17.2.22

Il-Ġustizzja Soċjali hija neċessarja.

 

1.      Id-diska tal-Gvern inbidlet u nqalbet f’din il-ġimgħa.  M’għadniex nisimgħu kemm kollox huwa sejjer tajjeb u perfett, imma beda jitbexxaq il-bieb biex toħroġ il-verità.  Hemm realtà li f’dawn l-aħħar snin inħarbet, li issa ġejja lura bis-saħħa li jixirqilha.  Politika tajba ssir jekk tirrispetta l-verità u l-fatti, u ma taħrabhomx.  Miżuri tajba li jittieħdu jekk, iktar minn dan, jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu l-ewwel, u t-tieni jekk jittieħdu miżuri li huma konformi mal-ġustizzja soċjali.  Ġustizzja li qabel tidher li qed issir, trid fil-fatt tkun qegħda ssir, inkella jkun hemm apparenza ta’ ġustizzja soċjali.

 

Prova tal-falliment?

 

2.      Forsi iktar minn hekk, ħareġ iktar dak li huwa l-falliment tal-Gvern li jaġġorna l-istat soċjali għall-esiġenzi tallum.  Punt li ilna nsostnu.  Għax il-proċeduri passati, dawk li kienu jagħmlu sens għall-bżonn tas-soċjetà ta’ qabel, illum għandhom jiġu aġġornati.  Għandna iktar bnedmin li jinsabu fi stat ekonomiku u soċjali ħażin. Għandna faqar ġdid u differenti li jrid risposti sostenibbli, imma kostanti.  Sija minħabba l-pandemija, sija minħabba l-Brexit.  Però, l-iktar minħabba l-korruzzjoni li ġibitna fil-greylisting.  Mhuwiex biżżejjed li wieħed joħroġ ħlas ta’ darba u jieqaf hemm.  Hemm bżonn analiżi aktar fil-fond sabiex l-istat soċjali jwieġeb għar-realtà tallum.

 

Għoli tal-ħajja

 

3.      Huwa l-pajjiż, il-poplu kollu li qiegħed jagħraf li l-ħajja għoliet, u ser tibqa’ togħla.  Ħadd, ċertament, ma jista’ jiċħad dan u hemm tbatija li ħierġa jum wara jum.  Waħda li ħafna, fid-dinjità silenzjuża tagħhom, għaddejjin minnha.  Ħafna li ma jitkellmux u jridu jgħattu li qed jixtru inqas, jieklu differenti u ma jlaħħqux ma’ dak li kienu.  Mingħajr ma rridu, qed nibdew naħsbu li wasalna mal-bidu tas-seba’ snin ta’ għaks.  Wara li għamilna snin fejn mill-ġid nazzjonali, flok kien hemm tqassim aħjar u ġust kien hemm diversi li ħaxxnu bwiethom.  Sfortunatament dik hija s-sitwazzjoni, u huwa għalhekk li l-Gvern preżenti, immexxi kif inhu, ma jistax ħlief jagħmel pagamenti ta’ darba.

 

Temperatura differenti

 

4.      Hawn min qiegħed jara dan iktar fix-xenarju fejn it-temperatura politika bdiet tielgħa.  Evidenti ħafna b’dak li għaddej.  Hemm vuċijiet ta’ rabja li mhumiex isibu fatturi li jikkalmawhom, li wieħed irid ikun attent għalihom.  Kurrenti soċjali li, bħall-vulkani, m’għandniex kontroll tagħhom.  Jieħdu meta ma nistennewx, u mhuwiex biżżejjed li jinxteħet l-ilma fuqhom darba.  Iktar u iktar meta dawk li ħadu baqgħu jieħdu, u mhux ħadu sehem darba.  Il-pajjiż qiegħed imiss pożizzjonijiet li f’ras il-poplu ma jarax wisq sens, salv li huwa tqiegħed fil-ġenb.  Flok ingħata każ, ingħataw każ ftit persuni.

