27.2.12

Il-konferma tal-Kap


1.    Kien pass dovut li l-Kap tal-partit jerġa’ jqiegħed lilu nnifsu lura għall-approvazzjoni tal-Kunsilliera tal-partit.  Kif kien spjega huwa stess bl-iktar mod ċar fl-aħħar Kunsill Ġenerali, ried jagħti kull opportunità sabiex il-proċess demokratiku jsir.  Il-proċess li permezz tiegħu, kull min b’xi mod ma jaqbilx miegħu, jkun jista’ jikkontestah.  Kien hemm min ipprova jnaqqas mill-valur ta’ dan kollu.  Kien hemm min ċekknu għal raġunijiet differenti, però fuq in-naħa l-oħra kien ikun hemm iktar kritika li kieku dan kollu ma sarx.  Bħal pajjiżi oħra, minn fostna l-ipokrezija u s-segwaċi tal-partit trasversali tal-għira, ma jonqsux.

2.    Ħalla t-triq miftuħa sabiex dawk kollha li tul din il-leġislatura ma qablux miegħu, issa setgħu jersqu ‘l quddiem u jgħaddu għall-fatti.  Għax irid jingħad li tul din il-leġislatura ma naqsux dawk li mal-inqas tingiża, vera jew apparenti, kienu jidħlu jiġru jesprimu ruħhom mod jew ieħor.  Kull sena, mill-bidunett rajna ħafna li ntilfu f’din it-triq, jgħidu dak li forsi anqas jemmnu fih jew li huwa evidenti li m’għandu ebda forma ta’ verità.  Biss, issa dawk kollha li b’xi mod kienu kontestaturi ta’ linja politika jew ta’ tmexxija ta’ partit, setgħu jersqu ’l quddiem.  Joħorġu għonqhom skont il-valuri tal-irġulija u jikkontestaw b’alternattiva interna.

3.    Din kienet opportunità unika li ħadd ma ħa.  Opportunità li ebda kap ieħor qatt ma ta lil min ikkontestah, u dan f’ebda partit.  Għalhekk huwa illum iktar u iktar għad-dawl tax-xemx li min qabel resaq ‘il quddiem kontrih, illum qiegħed bil-fatti jaċċettah bħala l-persuna li kapaċi jmexxi ‘l quddiem.  Min jaf sew lil dan il-partit, żgur jaf li ebda Kap tal-partit, wisq u wisq inqas Lawrence Gonzi ma ried, jew irid, jew jippretendi li kull min qiegħed miegħu jaqbel perfettament u ma jgħidx il-kontra, però hemm linja interna fil-partit ta’ kif din issir.  Saret qabel u tibqa’ ssir minn dawk li jridu l-ġid lil dan il-partit, għax jemmnu fih li kapaċi jibdel, jirriforma u jwassal il-ġustizzja soċjali tagħna fejn għandu jwassalha.

4.    Il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar snin minn meta kien fl-Oppożizzjoni sallum, kellu dejjem kurrenti ta’ ħsieb fuq suġġetti varji li kien kapaċi jiddiskuti fit-tul u fil-fond fi ħdanu.  Bil-kalma, bl-irġulija u bl-għarfien li ladarba nieħdu deċiżjoni nkunu lkoll marbutin biha u niddefenduha.  Partit politiku jaħdem b’dan il-mod.  Dan huwa l-vantaġġ tad-demokrazija li jkollha fi ħdanha persuni liberi li jidħlu għall-piż u responsabbiltà li jipparteċipaw u jmexxu ‘l quddiem għall-ġid komuni.  Ma nafx min jista’ jippretendi l-kontra, sakemm ma nkissrux kompletament is-sistema politika li baqgħet taħdem u mmorru għal dik anarkika, fejn kull membru huwa għal rasu.  Il-poplu sa issa jivvota għall-persuni fi ħdan il-partit u mhux għal varjetà ta’ persuni li kull wieħed jiġi jirrappreżenta partit għalih innifsu.

5.    Lawrence Gonzi ra sew ma’ wiċċu.  Kien kemm kampanji varji kontra tiegħu.  Uħud jidhru, oħrajn mhux tant, sakemm ma tkunx taf sew il-persuni varji.  Dawn kollha rnexxilu jissuperahom.  Irnexxilu jkompli jżomm it-tmun, id-direzzjoni t-tajba tal-partit u tal-pajjiż.  Nixtieq inkun naf min kien ikun kapaċi jmexxi ’l quddiem b’dan kollu, f’dan il-baħar imqalleb li f’ebda mument ma juri li ser inaqqas.  Biss, dawk li jafuh jirrikonoxxu li l-paċenzja u l-preparazzjoni li jissaporti fit-tul huma parti sħiħa mill-karattru tiegħu.  Servewh tajjeb fil-kamp politiku.  Jum wara jum rajtu direttament iżomm lura.  Nifhmu, għax anke jien mhux nieqes minn dawn, però nistqarr li għandu dożi ferm iktar qawwija minn tiegħi.

6.    Dan l-appuntament huwa illum superat.  Għadda, u issa qiegħed warajna.  Inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu naħdmu għall-ġid tal-pajjiż tagħna.  Dan ma jfissirx li mhux ser naraw iktar problemi, kumplikazzjonijiet varji, anzi nistgħu  nipprevedu li l-kurrenti ser jiżdiedu.  Biss, żgur mhux forsi f’dan kollu l-poplu ser jirrikonoxxi li, minkejja kollox, Lawrence Gonzi kapaċi jeħodhom, jaffrontahom u, biċċa biċċa, jissuperahom.  Il-bnedmin ta’ rieda tajba persuna ta’ valur iridu biex tmexxihom ‘il quddiem.  Kap ta’ partit li jibqa’ jħares ‘il quddiem u jaħdem għas-sewwa.  Prim Ministru li jibqa’ jistinka biex jassigura l-paċi, l-istabilità, il-progress u l-ġustizzja soċjali.

24.2.12

L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi

Nhar is-27 ta’ Jannar 2012, fil-Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat l-Avviż Legali 43 tal-2012 li permezz tiegħu nġieb fis-seħħ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kap. 516) li bih pajjiżna telaq fit-triq li jagħti u jżid l-enfasi fuq ir-riparazzjoni tal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mingħajr ma jinsa l-element tal-kastig fil-konfront ta’ min ikun wettaq u nstab ħati ta’ reat.

