2.9.09

TIĠDID TAL-ISPIRTU KOSTITUZZJONALI

1. Ftit xhur ilu l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fid-diskors tas-Sette Giugno għamel numru ta’ punti li għadhom jimmeritaw attenzjoni aktar milli ħadu. Huwa minnu li aħna pajjiż li għandu storja unika. Din swiet u tkompli sabiex fid-diversi mumenti li fihom nieqfu nirriflettu fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Inżommu quddiem għajnejna li mhux biss aħna għandna l-linja partikolari tagħna imma wkoll li għandna missjoni. Ma hemmx dubju li għalkemm niġu kkonsidrati differenti minn pajjiżi oħra, l-festi nazzjonali jservu wkoll biex isiru diskorsi li fihom l-aspett kostituzzjonali tagħna jiġi studjat mill-ġdid.

2. Għax huwa verament interessanti għal dan il-baħar tal-Mediterran li għandna sistema legali unika, distinta u separata. Numru ta’ pajjiżi jsibu lilhom infushom fid-diffikulta` sabiex jifhmu kif fuq dawn il-gżejjer hawn stat separat u distint. Tinduna kontinwament li politiċi f’postijiet oħra ma japprezzawx li aħna għandna indipendenza legali, soċjali u ekonomika li gżejjer oħra bħal Korsika jew Sardenja jew oħrajn ma għandhomx. Ir-riżultat huwa kumulu ta’ ħafna snin u jrid jiġi enfazizzat li għalkemm kien hemm min seta’ beża` meta ħadna l-Indipendenza tagħna, il-fatt li aħna separati swietna mhux biex niċkienu iżda sabiex nikbru.


3. F’ċertu sens l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali għandha turi kemm meta tiddeċentralizza l-poter jikber il-ġid. Illum għandna diversi lokalitajiet li kibru fl-isbuħija għax għandhom Sindku u Kunsilliera ddedikati sabiex jibdlu u jġibu għad-dawl tax-xemx il-patrimonju li għandhom. Għalhekk pajjiżna rnexxilu jikber proprju għax min jgħix fih għandu l-interess dirett li jħaddmu tajjeb. Il-politiku, l-persuna li ġiet mogħtija l-inkarigu li jmexxi għandu l-amor proprju li jagħmel l-affarijiet sewwa u għall-ġid tal-oħrajn u t-tieni, irid jagħti kont elettorali lura lil min ivvutalu ta’ ħidmietu.

4. Il-kliem tajba u meqjusa tal-ispeaker Dr Louis Galea f’dak il-jum jindikaw bl-akbar mod ċar li hemm bżonn ta’ iktar riflessjoni sabiex inħarsu lejn il-futur. F’mument minnhom huwa jgħid “ Illum ilkoll qed ngħixu f’dinja u ħajja totalment differenti, b’ġenerazzjonijiet fil-poplu tagħna li, għall-grazzja t’Alla, issawwru fi żmenijiet ta’ sliem, li ftit li xejn jafu x’jiġifieri l-ġuħ u l-għaks, bil-bibien ġeneralment ugwalment miftuħa għall-edukazzjoni, saħħa u xogħol, b’qafas ta’ servizzi soċjali ħafna minnhom b’tifsila personali, u f’ambjent ta’ splużjoni ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni disinjati u mibnija skond it-teknoloġija rivoluzzjonarja tal-informatika u l-elettronika”. Dan il-paragrafu jkompli f’aktar dettal meta jgħid “F’din id-dinja l-proċess ta’ bidla kontinwa biss hu ċert, fenomenu li minnu nniffsu joħloq l-inċertezza, li llum hi komplikata sew mill-kriżijiet internazzjonali fl-oqsma ekonomiċi, finanzjarji, ambjentali u mill-gwerer u konflitti f’ħafna partijiet tad-dinja li qed iġibu magħhom migrazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ bnedmin lejn kull naħa li jistgħu jsibu l-kenn u l-ħarsien”.