 

70 miljun

 

5.      Dan huwa l-isfond li fih wieħed irid iħares u jqis l-għotja ex gratia tal-Gvern tul din il-ġimgħa.  Mingħajr ma wieħed irid, jiftakar f’dak li l-Imperaturi Rumani kienu jagħmlu minn żmien għal żmien.  Imma aħna m’aħniex fil-perjodu imperjali, imma taħt sistema demokratika li titlob kont u trasparenza.  Biex inħarġu dawn il-flus, hemm ammissjoni ċara li l-pożizzjoni soċjo-ekonomika hija ħażina.  Biss, iktar gravi hemm l-għarfien tal-fatt li dak li qed iseħħ m’hemmx biex wieħed iwieġeb għalih.  Jista’ jkun hemm min jidħol għaliha u jaċċetta li hemm “rigal” li qed jingħatalu, imma l-pożizzjoni hija differenti.

 

Ammissjoni ċara

 

6.      Hemm iktar f’dan, l-ammissjoni li l-istat tal-affarijiet m’humiex wisq tajjeb.  Iktar u iktar meta dan ir-rigal qiegħed jingħata lil kategoriji differenti tal-klassijiet soċjali.  U dan jindika li mhix miżura biex iċċaqlaq l-ekonomija u fir-retorika li ilna nisimgħu, imma biex ittaffi temporanjament għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.  Dan ser jaggrava u jiftaħ l-ispazju biex jiġi ffissat appuntament elettorali meta huwa mistenni li parti mis-soċjetà tirċievi dawn il-ħlasijiet.  Pass li jimmina iktar il-proċess demokratiku fis-sens li miżuri bħal dawn iridu jkunu ppjanati sew, u mhux magħmula fi spirtu relattiv.

 

Hemm kriżi

 

7.      F’dan huwa iktar ċar li hemm kriżi għaddejja fil-Gvern li qiegħed iżomm lilu nnifsu milli jaqa’.  Hemm diffikultajiet varji li qed joħorġu li minn din il-miżura waħedha juru li mhuwiex magħqud u kapaċi jsolvi sew.  Hemm kurrenti interni varji li qed iġibu iktar instabilitajiet.  Iktar persuni qegħdin jagħrfu dan, anki jekk mhumiex neċessarjament konvinti minn dak li aħna, bħala Oppożizzjoni, qed noffru.  Iktar qed jifhmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar hemm bżonn bidla biex verament l-affarijiet jibdew proċess lura lejn in-normalità.  Il-Gvern qiegħed fl-inabilità li jsalva s-sitwazzjoni li, f’ħafna parti, ġieb huwa stess, u jista’ jġedded il-ħajja tiegħu b’dawn it-tip ta’ miżuri.

 

Il-bidla neċessarja

 

8.      Nistgħu għandna d-diffikultajiet umani tagħna, jista’ jkollna wkoll żvantaġġi oħra, imma l-bidla għandha ċerta vantaġġi.  L-ewwel: wieħed jistabbilixxi x’verament huwa l-istat tal-ekonomija tal-pajjiż.  It-tieni: li jieqaf iċ-ċirku ta’ korruzzjoni li daħal kullimkien.  It-tielet: li wieħed ikun jista’ jagħti saħħa u l-arja lill-istituzzjonijiet demokratiċi biex jaħdmu.  Ir-raba’: sabiex ikun hawn lura ordni u ġustizzja fil-pajjiż.  Il-ħames, u l-iktar importanti: sabiex il-ġustizzja soċjali tidħol lura u twieġeb għad-diffikultajiet ta’ dawk li huma l-iktar ‘l-isfel fis-soċjetà tagħna.  Is-sitta: sabiex ma jkunx hemm iktar Gvern li għandu l-linja ta’ amministratur, imma ta’ dak ta’ riformatur.

 

Ir-raġuni ma tridx forza

 

9.      F’dan, għandna nibqgħu s-segwaċi tal-politika t-tajba – dik li tħares li titwettaq bir-raġuni.  Ma hemmx lok għall-estremiżmi jew diskors żejjed, jew li jistiga lejn aġir żbaljat.  Kull persuna jibqa’ li hu fid-dinjità sħiħa tiegħu, u huwa parti mill-proċess demokratiku li jitlob li jiġi rispettat.  Imma f’dan, l-intelliġenza tagħna m’għandhiex tiġi nsulentata.  Il-pajjiż jinsab fi stat diffiċli, u s-soluzzjoni trid tkun fit-tul u li tgħin verament lill-poplu, li għandu bżonn qawwi.  Ċertament politika li temmen u twettaq verament il-ġustizzja soċjali, u mhux l-apparenza tagħha.

