25.9.23

LEJN IS-SITTIN SENA

1. Bħal dan iż-żmien sena, ser nittama li nkunu qed nieqfu biex nirriflettu fuq appuntament storiku. Pajjiżna jagħlaq sittin sena Indipendenti. Nistgħu nisimgħu ħafna kliem u diskorsi varji. Forsi wkoll, uħud ikunu biss duħħan fl-għajnejn, fejn niċċelebraw ’il bgħid mis-sustanza, kif għandna. Ngħid li għandna dmir inħarsu lejn dak li aħna u dak li għandna iktar inkunu. L-iżbalji li saru u kif ser nieħdu lezzjonijiet tajba minnhom biex nimxu ’l quddiem. Mingħajr ma neskludu lil ħadd u nifhmu li hemm proċess neċessarju li, bl-użu tar-raġuni, għandna nidħlu għalih biex nifhmu x’tip ta’ sistema demokratika qed inħaddnu u l-perikli tagħha.

Mhux trijonfaliżmu

2. Jekk aħniex inħarsu lejn is-sistema tagħna fid-dawl limitat u ristrett ta’ kostituzzjonaliżmu liberali jew hemmx il-kurrent soċjali mħaddan. Għandna demokrazija formali, legali, jew iktar mimlija parteċipazzjoni tal-klassijiet kollha tas-soċjetà, b’relevanza partikolari għal dawk l-iktar ’l isfel? B’mod iktar dirett f’dak li seħħ f’dawn is-snin. Jekk hemmx issa l-idea li huma kapaċi biss li jmexxu lill-Istat l-għorrief demokratiċi, dawk li jikkunsidraw ruħhom fl-elite. Dawk li minħabba l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà, jew aħjar, is-separazzjoni kostanti tagħhom mir-realtà jaħsbu li l-klassijiet l-oħra la huma kapaċi, u anqas intitolati li jmexxu. Fil-fatt, tingħata wisq attenzjoni lil dawk li huma fuq milli lil dawk li huma minn taħt.

Min għandu l-poter demokratiku f’idejh?

3. Il-kwistjoni ddur ma’ min għandu f’idejh dan il-poter. Huma dawk li bl-iżbalji tat-tmexxija tal-ewwel leġislatura Laburista ta’ mill-2013 sal-2017 jaħsbu li ġew deleġittimati dawk li mhumiex fost il-‘borgeżija’. Fejn ir-reazzjoni għal dak li seħħ hija iktar, speċjalment fit-tieni tmexxija Laburista, li tagħti każ x’iridu dawk fin-negozju milli tagħti każ xi jridu l-oħrajn. F’demokrazija fejn l-ispazju fir-rappreżentanza għall-klassi tal-ħaddiem u l-bżonnijiet tagħha qed jiġi njorat. Dan huwa ċar mhux biss minn dak li qiegħed jiġi kkunsidrat mill-klassi politika bħala prijorità fil-ħidma parlamentari tiegħu, imma wkoll fil-lingwaġġ politiku li qiegħed jiġi użat. Wieħed li huwa ’l bgħid mill-verità u li jingħad f’termini li jrid jinċensa ta’ x’jaħseb li ser isodd ’l isfel. Wieħed li qiegħed kontinwament jiftaħ il-bieb għal dawk li jemmnu f’populiżmu neo-Nażista.

X’ideat hemm?

4. Il-Kostituzzjoni tagħna m’għaddietx mill-proċess li għaddew minnu dik Franċiża u dik Taljana. Ċertament hija iktar formali u inqas soċjali. Il-bniedem, fid-dinjità sħiħa tiegħu, mhux meħud f’ħafna aspetti. Ibda minn dak tax-xogħol u għaddi għal dawk soċjo-kulturali. Morna lura fl-ideat u l-interessi ta’ klassi waħda. Qed jiġu protetti bħal dik li, fl-idea żbaljata li hija, hi biss kapaċi tiġġenera l-ġid ekonomiku. Fejn, terġa’, il-ħaddiem Malti li tgħallem drittijietu f’dawn is-snin qed jiġi sostitwit b’ħaddiem li m’għandux dan l-għarfien. Qed isiru ħafna sagrifiċċji fil-prinċipji fundamentali li nħaddnu li qed jeħduna lejn aktar sistemi awtoritarji. Aktar fuq il-lemin mil-lemin, li aħna qed narawh imħaddan pprattikat. F’dan, l-ispirtu demokratiku veru qiegħed jonqos u l-fjamma li tfakkarna fil-libertà, fil-ġustizzja u fl-ugwaljanza qegħda tnemnem. Sejra lura mingħajr difensur veru tagħha.

Demokrazija

5. Il-pajjiż irid joqgħod attent li jifhem li d-demokrazija trid tiġi kkultivata fi proċess kulturali. Jekk ma jkollniex aktar persuni li jagħrfu li l-futur tagħhom jiddependi fuq kemm titħaddem tajjeb, mhux fil-formaliżmi legali imma fl-ispirtu tagħha, ser inkomplu sejrin lura. Iktar u iktar meta qed ngħixu kriżi demokratika fis-sens li m’hemmx min qiegħed jispira u jaġixxi verament lejn din id-direzzjoni. Jaħseb biss li huwa mportanti li jibqa’ jżomm il-poter f’idejh, indipendentement jekk hemm appoġġ popolari għalih, jew le. Flok moħħna biex inġibu lura lil dawk li qed jiddikjaraw, fil-miftuħ, li ma jridux jieħdu sehem, qed nassiguraw li ninjorawhom. Vuċijiet fis-soċjetà li mhumiex sterili, u anzi, li jistgħu jduru lejn dawk li b’xi mod jirrappreżentaw bidliet radikali.

Dak li ġej

6. F’ħafna, naqbel li l-mexxejja politiċi kapaċi forsi jiċċaqilqu jekk, u skont, ir-riżultati elettorali. Ngħid diġà kellu jkun hemm ċaqliq wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, f’partiti fejn it-tmexxija qed tidher inqas awtorevoli u aktar awtoritarja. Fejn f’dan kollu, għal uħud qed jakkumula r-riħ għal dawk li ser jiġu bil-vot għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Ħafna ser jippruvaw jinvokaw il-voti u s-siġġijiet bħala raġuni sabiex ma jiċċaqlaq xejn. Dan diġà rajnih. Imma kif iktar żviluppaw l-affarijiet u qegħdin iktar, illum hemm bżonn ta’ ċaqliq li huwa verament favur id-demokrazija soċjali u li tirrispetta lil dawk li jaħdmu. Iktar u iktar meta fl-2013 kien hemm min abdika l-poter demokratiku għall-forzi tas-suq li llum saru iktar dominanti.

Ġustizzja Soċjali

7. Abbandunajna l-kunċett tal-ġustizzja soċjali li jitlob dejjem preżenza attiva tal-Istat fis-soċjetà. Għax il-kunċett huwa issa li l-ekonomija kapitalista, anki f’pajjiżna, hija dik li tqassam il-ġid nazzjonali skont l-esiġenzi tagħha, u mhux tal-komunità. Bil-produzzjoni biss u fil-metodi tiegħu li huma l-istrumenti uniċi biex wieħed ikejjel l-iżvilupp u l-ġid nazzjonali. Fejn il-ġid u r-riżorsi qed jinqasmu bejn dawk li l-iktar għandhom saħħa ekonomika biex jixtru u jiddominaw fuq l-oħrajn. Fejn ir-regoli jimxu fuq l-iżbalji kbar ta’ Margaret Thatcher, l-ewwel meta qalet li s-soċjetà ma teżistix imma teżisti biss l-ekonomija; u t-tieni ta’ Ronald Reagan li kien qal li l-Istat mhuwiex dak li kapaċi jsolvi l-problemi, imma li l-Istat huwa l-problema.

X’poter demokratiku?