Il-mira prinċipali tal-liġi żgur li mhix dik li tara persuni kkundannati jinħelsu qabel iż-żmien, iżda li tassigura li min qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jingħata l-possibilità, dejjem jekk hu jrid, li jirriforma ruħu.  Għalhekk il-Gvern mexa sabiex f’din il-liġi jkun hemm strutturi u mekkaniżmi differenti minn dawk li kienu jeżistu s’issa - miżuri li jibnu lilhom infushom fuq il-fus li l-parole, ir-remissjoni u l-possibilità ta’ maħfra Presidenzjali jitilqu minn fuq żewġ punti: l-ewwel, li min qiegħed fil-Faċilità jrid jirriforma ruħu; u t-tieni, li l-vittma tar-reat hija kkunsidrata, infurmata u tipparteċipa b’dan.

Il-proċess li wassal għall-pubblikazzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi f’Jannar 2011 bħala abbozz ta’ liġi, u f’Diċembru bħala Att approvat mill-Parlament, kien wieħed twil iżda interessanti, ugwalment siewi u indispensabbli.

Il-proċess tnieda b’mod uffiċjali fi Frar 2009 meta kienet ġiet ippubblikata l-“White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi”.  Il-proċess ta’ konsultazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-White Paper kien ta’ erba xhur, minn Frar sa Ġunju 2009. Matul dan iż-żmien Task Force li twaqqfet appożitament, immexxija mis-Sur Joe Gerada, ħadet ħsieb li żżomm laqgħat għal dawk interessati, kif ukoll evalwat il-bosta proposti u ideat li ġew sottomessi bil-posta jew bl-email. Fi tmiem dan il-proċess, it-Task Force fasslet rapport li kien ippubblikat fl-istess sena, liema rapport imbagħad serva sabiex ikun jista’ jiġi mfassal l-abbozz legali li eventwalment kien ippubblikat f’Jannar tas-sena li għaddiet.  Dan ir-rapport ukoll ġie ppubblikat u daħlu wkoll suġġerimenti u punti oħra.

Filwaqt li dan il-proċess kien bla dubju wieħed twil, dan kien essenzjali meta wieħed jikkunsidra li l-Att jinvolvi pass kbir fit-tranżizzjoni gradwali li pajjiżna qiegħed ikompli jagħmel minn sistema punittiva għal waħda riparatriċi. Din il-liġi fil-fatt qed tindroduċi l-parole, is-sistema li tipprovdi għal ħruġ kmieni, iżda b’kundizzjonijiet, mill-ħabs. Il-kundizzjonijiet japplikaw kemm sabiex wieħed jakkwista l-parole, billi jsegwi pjan ta’ kura imfassal apposta għalih mill-awtoritajiet kompetenti waqt li jkun miżmum fil-ħabs; kif ukoll billi jsegwi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Board tal-Parole biex jiġi rilaxxjat.

Qed tiġi wkoll irriformata s-sistema ta’ remissjoni li sa issa kienet tingħata lil kull priġunier sakemm dan iġib ruħu sew waqt li jkun qed jiskonta s-sentenza. L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi qed ibiddel dan sabiex jiżdiedu il-kundizzjonijiet biex wieħed jinħareġ kmieni.  Għalhekk hawn ukoll ser ikun meħtieġ minn dik il-persuna li ssegwi l-pjan ta’ kura u turi li hija tassew irriformat ruħha bis-sħiħ biex tibbenefika mir-remissjoni.

Huwa naturali li riforma radikali għal pajjiżna bħal din la setgħet titwettaq mingħajr proċess ta’ konsultazzjoni xieraq, u lanqas mingħajr ma jsiru r-riformi fid-dipartiment konċernati mas-sistema penali.

Kien għal din ir-raġuni li l-Ministeru fl-aħħar snin wettaq riformi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn tmexxew fuq rakkomandazzjonijiet li saru f’rapport minn Bord ta’ Inkjesta li kien twaqqaf biex jeżamina s-sistemi amministrattivi tal-ħabs li l-kundizzjonijet tagħhom ġew ippubblikati. L-ewwel twaqqfet sistema ġdida ta’ management, bil-ħatra ta’ managers responsabbli għas-sigurtà, l-operat u l-kura u r-reintegrazzjoni. It-tieni, inħatar Education Coordinator, u qed jkunu offruti diversi opportunitajiet edukattivi fil-Faċilità lejn il-ħidma li l-iskola li għandna taħdem aħjar. Jidher ċar li dan ix-xogħol qed iħalli riżultat, hekk kif in-numru ta’ priġunieri li jipparteċipaw f’dawn il-programmi qed jikber kostantement.

Barra minn hekk, ix-xogħol jinsab għaddej bi preparazzjoni għal dak li ġiebet il-Liġi sabiex isir Pjan ta’ Kura għal kull priġunier, liema pjan ser ikun eventwalment eżaminat u approvat mill-Offender Assessment Board, wieħed mill-bordijiet ġodda li se jinħatar skond l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.

Din il-ħidma kienet akkumpanjata minn riforma oħra fi ħdan id-Dipartiment ġdid tal-Probation u l-Parole li nqata’ mill-istruttura amministrattiva tal-ħabs u issa għandu Direttur tiegħu. Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi dan id-Dipartiment ser jibda jagħmel ukoll il-monitoraġġ ta’ dawk il-persuni li jingħataw il-parole. Minbarra li żdied l-ammont ta’ uffiċjali tal-probation fid-Dipartiment, fl-aħħar xhur ukoll, numru ta’ Probation Officers ġew f’ kuntatt dirett ma’ dan u rċevew taħriġ barra minn pajjiżna. Aktar ‘il quddiem dan id-Dipartiment ser ikollu wkoll fi ħdanu l-Unità għas-Support lill-Vittmi, li ser jagħti dimensjonijet ġodda f’din il-ħidma.

Filwaqt li diġà sar ħafna xogħol bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, għad baqa xi jsir.  Il-Gvern għażel li jimxi b’attenzjoni fir-rigward ta’ din il-liġi. Għalkemm in-nuqqas tagħha fis-sistema legali tagħna kien jinħass, l-ewwel prijorità tal-Gvern kienet li ssir liġi li filwaqt li toffri opportunità oħra lill-priġunieri din, fl-istess ħin,  tkun opportunità aċċessibli miftuħa biss għal min jaħdem għaliha.

Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ser nidħlu fil-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ din il-liġi li ser isseħħ fuq medda ta’ żmien. Dan sabiex il-Gvern ikompli jwaqqaf l-istrutturi addizzjonali li huma meħtieġa, kif ukoll sabiex ikun żgurat li dawn l-istrutturi qegħdin jiffunzjonaw tajjeb f’dan ix-xogħol ġdid.