  

L-Impenn Deċisiv Tagħna.


 

1.     Għaliex aħna fil-politika, u għala f’dan il-Partit, hemm min jistaqsini?  Tweġibiet ċari għandu kull politiku ġewwa fih.  Jagħraf li qiegħed fil-ħajja pubblika biex iwettaq il-ġid, biex jagħmel u jagħti sehem fil-ħidma li tibdel u tissoda lis-soċjetà.  Dik li tibni bil-liġijiet, u bil-ħsieb, soċjetà aħjar.  Soċjetà li tapprezza u tagħti dinjità sħiħa lil kull bniedem li jgħix fiha.  Dinjità li titwieled mill-fatt uniku u rrepetibbli li huwa għandu talenti u kapaċitajiet uniċi.  Mhux għax kapaċi jagħmel il-flus, jew għax għandu xi sehem li s-soċjetà tqisha bħala ‘utli’ għaliha, imma għax huwa persuna li għandu, ċertament fih, sehem fil-ħajja.  Bniedem li kapaċi jagħti lura f’soċjetà li mhux biss għandha drittijiet, imma iktar dmirijiet lejh.

 

Partit uniku

 

2.     Il-Partit Nazzjonalista li għażilt li naħdem fih huwa, f’dan, uniku.  Huwa l-partit li nbena fuq il-prinċipji u l-valuri li diversi oħra fl-Ewropa jidentifikaw ruħhom bħala Demokristjani.  M’hemmx dubju li l-istorja tiegħu hija f’dan is-settur.  Meta fl-1926 kien hemm l-għaqda bejn il-partiti ta’ Sir Ugo Mifsud u ta’ Nerik Mizzi, kienu għażlu li jiddikjaraw li huma jispiraw ruħhom mid-duttrina soċjali tal-Knisja, l-iktar b’dak li l-enċiklika Rerum Novarum kienet tindika.  Għażla preċiża u konxja, proprju għax riedu partit li l-poplu jħoss li huwa dak li jirrappreżentah fl-ideat tiegħu.  Il-partit li huwa kapaċi jwettaq il-viżjonijiet tiegħu.  Imexxih ‘il quddiem fis-sewwa.  Imexxih sabiex iħares lill-bniedem u jħares dak kollu li jagħmel is-sewwa.  F’liġijiet u politika li sawru s-soċjetà tagħna u li għadhom hemm iservuna.

 

Demokristjani

 

3.     F’dan, aħna ninsabu parti sħiħa minn linja politika ċara.  Diversi pajjiżi Ewropej bħalna, kellhom l-esperjenza tajba ta’ partiti Demokristjani li biddlu sew.  Servew sabiex id-demokrazija tissoda.  Servew sabiex l-istat soċjali jissoda u jirrifletti iktar il-ġustizzja soċjali.  Servew sabiex ma ħallewx il-poter ċentralizzat, imma għaddewh lil organi oħra.  Servew sabiex jassiguraw li l-ekonomija tkun għodda għas-servizz.  Servew sabiex ma jkollniex soċjetà li tħares lejn il-mekkaniżmi tas-suq biex timxi fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin.  Servew sabiex bnew kwalità aqwa ta’ demokrazija.  Servew sabiex bnew l-Unjoni Ewropea.

 

Fukuyama

 

4.     Proprju kienu l-fundaturi ferm iktar avvanzati mill-progressivi tallum.  Għax il-bniedem ma jivvutax biss għall-but, jew minħabba fih.  Ħsieb li l-istess Francis Fukuyama, fil-ktieb Identity, isostni.  Fil-fatt, huwa jgħid: “Modern economic theory is built around the assumption that human beings are rational individuals who all want to maximise their ‘utility’ – that is, their material well-being – and that politics is simply an extention of that maximising behaviour.  However, if we are ever to properly interpret the behaviour of real human beings in the contemporary world, we have to expand our understanding of human motivation beyond the simple economic model that so dominates much of our discourse.”  Hekk proprju hu.  Hemm valuri superjuri li l-bniedem, f’din is-soċjetà, ifittex fil-politika.