8. F’dan, għalhekk, għandna iktar id-dmir li nistaqsu: x’rappreżentanza demokratika għandna llum? Fejn min imexxi qisu l-ħin kollu jippreferi jkun mhux wisq ’il bgħid mill-forzi ekonomiċi sabiex iżomm il-poter f’idejh mingħajr ma jmiss mal-esiġenzi veri tal-pajjiż. F’soċjetà fejn qegħdin ma’ linja li ma tafx fejn sejra, imma li inevitabilment ser twassal x’imkien. Fejn din tmiss iktar li tinqata’ mill-għeruq u l-paternità ta’ dak li ħallew warajhom ta’ qabilna, l-iktar fit-tisħiħ tal-istat soċjali, li hawn qiegħed jiġi mnaqqas u sfiduċjat. In-nuqqasijiet fit-tmexxija tal-ewwel Prim Ministru Laburista ġiebu l-konsegwenza li min huwa l-vuċi ta’ dawk l-iktar minn taħt mhumiex kapaċi jmexxu lil pajjiżna. It-tieni, li s-soċjetà timxi ’l quddiem jekk tafda ruħha biss fil-forzi ekonomiċi u ta’ dawk li jiddominawhom.

Il-mira

9. F’dan naħseb li fl-għarfien ċar li l-liberaliżmu tas-suq falla u li ser ikompli jipproduċi toroq li jfallu, irridu nġibu sistema demokratika aktar vera u awtentika. Waħda li tħares il-ġustizzja soċjali mhux skont l-esiġenzi jew l-ideat tal-klassi tal-flus, imma tal-poplu. Waħda li tibni aktar lura fid-diffikultajiet u l-problemi li għandna kultura demokratika. Waħda li tagħraf li d-demokrazija mhix strument elitista, imma popolari tal-parteċipazzjoni tal-poplu kollu. Li tagħraf li nikbru fil-ġid sħiħ tagħna mhux sempliċement fil-flus li ma jagħtuniex il-ferħ u l-paċi, imma f’dak kollu li jgħoddli l-ispirtu tal-bniedem. Ċertament, dan mhuwiex faċli, imma jimmerita li jsir, aħna u sejrin lejn is-sittin sena mill-kisba tal-Indipendenza tagħna.

ĦIDMET IĊ-ĊIVIL

1. F’dawn il-jiem ġiet fuq ilsien xi wħud ħidmet iċ-Ċivil f’pajjiżna. Diversi maqdru, inġustament, dak li jsir minn diversi ħaddiema Maltin u Għawdxin bħalna. Bħas-soltu, dak li jingħad f’kuntest, jittieħed f’oħrajn kompletament differenti. Huwa ħażin li wieħed jiskarta u ma jwettaqx dmiru. U din hija regola li tgħodd għall-ħaddiema kollha, huma fejn huma mpjegati. Il-pajjiż jimxi iktar ’il quddiem jekk kull persuna tagħti sehemha fid-dinja ekonomika. Mhux tant għal-livell ta’ produzzjoni, imma iktar għat-twettiq tal-kwalitajiet u t-talenti li għandha kull persuna. Biss, kif rajna, huwa faċli li wieħed jattakka settur partikolari, u iktar, li tkabbar fix-xejn.

Sinsla

2. Għamilt numru ta’ snin inservi fil-kariga ta’ ministru, u ħdimt direttament ma’ kwantità kbira ta’ persuni li jaħdmu, jew ħadmu, fiċ-Ċivil. L-esperjenza tiegħi hija, fil-maġġor parti, assolutament pożittiva. Bnedmin ippreparati u li jridu l-ġid lill-Istat Malti. Lesti li jagħtu gwida, u fl-istess ħin, kapaċi jagħtuk parir fuq dak li jaħdem u fuq dak li ma jaħdimx. Dak li diġà ġie ppruvat qabel u ma rnexxiex ħafna, u dak li jista’, b’attenzjoni, jmexxina ’l quddiem. Kont nisma lil min igerger kontra ċerti diretturi, imma fil-verità, fil-maġġor parti kien nuqqas ta’ għarfien ta’ kultura tax-xogħol kompletament differenti. Għax hemm min jaħseb li l-kontrolli nterni u dawk ministerjali mhumiex daqshekk effettivi daqs dawk fis-settur privat, u allura jistgħu jippermettu li jinħbew ineffiċjenzi u skorrettezzi maniġerjali. Imma mill-esperjenza tiegħi, huwa l-kontra.

Korrettezza

3. Ħafna wkoll jitħawdu u jifhmu ħażin il-korrettezza li diversi jġorru magħhom. Diversi huma l-mumenti meta rajt interventi sabiex ma jseħħux żbalji politiċi. Hemm linja, naturalment, ta’ kawtela u preċiżjoni li ftit jifhmu. Anzi, huwa dejjem aħjar jekk dik l-esperjenza istituzzjonali li nġabret fis-snin tibqa’ tiġi trasmessa minn ġenerazzjoni għal oħra fil-ħidma interna tagħha. Għalkemm nitkellmu dwar il-burokrazija u narawha biss f’dawl ikrah, fir-realtà hija neċessarja, u hija garanzija kontra l-eċċessi u l-abbużi. Ebda dipartiment ma jimxi ’l quddiem jekk ma jżommx ma’ dawn ir-regoli. Bħalma huwa ċar li f’kull wieħed issir ukoll evalwazzjoni ta’ ħidmet diversi diretturi sabiex is-servizz ikun aħjar u iktar korrett. Żieda fil-ħidma, fit-trasparenza u fil-veloċità. Imma, f’ħafna hemm korrettezza kbira li tiġi minn ħaddiema li għandhom fehmiet politiċi differenti minn tiegħek. Il-kontroll intern li hemm jista’ jiġi avversat minn uħud, imma huwa garanzija.

Sfidi Ewropej

4. F’dan, għalhekk, iċ-Ċivil jaħdem aħjar iktar ma jkollu mexxejja politiċi li jifhmuh. Iżid fil-ħidma t-tajba meta jiġu varati linji legali u ta’ direzzjoni li jwasslu biex joħroġ il-potenzjal sħiħ tiegħu. Min huwa fil-Gvern irid joqgħod attent li ma jżidx fix-xejn, huwa stess, proċeduri kkumplikati u diffiċli fil-liġijiet li jvara. Iktar u iktar illum meta wieħed irid jgħid li ċ-Ċivil wieġeb għall-isfida tal-Unjoni Ewropea b’saħħa. Nammettu li żdiedu sew il-kumplikazzjonijiet, kif ukoll inbidlet il-kultura ta’ dak li servizz ċivili għandu jwettaq. Iktar toroq ġodda u li jitolbu iktar preparazzjoni minn qabel. Iktar ukoll ħaddiema li jridu jsiefru fl-irkejjen tal-Ewropa u ta’ Brussell biex jingħaqdu ma’ oħrajn biex ikun hemm linja konformi u lineari fl-Unjoni Ewropea kollha. L-istess servizz u l-istess drittijiet liċ-ċittadini Ewropej kollha.

Veloċità

5. F’dan, però, hemm bżonn iktar attenzjoni da parti tal-politiku u tal-uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Ewlieni tal-Gvern fil-kwistjoni tal-veloċità. Lejn l-aħħar ta’ Awwissu, proprju fuq dan, l-Ombudsman l-ex-Imħallef Dr Joseph Zammit McKeon ħass li għandu jfakkar f’dak li hemm stabbilit fil-mod ta’ kif wieħed iwieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Punt f’postu u li jqiegħed fil-kuntest sħiħ is-sitwazzjoni. L-ewwel: għax hemm numru ta’ dipartimenti li għandhom bżonn ta’ iktar ħaddiema biex ilaħħqu mat-talbiet li jkollhom. It-tieni: għax hemm dipartimenti fejn hemm iktar ħaddiema milli hemm bżonn. It-tielet: għax hemm proċeduri li jistgħu jinbidlu u jsiru eħfef li xorta jipproteġu t-trasparenza u l-kontabilità.

Passi oħra

6. F’dan hemm setturi oħra li għandhom jiġu regolati. Ngħid iktar dan f’diversi servizzi li qabel kienu mmexxija miċ-Ċivil u li issa għaddew f’idejn is-settur privat. Hemm mhux dejjem naraw l-istess attenzjoni jew veloċità. Anzi, ħafna drabi nisma’ tgergir mill-poplu kemm dan ma jiġix ittrattat kif jixraq. Kif lil xi wħud ma jarawhomx bħala bnedmin imma biss bħala oġġetti. Kull servizz li qiegħed f’idejn il-privat imma li huwa essenzjali għall-ħajja tagħha jrid jikkonforma ruħu ma’ standards li nistennew miċ-Ċivil. Jekk xi ħadd jikteb, jippretendi risposta. Jekk xi ħadd iċempel, jippretendi li ma jdumx jistenna jisma’ l-istess diska fejn jingħadlu li kull persuna hija okkupata. Jekk xi ħadd jibgħat email jew b’kull mezz jippretendi li ma jdumx ma jsib soluzzjoni għall-problema li jkun qiegħed jiffaċċja.