Il-prinċipji li jibnu dawn id-disposizzjonijiet legali jagħtu opportunità lil dik il-persuna li żbaljat f’ħajjitha li tibdel triqtha.  Mhux biss, imma tipprovdilha mezz ta’ riforma u fl-istess ħin ħlas lura lejn is-soċjeta’ sabiex isewwi, tagħmel tajjeb għal ħsara li wettqet.  Dawn huma miżuri li juru li aħna soċjetà li tħares lejn strutturi adegwati għaż-żminijiet tallum.  Passi ‘l quddiem li jagħmluna aħjar milli konna.  Nittama li l-Liġi tiġi mħaddma b’mod li nieħdu benefiċċju aktar għal soċjetà li tnaqqas id-delinkwenza u tirriforma.

22.2.12

Kif qed titħaddem il-politika

1.    Tul din il-ġimgħa bdiet tikkarga l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.  Kull partit issa ddikjara diġà min ser ikollu bħala kandidati fid-diversi lokalitajiet.  Hemm firxa wiesgħa sew ta’ karattri u abbiltajiet.  Kull partit daħal fil-proċess li jidentifika u jipprova jagħżel persuni li kapaċi jifhmu sew kif għandhom jaħdmu.  Hemm qabżiet fix-xewqat għal dawk li huma ġodda u għarfien aktar preċiż għal dawk li lkoll rajna jaħdmu.  Huwa ovvju li mhux faċli għal ebda bniedem li jirnexxilu jiċċomba li kandidat ser ikollu l-kapaċitajiet u l-kwalitajiet neċessarji sabiex imexxi u jipparteċipa tajjeb.

2.    Għalkemm dan l-istadju tal-proċess (kif diġà qegħdin naraw) ser ikun wieħed li huwa kkonċentrat b’temi u ħidma politika semi-nazzjonali u lokalizzati, aktar ‘il quddiem ix-xenarju għandu jinbidel.  Ma jibqax iktar forma ta’ “kamp ta’ battalja” u jsir lok ta’ koperazzjoni u użu aħjar tar-riżorsi u talenti umani.  Jekk tinbidel il-klima, il-lokalità timxi ‘l quddiem u jekk le, allura l-kumplikazzjonijiet jitkattru.  F’dawn l-aħħar tmintax-il sena rajna bidliet varji fil-ħidma u l-prijoritajiet li qed jitqegħdu mill-Kunsilli varji.  Dan għax f’dawn is-snin, il-politika tal-Gvern Ċentrali kienet dejjem favur żidiet fil-poteri u fl-allokazzjoni finanzjarja.  Għalhekk saru diversi passi li llum huma passat li fuqu qed jinbnew ħwejjeġ oħra.   

3.    Fir-realtà nafu li dan seta’ jsir minħabba t-tip ta’ persuni li jiġu magħżula mill-elettorat tagħna.  Elettorat li huwa differenti minn dak tal-Elezzjonijiet Ġenerali.  Wieħed li jħares iktar direttament lejn min kien kapaċi u min jista’ jkun hekk.  Wara dan hemm diversi rabtiet tal-familja, tal-baned, tal-parroċċi, taż-żoni varji, kif ukoll ta’ għaqdiet sportivi, soċjali u kulturali.  L-ingredjenti ta’ Kunsill tajjeb jiddependu ħafna minn dan l-għarbiel elettorali.  Għax l-esperjenza passata uriet li l-Kunsilliera, huma ta’ liema partit huma, jaħdmu u jimxu ‘l quddiem meta jkun hemm bnedmin li għandhom ir-rieda t-tajba u m’għandhomx moħħhom infaxxat bil-politika partiġġjana.

4.    Dawn il-Kunsilli, barra dak ta’ Tas-Sliema, qed igawdu mill-emendi l-ġodda li saru tul din il-leġislatura, li permezz tagħhom it-terminu taż-żmien ta’ Kunsill tela’ ‘l fuq għal erba’ snin.  Naħseb li dan kien pass tajjeb f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel, għax il-Kunsilliera kellhom quddiemhom perjodu itwal li fih setgħu jaħdmu u jippjanaw ‘il quddiem; u t-tieni, għax naqas drastikament il-konflitt politiku f’kull sena fuq livell nazzjonali.  Fis-snin li għaddew kellna wisq politika għaddejja l-ħin kollu.  Kull sena elezzjonijiet.  Kull darba preparazzjoni, spejjeż u analiżijiet varji.  Ebda partit ma seta’ jibqa’ sejjer hekk u kien hemm bżonn ta’ dan il-perjodu ta’ riflessjoni.

5.    F’dawn is-snin, il-Partit Nazzjonalista assigura li jmexxi ‘l quddiem diversi tibdiliet li permezz tagħhom irfinajna u ssudajna l-Kunsilli.  Permezz ta’ dawn il-passi, kull darba urejna li dawn huma għal qalbna.  Inħarsu lejhom sabiex jirnexxu u mhux ifallu, anke jekk il-Kunsill ma jkunx immexxi minna.  Għalija huwa żball politiku u amministrattiv li l-Kunsilli jinħakmu u jitilfu d-direzzjoni vera tagħhom.  Għax hemm, sfortunatament, min jispiċċa jużahom għal raġunijiet purament politiċi u jkunu mekkaniżmi ta’ propaganda jew personali jew tal-partit.  Hemm il-Kunsill jitlef mill-melħ u s-sustanza li huwa mwelled bil-liġi għalih.

6.    F’dawn il-ġimgħat rajna, sfortunatament, il-Kap tal-Oppożizzjoni jerġa’ jmur lura għall-istess forma ta’ kampanja elettorali li kellna snin ilu.  Dawk li huma “tiegħu” mod, dawk li m’humiex qishom ma jeżistux.  Huwa definittivament żball li naħa jew oħra tinjora l-ħidma t-tajba li ssir mill-Kunsilliera, huwa x’inhuwa l-kredu politiku tagħhom.  Dan għax meta tiltaqa’ mal-Kunsilli varji, kif qiegħed ikolli l-opportunità li nagħmel, nara li l-maġġoranza jippruvaw u dak li jwettqu għandu effett fuq kulħadd.  Nittama li f’dan ma naħirbux mill-bżonn li nassiguraw li l-Kunsilli kollha jsegwu sew kif jamministraw il-flus li jiġu lilhom allokati u li l-Kunsilliera rispettivi jkunu ppreparati aktar f’kif il-liġi tippretendi li jagħmlu.  Għalhekk, dawk l-elezzjonijiet għandhom ikunu determinanti sabiex nassiguraw ħidma aqwa għall-ġid tal-poplu tagħna.

