23.9.09

PAJJIŻ GĦANDU JKUN MAGĦQUD

1. Il-jum ta’ l-Indipendenza għandu jibqa’ dejjem wieħed ta’ ferħ. Fiħ aħna l-Maltin ħadna f’idejna t-tmexxija ta’ poplu. Għalhekk żgur li għandna naħdmu u naħsbu biex il-pajjiż kollu għandu jħares lejn din il-ġurnata b’sens ta’ kburija li mhux is-soċjetà kollha tħossha biżżejjed magħquda fih. Għad hemm popli mad-dinja li anke jekk għandhom jum wieħed nazzjonali, ġurnata waħda li jistgħu jidentifikaw rwieħhom magħha legalment u kostituzzjonalment, biss f’qalbhom għadhom ma jħossuhomx magħquda f’daqqa. Hemm qasma antika li l-fatti juru li baqgħet tinġarr mas-sekli mingħajr bidla.

2. F’pajjiżna, li ma kellniex stati fi stati imma konna maħkuma minn oħrajn, fortunatament dak li jinsab f’ġirien u membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, hawn ma jeżistix.
Imma għad hemm diffikultajiet fostna li ġejjin minn apparetenenzi politiċi. Għad għandna għeruq antiki li qishom ma hemmx li jisparixxu minn wiċċ ix-xenarju politiku. Il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem favur l-indipendenza ta’ pajjiżna, anki qabel it-twelid tal-Partit Laburista, għadha twassal għal diffikultajiet, ostakli mentali sabiex tiġi aċċettata.

3. Pożittivament għandna ngħidu li kontra dan hemm proċess ta’ għaqda li qed isseħħ ma’ kull ġenerazzjoni biċċa biċċa, fejn fih l-akkaniment u ostilità inutili ta’ ċertu laburiżmu qiegħed jonqos. Iktar segwaċi warajh, persuni li jintrebħu mir-raġuni. Dan huwa tajjeb ħafna u ċert li fis-snin li ġejjin il-gvern ikollu iktar segwaċi warajh. Naħseb li għandna naċċettaw li l-festi nazzjonali tagħna huma bilanċjati bejn dawk li wasslu għall-indipendenza u dawk li seħħew in konsegwenza tagħha. Jum ir-Repubblika, Jum il-Ħelsien u l-jum li fih dħalna fl-Unjoni Ewropea kollha setgħu jiġu ċelebrati għax ħadna l-Indipendenza.

4. Il-pajjiż ħa nifs kbir nhar il-21 ta’ Settembru 1964 proprju għax seta’ jħares ‘il quddiem lejn futur li jista’ jiddeċiedi huwa għalih innifsu u mhux ħaddieħor għalih. Għax meta pajjiż jieħu t-tmexxija tal-poter f’idejh permezz tad-demokrazija jkun qiegħed jakkwista l-valur tal-futur. Il-valur li jħares ‘il quddiem, li joħlom kif irid jibdel is-soċjetà, l-ambjent, li jista’ jkollu l-qafas legali u kostituzzjonali li jrid hu, li ma għandux xkiel sabiex iħares fit-tul u m’għandux limitazzjonijiet. Il-libertà li wieħed jista’ jimraħ għal rasu m’hemmx prezz għaliha. Għax biha għandna dejjem il-prospett li nibdlu u ninbidlu.

5. It-twelid legali tagħna jibda minn dik il-ġurnata tal-21 ta’ Settembru 1964, għalkemm irridu nirreġistrat li aħna konna ilna s-sekli nikkunsidraw irwieħna poplu separat minn oħrajn. Is-sabiħ tagħna huwa li biddilna x-xenarju ta’ taħt fuq, proprju minħabba l-abbiltajiet tagħna bħala bnedmin fuq dawn il-gżejjer. Dawwarna għax, l-ewwel, minn poplu kważi abbandunat sar wieħed li sab lilu nnifsu mmexxi minn forma ta’ elite Ewropea taħt il-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann u kważi preċiż wara taħt l-Ingliżi li kienu r-renjanti emerġenti fl-espansjoni imperjali tagħhom għall-illum il-ġurnata wieħed li jista’ jinfluwenza l-eventi f’soċjetajiet Ewropej oħra. Hemm sens ta’ ġustizzja f’dan li aħna li qattajna tant snin dominati minn oħrajn qegħdin hemm b’sehem attiv, kapaċi nbiddlu t-toroq ta’ l-oħrajn minkejja ċ-ċokon tagħna.

6. L-Indipendenza m’għandha qatt tkun partiġġjana u ħidmitna fil-politika għandha tkun immirata f’dik id-direzzjoni. L-għaqda fost il-poplu tikber meta jonqos atrit inutli. Huwa żball soċjali u, f’ċertu sens, ekonomiku li jibqa’ jkun hemm diffikultajiet fuq l-importanza ta’ dan il-jum. M’hemmx dubju li meta George Borg Olivier għadda mill-passjoni tan-negozjati, dan għamlu għall-ġid. Dan għamlu għall-ġid tal-pajjiż kollu u fl-interess nazzjoni, għax emmen li minn hemm nistgħu naqbdu t-triq li tagħmel suċċess għalina. Veru li kien Prim Ministru li ġej mill-Partit Nazzjonalista, però telaq f’din it-triq għax kien Malti, u kburi li kien hekk. Illum, wara ħamsa u erbgħin sena hemm bżonn li jasal il-messaġġ li għandna nkunu lkoll magħquda u d-diviżjoni partiġġjana tispiċċa darba għal dejjem.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-20 ta’ Settembru 2009.

L-ARTI U L-KULTURA GĦODOD IMPORTANTI

1. F’dawn l-aħħar jiem qisna erġajna deħlin biċċa biċċa lura lejn ir-rutina tax-xogħol. Qed inħallu warajna s-sajf bir-ritmu tiegħu u nduru biex ngħarfu li ż-żmien tal-mistrieħ daqt ikun għalaq definittivament. Dan ix-xahar ta’ Settembru għandu wkoll dan id-dmir – li jdawwarna u jfakkarna li hemm bżonn indawru r-ritmu u r-rotta tal-ħajja. U rrid ngħid li dan jirnexxilu jwettqu tajjeb ħafna. Mingħajr ma tagħraf kif, tidħol għall-ħarifa ħelu ħelu mal-kliem tal-poeta Ingliż John Keats.