Mhux biss

7. Mhux biss fis-settur pubbliku, imma anki f’dak privat irridu nżidu l-kultura li hemm bżonn. Ġestjoni aqwa tar-riżorsi ekonomiċi, ta’ tixrid ta’ informazzjoni korretta, ta’ simplifikazzjoni, ħeġġa, imparzjalità u trasparenza fil-ħidma. Bħalma hemm it-tentazzjonijiet fiċ-Ċivil, hemm daqshekk ieħor fil-privat u jolqot direttament lill-ekonomija kollha. Biss, dan jista’ wkoll jitjieb jekk kull min jitlob assistenza jingħata mill-ewwel ma’ persuna li tkun ser tieħu ħsiebu; it-tieni: li jingħata pjan taż-żmien li ser jittieħed u l-proċedura li huwa talab l-għajnuna dwarha; u t-tielet, li wieħed jingħata żmien stabbilit ta’ meta ser tingħalaq it-talba tiegħu.

Nimxu ’l quddiem

8. Pajjiżna għandu bżonn mhux li nduru nattakkaw inġustament settur jew ieħor tad-dinja tax-xogħol tiegħu, imma aktar. Għandu bżonn iktar preparazzjoni, edukazzjoni, tagħlim u trasmissjoni ta’ prattiċi tajba. Forsi aħjar, li jidħol iktar il-kunċett li ħaddiem jista’ jgħaddi miċ-Ċivil għall-privat u lura mingħajr ħafna diffikultajiet. Il-pajjiż jikber u jiggwadanja minn esperjenzi varji li jittieħdu għax bihom is-servizz jittejjeb inevitabbilment. Hemm, f’dan, bżonn ċertament ta’ iktar konfronti fejn iż-żewġ setturi jiltaqgħu u jiddiskutu temi li jassiguraw iktar effiċjenza u trasparenza nazzjonali. Ħafna drabi hemm preġudizzji miż-żewġ naħat li b’hekk jingħelbu. Biss, ċertament, hemm ħidma tajba miċ-Ċivil tagħna li m’għandniex inmaqdru imma li għandna nikkultivaw u nkabbru aħjar.

22.9.23

M'GĦANDNIEX NIBQGĦU FL-OPPOŻIZZJONI

1. F’din it-triq politika li qbadt, jew li nqabdet għalija, tgħallimt li ħidma rilevanti tista’ sseħħ biss jekk din tkun ibbażata fuq il-verità. Kull ġimgħa f’dawn l-artikli, u oħrajn li jinkitbu minni, sabiex infittex il-verità. Nibni l-argumenti politiċi b’dak li nkun qiegħed inqis, bil-fatti, bl-esperjenzi u bl-opinjonijiet varji. Nista’ minflok nieqaf, inkella agħar, ngħix u nsostni dik li mhix il-verità: il-gidba. Iltqajt ma’ numru ta’ persuni li wettqu dan is-servizz żbaljat. Dawk li sostnew politiċi oħra f’din it-triq tan-nuqqas ta’ verità. Inkella ta’ dawk li kienu huma stess dawk li kkonvinċew lil dawn il-politiċi u magħhom parti mill-poplu fil-kontra tas-sewwa. Rajt ħafna stilel politiċi jaqgħu f’hekk. Rajt diversi ‘suppost’ proġetti politiċi ‘progressivi’ jġibu l-ħsara u traġedji umani.


Aktar illum

2. Dan aktar illum quddiem elettorat li, għall-kuntrarju ta’ dak li wħud jaħsbu, huwa ferm iktar attent minn qabel. Il-votant immatura ħafna aktar, u dan wara l-aħħar esperjenzi qarsa u varji ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-kalatura hemm l-għarfien li hemm differenza bejn min jidħol fil-politika għall-oħrajn, u min jidħol fiha għalih innfisu. Eżami ferm iktar rigoruż li sa issa ftit iridu jagħrfu. Proprju għalhekk li, fil-mument attwali ta’ pajjiżna, għandna d-dmir inwieġbu aħjar għas-sejħa naturali għal politika verament tajba minn daqshekk ieħor politiċi tajbin. Dan aktar u aktar illum meta għaddejjin minn kriżi nazzjonali.

Kumplikata

3. Huwa iktar ċar li l-pajjiż għandu din il-pożizzjoni għax għandu Gvern li daħal f’wisq basal. Din is-sena, il-każijiet ma qatgħu xejn. Wieħed wara l-ieħor. Kumulu, ġabra li ġejjin mill-passat, imma flimkien mad-diversi oħra li kellna llum. Oġġettivament, f’dan kollu l-Partit Laburista għandu l-bżonn li joħroġ barra mill-poter biex jerġa’ jsib lilu nnifsu. Wisq azzjonijiet żbaljati li qed jiġu assoċjati mal-istorja u l-ideali tiegħu. Il-korruzzjoni, l-illegalità, in-nuqqas ta’ għaqal huma assoċjati miegħu u ma’ numru ta’ politiċi li huwa ressaq ’il quddiem. Ma’ dawn, il-politika xejn fuq ix-xellug, u anzi, mimlija lemin aktar mil-lemin. Xenarju xejn sabiħ meta tqis minn fejn beda: dak li kien jgħid u dak li għamel, min kienu l-ministri tiegħu fl-2013 u kemm minnhom telqu. Il-pajjiż qiegħed jirreaġixxi għal dan. Hemm tnaqqis qawwi fil-voti għalih proprju għax hemm votant attent u li ma jridx ikun parti minn dak li kien għaddej u li għadu għaddej. Hawn togħma morra li qed tinħass. Tista’ taħrabha u tista’ taċċettaha, inkella tirreaġixxi għaliha.

Awto-kritika

4. Fuq linja pożittiva nara li fil-Partit Laburista nbeda proċess ta’ kritika nterna minn barra. Naqra diversi artikli li jridu jgħidu iktar milli qegħdin jgħidu. Imma dan mhux biżżejjed. Fis-sens li minn dak li jgħidu ulied l-istatistika, dak li qed jingħad mill-poplu u r-reazzjonijiet li kellna tul din il-ġimgħa, it-Tnejn stess, m’aħniex, bħala Oppożizzjoni, navvanzaw. Irridu nistaqsu aktar lilna nfusna għala l-Partit Laburista jnaqqas, u aħna ma nżidux? Għala, f’din il-lista interminabbli ta’ dnubiet mortali politiċi mill-iktar ħoxnin, nibqgħu fejn aħna? Nippruvaw, fi proċess ta’ verità nifhmu għala, wara sena li fiha rajna l-iskandlu tal-Isptarijiet, il-kwistjoni tat-terminazzjoni tal-ħajja fil-ġuf, il-każ tal-ġuvnott innoċenti Jean Paul Sofia, il-qtugħ tad-dawl fl-eqqel tas-sajf, u issa, b’dan l-iskandlu mill-iktar kundannabbli fis-settur tas-servizzi soċjali, bqajna statiċi ’l isfel?

Ippruvajna

5. Ma nistgħux ngħidu li ma sarux diversi sforzi. Uħud qbilt magħhom, oħrajn inqas. Imma, b’xi mod, il-Partit Nazzjonalista pprova, u għadu, biex joħroġ minn din il-pożizzjoni. Ningħaqad ma’ diversi fl-isforzi tiegħi biex ikun hemm il-bidla. Kif nipprova nagħmel dan ċar għal min isegwini fil-kitba u fil-ħidma politika tiegħi. Imma, jidher ċar, li dan mhuwiex biżżejjed. Wara li għaddejna milli għaddejna, b’bidliet qawwija li huwa ċar li ma ġewx apprezzati minn parti mill-elettorat tagħna, għandna nieqfu nirriflettu. Nistgħu f’dan naħsbu li huwa tajjeb li ngħaddsu rasna u nibqgħu sejrin qisu mhu xejn, ngħixu fil-bużżieqa tagħna, jew inkella, fuq in-naħa l-oħra, nifhmu u nibdlu.