21.2.12

Tajjeb li nfakkru - Ħsibijiet dwar ir-rivoluzzjoni Libjana

1.    Nhar is-17 ta’ Frar tas-sena li għaddiet bdiet ir-rivoluzzjoni Libjana.  Moviment ġdid ta’ persuni li ħadu l-armi f’idejhom biex bdew gwerra ċivili.  Gwerra interna bejn bnedmin tal-istess nazzjonalità.  Konflitt li ħalla warajh eluf mejta u tifrk totali tad-diversi bliet u ġlied li, fl-aħħar tal-ġurnata wassal sabiex it-tmexxija f’dak il-poplu ma baqgħetx f’idejn il-familja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi.  Niftakarni jum qabel din id-data u l-eventi li żvolġew b’rapidità kbira appena qamu l-irwiefen kollha.  Għexna direttament dan kollu bil-problemi li ffaċċjaw huma u aħna magħhom.

2.    Għalkemm konna fin-nofs tal-kwistjoni b’żona taħtna li kienet qed tiżviluppa f’sogri kbar u b’elementi li kienu kollox barra kontrollati, il-preżenza tagħna ma kenitx waħda passiva, iżda mill-aktar attiva.  Bagħtna l-messaġġi li kellna nibgħatu fi ħdan dak l-inkwiet u t-taħwid u, fl-istess ħin, ħadna ħsieb li nċaqilqu d-dinja Ewropea sabiex tifhem aħjar dak kollu li kien qiegħed isir.  Ir-realtà tal-konflitt kibret u ġiet fid-dimensjonijiet sħaħ tagħha appena diversi Stati Ewropej u madwar id-dinja fehmu li kellhom ċittadini tagħhom maqbuda f’dak il-pajjiż, jissugraw jitilfu ħajjithom.

3.    Pajjiżna ħa ħsieb li jaġixxi tempestivament u ra li joħroġ ‘il barra minn dik l-art sija ‘l-Maltin u ‘l-Għawdxin, kif ukoll lil diversi oħrajn.  Sirna f’ħabta u sabta ċ-ċentru tas-Sammaritani t-tajba.  Ma kienet faċli assolutament xejn li torganizza volum daqshekk kbir ta’ bnedmin li sabu ruħhom hawn.  Biss, dan sar mertu tal-organizzazzjoni li rnexxielna ntellgħu malajr fil-Port, fl-ajruport u f’kull parti tal-pajjiż.  Diversi dipartimenti tal-Gvern ħadu u kellhom sehem f’dan.  Però żgur mhux forsi, ċentrali f’dan kien id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

4.    Dan id-Dipartiment ġie mwaqqaf preċiżament fl-1 ta’ Diċembru 1999 mill-Ministru Tonio Borg permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili (Kap. 411 tal-Liġijiet ta’ Malta) u, fost il-funzjonijiet tiegħu, fl-artikolu 4 għandu dawk li jħejji pjani ta’ kontinġenza f’każ ta’ xi diżastru kif ukoll dawk l-emerġenzi naturali, industrijali jew oħrajn li jistgħu jinqalgħu, biex iżomm u jġib ‘il quddiem konoxxenza pubblika dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ċivili, li jżomm u jmexxi forza ta’ għajnuna u salvataġġ u sabiex iwettaq kull funzjoni oħra li jkollha b’xi mod x’taqsam mal-protezzjoni ċivili li tista’ tiġi assenjata.  Sitwazzjonijiet varji żgur, li però ħadd ma setgħa b’xi mod jipprevedi li jkun hemm il-kriżi Libjana bil-kumplikazzjonijiet kollha tagħha.

5.    Minkejja l-imprevedibbiltà tas-sitwazzjoni, l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom xorta waħda jkunu preparati.  Sar ħafna xogħol f’setturi varji.  Kordinazzjoni ta’ materjal, preparazzjoni ta’ postijiet biex jekk hemm bżonn nilqgħu l-varjetà ta’ persuni li kien ġie mbassar lilna li ser jaslu hawn, ħidma ma’ organizzazzjonijiet oħra volontarji u preparazzjonijiet varji oħra kienu l-ordni tal-ġurnata.  Infakkar li meta bdejna, kollox kien ġie mbassar li konna ser naraw madwar mitt elf ruħ jaqsmu lejna, jaħirbu minn dak il-pajjiż.  Nassigura li dak il-ħsieb waħdu kien biċċa uġiegħ ta’ ras li għaddejt minnu b’iljieli u jiem twal, mingħajr mistrieħ.

6.    Il-konflitt f’dak il-pajjiż għadda u issa, biċċa biċċa, forsi beda joqgħod.  Aħna għaddejna minn perjodu diffiċli magħhom.  Stajna naraw l-ekonomija tagħna tmur lura, stajna tlifna fis-settur tat-turiżmu, stajna kellna Maltin u Għawdxin li tilfu ħajjithom, stajna ġejna parti mill-kunflitt, stajna niffaċċjaw kriżi umanitarja li qatt qabel ma rajna bħalha, però dan kollu għadda b’wiċċ il-ġid.  Il-pajjiż tmexxa b’intelliġenza u dan wassal sabiex l-esperjenza politika u umana tiġi msarrfa għall-ġid tagħna u tar-reġjun tal-Mediterran.  Fortunatament għalina kellna diversi persuni preparati, li ħadmu kemm felħu u li kkordinaw bejniethom.  Għalkemm għaddiet sena, nagħmlu tajjeb li niftakru minn dak li għaddejna minnu lkoll.

20.2.12

Tifkira ta' George Bonello Du Puis

Diġà għaddew erba' minn meta ħalliena n-Nutar George Bonello Du Puis.  Bniedem mimli enerġija u irġulija.  Bil-qalb kollha niftakruh.  Dejjem bit-tbissima, preparat u dedikat għall-proxxmu.  Għalkemm għaddew is-snin, xorta waħda nibqgħu nżommuh fil-memorja tagħna.

Dan huwa artikolu tiegħi li kien deher fil-ġurnal Il-Mument ftit jiem wara li ħalliena.