2. Id-dinja ta’ l-arti ma toqgħodx lura minn din il-ġibda naturali tas-sensi. Għal ħafna f’dan il-pajjiż, jerġgħu jqumu l-artisti, dawk li jħallu lilhom infushom isegwu dak li hemm fihom mingħajr ma jistaqsu kif u sa fejn ser jaslu biex fl-aħħar iwelldu barra dak li jkollhom ġewwa. Il-bniedem għandu fih din il-ġibda, għal uħud li jkunu krejaturi, għal oħrajn sabiex jammiraw dak li jiġi fid-dawl tax-xemx mill-artist, kbir jew żgħir. L-ispirtu liberu tal-bniedem iċaqlaqna lejn fruntieri li ftit qatt setgħu jipprevedu. Anzi, s-sabiħ tagħna huwa proprju li m’aħniex inqas minn popli oħra, huma fejn huma mxerrda fid-dinja. Aħna konna minn żmien il-qedem u bqajna marbutin fuq naħa u xhieda, eżempju fuq l-oħra.

3. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet kellna eżempji ċari ta’ dan f’erba’ okkażjonijiet interessanti. Il-ftuħ ta’ Villa Francia, bidu ta’ wirja ta’ pittura ta’ Esprit Barthet u Antoine Camilleri, il-ftuħ ta’ “The Malta Cyprus Ceramic Exhibition 2009” u l-ftuħ uffiċjali tar-Rotta ta’ l-Arti. Huma erba’ mumenti importanti għall-kultura u l-arti Maltija. Wirjiet li huma miftuħa beraħ għalina sabiex narawhom u nammirawhom. Għax is-snin li għaddew minn fuqna sarrfu sabiex kibru l-artisti u kibru sew l-ammiraturi tagħhom. Dawn huma esposti għalina u, fl-istess ħin, mogħtija sabiex jagħtu xhieda ta’ dak li aħna. Juru l-abbiltà li dejjem kien hemm u fortunatament baqa’ jkollna mument li bih nistgħu iktar niftakru meta niċċelebraw għada l-indipendenza unika tagħna.

4. Meta taqra fuq l-arti, fuq il-materjal li l-bniedem fis-sekli uża sabiex jesprimi ruħu, mingħajr ma rridu waqt li nkunu qed nammirawhom inkunu wkoll qed nirriflettu li huma sinjali ta’ ċiviltà. Terġa’ meta nieħdu l-fuħħar, napprezzaw dan ferm u ferm iktar. Id-dinja hija miżgħuda b’oġġetti minn kull seklu u minn kull rokna fiha. F’dawn hemm il-kreattività umana preżenti, prinċipalment f’oġġetti marbuta mal-użu utilitarju ta’ kuljum imma f’ċerti istanzi jiġik ukoll id-dubju kemm kienu limitati hemm. Fl-Amerika t’Isfel, ta’ Fuq u tan-Nofs, fil-Mediterran, fl-Oċeanja, fl-Afrika, fiċ-Ċina hemm oġġetti li nħadmu u baqgħu bil-forom varji u “strambi” tagħhom, xhieda ta’ persuni li kienu kapaċi jittrasformaw b’idejhom u bl-għajnuna ta’ diversi proċessi, rikordji tagħhom. Anzi nafu wkoll li għandna oġġetti li nħadmu b’teknika li llum m’għadhiex aktar possibbli li terġa’ tirrepeti ruħha.

5. L-impatt tagħhom huwa qawwi f’dan is-seklu mimli bi bnedmin li jridu jimirħu barra mill-fruntieri tagħhom. Kif stajt nikkonstata f’wirja ta’ ċeramika interessanti ħafna mtellgħa bejn ġabra ta’ ħbieb Maltin u Ċiprijotti, fejn ma’ kull sena qed isir avvanz ‘il quddiem. Fil-kumpannija ta’ Maltin ta’ qalb kbira u ġeneruża bħal ta’ Charles Sammut, Mario Sammut, Valerio Schembri, Raymond Abela, Joseph Agius, Julie Apap, Antoine Paul Camilleri, Sina Farrugia Micallef, Neville Ferry, Kenneth Grima, Paul Haber, Sue Mifsud u George Muscat tħoss iktar id-demm ħaj u jbaqbaq tagħhom. Quddiem il-ħidma ta’ jdejhom tifhem li ċ-ċeramika m’għandhiex limiti ta’ żmien jew fruntiera ġeografika, anzi hija ċelebrazzjoni ta’ proċess li ma jridx jieqaf.

6. Mingħajr ma trid tħossok imkaxkar b’dak li Maltin bħalna kapaċi jagħtu. Il-poplu, għalkemm kibirlu l-għarfien, tajjeb li jitqegħdulu iktar u iktar appuntamenti bħal dawn quddiemu. Veru li jista’ jkun hemm min ma japprezza xejn, biss nemmen li ftit spjegazzjoni, qtar żgħar ta’ informazzjoni jagħmlu d-differenza. Nemmen li dan il-poplu tagħna għandu ġewwa fih dik ir-rabta qawwija bejn l-arti, il-kultura u ħajtu. Il-kultura hija tastiera importanti għad-dinjità ta’ kull persuna u aħna ma għandna xejn inqas. Tajjeb li nħajru aktar bnedmin imorru jaraw dawn il-wirjiet, inħeġġuhom jiskopruhom, isiru jafu għala u kif isiru. Nuża hawn il-kliem ta’ Albrecht Durer li kien qal quddiem iċ-ċeramika ta’ l-Azteki: “In all my life I have never seen anything that rejoiced my heart so much, I have found an admirable art in them and I have been astonished by the subtle spirit of the men of these strange countries.”

7. L-artist, ħafna drabi jsib ruħu fis-solitudni, m’għandux biżżejjed min irid jidħol fi djalogu miegħu sabiex japprezzah. Hemm proċess importanti li għandu jsir. L-ispirtu liberu ta’ l-artist ma jistax dejjem jiġi apprezzat, però min jidħol fil-linja tat-trasformazzjoni tal-fuħħar fiċ-ċeramika jgħin lilu nnifsu stess meta jiddiskutih. Għax l-arti hija sinjal ta’ ċiviltà. Sinjal ċar li hawn min jifhem li d-dinjità umana mhix materjaliżmu utilitarju, iżda ferm iktar. Dak huwa parti mill-patrimonju sħiħ tagħna u nagħmlu tajjeb jekk flok noqogħdu lura nkomplu nkabbruh. L-arti u l-kultura huma għodod importanti li nagħmlu tajjeb li nkomplu nsostnu.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-20 ta’ Settembru 2009.