Il-Pajjiż

6. Xi ħaġa mhux qegħda taħdem bejn dak li aħna jew qed nidhru li aħna, u huwa dan li l-pajjiż qiegħed jistenna minna. Iktar u iktar fid-dawl li x-xenarju nbidel kompletament. Jekk qabel kien hemm attività politika da parti tagħna għax nemmnu li l-pajjiż jitmexxa aħjar b’Partit Nazzjonalista, illum hemm raġunijiet nazzjonali. Illum hemm il-bżonn, in-neċessità urġenti għall-ġid tal-pajjiż, li jinbidel il-Gvern. Sija għall-partit stess li qiegħed fil-poter, kif ukoll għall-poplu, li jrid ideat u żiffa ġdida. L-istatistika tipprova, qegħda turi proprju dan fin-nuqqas tas-saħħa u appoġġ lill-Partit Laburista. Anzi, hemm issa l-partit ta’ dawk li jridu jeżerċitaw id-dritt li ma jivvutawx. Forsi wħud huma komdi b’dan, fis-sens li ma jridux jippruvaw iġibuhom lura biex jivvutaw. Imma jien ma nikkunsidrax ruħi fosthom u magħhom.

Swing out

7. Nistaqsi: jekk hemm din is-sejħa għall-bidla, m’għandux ikun li aħna nwieġbu għaliha? M’għandniex, f’dan, l-abbiltà politika li nidħlu għaliha? M’għandniex il-kuraġġ li qiegħed jintalab minna li nimxu ’l quddiem? M’aħniex kapaċi nippruvaw nifhmu aħjar fejn aħna, u fejn l-elettorat nazzjonali jridna nkunu biex ikun hemm futur aqwa għal dawn il-gżejjer mimlija bil-problemi? Nista’ nifhem li hemm il-kumplikazzjonijiet umani, imma fil-verità diversi huma nteressati mhux li jħarsu lejn il-passat, imma lejn il-futur. Dak li seħħ issa seħħ, u ma tistax treġġgħu lura. Iżda tista’, minflok, tibni verament ’il quddiem billi tħares lejn il-verità u r-realtà.

Nimxu ’l quddiem

8. F’dan kollu hemm bżonn qawwi li nifhmu li d-dmir tagħna hu li nimxu ’l quddiem. Il-prospett li l-affarijiet jibqgħu kif aħna llum għandu jmexxina biex nifhmu aħjar. Għall-ġid tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista għandu jħares iktar esternament biex jidħol fir-responsabbiltà politika diffiċli ħafna li jipprova jsewwi u jiddritta dak li tkisser u tgħawweġ f’dawn is-snin. Irid jifhem dmiru u jaġixxi nternament fid-dawl ta’ dak li qiegħed jingħad mill-fatti. Nemmen li, bl-esperjenza tagħna, dan jista’ jsir: b’attenzjoni u b’għaqal. Nemmen li wieħed għandu jinsisti li tingħad il-verità, u biha, wieħed jaqleb il-folja mill-ġdid. F’dan, kull mument huwa opportun. Kull mument huwa tajjeb biex, fit-tfittxija tal-verità, nimxu ’l quddiem, u dan biex ma nibqgħux iktar fl-Oppożizzjoni.

13.9.23

M'GĦANDNIEX NINSEW

1. Hemm mumenti fl-istorja li, jgħaddi kemm jgħaddi żmien, għandhom jibqgħu punti ta’ referenza. Punti ta’ ideat u riflessjoni fuq dak li seħħ u dak li għandna naħdmu għalih biex ma jerġax iseħħ. Dan għandna ngħiduh fl-isfortuna li nafu tant biha, li diversi jinsew l-istorja u jinjoraw il-lezzjoni iebsa tagħha. Daqqa għax l-ikrah ma rridux infakkruh. Daqqa wkoll għax għad hemm min ma jaċċettax, ġewwa moħħu, li eventi seħħew verament fil-passat. Jiċħad dak li kien tant żbaljat u jħalli warajh il-linja diretta u ċara li mill-vjolenza ma jitwieled xejn ħlief iktar kumplikazzjonijiet.

Jgħodd għal ħafna

2. Nibqa’, b’dan, minn dawn il-paġni tul il-ġimgħa nikteb, ninsisti sabiex naqraw l-istorja. Nifhmu li dan huwa proċess utli mhux sempliċement għall-informazzjoni tiegħu, imma iktar minn hekk, għall-proċess demokratiku. Id-demokrazija, l-ikbar għadu tagħha ġej mill-injoranza, min-nuqqas ta’ konoxxenza ta’ dak li seħħ. Dak iktar u iktar fl-isfond li d-dittatorjati li ħadmu lid-dinja seklu ilu, u li għadhom theddida għaliha, jikbru fin-nuqqas ta’ verità. Meta jkun hemm min, fl-estremiżmi politiċi li rajna, jipprova jikkonvinċi li għandu mudell “ġdid” u li bih ser isolvi l-problemi fis-soċjetà billi jiżbarazza minn kollox, hemm, id-demokrazija, li tibqa’ l-aħjar sistema, tibda titbiel. Dmirna jibqa’ dejjem li nsostnu d-demokrazija, għax biha l-bniedem għandu l-aqwa abbiltà li jkabbar u jikkura d-dinjità sħiħa tiegħu. Il-kontra jwassal għal persuni umani li jsiru oġġetti li jistgħu jintremew u jiġu sfruttati.

Lezzjonijiet

3. F’dan, ninkwieta nara kemm għad hawn nuqqas ta’ informazzjoni fuq dak kollu li seħħ fl-aħħar Gwerra Dinjija. Kemm il-ġenn tal-estremi tal-lemin wasslu għal distruzzjoni u qtil ta’ tant bnedmin. Persuni li tilfu ħajjithom, diversi fl-aħjar tagħhom, minħabba t-teoriji li l-istorja u l-ħajja wrew li ma jistgħux jaħdmu. Il-vjolenza, l-idea li tista’ timxi b’xi mod ’il quddiem billi tkisser dak kollu li għandek f’idejk, dawk li numru ta’ drabi nsibuhom espressi fil-kelma ġenerika ‘rivoluzzjoni’. Il-bidliet fil-ħajja ma jsirux bl-użu tal-forza, imma bil-persważjoni u l-konvinzjoni. Isiru billi wieħed jispjega u jidħol fi proċess ta’ djalogu. Ħafna drabi, qabel kull manifestazzjoni pubblika, jkun hemm il-bżonn ta’ perjodu ta’ tixrid korrett tal-informazzjoni, inkella ma jaħdmux. Ikunu kontro-produċenti.

F’Settembru

4. Ngħid iktar dan fid-dawl ta’ dak li tul din il-ġimgħa għandna d-dmir li nfakkru. Id-dmir li ningħaqdu lura ma’ pajjiż li sofra attakk mill-iktar ikrah u l-mewt ta’ diversi bnedmin. Dmir li nieqfu nirriflettu fuq dak li seħħ u fl-inutilità ta’ dak kollu li d-dinja rat quddiemha jsir. Tnejn u għoxrin sena ilu, fil-11 ta’ Settembru 2001, waqafna naraw l-aġir mill-iktar atroċi li laqatna direttament fil-qalb tagħna. Dak fejn numru ta’ ajruplani tal-passiġġieri, li huma minnhom infushom għodda ta’ paċi, ġew użati biex isiru għodda ta’ distruzzjoni. Dawk li raw dan isir quddiemhom baqgħu milquta f’moħħhom. Baqgħu jaraw dak li seħħ, u jifhmu l-effett verament gravi ta’ dawk l-atti. F’dan, però, għandna żewġ dmirijiet illum. L-ewwel: dak li nieqfu u nfakkru; u t-tieni: dak li naraw x’effett dan ħalla fuq ħajjitna u fuq dak tad-dinja kollha.