Kuraġġ ta’ sur                          il-mument – Il-Ħadd, 27 ta’ Frar 2010

1.    Għadni ma nistax nemmen li George Bonello du Puis ssejjaħ għal dinja aħajr.  Din l-art tilfet bniedem tad-deheb, ġeneruż u li qatt ma baqa’ lura milli jaqbeż għal min huwa l-inqas fis-soċjetà.  Għandi memorja mill-isbaħ tiegħu fil-ħidma tiegħu fil-partit.  Kien dejjem attiv, għaddej minn ħaġa għal oħra mingħajr ma jaqta’ qalbu minn xejn.  Idaħħal proġett f’rasu u jfasslu.  Jivvinta fil-kreattività pożittiva tiegħu u dlonk taraha għaddejja tagħti l-frott.  Kien jaf verament iġib in-nies jipparteċipaw warajh mingħajr tgergir, anzi bid-daħq u t-tbissima.

2.    Kull nhar ta’ Ħadd kien ikollna mass meeting  f’xi parti ta’ pajjiżna.  Dak iż-żmien la kellna radju, la kellna mezzi tax-xandir, il-gazzetti tagħna jinxtraw bil-ħabi; u allura kien hemm in-neċessità ta’ strument biex il-poplu jisma’ li hemm Oppożizzjoni soda u valida.  Kull wieħed kien jibda b’kelmtejn tiegħu sabiex min ikun ġie jikkontribwixxi għall-fondi tal-partit.  Kellu dejjem kliem ħelu, ġentili u kulħadd kien ikun qed jistennieh jgħid iċ-ċajta tas-soltu, li kienet tkun oriġinali kull darba.  Appena jitkellem dlonk tara xita ta’ flus ġejjin.   Kellu grupp ta’ persuni li kull Ħadd kellhom sassla speċjali infurrata li tinġarr minn tnejn tant kemm kienet timtela.  Ħadd ma kien jaħrab l-appell tiegħu.

3.    Is-sodisfazzjon tiegħu kien ikun proprju li jirnexxilu f’dan kollu.  U tmur meta tmur l-istamperija kont tarah bi tbissima fuqu.  Rari ħafna kien jitlef l-użu tar-raġuni, speċjalment fil-laqgħat tal-Eżekuttiv tal-partit meta mhux darba jew tnejn kien ikun hemm l-arja kkargata.  George kien dejjem raġel f’għemilu u li tista’ tiddependi minnu għax taf fejn int miegħu.  Kien iktar mimli doni milli kienu jidhru minn barra.  La kellu ksuħat u wisq u wisq inqas il-bżonn li jitlef l-użu tal-lingwa tagħna.  Tersaq lejh tħossu mimli b’imħabba għall-proxxmu u li jrid iwettaq opri tajba.

4.    George kien ċajtier għall-aħħar u ma nbidel xejn.  Minn membru tal-Oppożizzjoni għal Ministru tal-gvernijiet nazzjonalisti tal-1987 u tal-1992 baqa’ l-istess.  Mill-Oppożizzjoni kien sar jaf is-settur tan-negozju f’pajjiżna fuq ponot subgħajh.  Kellu fl-intelliġenza tiegħu kalkolu dettaljat u personali tal-potenzjal li dan jista’ jrendi lill-ekonomija tagħna.  Ta prijorità fejn kien hemm bżonn u fl-istess ħin li hu kien ċert li se tikber l-attività kummerċjali.  Tant kien jaf il-karattri u x’talenti kellhom li ħa ħsieb jimmanuvra l-ħidma tal-Istat fejn ried.  L-effett kien splużjoni qawwija li ġiebet magħha xogħol u ġid lil diversi familji Maltin.  Kellu f’qalbu l-missjoni li jgħolli lil dawk li huma taħt mingħajr ma jniżżel lil min qiegħed ‘il fuq u kien jivvinta minn kollox biex dan jitwettaq.

5.    Il-pajjiż kollu kien iħares lejh mhux bħal xi forma ta’ argużin, imma bħala persuna minn ta’ ġewwa.  Niftakru fid-diversi diskorsi tiegħu tal-Baġit.  Il-pajjiż kien jisma’ u jieħu togħma tajba.  Kien irnexxielu jistabbilixxi mudell ta’ kif il-Ministru tal-Finanzi għandu jitkellem f’dawk l-okkażjonijiet u x’kellu jkun il-kontenut tas-sustanza finanzjarja.  Iċ-ċajt hemm ma kien jonqos xejn, anzi kien juri iktar il-kunfidenza li biha kien ifassal il-pjan ekonomiku għalina.  Fl-ewwel wieħed, il-pass prinċipali kien li jnaqqas drastikament ir-rata tal-income tax.  Minn Gvern Soċjalista li kien jiġri politikament wara n-nies li kienu fin-negozju jew il-professjonisti bil-famużi ex officio ġieb, fi ftit xhur, il-kontra.  Ġieb Stat li jridek taħdem, taqla’ l-flus mingħajr kontroll bla sens u kontra r-raġuni.  F’dawk il-jiem kien ferħan sew, iktar u iktar meta beda jara li d-dħul għall-fondi pubbliċi ma marrux lura iżda akkumulaw u żdiedu sew.

6.    Kellu ammirazzjoni kbira għall-Ingliżi u ma għandix dubju li meta ġie ġustament maħtur Kummissarju Għoli tagħna Londra kien għal qalbu.  Dan, għaliex għalkemm kien jixtarr dak li jkun jiġri fid-dinja, però għal qalbu kien hemm dak li kien qiegħed isir mill-politiċi Ingliżi.  Però qatt ma kien jieħu dak li jingħad mingħajr ma jgħarblu sew u jara jekk jistax jitħaddem f’pajjiżna.  Niftakru jispjega għala f’każ ta’ bank kummerċjali li fih l-Istat kellu l-ishma, idderieġa sew li minflok dawn kellhom jinbiegħu lil ftit persuni, assigura li nixtraw mill-poplu, minn kemm jista’ jkun ċittadini.  U rnexxielu jwettaq dak li fi ftit snin ġab diversi fil-klassi tal-ħaddiema, proprjetarji ta’ dak li kien tradizzjonalment f’idejn limitati.

7.    Għandi memorji oħrajn tiegħu personali.  Sibtu diversi drabi u llum minn qalbi insellimlu.  Kien verament uniku.  Bniedem iddedikat għall-proxxmu, persuna mimlija b’kuraġġ u bl-imħabba għall-ħajja.  Il-pajjiż u l-partit huma llum telliefa.

19.2.12

Konsultazzjoni wara l-publikazzjoni tar-Rapport dwar il-Piroteknika

Il-Gvern nieda proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport li kien ikkummissjona dwar l-industrija piroteknika f'Malta.