5. Ħassejt li għandi nikkwota fit-tul għax dawk il-kliem ma kienux marbuta f’perijodu speċifiku ta’ żmien, iżda għadhom applikabbli sal-lum. Hemm il-bżonn li naraw x’ qed jiġri fis-soċjeta` tagħna u kif nistgħu nħarsu lejn dak li ser jolqotha fis-snin li ġejjin. Ngħid dan għax numru ta’ drabi jkun hemm min jaħseb li hemm xi mewġa inevitabbli ta’ tnaqqis fil-valuri tas-soċjeta`, ta’ degrad komplet tal-mod ta’ kif il-bnedmin iġibu ruħhom. Mentri r-realta` kontinwa hija differenti. Ma hemmx xi sitwazzjonijiet li ser jiżviluppaw fis-soċjeta` tagħna li ma jistgħux jiġu kontrastati u kombattuti.

6. Id-diffikulta` qiegħda f’kemm dak li jkun huwa ppreparat li flok “jirrassenja” ruħu u konsegwentament iċedi li jikkumbatti anki kontra dak li jista’ jaħseb li huwa kbir wisq għalih. Hemm il-bżonn li nħarsu lejn numru ta’ sitwazzjonijiet fil-ħajja soċjali u ekonomika tagħna. Jekk ma naqbdux lura l-valuri tal-ġustizzja u l-liberta`, nitilfu. Nitilfu għax il-ġlieda bejn dak li huwa sewwa u dak li ma huwiex ma tieqafx. Jew tiġi kombattuta, inkella tintilef awtomatikament. Hija diffiċli żgur mhux forsi li ċċaqlaq lura sabiex il-bilanċ neċessarju bejn il-liberta` u l-ġustizzja jintlaħaq, pero` jkun żbaljat jekk ma jsirx.

7. L-isfida l-kbira għaż-żmien li ġej għal dan is-seklu li aħna bdejna u ħaddieħor ikompli warajna, hija propju din. L-abbilta` li nħarsu lura, nitgħallmu mill-iżbalji li saru u nibnu qafas kostituzzjonali differenti milli għandna. Il-kummenti li l-kapitaliżmu jxandar fuq il-prodotti materjali, fuq oġġetti, ma għandhomx jiġu trasferiti lejn dawk tal-persuna umana. Il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji kummerċjali mhix l-istess bħal dik bejn il-bnedmin. Meta tiltaqa’ ma dikjarazzjonijiet bħal dawk li għamel ċertu Jeremy Harding fl-artiklu fil-London Review of Books “ethical products, like principles, are more expensive, and less profitable, than off-the-shelf alternatives”, tinduna kemm hemm x’tikkumbatti. Għax ħafna drabi narmu barra l-verita` u l-bżonn tagħha. L-influwenza tal-bejgħ, tal-abbilta` li tippromwovi prodott, ġiebet li anki bejnietna huwa leġittimu li wieħed mhux jgħid il-verita` imma l-impressjoni ta’ dik li tista’ tiġi kkonsidrata bħala s-sostitut tagħha.

8. It-tiġdid tal-ispirtu u l-qafas kostituzzjonali li Dr Louis Galea, bħala Speaker, sejjaħ għalih, ma għandux jaqa’ fuq widnejn torox. Hemm lok għal dibattitu tiegħu fi ħdan il-kumitat magħżul tal-Kamra tad-Deputati, pero` jista’ ma jiġix limitat għalih, iżda miftuħ aktar. Ir-realta` hija li ma kull jum nispiċċaw nikkummentaw fuq dak li nkunu għaddejin minnu mingħajr ma nħarsu fit-tul. Dibattitu fuq dan is-suġġett għandu jiftaħ aktar l-orizzonti u jippermetti li nagħtu għal ġenerazzjonijiet futuri, qafas soċjali ferm aktar qawwi milli għandna llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 30 t’Awwissu 2009.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...