Ground Zero

5. Trid tkun bla qalb biex illum ma tiqafx u tgħid talba għad-diversi vittmi li tilfu ħajjithom. Dawk li meta tmur fuq il-post fejn kien hemm it-Twin Towers issib isimhom miktub, wieħed wieħed. Dawk li, fir-rispett tad-dinjità tagħhom, ma tniżżlux bħala numru, imma ġiet rispettata l-persuna tagħhom. Lezzjoni li għandha tibqa’ iktar magħha f’soċjetà fejn is-sistema apparentement ‘liberalista’ tagħha moħħha biex tafferma bnedmin fuq oħrajn billi tneħħilhom mid-dinjità li d-Duttrina Soċjali tal-Knisja hija tant ċara fuqha. Proprju llum, waqt li jkunu qed jinqraw l-ismijiet ta’ dawn il-bnedmin, għandna nieqfu u niftakru li s-soċjetà li għandna qed tinsa l-lezzjonijiet tal-passat u qed tonqos mid-dmir li biex dan ma jseħħx mill-ġdid għandha bżonn proċess ta’ informazzjoni. Għarfien aqwa ta’ dak li seħħ, għala seħħ u fl-istess ħin fil-mira li ma jerġax iseħħ.

X’ħadu?

6. Jekk kien hemm min ħaseb li dan ser iġib xi tibdil jew tkissir ta’ soċjetà, pajjiż, ċiviltà u ideat, illum fehem li dan ma sarx. Min kien wara dan il-kunċett, li bih seta’ jaħseb li ser iġib effett ġdid, illum għandu jifhem li dan ma jsirx bil-vjolenza. Id-demokrazija, anke jekk feruta, baqgħet għaddejja. Il-Kostituzzjoni Amerikana, anke jekk sfidata, baqgħet hemm, taħdem u tiggarantixxi l-istituzzjonijiet. F’dan kollu, wieħed għandu jifhem iktar li l-azzjonijiet ħżiena, il-banalità assoluta tal-ħażen ma ġġib xejn lura. Diversi mietu, uħud ċappsu jdejhom bid-demm, imma la twieldet soċjetà ġdida u anqas ma kibret xi tama differenti. Sar biss iktar telf ta’ ħin fil-proċess inevitabbli li l-bniedem irid jieħu sabiex jikber fiċ-ċiviltà. Il-pajjiżi li minnhom twieldu dawn l-ideat reattivi għall-oċċidentaliżmu ma mxewx ’il quddiem b’dan. Anzi, raw diffikultajiet kbar.

Fir-responsabbiltà


7. F’dan, proprju huwa iktar ċar li l-aġir pubbliku ta’ mexxejja u ta’ soċjetà jrid jimmira li din tibni lilha nfisha fuq atti tajba. Dawk li jġibu l-ġid personali lill-bniedem, kif ukoll li jwasslu għall-ġid komuni. Aħna parti minn dan il-proċess u rridu napprezzaw iktar li dan kollu jista’ jseħħ jekk nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat. M’għandniex, anqas, bħala bnedmin iffurmati fil-prinċipji Nsara, nibqgħu nkunu biss dawk li jinsistu sabiex jiġu wżati mezzi paċifiċi. Li nibqgħu mpenjati sabiex ngħinu lil dawk li għandhom inqas, li nemmnu li l-ġustizzja soċjali hija għodda essenzjali għall-paċi. F’dan, iktar, wara tnejn u għoxrin sena rridu nassiguraw li ma ninsewx billi naħdmu sabiex inħallu soċjetà, dinja, aqwa milli kellna jew milli għandna.

NIŻLIN IKTAR 'L ISFEL JEW TELGĦIN 'IL FUQ?

1. Wara dawn l-aħħar xhur, b’sajf iktar qawwi mis-soltu, sija fit-temperatura ambjentali kif ukoll f’dik politika, tajjeb li wieħed jistaqsi. Jipprova jifhem fejn ser imur dan il-pajjiż wara dak li messejna miegħu. Id-domanda li diversi ser jagħmlu kif jersqu x-xhur li ġejjin ser tkun marbuta ma’ jekk huwiex ser jinbidel xi ħaġa. Jekk il-Gvern, li għandu l-mandat li jmexxi huwiex ser ikun, b’xi mod, differenti milli kien s’issa. Jekk l-imġieba hix ser tkun xi ftit aħjar. Jekk hux ser ikun hemm xi linja, jew xi linji politiċi differenti, li verament jibdew ibiddlu fil-fond il-klassi politika tagħna.

Għaddejna

2. F’ħafna sens, dak li qiegħed iseħħ illum huwa frott ta’ lbieraħ. Huwa frott tal-fatt li ma kienx hemm, verament, ippjanar, qabel ma l-Partit Laburista daħal fir-responsabbiltà tal-Istat. Diversi ppruvaw juru l-kontra. Kien hemm min ipprova jibgħat il-messaġġ li t-tmexxija kienet timita lil dik li daħlet b’saħħa bi Gvern Nazzjonalista fl-1987. Imma r-realtà hija iktar ċara fil-preżent: li dak kien Gvern li verament kellu pjan. Kien dak li ħadem, l-ewwel, fl-għeruq tal-poplu għax ħabbu, u minn hemm beda triqtu. Seta’ jżomm il-pass ’il quddiem fil-bidliet li dan il-pajjiż għadda minnhom proprju għax kellu programm ippreparat. Ħadd ma seta’, u wisq nibża’ li ħadd ma jista’ jimitah f’dan, għax il-programm kien mill-iktar oriġinali.

Biex nibdlu

3. F’dan, huwa mill-iktar ċar li jekk xi ħadd irid verament u onestament jibda t-triq lura għad-demokrazija li twettaq dak li jrid il-poplu, hemm bżonn u jrid jifhem. Irid jifhem li hemm bżonn li jabbanduna lilu nnifsu, l-għażż u l-letarġija li ħakmuh. Jibda jdur l-irkejjen kollha tal-pajjiż biex jagħraf il-bżonnijiet tal-elettorat. Huwa tajjeb li tiltaqa’ man-nies fil-festi, imma żgur li dan mhuwiex biżżejjed. Tista’ tipprova tmur int fuq min ma kienx lest jaqsam it-triq, bħal qabel, biex ikellmek. Imma dan, għall-iskop tal-Istat, mhuwiex biżżejjed. Għall-kuntrarju ta’ Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, li kien uża tajjeb żmienu fl-Oppożizzjoni biex fehem dan, illum huwa diffiċli ħafna li jsir l-istess. Wieħed jista’ jibdih, u jibda jmiss is-sistema nervuża tal-poplu, imma mhux ser ikollu r-rankatura li kellna u li żammitna għaddejjin sena wara sena, leġislatura wara oħra, inwettqu dejjem aktar. Il-pajjiż jaf, għalkemm xi wħud forsi nessewh, kemm sar xogħol tajjeb qabel. Qegħdin fejn qegħdin fil-progress għax saret din il-ħidma minn diversi persuni li servew fi ħdan Gvernijiet Nazzjonalista.

Għeruq

4. Dak li nsejħu “l-għeruq” huma fil-fatt kumplessità ta’ kurrenti li jimmarkaw lil dawn il-gżejjer u ’l-bnedmin li għażlu li jgħixu fuqhom. Kumplessità ta’ ideat, ta’ valuri, ta’ tradizzjonijiet u direzzjonijiet. Ilkoll f’daqqa jagħmluna uniċi. Ilkoll isawwruna mill-passat li nagħmlu sewwa li nfakkru u niċċelebraw u dak li għaddej fil-jum tagħna. Diversi passi politiċi, liġijiet, direzzjonijiet li ħadu dawn iż-żewġ Gvernijiet Laburista ma ġewx aċċettati proprju għax ma jaqblux ma’ dawn l-għeruq. Uħud ippruvaw iqaċċtuhom. Oħrajn ippruvaw jgħidu l-kontra ta’ dak li huma. Imma, fil-verità, hemm qegħdin. Jimmarkaw il-mument u jistennew mingħajr ma jiċċaqilqu. Iridu jżommu dak li, fis-snin, sarraf għalina f’tajjeb. Dan għax ilkoll nafu sew li meta taqta’ l-għeruq ma tkabbarx siġra tajba oħra, imma toqtol dik li għandek.