18.2.12

Ikompli għaddej ix-xogħol fil-Parlament

Il-Kamra tad-Deputati fl-aħħar ġimgħa kompliet għaddejja bix-xogħol tagħha, tiddibatti diversi liġijiet ta' importanza nazzjonali. Din il-ħidma ser tibqa għaddejja.


17.2.12

Iż-żgħażagħ fuq quddiem fl-Kwistjoni tal-ACTA



Sfortunament, kif jiġri meta jqumu l-polemiċi, l-messaġġ ma joħroġx ċar. Ħafna vuċijiet jħawwdu l-borma u jispiċċaw jgħattu dak li huwa dirett. Mhux kullħadd fehem l-pożizzjoni tagħna. Għalhekk xtaqt nfakkar l-ewwel x’qal il-Prim Ministru u it-tieni li aħna determinati li ma ndaħlux fil-liġijiet tagħna din is-sistema jekk din tnaqqas mid-drittijiet taċ-ċittadin tagħna fl-użu tal-informazzjoni mill-internet.

Il-Prim Ministru kien iddikjara ċar u tond li huwa jemmen li għandu jkun hemm aċċess mingħajr xkiel ta’ persuna għall-Internet; id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni permezz tal-internet; u d-dritt li jiddeċiedi x’informazzjoni jikkomunika. Mhux biss imma li dawn għandhom jsiru liġi f’pajjiżna.  Għalhekk il-Prim Ministru ser iressaq liġi fil-Parlament li tiggarantixxi dawn id-drittijiet ċivili ġodda f’pajjiżna. Dan però ma jfisserx li l-liġi għandha tieqaf milli tipprovdi għal min jabbuża u jwettaq reati kriminali permezz tal-internet. 

Nieħu l-okkazzjoni sabiex infakkar li kull Gvern immexxi mill-PN kien dejjem fuq quddiem nett biex ġab hawn kull mezz teknoloġiku modern, t-tieni li kull tibdil li dan il-mezz ġdid ta’ komunikazzjoni ġab miegħu mexxiħ u għenu jikber, u dan għax għalih it-teknoloġija hija strument fl-istrateġija edukattiva, soċjali u ekonomika għall-ġid tal-poplu kollu specjalment iż-żgħażagħ. Il-fatti juru li aħna konna dejjem favur iż-żgħażagħ u dejjem mexxejna ‘l-quddiem l-aġenda tagħhom. 

Sena mill-bidu tar-rivoluzzjoni Libjana

Bħal-lum sena, bdew il-protesti li wasslu għar-rivoluzzjoni li intemmet bit-tneħħija tar-reġim tal-Kurunell Muammar Gaddafi fil-Libja. Bħal daż-żmien sena, pajjiżna kien sab ruħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni dinjija minħabba eventi li ftit wieħed seta' jipprevedi li kienu ser iseħħu.

16.2.12

Il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Imdina

Il-Kunsill Lokali tal-Imdina, għalkemm wieħed mill-iżgħar f'pajjiżna, għandu responsabilita kbira għax huwa responsabbli għal ġawhra arkitettonika u wirt nazzjonali.

It-Tieni Kardinal

1.    Għalkemm il-pajjiż kien aljenat f’affarijiet oħra, xorta waħda diversi ferħu.  Ferħu bl-aħbar li Patri Prospero Grech O.S.A. kien ser jiġi maħtur Kardinal.  Huwa mill-iktar rari u uniku li pajjiż bħal tagħna jkollu din l-għażla minn fost niesu.  Ilna sew ma jkollna Malti mgħolli ‘l fuq b’dan il-mod fi ħdan il-Knisja Kattolika.  Hija pożizzjoni prestiġjuża, però iktar minn hekk rikonoxximent ta’ abbilitajiet, għerf u intelliġenza li l-Papa minn żmien għal żmien jaħtar.  M’huwiex faċli li persuna tasal fejn dan il-Patri umli u Agostinjan wasal.

2.    Ħafna damu biex fehmu min hu sewwasew, proprju għax għamel ħajtu jaħdem u jservi ġewwa Ruma.  Biss ftakru li fit-13 ta’ Diċembru li għadda kien ġie debitament onorat mill-pajjiż bħala Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.  Kien hemm raġel twil, b’moħħ mill-iktar ċar u b’ilsien tajjeb.  Għalkemm kien maqtugħ mill-ħajja ta’ kuljum f’pajjiżna baqa’ marbut fil-qalb magħna.  Meta wieħed jaqra l-bijografija qasira tiegħu jifhem li ħajtu kienet iddedikata għat-tagħlim u l-istudju mill-iktar attent tal-punti tal-mistoqsijiet li jidwu l-ħin kollu f’qalbna u f’moħħna.

3.    Dan il-bniedem li twieled il-Birgu f’lejlet il-Milied tal-1925 iddedika l-ħin tiegħu f’din id-dinja sabiex ifittex il-verità.  Il-pass tiegħu li jidħol parti mill-ordni ta’ dawk li jsegwu lil Santu Wistin hija evidenza mill-iktar ċara li mill-1943 kien jaf x’irid.  Ta’ tmintax-il sena ngħaqad mal-Ordni Agostinjana u minn hemm qabad din il-ħajja ta’ riċerka għall-qalba ta’ dik li hija l-eżistenza umana.  Meta wieħed iqis x’tgħallem, x’għallem, fejn ġie mgħallem u fejn għallem jinduna li huwa persuna mimlija b’għerf u intelliġenza.

4.    Għalkemm il-Knisja Kattolika u dawk li jiffurmaw parti minnha jiġu mkerrħa minn uħud li ma jifhmux jew għandhom biss impressjonijiet żbaljati, ġewwa fiha hemm bnedmin kapaċi u mimlijin għerf.  Il-proċess ta’ formazzjoni li persuna ssib fi ħdan din il-familja hija għad-disposizzjoni tas-soċjetà u l-pajjiż.  Id-deċiżjonijiet it-tajba jittieħdu għax wieħed jipprepara ruħu, jitbaskat f’dak li l-Fuħħari jagħżel għalih.  Mhux kulħadd jifhem jew jirreaġixxi kif għandu quddiem dak li l-eventi tal-ħajja jippreżentawlu, imma min ikollu fi ħdanu r-riċerka lejn il-verità u l-għerf, allura jaħdem ferm aħjar u bil-kalma.