 

Politika aqwa

 

5.     Fil-ħsieb li tul din is-sena nimmarkaw it-tletin sena mill-qtil ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino mill-Mafja, sibt din il-kitba ta’ Pietro Grassi li ngħaqqad aktar: “Oggi non è più così, la politica fa parte del leone nella gestione degli affari e il fenomeno della corruzione è molto esteso.  Da qui la necessità di dare nuove e severe regole alla politica, al fine di farle riguadagnare credibilità presso l’opinione pubblica.”  Dan jgħodd ukoll f’dimensjonijiet oħra għalina.  Għax wieħed jista’ jżid fil-liġijiet sabiex jirregolaw il-komportament uman, speċjalment f’dan is-settur.  Biss, fil-politika, meta partit jabbanduna l-linja tiegħu, dik ideoloġika, allura jkun qiegħed jiftaħ il-bieb għal aġir żbaljat.  Ikun qiegħed jippermetti li jaqbad it-triq għall-inkorrettezza fl-aġir.  Għax il-prinċipji li partit iħaddan huma garanzija ta’ legalità u moralità korretta.  Kif jitlaq din l-ankra, allura jġib lilu nnifsu oġġett fis-suq.  Jiftaħ il-bieb beraħ għall-korruzzjoni, li nagħrfu li hija l-għadu ta’ soċjetà miftuħa u demokratika.

 

Il-kontroll

 

6.     Il-kontroll intern, f’kull partit f’din il-linja, huwa parti mill-elementi li jwelldu fiduċja fl-elettorat. Ħafna drabi, partit jikseb il-kunsens mhux neċessarjament għax ikun hemm qbil fuq dak kollu li qed jgħid. Imma l-fatt li jwettaq, jew jipprova jwettaq dak li jgħid, jiġborlu rispett elettorali.  Il-konsistenza, il-lealtà u d-determinazzjoni f’daqqa, jgħinu sabiex jiġbor kredibilità.  Dan iktar u iktar meta lkoll nagħrfu li ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi jinbidlu.  Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jiddikjara x’ser jagħmel għal dak li għadu ma jafx x’ġej fuqu.  Imma meta jkun fidil għall-prinċipji ideoloġiċi tiegħu, ikun hemm diġà direzzjoni ċara li jkun ser jieħu.  Ma jkunx il-partit tal-moda, jew dak li jibdel u jaqleb skont x’jaħseb li jaqbillu. 

 

X’jaqbel

 

7.     Għax fil-fatt, partit jaqbillu dejjem li jkun veritier u onest lejn il-prinċipji tiegħu.  Dan jgħodd iktar u iktar illum, meta hemm min jidħol f’partit mingħajr ma jkun jaf il-ħsieb politiku tiegħu xi jkun.  Jaqbad it-triq li jaħseb li jista’ jbiddel dak li huwa diġà ffurmat u stabbilit.  Minflok, jintilef f’deżert ta’ ħidma li ma taqbilx u tistona.  Messaġġi li l-elettorat jaqbad u li tulhom jitlef mill-fiduċja.  Dan hu fejn il-Partit Laburista jinsab ċertament.  Fejn, f’dawn is-snin rajna inkonsistenza fil-partit ta’ Mintoff u dak tallum.  Ma hemmx il-qalb tħabbat għal min huwa ‘l isfel fis-soċjetà.  Hemm, minflok, il-kompromess tal-kumdità ma’ dawk li għandhom.