Fil-Vitorja

5. Dan huwa iktar rilevanti llum waqt li niċċelebraw Jum il-Vitorja. Niftakru f’dak kollu li seħħ fil-passat biex nagħrfu dak li aħna llum. L-ideat kulturali tagħna huma marbuta mal-prinċipji etiċi Nsara li l-eventi żammewna fihom. Stajna sirna parti mill-Imperu Ottoman. Stajna ġejna maħkuma mill-forzi Nażi-Faxxisti. Stajna, imma ma ġejniex. U dan seħħ għal numru, elenku twil, ta’ raġunijiet. Imma dak huwa l-każ. F’dan il-pajjiż għad hemm dan l-għarfien storiku f’din il-memorja kollettiva u komplessiva. Ma tistax tipprova timponi dak li huwa kuntrarju għaliha u l-poplu, f’dan, ma nbidilx. Il-messaġġ ta’ diversi lejn iż-żewġ partiti, b’mod ftit iktar lil dak fil-gvern illum, minn dawk li ma jridux jieħdu sehem u qed jiddikjaraw li ser jastjenu mill-vot huwa proprju minħabba f’dan kollu. Din is-sezzjoni tal-poplu, li tidher li trid tkompli tikber, qed tiddikjara li għal xi raġuni jew oħra ma tħosshiex rappreżentata. Qed tgħid li dan mhuwiex l-Istat li trid, u tippretendi li l-affarijiet għandhom isiru kompletament differenti. Forsi f’dan huwa iktar ċar li ħadd m’huwa, jew irid jisma’ dak li dawn qegħdin, direttament jew indirettament, jgħidulna.

X’jiġi l-ewwel

6. F’dan, għalhekk, hemm dejjem il-bilanċi legali u politiċi li jridu jsiru f’kull Stat modern. Dawk li jagħżlu bejn il-governabilità ta’ pajjiż u d-demokrazija tiegħu. Jagħraf jekk huwiex jagħti piż iktar lil tal-ewwel, a skapitu tat-tieni. Iżid f’miżuri li jsaħħu lil min imexxi, “l-Uffiċċju tal-Prim Ministru”, inkella li jkun hemm iktar ftuħ biex jinstemgħu u jitwettqu aktar il-vuċijiet tal-poplu. F’dan, kif sejrin fil-preżent, il-governabilità qegħda tafferma ruħha mingħajr ma ssib kuntrasti veri. Dan, aktar u aktar fid-dawl tal-eventi li rajna, u li qegħdin naraw, ta’ din is-sena. B’serje ta’ punti li waħedhom, għal rashom, huma serji ħafna, u f’daqqa ferm u ferm aktar. Flok ċaqliq ’il quddiem lejn riforma, għandna aktar mill-istess li kellna qabel.

Dak li rajna

7. Għax rajna, f’dan, l-ewwel: il-kwistjoni tat-tberbiq pubbliku fil-bejgħ tal-Isptarijiet tagħna; it-tieni: il-kwistjoni tal-emenda li ppruvat iddaħħal l-abort f’pajjiżna; it-tielet: in-nuqqas ta’ preparazzjoni fid-distribuzzjoni tad-dawl fl-eqqel tas-sħana; ir-raba’: il-każ dwar l-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, u issa, fil-ħames: il-kwistjoni dwar l-abbuż mis-sistema ta’ kif ingħataw benefiċċji soċjali li xi wħud. Proprju għalhekk li l-pajjiż għandu dritt, f’dawn il-jiem twal, jistaqsi jekk huwiex ser jinbidel xi ħaġa. Jew aħjar, jekk hemmx prospett li ser jinbidel xi ħaġa. Jew jekk hux kollox ser jibqa’ immobbli. Fejn kull min huwa fil-poter irid jirrepeti l-istess bħalma għamlu oħrajn fi żminijiet u mumenti kompletament differenti. Mhumhiex biżżejjed iktar proġetti, jew iktar preżenza fl-inawgurazzjoni jew ftuħ ta’ xi ħaġa jew oħra. Il-pajjiż qiegħed jitlob kontenut politiku aqwa.

Fejn ser immorru

8. F’dan, għalhekk, il-pajjiż qiegħed jistaqsi lilu nnifsu jekk kemm-il darba huwiex ser jimxi ’l quddiem jew jibqa’ fejn hu, sejjer lura. Jistaqsi jekk huwiex ser jara iktar każijiet gravi quddiemu. Jistaqsi x’passi ser jittieħdu biex tinqabad triq differenti. Inkella huwiex diġà rassenjat li dan ma jistax iseħħ illum, u jrid jistenna mingħajr ma jieħu sehem bil-vot tiegħu. Jibqa’ lura fil-ħsieb tiegħu li l-parteċipazzjoni personali ser tkun, fil-fatt, kollaborazzjoni f’dak li huwa żbaljat. Is-sajf issoltu jġib miegħu ideat ġodda. Iġib ħeġġa akbar biex wieħed jaħdem għall-bidla. Jekk dan huwiex ser iseħħ għad irridu naraw, imma fl-aħħar tal-ġurnata l-poplu ser ikejjel u jqis jekk aħniex niżlin iktar ’l isfel jew aħniex, b’xi mod, telgħin ’il fuq.

6.9.23

STORJA TA' BNIEDEM

1. F’diversi mumenti tal-ħajja tiltaqa’ ma’ bnedmin ġodda għalik. Uħud minnhom miegħek jew inti magħhom. Oħrajn diġà ġew imsejħa għal dinja aħjar minn tagħna. U magħhom hemm ħafna x’tifhem u titgħallem. Fatti ġodda, impostazzjonijiet differenti fuq suġġetti li taħseb li taf. Sitwazzjonijiet u pożizzjonijiet politiċi u ekonomiċi li tkun qrajt f’kitbet oħrajn u ssibhom meħuda minn angoli differenti. Dawk forsi inqas oġġettivi u ftit aktar suġġettivi. Biċċiet li, fir-realtà, joħorġu ’l barra bħala tastieri sbieħ u informattivi ta’ dak li bnedmin oħra jkunu għaddew minnu. Dak li, direttament jew indirettament, mhux biss affettwa lilhom imma wkoll lil persuni oħra.

Proċess neċessarju

2. Kull min huwa attiv fil-ħajja, f’dan il-proċess għandu x’jiggwadanja biex jifhem aktar. Jifhem aktar mhux biss kif ġiebu ruħhom oħrajn skont dak li kienu qegħdin jaraw, imma anki lilu nnifsu. Jifhem, ħafna drabi, f’dak li jseħħ waqt li wieħed ikun qed jaqra, li mingħajr ma jrid jidħol fiż-żraben tar-rakkonti ta’ oħrajn u jgħarbel lilu nnifsu f’kif kien kieku jġib ruħu. Mill-esperjenza, kull persuna li tagħmel dan tikber mhux biss magħha nnifisha, imma aktar biex tkun strument biex twettaq il-ġid lill-oħrajn. Il-qari fih wisq benefiċċji li s-soċjetà mhux dejjem tapprezza, jew tkun lesta li tkun promotur tiegħu. Biss f’dan ngħid li, ċertament, min irid jikber bħala persuna, jew aktar, dawk li jridu jieħdu l-politika bis-serjetà, għandhom dmir li jaqraw kitbet oħrajn biex jifhmu ferm iktar dak li jidher minn barra u li hu mistur minn ġewwa. Mhux biss, imma jifhmu aktar li hemm passi li jistgħu jittieħdu, u anzi, għandhom jittieħdu sabiex l-affarijiet ikunu ferm aħjar milli huma.

Memorji

3. Missejt aktar ma’ dan fi ktieb voluminuż ħafna imma mimli sens u sustanza, pubblikat fl-1991 bit-titlu sempliċi u dirett Memorie 1943-1970. Fih hemm miġbura numru ta’ memorji ta’ politiku li forsi llum ħafna nsewh, Mariano Rumor (1915-1990). Kien politiku attiv ħafna fi ħdan id-Demokrazija Kristjana. Persuna li beda l-karriera tiegħu jaħdem fi ħdan il-partit u żviluppa, pass pass, ħafna drabi kontra r-rieda espressa tiegħu, ’il fuq. Okkupa karigi importanti, sija bħala Segretarju Ġenerali tal-partit bejn l-1964 u l-1969, kif ukoll bħala ministru, fosthom ukoll tal-Affarijiet Barranin bejn l-1974 u l-1976, u darbtejn fil-kariga ta’ Prim Ministru tal-pajjiż. Imwieled fil-belt sabiħa ta’ Vicenza, baqa’ ħajtu kollha dedikat sabiex iwettaq il-ġid lill-poplu li għażlu u sostnieh fid-diversi inizjattivi, l-iktar dawk soċjali, li huwa qabad. Bniedem attiv intellettwalment, imma aktar minn hekk, kapaċi jifhem il-pożizzjonijiet politiċi u jieħu l-passi neċessarji għalihom.