5.    Kienet deċiżjoni tajba li ż-żewġ naħat tal-Kamra tal-Rappreżentanti waslu għaliha li l-Erbgħa 8 ta’ Frar ma niltaqgħux sabiex nattendu għaċ-ċerimonja reliġjuża tal-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu.  Ċerimonja sabiħa, diretta u fl-istess ħin sempliċi.  Diversi membri parlamentari għamlu sew li ġew u raw dan il-mument uniku.  Ġew biex jaraw kif Malti bħalhom, mill-umiltà tiegħu, qiegħed jiġi onorat.  Preparat u parteċipant f’diversi pożizzjonijiet li huma ta’ importanza mhux minħabba t-titoli, iżda għall-ħidma li ssir fihom.  Meta nsemmu l-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, jew l-Akkademja Pontifiċja Teoloġika jew l-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika għandna nifhmu x-xogħol u l-istudju li jsir fit-tfittix tal-verità.

6.    Għall-quddiesa solenni li attendejna għaliha kien mill-iktar ċar li l-Kardinal Prospero Grech għad għandu ħafna x’jagħti lilna.  Mhux biss lill-Ordni li ħiereġ minna li jgħażel li jkompli jgħix fi ħdanha, imma għalina lkoll.  Inġieb ‘il quddiem, ma hemmx dubju, u miegħu ġab ukoll għall-attenzjoni tagħna esperjenza u riflessjonijiet li żgur mhux forsi huma determinanti meta wieħed jikkonsidra li ħajtu qattagħha Ruma, fil-qalba.  Il-ġimgħa li ġejja, nhar it-18 ta’ Frar, huwa ser jiġi maħtur Kardinal.  It-tieni Kardinal Malti li ser jagħmel ġieħ lilna lkoll.  F’dawn il-gżejjer, fortunatament għalina, għandna ħafna mxerrdin mad-dinja li jagħtu servizz.  Mhux kollha jiġu mgħollija ‘l fuq, imma aħna għandna nkunu kburin bihom.

13.2.12

Attività unika

Xena mill-play "When you hear my voice"
1.    Frott il-ħidma li saret tul din il-leġislatura ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, matul il-ġimgħa li għaddiet rajna numru ta’ żgħażagħ jieħdu sehem fuq il-palk tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta.  Ġewwa l-Faċililtà nbeda proċess intensiv li permezz tiegħu qegħdin issa fit-triq li nħaddmu l-Ġustizzja Riparatriċi.  Mekkaniżmi legali ġodda li bihom, min instab ħati u jrid jinbidel u jirriforma ruħu, jingħata t-triq biex jgħaddi għas-sewwa.  Fil-Faċilità hemm numru kbir ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor jidħlu hemm ġew.  Minn dawk li jagħmlu xi jiem jistennew li jingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, jew għax ma ħallsux multa, sa dawk li jieħdu sentenza definittiva ta’ ħabs.  Mhux kull persuna tirreaġixxi l-istess għal dan.

2.    Il-maġġoranza, kif imissu mal-post, jifhmu li m’għandhomx jersqu hemm u, jekk żbaljaw, jibdlu ħajjithom.  Hemm però ġabra ta’ persuni li jridu aktar minn hekk.  Dawk li ma jifhmux, forsi ma jridux jibdlu jew iridu, imma ma jistgħux, jinbidlu.  Kull persuna għandha l-ħajja tagħha.  Trabbiet b’mod differenti, kellha edukazzjoni, ambjent u ħbieb li m’humiex bħal tal-oħrajn.  Dan jixħet sfida xejn żgħira fuq min irid idaħħal il-ġustizzja riparatriċi taħdem.  Sfida sabiex għal kull persuna li ssib lilha nfisha kkundannata ġewwa l-Faċilità jkun hemm pjan li jassistiha tibdel ħajjitha.

3.    Kollox jiddependi minn varjetà ta’ pożizzjonijiet.  Biss, hemm żewġ fatturi prinċipali li huma determinanti.  L-ewwel, il-volontà ta’ min jidħol fil-post, tad-detenut; it-tieni, tal-istrutturi u l-programmi li l-Faċilità tagħti.  Għalkemm, sfortunatament, iċ-ċirkostanzi żviluppaw li tul is-sena li għaddiet kien hemm min kerrah dak li qiegħed isir ġewwa l-Faċilità, illum ix-xena bdiet tieħu xejra oħra.  Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma, però jieħu l-ħin tiegħu, speċjalment meta l-ilma jkun aġitat.  Kien hemm min maqdar intenzjonalment biex dak li qiegħed jiżviluppa jieqaf.  Kien hemm oħrajn li ħasbu li qed jirkbu fuq xi karru politiku u oħrajn li tkaxkru mal-kurrenti.

4.    Fortunatament ix-xogħol li sar fis-snin li għaddew issa beda, biċċa biċċa, jiġi f’postu.  M’hemmx dubju li ser jieħu l-ħin tiegħu u ntoppi ser ikun hemm.  Imma fuq in-naħa l-oħra hemm id-determinazzjoni li nimxu fit-triq li nġibu dan kollu jaħdem.  Il-ġdid, dak li huwa differenti u jibdel il-prattiċi l-antiki jieħu t-trapass tiegħu, dejjem jekk irid isir tajjeb.  Biss, diġà bdew jidħlu s-sinjali tat-tibdil.  Fil-fatt, tul il-ġimgħa li għaddiet kien hemm numru ta’ persuni ta’ età ġovanili li qed jiskontaw piena ta’ ħabs li ġew involuti f’ “The London Shakespeare Workout Prison Project” immexxi mil-“London Shakespeare Workout”.

5.    Lejn Settembru tas-sena l-oħra żar il-Faċilità ċertu Dr Bruce Wall li, wara li ltaqa’ mal-uffiċċjali tal-Faċilità, inbeda dan il-proġett li permezz tiegħu, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, bejn nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar sal-Ħamis 9 ta’ Frar ittellgħet rappreżentazzjoni drammatika.  Tawha l-isem “When you Hear my Voice” u hija magħmula minn diversi biċċiet meħuda u magħġuna minn awturi madwar id-dinja.  Il-biljetti għal dawn l-attivitajiet inbiegħu kollha, sal-inqas wieħed.  It-trustees tal-“London Shakespeare Workout” ħaqqhom kliem ta’ ringrazzjament.  Irnexxielhom jittrasformaw żgħażagħ f’atturi, bdew jagħtuhom formazzjoni tajba li ser isibuha ‘l quddiem f’ħajjithom.