16.9.09

GĦADNA PAJJIŻ KOMPETITTIV


1. Ċerti drabi hemm min jaħseb li għax ikun l-ewwel fix-xena politika għandu l-vantaġġ li jilħaq jagħti impressjoni tal-fatti lill-poplu u għalhekk jimpressjonahom. Ovvjament, l-impressjoni mhix il-verità. Biss, il-mekkaniżmu tal-medja jinkwadra ruħu aktar fuq il-linji kummerċjali, tas-suq milli dak marbut mal-bżonn ta’ divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni. F’ċertu sens hemm preżentement żewġ effetti negattivi. L-ewwel, disprezz lejn il-valur tal-verità fis-sens li hemm min jaħseb li ma tiġbidx waħedha attenzjoni u għalhekk huwa leġittimu li tibdilha, tgħawwiġha u ma tħallihiex waħdeha. It-tieni, nuqqas ta’ ċerti persuni li jirrappurtaw, li jmorru lejn it-toroq il-qosra li permezz tagħhom taħrab mid-diffikultà li trid tikteb u tikseb il-fatti kollha. Is-sabiħ tal-ħajja jibqa’ li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.

2. Ma rridx nagħmel xi attakk fuq dan, imma tajjeb li wieħed jirrifletti kemm huwa kontro-produċenti li jkollok mezzi tax-xandir li ripetutament jkunu jridu jpinġu stampa sewda ta’ dak li għaddej. Li tara l-iżvantaġġi huwa tajjeb, però li telimina l-vantaġġi jew li tipprova ddawwarhom il-ħin kollu l-kontra ma tantx huwa daqshekk korrett. L-istampa għandha tkun ċara u m’hemmx bżonn daqshekk dlam, swidija anke jekk hemm min jista’ jħossu iktar ġustifikat għax ġie nieqes il-mibki Mike Bongiorno li kien isejjaħ regolarment għall-“Allegrija!”

3. Dan kien wisq evidenti din il-ġimgħa meta ġejna biex nanalizzaw dak li l-“World Economic Forum” qal fuq il-“Competitiveness Ranking” ta’ mija u tlieta u tletin (133) pajjiż. L-għajta ta’ naħa mix-xenarju politiku, mhux tagħna, kienet li Malta ġiet biss fit-tnejn u ħamsin (52) post, qisu qegħdin lura jew li qisu morna lura minn dak li konna. Smajna ħafna, b’dikjarazzjonijiet kontinwi fuq kemm qisu hawn dlam ċappa fl-ekonomija tagħna. Fil-fatt, il-verità hija li pajjiżna żamm il-pożizzjoni li kellu s-sena ta’ qabel u issa għandna l-Italja – li huwa pajjiż fost l-iktar tmienja żviluppati – li qiegħed erba’ pożizzjonijiet qabilna.

4. Mhux biss, pajjiżna huwa aqwa mil-Litwanja (53 post), l-Ungerija (62 post), ir-Rumanija (68 post), il-Greċja u l-Bulgarija, li kollha ġew warajh u barra l-aħħar pajjiż kollha tilfu mill-pożizzjoni li kellhom qabel. Issa, meta tikkunsidra d-diffikultajiet finanzjarji li għaddew minnhom oħrajn tara kemm aħna rnexxielna nżommu l-pożizzjoni tajjeb. Ma morniex lura, marru diversi oħrajn però li żgur li ser taffettwa ħażin l-ekonomija tagħhom. Biss, fir-realtà dan iżomm l-aspettativi li organizzazzjonijiet oħra bħal “Standards & Poor” żammew l-istess pożizzjoni li kellna qabel.

5. L-argumenti favur l-ottimiżmu hemm qegħdin. Dan għax mhux “Standards & Poor” biss żammewna fl-istess pożizzjoni li kellna, iżda anke Fitch, Moodys u anke l-International Monetary Fund li wkoll għamlu l-istess. Ma naħsibx li dawn ma jafux x’inhuma jagħmlu, anzi huma korpi finanzjarji ta’ prestiġju li għamlulna ċertifikati tajbin ħafna. Il-verità hija li dan kollu żammna pajjiż miftuħ għall-investiment, art fertili. Anki, kif qal tajjeb il-Prim Ministru, hemm u baqa’ jkun hemm interess sod ta’ investiment. Il-fatti huma li minkejja dak li ġara barra minn xtutna bqajna nżommu l-pożizzjoni tagħna.

6. Dawn il-fatti huma minnhom infushom pożittivi. Magħhom però komplejna nagħfsu ‘l quddiem. Nisħqu sabiex inkomplu nżommu ruħna kalamiti għall-investiment u fl-istess ħin kapaċi nħarsu ‘l quddiem. Din il-ġimgħa l-Prim Ministru ndirizza aktar dan billi saħaq li rridu nagħmlu r-riformi li hemm bżonn, inżidu l-produttività u l-effiċjenza, filwaqt li nibqgħu nħarsu u nassiguraw id-drittijiet tal-ħaddiema. Il-verità hija li l-par idejn sodi tat-tmexxija tal-Gvern żammewna pajjiż kompetittiv. Wieħed kapaċi jiġġenera l-ekonomija mingħajr ma jitlef il-valur tal-ġustizzja soċjali.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd, 13 ta’ Settembru 2009.

IL-KAŻ GĦAT-8 TA’ SETTEMBRU

1. F’dan il-pajjiż, fortunatament, għandek ħafna karatteristiċi li huma tagħna biss. Poplu bħal tagħna sab ruħu dominat minn pajjiżi oħra kif kienet f’ċertu sens il-loġika. Dik li titlaq mill-ħsieb li gżejjer m’għandhomx ħajja waħedhom iżda flimkien ma’ pajjiżi akbar. Iddur fejn iddur, ibda mill-Mediterran, issib dan il-mekkaniżmu mħaddem. Tant huwa qawwi li ħafna drabi l-kultura, l-forma mentali ta’ ħafna fuq dawn it-tip ta’ gżejjer hija ta’ dipendenza. Iridu minn ċentru politiku ieħor u jikkundizzjonaw ruħhom fih, għax kważi jemmnu li ma kienux kapaċi jfendu waħedhom.