Ta’ ispirazzjoni

4. Nammetti li tul dawn il-ġimgħat li minn ħin għal ħin kont qiegħed naqrah, sibtu fonti ta’ żewġ punti: ideat u spjegazzjoni dwar x’ġara u wkoll x’jista’ jiġri. Kien parti minn ġenerazzjoni ġdida ta’ Demokratiċi-Kristjani, fis-sens li wara l-Gwerra kien hemm taħlita ta’ deputati bejn dawk li kienu qabel fil-Partit Popolari Taljan immexxi minn Don Luigi Sturzo u Alcide De Gasperi u l-ġodda. Kien, f’dan, dak li ried imexxi dejjem iktar ’il quddiem il-partit, fl-għarfien li jekk dan ma jifhimx ir-realtà ta’ madwaru kien se jispiċċa jieqaf. Kif jgħid tajjeb hu, isib ruħu fil-“pietrificazione”. Proprju għalhekk li għaraf li għandu jingħaqad ma’ oħrajn f’dak li semmew bħala “Iniziative democratica”. Dik li, abbażi tagħha, il-partit mar fl-irkejjen kollha tas-soċjetà u tal-pajjiż biex jifhem ir-realtà li qiegħed jaħdem fiha. Kif jingħad: “... aveva concepito un partito che vive e si espande nella misura in cui è in se stesso organizzato ed efficiente, crea raccordi con la società con la società, ne interpreta le esigenze.” (Kien ħaseb f’partit ħaj li jikber fil-qies, li huwa organizzat u effiċjenti, li joħloq rapport dirett mas-soċjetà u jinterpreta l-bżonnijiet tiegħu.)

Bniedem taċ-Ċentru

5. Waqt li taqra dawn il-ġabriet ta’ memorji tifhem aktar mhux biss il-bniedem fih innifsu, imma dak li kien għaddej fil-partit. Fl-ideat, fl-inizjattivi u fil-kurrenti ta’ ħsieb li permezz tagħhom id-Demokrazija Kristjana baqgħet, u ngħid, sa ħafna punti għadha, rilevanti fis-soċjetà. Kien persuna li moħħu kien ċar ħafna. Dirett lejn il-problemi u fl-għarfien tal-isfidi interni u esterni tas-soċjetà. Kapaċi jifhem sew lill-bnedmin ta’ madwaru imma, minn kitbietu, żamm dejjem onestà kbira fil-mod ta’ kif kien iġib ruħu magħhom u fl-użu tal-informazzjoni li ġiet għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-ktieb huwa mimli b’analiżi ta’ sitwazzjonijiet varji, ibda mill-pożizzjoni bejn Alcide De Gasperi u Giuseppe Dossetti, u wara f’dawk li żviluppaw ma’ Amintore Fanfani, Aldo Moro, Giulio Andreotti u Arnaldo Forlani. Jissemmew varjetà ta’ bnedmin u, fil-maġġor parti, l-analiżi tiegħu hija preċiża u diretta. Proprju għalhekk li kien kapaċi jmexxi u jkun interpreti ta’ inizjattivi soċjali u politiċi uniċi.

Bniedem sod


6. Kif jiddeskrivih tajjeb l-istoriku, u aktar tard senatur Gabriele De Rosa (1917-2009), kien: “Uomo di centro, non amava i salti come non amava gli immobilismi, aveva una conoscenza quanto mai profonda della complessità del suo partito, ne conosceva i suoi linguaggi correntizi, come delicate meccanismi gestionali. Al momento opportuno sapeva parlare franco e tagliare corto con le discussioni. Non perdeva mai d’occhio i vari livelli nei quali muoveva questa società in trasformazione, credette fino a che gli fu possibile, alla stessa maniera di Moro, che fosse possibile costruire ancora una valida dialettica attorno al centrismo.” (Kien bniedem taċ-ċentru li ma kienx iħobb il-kutrumbajsi, ma kienx iħobb l-immobiliżmu. Kellu għarfien profond tal-kumplessità tal-partit; kellu għarfien tal-lingwaġġ użat, bħal mekkaniżmi delikati tat-tħaddim tiegħu. Fil-mument opportun kien kapaċi u jaf jitkellem b’mod miftuħ u jaqta’ d-diskussjoni. Ma kienx jitlef minn taħt għajnejh dak li kien għaddej fis-soċjetà li kienet qed tinbidel, emmen kemm seta’, bħal Moro, li hemm djalettika fiċ-ċentru.)

Joħroġ ċar

7. Fil-qari voluminuż ta’ dawn il-memorji, joħorġu b’mod ċar ħafna dawn il-kwalitajiet. Jitkellem b’mod miftuħ u jispjega xenarji li qabel ma kontx sibt. Huwa, fil-fatt, minjiera ta’ informazzjoni, ibda minn dak ta’ ġewwa l-partit, kif ukoll f’dak li wassal għall-elezzjoni tal-Presidenti tar-Repubblika Taljani Giovanni Gronchi (1887-1978), Antonio Segni (1891-1972) u Giuseppe Saragat (1898-1988). Bniedem kapaċi jifhem u jaġixxi biex juri biċ-ċar li l-Istat, il-partit qegħdin id f’id maċ-ċittadin. Ma kienx faċli għalih, iktar u iktar fil-kumplikazzjonijiet li sab ruħu nvolut fihom, imma iktar fil-kompożizzjoni ta’ koalizzjoni ċentru-xellug mas-Soċjalisti maqsuma. Għadda minn ħafna, imma rriforma b’saħħa l-istat soċjali, is-sistema edukattiva, kif ukoll assigura, permezz ta’ Carlo Donat-Cattin (1919-1991), l-istatut tal-ħaddiem. Kellu wkoll min kien grat lejh, u min inqas.

Gratitudni

8. Kif kien qal lejn l-aħħar ta’ ħajtu, li bil-permess tagħkom ser inħalliha kif inhi: “Nella cattiva sorte si fanno i bilanci, tristi ma i più veri. Si contano gli amici veri ed i nemici camuffati, i generosi e gli egoisti, gli idealisti e i cinici, i coraggiosi e gli opportunisti. Son non molti i primi, una moltitudine gli altri. E allo stringere del ragionamento, si conclude che dalla scelta politica si può attendere molto; soddisfazioni e delusioni. Non la gratitudine, che non ti viene da quelle cose fai, ma dall’animo di chi riceve.” Il-ktieb huwa mill-iktar informattiv, u min għandu l-paċenzja, bħali, li jaqrah nassigurah li ma jiddispjaċihx. Minnu toħroġ ċara l-istorja ta’ bniedem li ħadem u ddedika ħajtu għall-oħrajn. Bniedem fis-sagrifiċċju sħiħ tiegħu nnifsu, li għamel ġid kbir lil pajjiżu u lill-Partit Demokratiku Kristjan.


5.9.23

PAJJIŻ LI TILEF IL-KONTROLL

1. Il-bnedmin, ċertament, mhumiex magni. Għaldaqstant mhumiex perfetti, għalkemm però jaspiraw lejn il-perfezzjoni. Biss, f’sekli ta’ eżistenza, il-persuni jgħixu aħjar meta jkunu qed iwettqu dan fl-ordni, u mhux fin-nuqqas tiegħu. Il-liġijiet li l-bniedem ifassal u jġib fis-seħħ, ħafna drabi jsiru biex jirregolaw dak li jkun hemm il-bżonn li jiġi regolat. Meta, minflok, dan ma jsirx, il-pożizzjoni tmur lura. Is-soċjetà ma tibqax dik li tkun. Titlef mis-sabiħ tagħha u tippermetti li jkollha d-dħul tal-kaos, li miegħu ma jġibx ġid. Anzi, aktar minn dan, iwelled f’xi wħud il-ħsieb li biex jgħixu jridu huma wkoll jittolleraw il-ħażen u d-diżordni soċjali.

