonnu f’kull żmien, iktar u iktar illum b’dak li huwa għaddej.