1.2.16

Sakemm ma jdurx ir-riħ.


1. Ftit jiem ilu smajt il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi f’wieħed mid-diskorsi tiegħu jgħid “Siamo I piu’ bravi del mondo”. Kien u għadu interessanti mhux tant jekk dak li kien qed jgħid huwiex minnu jew le, imma għala ħass illi għandu jiddikjara dan. Qawwa zgur il-qalb għal uħud però naħseb li rnexxilu forsi ukoll fl-eżaġerazzjoni li jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fil-pajjiż u l-poplu ġar tagħna għandhom ħafna biex jużaw u jiddistingwu rwieħhom. Għax fit-triq tal-ħajja u f’dik politika issib min jipprova jċekken u jmaqdar dak li verament hu.

2. Pajjiżna għandu huwa ukoll biex jiftaħar. Iċ-ċokon tiegħu huwa kumpensat bil-kwalità tal-ħajja u l-kultura li wiret minn ta’ qablu. Hemm min jifhem dan il-patrimonju x’inhuwa u hemm min le. Hemm min irid joqgħod attent sabiex ma jixxellifx u ma jintilifx u hemm min sfortunatament le. Daqskemm nistgħu nidwu fl-isbuħija tagħna daqshekk ieħor ma ftit għawg kollox dlonk jitbiel. L-rwiefen tal-ħajja mhux dejjem huma dawk li nipprevedu għalhekk huwa dejjem għaqli li wieħed jibni ħitan tas-sejjieħ bi bnedmin ta’ sustanza.

3. Jingħad x’jingħad, pajjiżna għadu sa ċertu punt igawdi mit-tajjeb li ġieħ mill-passat. Biss daqshekk ieħor huwa minnu li l-eventi ta’ dawn l-aħħar gimgħatejn ma nistgħux ngħidu li żiedu fil-piż tal-kalatura. Minn meta ħareg l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali. Minn meta diversi fil-poplu ta’ dawn l-gżejjer u dawk ta’ barra minnu bdew jaqraw u jifluh, l-istampa bdiet tinbidel - ikun xi jkun l-argument politiku. Tkun xi tkun l-attività, t-tgħannieq, ċ-ċapċip u l-ftaħir, dak li hemm miktub illi seħħ ma jibdluhx. Id-dell twaddab fuq il-klassi politika u fuq il-pajjiż kollu.

4. Ħafna ġejjin minn liema naħa tal-faċċata politika stqarrew pubblikament jew fil-privat li ma jixirqilniex hekk bħala stat. Il-komposizzjoni tal-eżekuttiv hija bla dubju f’idejn il-Prim Ministru.  Huwa jaħtar u huwa għandu jneħħi. Proprju fuq dan kien hemm min esprima li kien hemm bilanċ fin-numri kbar li jikkomponu s-siġġijiet tal-ministri u s-segretarji parlamentari - bejn dawk li kellhom esperjenza politika passata, bejn dawk li ġew mis-settur privat huma ukoll bi snin fuqhom u oħrajn li daħlu għall-ewwel darba.  Jidher, minn dak li rajna, li din it-taħlita m’hix qedha proprju tirnexxi.

5. F’ċertu sens, il-vanġelu ta’ matul il-ġimgħa dwar fejn waqgħet iż-żerriegħa reġgħet ġabet lura dan il-ħsieb. Minn dak li seħħ, il-poplu fit-triq qiegħed iħoss li t-tmexxija tilfet jew tellfulha t-triq tagħha. Dawk li deheru bħala li huma appostli primi ma baqgħux fuq l-linja tas-sewwa mentri oħrajn li kien hemm min qiegħed jibgħat il-messaġġ li wasal il-mument li jitilqu, qegħdin minflok  fit-taħwid li hemm jipprovaw iġibu xi forma ta’ ordni. Jingħad x’jingħad hemm konfuzjoni u nuqqasijiet li issa ġejjin biċċa biċċa għad-dawl tax-xemx.

6. Is-sitwazzjoni ma tistax tissolva b’forom ta’ artifiċjalitajiet politiċi. Il-poplu tant ra quddiemu li issa iktar minn qabel kapaċi jifli u jifhem x’hemm wara d-diskors li qiegħed jingħad. Fil-qosor, hemm issa kriżi politika qawwija. Hemm min qiegħed fil-Gvern li qiegħed jifhem dan u narawh jipprova jidritta. Hemm minflok min ma huwa jifhem xejn. Għax ħafna jinjoraw li kien hemm u għad hemm ċerti regoli ta’ propaganda li għal pajjiżna ma jgħoddux. F’dan il-każ, hawn kolonja b’saħħitha tad-dixxendenti adottivi tal-appostlu veru San Tumas.

7. Ngħid dan kollu għax nemmen iktar minn Renzi li aħna poplu fost dawk li nikkonsidrah mal-aqwa  fid-dinja. Nemmen li fiċ-ċokon tagħna irridu però niġġieldu għal dan aktar minn ħaddiehor. Trid tissielet kontra l-kurrent tal-istaġnar żbaljat tal-għażżien klijentelizmu u miegħu oħtu l-maħmuga korruzzjoni. Dak li ġara hawn ġie żgur irrappurtat u nnutat minn diversi kapitali Ewropej oħra.  Għalhekk nikteb fuq dan għax il-mument huwa iktar delikat mis-soltu.  Dan għax ġejjin fuqna attivitajiet meta d-dawl ser jkun iktar fuqna minn qabel li jitlob li ċerti miżuri jittieħdu.

8. Ftit xhur ohra u nibdew l-presidenza ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja, ftit wara u għandna l-Belt Kapitali tagħna ċċelebrata bħala dik tal-kultura għas-sena 2018. Żewġ mumenti li minnhom nistgħu nieħdu inkella nitilfu bil-kbir. Il-valur tagħna jista jiżdied u jsalva dak li għaddej minnu. Jista ukoll jekk jibqa għaddej fl-istess direzzjoni, jitilfu.


9. Pajjiż żgħir ftit ikollu okkazzjonijiet għad-disposizzjonijiet tiegħu u jekk ma jisfrutthomx kif għandu, ma jiġuhx lura.  Dak li ġej ser jilħaqna. Għalhekk jekk ma jinbidlux l-pożizzjonijiet, u malajr, allura ser nitilfu. Jekk ma jdurx ir-riħ, għall-agħar ser inmorru. Ha jifhem min għandu jifhem .         

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...