2. Ma nafx kif, biss hawn fuq dawn il-gżejjer l-għaġna kienet kompletament differenti. Jista’ jkun hemm diversi fatturi li wasslu għal dan. Il-bnedmin li kienu hawn qabilna, f’mument fil-ħajja ta’ dawn il-gżejjer, inbidlu. Il-passaġġ tagħna minn Kartaġni għal Ruma jidher li sar fil-linja li ċ-ċentru tal-poter kien inbidel u allura kien hemm bżonn li nsegwu, biss lejn l-aħħar tas-sistema fewdali u l-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, xi ħaġa daret. Forsi l-kwalità tal-persuni, forsi l-ambjent sħiħ tagħna jew xi fattur separat u distint ġieb mentalità ta’ indipendenza u kunfidenza fl-abbilità li jmexxu mingħajr il-bżonn ta’ ħadd. Jidher mill-ewwel għall-istoriċi li kien hemm kuraġġ ta’ bnedmin li riedu jimxu għal rashom.

3. Huwa minnu li l-Assedju l-Kbir tal-1565 kien determinanti fl-istorja politika Maltija u Ewropea però kien hemm elementi varji li ngħaqdu f’dik il-vittorja. Fit-8 ta’ Settembru niċċelebraw it-tmiem ta’ dak l-assedju verament kbir u iebes. Il-kavallieri, ma hemmx dubbju, kienu il-kalamita li ġibdu lit-Torok hawn imma l-qlubija ma kenitx tagħhom biss. Kienu l-Maltin li sabu ruħhom f’sitwazzjoni li qatt qabel ma kellhom. F’ħafna sens, li kieku ma ġietx l-Ordni, assedju ma kienx ikollna. Kienu huma li bil-preżenza tagħhom biddlu l-gżejjer innokwi f’minaċċja militari. It-Torok fehmu li bil-kavallieri hawn allura kienu qed jissugraw il-kummerċ marittimu tagħhom u d-dominanza li kellhom. Għalhekk daħlu għal din il-manuvra li switilhom qares.

4. F’ħafna sens dak li seħħ f’dak is-sajf ta’ erbgħa mija u erbgħa u erbgħin sena ilu reġa’ ġie f’tiegħu fit-Tieni Gwerra Mondjali. Il-preżenza Ingliża hawn ġibdet l-attakk ta’ l-għadu u għalkemm fl-ewwel assedju, f’ċertu mumenti nkun konvint li ma kienx ikun hemm konflitt kieku ma konniex dominati, fit-tieni ngħid li xorta konna naraw lill-Ġermaniżi u lit-Taljani ma’ xtutna. Li hu ċert huwa li għaż-żewġ kunflitti kienu hemm il-Maltin u l-Għawdxin li biddlu x-xejra ta’ l-eventi. Biddluhom b’żewġ fatturi: l-ewwel, id-determinazzjoni u perseveranza li jibqgħu jissieltu sal-aħħar, mingħajr ma jagħtu spazju lill-avversarji, u t-tieni bil-fidi tagħhom fir-reliġjon Kattolika.

5. Tista’ taħseb li kollox huwa koinċidenza b’xi forma ta’ mentalità li temmen li l-bniedem ma jistax jibdel l-eventi tad-dinja u li ma tistax tittama fl-intervent Divin, biss id-dinja tal-verità hija differenti għax ma jistax ikun li proprju fit-8 ta’ Settembru kellna t-tmiem ta’ dawn l-eventi, proprju f’dik il-festa tat-twelid ta’ Marija Santissima li ilha tiġi ċelebrata f’pajjiżna. Kull min jaqra jaf li ċ-ċelebrazzjoni tal-Bambina hija anzi parti sħiħa minna l-poplu ta’ dawn l-gżejjer. Din hija r-realtà, l-verità tal-fatti u dan huwa aktar ċar meta wieħed jikkonsidra li għandna erba’ parroċċi jiċċelebraw dan f’daqqa. Għandek l-belt Sengleana, dik Naxxarija, dik tal-Mellieħa u tax-Xagħra f’Għawdex.

6. Popli oħra li stinkaw għall-indipendenza tagħhom, għall-unifikazzjoni tal-pajjiż rabtu l-vuċi tal-libertà ma’ jum partikolari, ma’ monument storiku, ma’ innu li jesprimi dan is-sentiment. Pajjiżna, li għalkemm għandu ħafna li jkantaw tajjeb naħseb li ngħaqad ma’ dan il-jum bħala espressjoni nazzjonali. Il-formazzjoni kulturali ta’ dawk li daħlu fil-Parlament Malti fl-1921 lejn hemm ġibdet u aħna l-membri tal-Kamra rridu naċċettaw li dawk li ġew qabilna kellhom formazzjoni intelletwali aqwa minn tagħna u dawn ħarsu lejn it-tmienja bħala l-jum nazzjonali tagħhom.

7. Fil-fatt kienu l-ewwel leġislaturi li mexxew sabiex il-Profs. Antonio Sciortino jiġi nkarigat sabiex isir monument li jfakkar l-Assedju l-Kbir. Proprju l-Ħadd, 8 ta’ Mejju 1927 fl-10:30 ta’ filgħodu mal-ġenb tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġie inawgurat dak il-monument tant sabiħ u majestuż. Jingħad li saret festa kbira. Kien hemm Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Sir Ugo Mifsud li ppresjeda l-attività u fih kien hemm żewġ diskorsi importanti tal-Prim Imħallef, Sir Arturo Mercieca u tal-Professur Patri Karmelitan Atanasju Cuschieri li għamel diskors bil-Malti fuq “L-Istorja Glorjuża ta’ Pajjiżna”. Hemm baqa’ dak iċ-ċentru tar-rabta ta’ bejn pajjiżna u l-istorja. Missirijietna ħarsu qabel it-Tieni Gwerra Mondjali lejn dak il-jum u dan huwa evidenti mid-diskorsi li saru dakinhar. Il-komunikazzjoni kienet maqsuma f’ħarsa lejn il-passat imma b’dikjarazzjonijiet ċari lejn il-futur. Asserzjoni diretta ta’ dak li riedu jilħqu u x’jemmnu li huma kapaċi li jwettqu.