Kull poplu


2. Meta taqra fil-kotba tal-istorja tifhem iktar kemm dan huwa punt essenzjali għall-bniedem. Kemm minkejja li jkun hemm min jista’ fuq punt jew ieħor ma jaqbilx, il-maġġor parti tas-soċjetà tippreferi li tgħix fl-ordni. Mhux biss dan, imma soċjetajiet li jirnexxilhom, bl-għajnuna ta’ kull persuna li jkollhom dan l-ordni, iġibu r-rispett tal-oħrajn. Id-dinja tħares lejn min huwa organizzat, attent, u fl-istess ħin uman fil-mod ta’ kif jibni l-istrutturi soċjali tiegħu. Ta’ kif stat demokratiku jikber u jkompli jaħdem sabiex jiżviluppa ’l quddiem, u fl-istess ħin, jippermetti liċ-ċittadini tiegħu jimxu lejn ħajja aħjar. Waħda li almenu jistgħu jieħdu pjaċir jgħixu fiha.

Meta jintilef dan


3. Fil-ħsieb li hija l-libertà assoluta li hija dik li, fl-aħħar mill-aħħar, tirregola ’l-bnedmin, l-esperjenza turi li jekk ma tkunx marbuta mar-responsabbiltà, din żbalji twettaq. Kull min ifittex li jgħix sew f’komunità jagħraf li hemm id-drittijiet, imma għandu jagħraf ukoll li hemm id-dmirijiet. Waħda timxi ma’ oħra, u anzi d-dmir huwa aqwa għal soċjetà li trid tkun aktar ġusta u tajba għal dawk li jgħixu fiha. Kull persuna għandu d-dmir li ma jabbużax minn dak li ngħatalu. Għandu dmir jużah għall-ġid tal-oħrajn u fi ħdan eżistenza ma’ bnedmin oħra. Kif dan jiġi mitluq, jew meta min qiegħed imexxi jippermetti dan, sija fil-ħidma tiegħu, kif ukoll fil-liġijiet li huwa stess idaħħal, iġib konsegwenzi xejn tajba.

Dak li għaddejjin minnu

4. F’dak li, jum wara jum, qegħdin nisimgħu bih fl-aħbarijiet u f’dak li qegħdin naraw madwarna, huwa iktar ċar li dan huwa proprju dak li għaddejjin minnu llum. Is-soċjetà tagħna f’dawn il-gżejjer li qed nippruvaw ngħixu fihom qed tara li l-ordni mhix proprju fl-ogħla prijorità tal-Gvern. F’dawn l-aħħar żewġ leġislaturi ġie żarmat dak li kien hemm jaħdem qabel. Strutturi u istituzzjonijiet li forsi ma kinux perfetti, iżda li almenu kellhom fl-aġenda tagħhom iż-żamma tal-ordni u r-rispett lejn il-liġijiet spiċċaw tnaqqrulhom il-poteri u d-direzzjoni. Ma baqax importanti li wieħed ikun rett u attent fl-onestà, fil-verità. Minflok sar importanti li kull regola tinbidel, tiġi mdawwra jew mhux osservata għal dak u għall-ieħor.

Wara snin

5. Wara dawn l-għaxar snin, fil-preżent qegħdin immissu mar-riżultat tal-iżbalji passati. Qed naraw li l-politika li ġiet addottata mill-Gvern Laburista f’dan ġibitna fejn aħna. Min, barra minn xtutna jaqra, jew isir jaf li tlifna l-kontroll fuq in-numru ta’ persuni li hawn fil-pajjiż, li l-iskart li qed nipproduċu b’daqshekk aktar kwantità m’aħniex kapaċi niġbruh, kif id-delinkwenza iktar organizzata kibret, kif ir-reklam tagħna barra huwa ta’ post fejn tiddeverti b’iktar xorb u droga ma tantx għadu jarana bl-istess mod kif kien jarana qabel. Tħoss u tara kif pajjiż li ħdimna tant għalih qiegħed jitħalla jmur daqshekk lura. Imur lura proprju minn min kien jikkritika kemm, suppost, l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb qabel!

Seta’ kompla


6. F’dan, seta’ kompla b’aktar għaqal biex jibni fuq dak li kien sab. Seta’ kabbar, saħħaħ, imma dan billi kien iżomm l-ordni bħala għolja fil-prijoritajiet tiegħu. Regola ċara ħafna għal diversi li kif iddaħħal it-taħwid wara dak issib, kif bħal meta żżomm l-ordni, wara l-ordni ssib. Illum għandna esperjenza politika u memorja kollettiva tajba li tgħin biex nifhmu li hemm bilanċ u arti ta’ kif iġġib dan. M’hemmx bżonn li tkun fi stat dittatorjali, jew li tieħu linji assolutament riġidi biex iżżomm l-ordni. Anqas, ċertament, m’għandek titlaq ir-riedni minn idejk għax taħseb li b’daqshekk il-bnedmin mhux ser jabbużaw. L-esperjenza turi li fejn ma jkunx hemm kontroll, ikun hemm oħrajn li jieħdu l-okkażjoni u jaħtfu r-riedni tad-diżordni f’idejhom.

Ma jixraqx

7. Ma jixraqx li pajjiżna jiġi fil-pożizzjoni li jinsab fiha. Nieżel lura, u l-bnedmin fih mhumiex ferħanin wisq b’dak li huwa għaddej. L-istat preżenti tagħna tul dan is-sajf jikkonferma li niżlin iktar ’l isfel u mhux telgħin ’il fuq. Forsi issa l-Gvern beda jirrikonoxxi li għandu problema li ġieb hu stess. Imma s’issa għadu mhuwiex jiddikjara kif ser jaġixxi sabiex iġib lura dak li diġà ntilef. Jekk ma jkunx hemm programm li bih jiġi żarmat lura dak li ġie mibni b’mod żbaljat m’aħniex ser nimxu ’l quddiem, imma se mmorru iktar lura. Il-pajjiż, dan diġà qiegħed iħossu, u qiegħed jibgħat il-messaġġi tiegħu l-iktar f’dawk li qed jirrifjutaw li jipparteċipaw u jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin.

Wisq

8. Fil-11 ta’ Lulju ta’ dan is-sajf, l-istatistika wriet li f’sena żdidna b’4.2% fil-popolazzjoni, u li 83% minnhom huma persuni li mhumiex ċittadini Ewropej. Barra minn dan, konna l-inqas li kellna twelid. Uffiċjalment ninsabu popolazzjoni ta’ 542,051, imma fil-verità ma nafux verament kemm aħna. Nafu biss li hawn ħafna persuni li nġiebu f’pajjiżna bil-ħsieb li ser isibu xogħol li s-suq mhux neċessarjament kellu bżonnhom, jew jekk humiex neċessarjament qegħdin jaħdmu. Qed naraw ferm iktar li qed jgħixu b’diffikultajiet u fil-faqar, u aktar li qed jiġu mbuttati f’idejn id-delinkwenza u l-kriminalità. Qed naraw iktar sfruttament, u fl-istess ħin nagħrfu li m’hemmx kontroll. Pajjiżna qiegħed jimxi, pass pass, lejn pożizzjoni li ma tistax tiġi regolata aktar.

Bidliet

9. F’dan kollu huwa bl-aktar mod ċar li hemm bżonn ta’ iktar tibdiliet. Hemm bżonn li jittieħdu iktar passi li permezz tagħhom jinġiebu l-ordni u l-kontroll. Jekk dan ma jsirx ser nibqgħu, sena wara sena, inżidu fil-problemi li jġibu l-kaos soċjali. Il-pożizzjoni hija serja ħafna. Għal diversi oħra hija wkoll allarmanti. F’dan, proprju hemm bżonn bidliet qawwija li jridu jibdew isiru kemm jista’ jkun malajr. Aktar ma ndumu aktar agħar, u kull ma nkunu nistgħu nkomplu ngħidu jkun li l-paj
jiż kompla jitlef iktar il-kontroll.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...