 

Pedamenti

 

8.     Proprju fil-mument meta hemm ħafna diskors u teoriji dwar il-ħsieb li l-politika vera m’għadhiex teżisti, għax issa kollox huwa falz u artifiċjali li għandna bżonn naffermaw il-pedamenti.  L-elettorat irid ikun jaf fejn aħna, qabel jibda jikkunsidra li jagħtina l-fiduċja.  Irid ikun ċert li għandna ideat u linja li m’aħniex ser indawwru.  Biex dan ikun jista’ jiġi fis-seħħ, irridu mill-ġdid nagħrfu dak li aħna.  Nagħrfu l-vantaġġi tal-linja Demokratika Kristjana.  Nagħrfu li hija rilevanti llum iktar minn għada.  Nagħrfu li fiha l-kuraġġ li ġġibha fis-seħħ.  Nagħrfu li però, ladarba titħaddem, tibqa’ ċ-ċavetta sabiex issolvi l-problemi u l-isfidi ta’ kull żmien.

 

Il-ħsieb għaqli

 

9.     Jekk naqraw l-istorja ta’ pajjiżna u s-sehem tal-politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fiha, nifhmu aktar dan.  Nifhmu li, bil-provi u bil-fatti, dak il-proġett politiku rnexxa u, anzi, kapaċi jibqa’ jirnexxi.  Il-kunċetti tagħna fis-soċjetà jagħrfu dejjem li l-bniedem huwa verament iċ-ċentru.  Jiġifieri li jaqbeż l-esiġenzi tal-Istat u tal-ekonomija.  Fejn jekk ma jkunx rispettat, mhux biss hu jintilef, imma iktar is-soċjetà infisha.  Illum, wasalna fejn wasalna proprju għax il-politika tal-Gvern Laburista ta’ dawn is-snin kienet materjalista u liberalista.  Jekk qed inkomplu naraw l-istat soċjali, tad-dritt, tal-ġustizzja u tas-sewwa jaqgħu, huwa mertu tal-politika anti-ideoloġika tiegħu.  Ma ħaddanx linja soċjalista.  Ħaddan minflok waħda mill-agħar forom ta’ liberaliżmu.  Għalhekk qegħdin fejn qegħdin.

 

Proprju għalhekk

 

10.   Proprju għalhekk li għandna nibqgħu nżommu l-impenn għaqli u deċisiv tagħna biex nibdlu lil dan il-pajjiż lura għat-triq tas-sewwa.

 

Tibqa’ strument għas-Sewwa.


 

1.      Tul din il-ġimgħa kellna d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.  Persuna mill-iktar intelliġenti, li l-esperjenza politika tagħha qed issa ssarraf direttament f’istituzzjoni prestiġġjuża u determinanti.  Taf id-dinja tal-poter, però taf iktar il-valuri u l-ideat li ffurmawha, dawk Demokratiċi-Nsara.  Id-Demokrazija Kristjana għadha, fortunatament realtà, u waħda li tibqa’ strument rilevanti, attwali u ċara fid-dinja tallum.

 

Diskors importanti

 

2.      Kull sena, dan huwa mument meta l-Parlament Ewropew jissejjaħ u jiġi ndirizzat.  Biss, wieħed għandu jgħid li għalkemm kien hemm diversi qabilha, dan fih kontenut uniku.  Wieħed bilanċjat, wieħed moderat, imma l-iktar, wieħed li jrid jaffronta direttament, mingħajr biża’ jew paraventi, il-problemi veri.  Is-sitwazzjonijiet kumplikati li ħarġu b’ferm iktar saħħa wara dan il-perjodu twil ta’ pandemija.

 

Inkiteb tajjeb

 

3.      Ma hemmx dubju li qieset kull kelma li qalet.  Ma kienx hemm waħda li mhix f’postha, jew li b’xi mod, żgarrat.  Appellat għall-aħjar fil-bniedem.  Ma kienx diskors tal-pinzellati li jsiru numru ta’ drabi, imma wieħed programmatiku.  Wieħed li nistgħu, u anzi aħjar, għandna naħdmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex iseħħ.  Jixraq dan għax il-pjan li ġiebet ‘il quddiem jista’ jitwettaq.

 

Prinċipji

 

4.      Ma qagħditx lura  milli tibda, u f’kull mument opportun tfakkarna li aħna qegħdin f’għaqda speċjali.  Il-forza li ġġibna lkoll f’daqqa hija dik li titwieled mill-valuri komuni.  Il-valuri Nsara li, iddur fejn iddur, huma parti mis-soċjetà u l-kultura tagħna.  Jekk tneħħi dawn, tkun qed tneħħi r-ruħ, l-ispirtu fundamentali li jmexxi u jagħmel sens mill-istruttura sħiħa li issa, bħala membri, qegħdin ingawdu.