8. Meta tikkunsidra li l-effett tat-Tieni Gwerra Mondjali ma kienx dak li jneħħi mill-importanza ta’ dak il-jum iżda li jikkargah iktar, wieħed japprezza aktar kemm it-8 ta’ Settembru huwa jum verament nazzjonali. Dan aktar u aktar meta tqiegħed fih il-fatt li l-Knisja tiċċelebra f’erba’ parroċċi li m’humiex marbuta ma’ lokalità imma mxerrda mal-gżejjer. Il-monument ta’ Sciortino li jinsab kuljum fi triqitna jgħid ħafna għalina. Huwa jirrapreżenta s-saħħa tagħna, jiċċelebra li aħna ħassejna dejjem li għandna l-kapaċità mmexxu ‘l quddiem. Dan il-jum huwa vera wieħed li ħaqqu dejjem iktar jiġi ċelebrat bid-dinjità sħiħa li għandu. Wieħed li tajjeb li jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd, 13 ta’ Settembru 2009.

10.9.09

LEJN L-INDIPENDENZA

1. Kif jaqleb it-temp u minn Awwissu nidħlu f’Settembru, immissu ma’ xahar mimli storja. Sija it-tmienja kif ukoll il-wieħed u għoxrin huma jiem miżgħuda bl-importanza għalina l-Maltin, liberi u indipendenti, u ġustament għandna nieqfu nikkommemorawhom. Biss hemm jiem oħra li għalkemm ma nieqfux f’festi nazzjonali, għandhom huma wkoll is-sehem tagħhom. Hemm it-2 ta’ Settembru li fih niftakru kif il-Maltin fl-1798 qamu kontra l-Franċiżi li ppruvaw ibiegħu deheb, fidda, tapizzerija u ħwejjeġ sagri oħra minn kunventi mill-Imdina u r-Rabat. Jew il-ħamsa ta’ Settembru meta fl-1800 il-Franċiżi ċedew u ffirmaw il-ftehim li bih telqu minn pajjiżna. Jew l-14 ta’ Settembru 1998 meta pajjiżna ippreżenta formalment it-talba tiegħu sabiex terġa’ tinfetaħ l-interess ta’ pajjiżna li jsir membru tal-Unjoni.

2. Biss, it-8 tibqa’ l-jum l-iktar miżgħud u maħbub. Dan għax fih, fl-1565, spiċċa l-assedju wara t-telfa li ġarrbet il-flotta Torka; fl-1775 meta kien hemm l-irvell ta’ Dun Gejtano Mannarino kontra l-kavallieri fejn ittelgħet il-bandiera Maltija u l-1943 meta l-Italja faxxista ċediet l-armi u waslet flotta f’pajjiżna. Numru ta’ drabi nispiċċaw ma narawx dawn il-mumenti importanti, biss hemm qegħdin għad-disposizzjoni tagħna sabiex inżommu quddiem għajnejna li servewna għall-awtonomija u t-teħid tal-poter f’idejna.

3. Irnexxielna nuru li aħna għandna xi parti mid-DNA tagħna speċjali. Anzi naħseb li huwa tajjeb li jingħad li fil-ħamsa u erbgħin anniversarju qegħdin nipprovaw dak li missierijietna dejjem sostnew. Verament interessanti li wieħed jara kemm fil-fatt il-Maltin ta’ kull żmien kellhom fi ħdanhom persuni li emmnu li nistgħu nkunu indipendenti u nfendu għal rasna. F’dawn is-snin urejna li dak il-poter, dak id-dritt tas-self-determination, użajnieh tajjeb ħafna. Ċert li dawk li illum ma għadhomx magħna jifirħu jaraw li aħna kapaċi niddeċiedu u nżommu lilna nfusna sodi mingħajr ma nitilfu rasna.

4. Il-festi tal-Indipendenza jibqgħu dejjem speċjali. Mhux biss għax niċċelebraw il-jum, imma aktar lilna nfusna, il-karattru sod u determinat tagħna. F’din il-gżira għandna għaġna ta’ ħsiebijiet li huma kompletament separati u distinti minn ta’ ħaddieħor. Vera li hemm min iħares lejn l-iswed kontinwament pero` l-maġġoranza jifhmu li dan huwa kollu parti minn wirt soċjali tagħna. Hemm bżonn li l-messaġġ ta’ dak li aħna u tal-valur sħiħ tagħna għandu jixxandar.

5. Ċerti drabi niltaqa` ma’ bnedmin li qishom jimmaġinaw li f’din id-dinja tista tgħix mingħajr problemi. Jew aħjar, li jista’ jkun hemm xi Gvern f’pajjiżna jew f’xi rokna tal-univers, li fih isolvilek il-problemi kollha ta’ ħajtek. Ir-realta` mhux dik. Il-fatti huma prova li ma tistgħax tingħaleb meta wieħed jara dak li għaddew minnu pajjiżi oħra, għandna nindunaw kemm qegħdin verament aħjar. Dan għax dan huwa pajjiżi li, għalkemm għandu min jipprova jmaqdru, sija barra minn xtutna u sfortunatament anki ġewwa darna, huwa mimli b’mexxejja kapaċi jmexxu ‘l quddiem.

6. Dan ix-xahar tal-Indipendenza għandu jservi sabiex il-pajjiż japprezza, l-ewwel, li aktar ma jkun magħqud aktar jista’ jagħmel ġid u t-tieni, li n-negattiviżmu, tgergir eseġerat u sabutaġġ intellettwali huma kontro-produċenti. Dawn il-gżejjer għandhom vantaġġi li ma għandhomx jitilfu. Dan jistgħu jkomplu jagħmluh billi jiċċaqalqu ‘l quddiem fis-sewwa. Ikomplu jaħdmu mingħajr ħmerijiet u b’lealta’. Aħna konna, għadna u nibqgħu kapaċi, rridu nemmnu fina nfusna u nnaqsu milli inħarsu lejn żokortna fix-xejn. L-Indipendenza ħaditna fejn qatt ma ħsibna li ser naslu. Inkomplu, mhux billi nieqfu mill-progress tagħna iżda billi nkomplu nimxu determinati ‘l quddiem.


Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Il-Mument tas-6 ta’ Settembru 2009.

TRATTAT LI WASSAL GĦAL TRAĠEDJA

1. Din il-ġimgħa bdejna xahar ieħor, dak li fih din is-sena hemm sfortunatament wieħed mill-ikreħ anniversarju. Proprju fl-1 ta’ Settembru d-dinja rat għadejja sebgħin sena sħaħ minn dak il-ftehim li wassal għal konsegwenzi tant diżastrużi. F’dak ta’ l-1 ta’ Settembru 1939, il-Ġermanja Nażista u r-Russja Sovjetika ġabu fis-seħħ dak li ffirmaw fit-23 ta’ Awwissu tal-1939, meta qasmu l-Polonja fi tnejn u fetħu l-bieb għat-tieni gwerra mondjali beraħ. Iż-żewġ arkitetti ta’ dan il-palazz, illum imfarrak kompletament, kienu Molotov u Ribbentrop. Il-patt ta’ bejniethom kien jindika fejn u sa fejn pajjiż jista’ jinvadi fil-ftehim, li jaqsmu imma ma jiġġieldux bejniethom.

2. F’dik il-ġurnata stess il-Ġermanja Hitlerjana avvanzat b’attakki qawwija mill-ajru, mill-art u mill-baħar fuq il-Polonja. L-aġir Tedesk kien rappreżentat bħala forma ta’ rivendikazzjoni ta’ kif ġew imfassla l-fruntieri wara t-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija. Dak il-konflitt kien ħalla dak il-pajjiż umiljat u għalhekk kien hemm il-bżonn li l-unur jerġgħa jiġi rivendikat proprju fuq il-povri Pollakki. Ir-Russja Sovjetika hija wkoll, ġimgħatejn wara, fis-sbatax, qabdet it-triq biex jieħdu f’idejhom huma wkoll il-parti tagħom tal-isfera ta’ influenza li kienu jippretendu.

3. L-aġir ta’ dawn iż-żewġ potenzi militari kien sorpriża għad-diversi li kienu għadhom jilludu ruħhom l-ewwel, li l-paċi kienet għadha possibbli, u t-tieni, li kien impossibli sabiex il-komunisti u n-nażisti jiftehmu u mhux jiġġieldu kontra ta’ xulxin. Biss kien ċar u ovvju li l-intenzjonijiet tedeski ma kienux paċifiċi xejn. L-invażjoni kienet devastanti u l-Pollakki ma setgħux jirreżistu għal forzi numerużi u għas-superjorita’ fl-armamenti. Illum wara l-proċessi ta’ Nuremberga għandna xhieda u fatti ta’ kif svolġew l-eventi. Il-Pollakki ma kienux proprju l-aħjar fil-kamp tal-battalja u d-direzzjonijiet tattiċi kienu kompletament żbaljati. Ħasbu li l-allejati setgħu jintervjenu malajr u allura l-Ġermanja tiġi kkontrollatha, pero’ fil-fatt dawn kellhom id-diffikultajiet tagħhom u sabu ruħhom waħedhom bil-Ġermanja tużhom bħala l-ewwel eżami militari tagħha.

4. Minn dik il-ġurnata bdew jinxterdu l-eventi li ġiebu konflitt mill-aktar terribbli. Id-dinja f’dak il-mument ma kelliex quddiemha dak li setgħa jseħħ, imma rat biss il-bidu. Fir-rejalta’ l-Pollakki l-aktar li bgħattew għax il-Ġermaniżi kellhom il-kwistjonijiet li ħarġu mill-ftehim ta’ paċi ta’ Versailles, u r-Russi dawk tat-trattat ta’ Riga tal-1921. F’dak it-trattat ta’ Riga, il-Pollakki kienu ħadu dak kollu li riedu f’territorju, biss is-Sovjetiċi baqgħu qatt ma tilfu dan minn moħhom. Għalhekk il-Patt Molotov – Ribbentrop kien qiegħed jassigura l-pretenzjonijiet ta’ żewġ pajjiżi f’daqqa għas-skapitu ta’ ieħor.

5. F’dan kollu hemm l-ikkunsmar tat-traġedja Pollakka. Poplu liberu, kattoliku li sab ruħu tradut bejn żewġ forzi li ma tawħx spazju. Is-sofferenza kompliet, sija matul il-konflitt b’diversi Pollakki li sabu kenn fl-Ingilterra. Iġġieldu mal-allejati fl-ajru kif ukoll fil-kampanja fl-Italja b’mod partikolari f’Monte Cassino. Ħafna tilfu ħajjithom, sija barra l-pajjiż kif ukoll mad-diversi uffiċjali tal-armata fil-Polonja kollha u speċjalment il-Lhud fir-reżistenza tagħhom f’Varsavja. Anqas it-tmiem tat-tieni gwerra ma kien biżżejjed, baqgħu dominati mill-potenza li kienet ħatfithom fil-ftehim li wassal għat-traġedja.

6. Fil-kommemorazzjoni f’Danzika (dik il-belt libera li l-ġermaniżi riedu akkost ta’ kollox u li l-allejati kienu jsostnu li hija belt għall-kummerċ marittimu Pollak) nġabru diversi mexxeja preżenti. Ftakkru f’dak l-iżball politku li żamm l-Ewropa u d-dinja weqfin għal sitt snin. Illum hemm min għadu qed jitkellem u jiddibatti min huwa l-iktar responsabbli jew jekk kienux biss l-ġermaniżi, imma r-realta’ hija li t-tnejn għandhom sehem. Ma hemmx dubju li dan jibqa’ biss għall-akkademja storika għax nafu li r-Russja tilfet miljuni ta’ bnedmien kif tilfu ukoll il-ġermaniżi. L-effett tal-ftehim kien traġedja sħiħa. Pero’ għandna nirreġistraw li kien posittiv kliem Putin li f’dawn il-jiem kiteb ‘The Russian – German partnership has became an example of reaching out to one another, of looking to the future while paying attention to past memories.... I am sure that Russian – Polish relations will sooner or later attain the same level’.