 

Pożizzjoni ċara

 

5.      Ġiebet, f’ħafna, lil kull persuna lura għall-ordni morali.  Fakkritna fil-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tkun id-difensur tad-drittijiet fundamentali.  Fil-vantaġġi tal-ekonomija mmexxija favur il-ġid tal-ħaddiema.  Ta’ ekonomija li mhix waħda kapitalista, imma waħda soċjali, il-famuża ‘social-market economy’.  Fakkritna u asseriet lura li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex għall-bejgħ, u anzi, li rridu nifhmu iktar li m’għandniex nidħlu f’ipokrezija konvenjenti li niddikjaraw prinċipju, però nixtru minn swieq oħra prodotti li huma frott l-isfruttament tal-ħaddiem.  Kundizzjonijiet żbaljati u paga baxxa mmens.

 

Aġenzija ġdida

 

6.      Kienet ċara iktar f’dak li l-Unjoni Ewropea rnexxielha twettaq fl-aħħar snin u fiż-żmien tagħha.  Partikolarment fil-passi li ttieħdu sabiex iċ-ċittadini u r-residenti tagħna jkollhom il-vaċċin għad-dispożizzjoni tagħhom.  Kif ukoll fl-għarfien li għandna ngħaddu lil pajjiżi oħra, kif sar fil-miljuni, biex dawk li m’għandhomx mezzi jkunu jistgħu jibdew jeħduh huma wkoll.  Sar ukoll il-punt li għandna bżonn ta’ aġenzija li twieġeb għall-isfidi futuri.

 

Teknoloġija

 

7.      Għamlet ukoll il-punt li qed ingawdu minn teknoloġija avvanzata, proprju għax sar investiment b’satelliti varji li llum iservuna fit-telekomunikazzjoni varja, li tul il-pandemija wkoll servietna sew.  Mhux biss, imma fetħet il-bieb lejn iktar investiment f’dak li għandna fis-‘semi-conductors’.  Stabbiliet viżjoni, u fl-istess ħin il-bżonn li nibqgħu ‘world leaders’.

 

Vjolenza domestika

 

8.      Għażlet ukoll li tiftaħ it-triq sabiex l-Unjoni tibni, hija stess, liġi tagħna li tikkumbatti l-vjolenza domestika.  Kif għadna qed naraw, f’pajjiżna u f’barra minn xtutna, din hija problema li ma tridx titlaq minn magħna.  Kuljum, aktar u aktar minn dak li għaddejna, hawn wisq aggressività li nsibuha fis-soċjetà.  Wasal il-mument li naraw l-effett tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u kif wieħed jista’ jassigura strumenti iktar effettivi u diretti.

 

Żgħażagħ

 

9.      Però f’dan kollu baqgħet, ċertament, l-importanza kontinwa tagħha lejn din il-ġenerazzjoni.  Tifħir, u fl-istess ħin messaġġ ta’ tama.  Hemm kapaċità li titlob iktar attenzjoni.  Hemm il-bżonn li ma nitilfux żgħażagħ mis-soċjetà fil-kategorija tan-NEET (Not in Employment, Education or Training) u għalhekk ħabbret iktar miżuri li jsaħħu l-programm ERASMUS.  Imma f’dan ġiebet iktar attenzjoni bid-dikjarazzjoni li s-sena li ġejja ser tkun waħda dedikata għaż-żgħażagħ.

 

Jimmerita attenzjoni

 

10.    Hemm ferm punti li tqajmu u li ġew irrappurtati, imma dan huwa diskors programmatiku li jimmerita attenzjoni.  Wieħed li juri li l-Unjoni Ewropea għadha rilevanti, attenta u protagonista.  Waħda li għandha, fi ħdanha, bnedmin intelliġenti, li għandhom il-valuri f’posthom, u għalhekk kapaċi jkunu strumenti ta’ bidla għas-sewwa.

 

 

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...