7. Dak li deher bħala pass ta’ avvanz materjali sewa biss għat-tkissir tiegħu. Il-belliġeranza, il-gwerer ma jwasslu għall-imkien. Dmirna illum huwa li nifhmu li aħna għandna patrimonju ta’ snin li fih għexna fil-paċi u ma għandniex nitilfuh. Il-paċi seħħet għax ħaddanna d-demokrazzjoni u ħadna ħsieb li nibnu qafas legali fejn id-drittijiet fundamentali huma protetti. Ir-regola li l-liġi tirrenja u mhux il-kapriċ tal-bniedem għandha tkompli tissodana. Dak hu li jagħmel id-Demokrazzija u dan hu li għandna inkomplu nsostnu.

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Illum tas-6 ta’ Settembru 2009.

2.9.09

TINGĦALAQ PARTI MILL-ISTORJA

1. Waqt li kont għaddej indur id-diversi awli tal-qrati tagħna li, fortunatament, parti minnhom ġew mogħtija lura d-dinjita` li ħaqqhom, reġa’ ġie quddiem għajnejja s-Senatur Amerikan Edward Kennedy. Mewtu kienet għadha kif tħabbret u mingħajr ma ridt erġajt mort lura lejn il-periodu ta’ ħutu l-President John Kennedy u Robert Kennedy. Sibtni lura fis-snin sittin fil-jum meta bdiet mewġa ġdida ta’ ideat u mod kompletament differenti ta’ kif tagħmel il-politika.

2. Kennedy kelli ammirazzjoni lejhom. Niftakar li meta daħal l-ewwel darba t-televiżjoni f’darna u ġie mixgħul, l-ewwel stampa li dehret kienet proprju tiegħu. John Kennedy, għalkemm sab ħafna min ipprova jmaqdru, kien jirrappreżenta d-dinja Kattolika fix-xenarju politiku Amerikan. Hija realta` unika li waħda mill-ostakli l-kbar li tqegħdet quddiem il-kanditatura tiegħu kienet il-fatt li huwa ma kienx Protestant. Anzi kien hemm ħafna xettiċiżmu mill-politiċi Amerikani fuq kemm ser jirnexxilu jiġi elett.

3. Pero`, John mhux biss ġie maħtur President tal-Istati Uniti u xejjen kull argument li sar kontra tiegħu li huwa ser jibda jieħu l-ordnijiet mill-Papa f’Ruma. Meta kien għadu Senatur kien qal hekk” Without reference to the Presidency, I believe as a Senator that the separation of Church and State is fundamental to our American concept and heritage and should remain so”. Kif ukoll aktar tard, “I am a strong Catholic and I came from a strong Catholic family, but I regret the fact that some people get the idea that the Catholic Church favors a Church-State tie”. Tul iż-żmien li okkupa dik il-kariga qabel inqatel f’Dallas fit-22 ta’ Novembru 1963, wera li kien wieħed mill-aqwa politiċi li d-dinja setgħet rat.

4 Il-ħamsa u tletin President fetaħ it-triq għal aktar politiċi Kattoliċi kif ukoll għal tnejn minn ħutu. Robert, ħuh, kien elett Senatur u kien kandidat għall-Presidenza. Biss, il-biża’ li Kennedy ieħor jerġa’ jservi, wassal għall-assassinju tiegħu fil-5 ta’ Ġunju 1968. Għad għandi ċara quddiem għajnejja x-xena tiegħu mal-art bil-kuruna tar-rużarju f’idejh. Mill-aħwa baqa’ ż-żgħir, Edward, li ġeneralment imsejjaħ Teddy.

5 Ma kienx faċli għalih. Ried iżomm għoli l-opinjoni tajba li kellu l-poplu tal-familja Kennedy. Huwa daħal fix-xenarju b’piż kbir fuq daru, biss għalkemm bi sfortuna ma rnexxielux ikun il-kandidat demokratiku għall-Presidenza, kien wieħed mill-aktar Senaturi b’saħħithom politikament. Kellu l-abbilta` li jressaq diversi liġijiet ta’ natura soċjali intenzjonati sabiex iżidu l-ġustizzja soċjali u kien ħadem sabiex iż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu aħjar bejniethom. Baqa’ magħruf kemm kien irnexxielu jċaqlaq ‘il quddiem l-aġenda politika demokratika anke taħt presidenzi repubblikani.

6 Il-mewt ta’ dan l-aħħar rappreżentant tal-familja Kennedy jagħlaq kapitlu. Wieħed ta’ tama, kuraġġ u tiġdid li kien irnexxielu jibda kontra kull kurrent John Kennedy. Id-dinja politika Amerikana għandha persuna anqas, tilfet wieħed mill-aħjar elementi li kellha. Barack Obama għandu issa fuqu dan il-piż ukoll li jirnexxielu jegħleb d-diffikultajiet li s-soċjeta` Amerikan għandha u jżomm għoli l-valuri demokratiċi, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li kellha. Ingħalqet parti mill-istorja tagħna.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd 30 t’Awwissu 2009.

TIĠDID TAL-ISPIRTU KOSTITUZZJONALI

1. Ftit xhur ilu l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fid-diskors tas-Sette Giugno għamel numru ta’ punti li għadhom jimmeritaw attenzjoni aktar milli ħadu. Huwa minnu li aħna pajjiż li għandu storja unika. Din swiet u tkompli sabiex fid-diversi mumenti li fihom nieqfu nirriflettu fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Inżommu quddiem għajnejna li mhux biss aħna għandna l-linja partikolari tagħna imma wkoll li għandna missjoni. Ma hemmx dubju li għalkemm niġu kkonsidrati differenti minn pajjiżi oħra, l-festi nazzjonali jservu wkoll biex isiru diskorsi li fihom l-aspett kostituzzjonali tagħna jiġi studjat mill-ġdid.

2. Għax huwa verament interessanti għal dan il-baħar tal-Mediterran li għandna sistema legali unika, distinta u separata. Numru ta’ pajjiżi jsibu lilhom infushom fid-diffikulta` sabiex jifhmu kif fuq dawn il-gżejjer hawn stat separat u distint. Tinduna kontinwament li politiċi f’postijiet oħra ma japprezzawx li aħna għandna indipendenza legali, soċjali u ekonomika li gżejjer oħra bħal Korsika jew Sardenja jew oħrajn ma għandhomx. Ir-riżultat huwa kumulu ta’ ħafna snin u jrid jiġi enfazizzat li għalkemm kien hemm min seta’ beża` meta ħadna l-Indipendenza tagħna, il-fatt li aħna separati swietna mhux biex niċkienu iżda sabiex nikbru.


3. F’ċertu sens l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali għandha turi kemm meta tiddeċentralizza l-poter jikber il-ġid. Illum għandna diversi lokalitajiet li kibru fl-isbuħija għax għandhom Sindku u Kunsilliera ddedikati sabiex jibdlu u jġibu għad-dawl tax-xemx il-patrimonju li għandhom. Għalhekk pajjiżna rnexxilu jikber proprju għax min jgħix fih għandu l-interess dirett li jħaddmu tajjeb. Il-politiku, l-persuna li ġiet mogħtija l-inkarigu li jmexxi għandu l-amor proprju li jagħmel l-affarijiet sewwa u għall-ġid tal-oħrajn u t-tieni, irid jagħti kont elettorali lura lil min ivvutalu ta’ ħidmietu.

4. Il-kliem tajba u meqjusa tal-ispeaker Dr Louis Galea f’dak il-jum jindikaw bl-akbar mod ċar li hemm bżonn ta’ iktar riflessjoni sabiex inħarsu lejn il-futur. F’mument minnhom huwa jgħid “ Illum ilkoll qed ngħixu f’dinja u ħajja totalment differenti, b’ġenerazzjonijiet fil-poplu tagħna li, għall-grazzja t’Alla, issawwru fi żmenijiet ta’ sliem, li ftit li xejn jafu x’jiġifieri l-ġuħ u l-għaks, bil-bibien ġeneralment ugwalment miftuħa għall-edukazzjoni, saħħa u xogħol, b’qafas ta’ servizzi soċjali ħafna minnhom b’tifsila personali, u f’ambjent ta’ splużjoni ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni disinjati u mibnija skond it-teknoloġija rivoluzzjonarja tal-informatika u l-elettronika”. Dan il-paragrafu jkompli f’aktar dettal meta jgħid “F’din id-dinja l-proċess ta’ bidla kontinwa biss hu ċert, fenomenu li minnu nniffsu joħloq l-inċertezza, li llum hi komplikata sew mill-kriżijiet internazzjonali fl-oqsma ekonomiċi, finanzjarji, ambjentali u mill-gwerer u konflitti f’ħafna partijiet tad-dinja li qed iġibu magħhom migrazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ bnedmin lejn kull naħa li jistgħu jsibu l-kenn u l-ħarsien”.

5. Ħassejt li għandi nikkwota fit-tul għax dawk il-kliem ma kienux marbuta f’perijodu speċifiku ta’ żmien, iżda għadhom applikabbli sal-lum. Hemm il-bżonn li naraw x’ qed jiġri fis-soċjeta` tagħna u kif nistgħu nħarsu lejn dak li ser jolqotha fis-snin li ġejjin. Ngħid dan għax numru ta’ drabi jkun hemm min jaħseb li hemm xi mewġa inevitabbli ta’ tnaqqis fil-valuri tas-soċjeta`, ta’ degrad komplet tal-mod ta’ kif il-bnedmin iġibu ruħhom. Mentri r-realta` kontinwa hija differenti. Ma hemmx xi sitwazzjonijiet li ser jiżviluppaw fis-soċjeta` tagħna li ma jistgħux jiġu kontrastati u kombattuti.

6. Id-diffikulta` qiegħda f’kemm dak li jkun huwa ppreparat li flok “jirrassenja” ruħu u konsegwentament iċedi li jikkumbatti anki kontra dak li jista’ jaħseb li huwa kbir wisq għalih. Hemm il-bżonn li nħarsu lejn numru ta’ sitwazzjonijiet fil-ħajja soċjali u ekonomika tagħna. Jekk ma naqbdux lura l-valuri tal-ġustizzja u l-liberta`, nitilfu. Nitilfu għax il-ġlieda bejn dak li huwa sewwa u dak li ma huwiex ma tieqafx. Jew tiġi kombattuta, inkella tintilef awtomatikament. Hija diffiċli żgur mhux forsi li ċċaqlaq lura sabiex il-bilanċ neċessarju bejn il-liberta` u l-ġustizzja jintlaħaq, pero` jkun żbaljat jekk ma jsirx.

7. L-isfida l-kbira għaż-żmien li ġej għal dan is-seklu li aħna bdejna u ħaddieħor ikompli warajna, hija propju din. L-abbilta` li nħarsu lura, nitgħallmu mill-iżbalji li saru u nibnu qafas kostituzzjonali differenti milli għandna. Il-kummenti li l-kapitaliżmu jxandar fuq il-prodotti materjali, fuq oġġetti, ma għandhomx jiġu trasferiti lejn dawk tal-persuna umana. Il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji kummerċjali mhix l-istess bħal dik bejn il-bnedmin. Meta tiltaqa’ ma dikjarazzjonijiet bħal dawk li għamel ċertu Jeremy Harding fl-artiklu fil-London Review of Books “ethical products, like principles, are more expensive, and less profitable, than off-the-shelf alternatives”, tinduna kemm hemm x’tikkumbatti. Għax ħafna drabi narmu barra l-verita` u l-bżonn tagħha. L-influwenza tal-bejgħ, tal-abbilta` li tippromwovi prodott, ġiebet li anki bejnietna huwa leġittimu li wieħed mhux jgħid il-verita` imma l-impressjoni ta’ dik li tista’ tiġi kkonsidrata bħala s-sostitut tagħha.

8. It-tiġdid tal-ispirtu u l-qafas kostituzzjonali li Dr Louis Galea, bħala Speaker, sejjaħ għalih, ma għandux jaqa’ fuq widnejn torox. Hemm lok għal dibattitu tiegħu fi ħdan il-kumitat magħżul tal-Kamra tad-Deputati, pero` jista’ ma jiġix limitat għalih, iżda miftuħ aktar. Ir-realta` hija li ma kull jum nispiċċaw nikkummentaw fuq dak li nkunu għaddejin minnu mingħajr ma nħarsu fit-tul. Dibattitu fuq dan is-suġġett għandu jiftaħ aktar l-orizzonti u jippermetti li nagħtu għal ġenerazzjonijiet futuri, qafas soċjali ferm aktar qawwi milli għandna llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 30 t’Awwissu 2009.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...