6.    Ħadt pjaċir nara kif din iż-żerriegħa sabet art fertili fejn tikber.  Il-proċess sabiex dan seta’ jsir ħassejtu iktar mill-viċin għax rajthom l-ewwel fil-Faċilità nnifisha, wara fil-Ministeru, u t-tielet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.  Quddiemi stajt nara kif b’impenn dirett li qiegħed isir, persuni li daħlu fil-Faċilità kundannati, jistgħu jinbidlu.  Għandhom l-opportunità li juru lis-soċjetà tagħna li nbidlu u lesti li jħallsu lura għal dak li għamlu.  Dan huwa wieħed mill-proġetti li rnexxa, però hemm oħrajn li nittamaw li jkunu huma wkoll ta’ benefiċċju.  Kif għidt, it-triq hija twila u l-ħidma m’hi faċli xejn, però hemm l-impenn biex din issir.

8.2.12

Għall-istabilità u l-ġustizzja soċjali

1.    Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit.  Kunsill barra mis-soltu.  Wieħed li ġie msejjaħ apposta biex jiġi ndirizzat x’qiegħed jiġri fix-xenarju politiku.  Il-poplu waqaf jisma’.  Waqaf jara dak li kien għaddej ġewwa ħdanna.  Għal dawk li ħasbu li konna ser nitilfu l-kurrent, il-kalma u r-raġuni, il-jum tal-Ħadd wera preċiż il-kontra.  Tul dawn l-aħħar snin urejna bil-provi li l-problemi tal-pajjiż iridu jiġu ikkonfrontati bil-għaqal, anke jekk jidhru jew ikunu viċin li ma jistgħux jiġu solvuti.  Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika hija parti mill-ħajja.

2.    Il-ħajja hija mimlija tibdiliet.  Mimlija b’sitwazzjonijiet li jinbidlu l-ħin kollu.  Kull siegħa tal-ġurnata ġġib magħha differenzi.  Illum ferm u ferm iktar minn qatt qabel b’dinja li qegħda bl-iktar mod ċar tiċkien.  Tonqos fid-dimensjoni għax l-informazzjoni ddur malajr.  Iddur b’dak li jkun qiegħed iseħħ u li ser inevitabbilment jolqtok.  Jekk pajjiż ‘il bgħid minna għaddej minn mumenti iebsa fl-ekonomija tiegħu dan inevitabbilment ser, b’xi mod, jolqotna hawn ukoll.  Il-kumplessità tal-problemi u intoppi li għandna x’naffrontaw bħala bnedmin u bħala politiċi hija kompletament differenti minn dik li kellna fil-passat.

3.    Anzi, hemm lezzjoni li ħarġet ċara u tonda f’dawn l-aħħar erba’ snin ta’ kriżi ekonomika: dik li tgħid li kull jum huwa għal rasu.  Jum mexjin tajjeb, l-għada l-istorja tinbidel.  L-Ewropa, il-pajjiżi l-oħra tad-dinja għarfu kemm is-sitwazzjoni saret fluwida u l-permanenza li kien hemm qabel illum tnaqqset sew.  Dak li konna norbtu fuqu, dak li kien meħud bħala pedestal indistruttibli, illum m’għadux.  Qisu l-istorja trid tinkiteb mill-ġdid.  Il-kotba tal-ekonomija jinħasbu mill-qiegħ u t-teoriji kollha, l-akkademja li kellna, taru kollha mar-riħ.  Min qiegħed jaħdem fil-politika, fil-preżent jaf li dan qiegħed iseħħ u jrid jinkwadra ruħu għalih.  Jaf li jrid ikun ippreparat għal bidla kontinwa.

4.    Dan hu li ilu jmexxina f’dawn ix-xhur.  L-abbiltà li nifhmu dak li għaddej sabiex nimmodifikaw dak li qed nibnu biex inkunu kontinwament ippreparati.  Meta wieħed iqis dak li għadda u għadu għaddej minnu pajjiżna jifhem iktar u iktar li mhux faċli xejn.  Il-poplu, fid-dar tiegħu, mhux dejjem jifhem dan.  Iktar u iktar meta hemm għaddej messaġġ żbaljat li dak li għaddejja minnu l-ekonomija, l-ewwel hija kaġun ta’ xi deċiżjonijiet żbaljati tagħna, u t-tieni li tista’ tissolva b’nies differenti.  Il-verità hija dijametikament il-kontra.  Il-pajjiż għaddej jaffronta problemi li ma twieldux hawn, iżda barra minn xtutna.  Però hemm bżonn ferm u ferm iktar spjegazzjoni ċara u diretta mal-pajjiż, biex kulħadd jifhem x’verament qiegħed jiġri u x’qiegħed isir biex l-impatt jiġi kuntrastat.

5.    Għalhekk il-Kunsill Ġenerali tal-Partit ħa importanza ferm ikbar mis-soltu.  Fih deher il-kuntrast bejn dak li għaddej fuq dawn il-gżejjer u dak li għaddej f’pajjiżi oħra.  Kull poplu jrid jaffronta tiegħu, però kif jagħmel dan, ikollu effett fuq il-ġirien tiegħu.  Il-Prim Ministru affronta l-kumplessità tal-pożizzjoni, b’għaqal u b’intelliġenza.  Ma ħarabx mill-konsegwenzi u anqas ma pprova jaħbihom.  Jaf li min m’għandux grazzja magħna ser jipprova jdawwar ħaġa f’oħra, però dan ma jfissirx li ma jridx jagħmel dak li huwa doveruż li jsir.  Ma kienx hemm ħafna xi tgħid fuq dan.  Ladarba t-tmexxija tiegħu ġiet kontestata, kellu bilfors jesiġi mill-Partit li jerġa’ jqiegħed lilu nnifsu għall-vot u l-approvazzjoni tal-kunsilliera li ħatruh.

6.    Hemm min ipprova jċekken dan, biss il-pajjiż qiegħed jifhem li huwa neċessarju.  Kemm dan qed jasal għand il-poplu hija ħaġ’oħra.  Dak dmirna lkoll, biex nibqgħu nfehmu.  Neċessarju għal partit li ġieb id-demokrazija taħdem u li jemmen li hija valur.  Valur li fiha metodu ċar, mhux żbaljat, li bih irridu naħdmu biex toħroġ fil-beraħ il-verità.  M’hemmx dubju li din hija kumplikazzjoni oħra ma’ dak li qed naffrontaw.  Biss, ħadd ma jista’ jipprevedi dak li ġej għalina.  Jista’ biss jersaq lejn il-problema u jikkonfrontaha bir-raġuni.  Dan hu li ilu jwettaq dan il-bniedem, Lawrence Gonzi.  Dan hu li, għal min jafu, ser jibqa’ jagħmel.  Qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-pajjiż u hekk ser ikompli jagħmel.  Jikkonfronta l-kumplikazzjonijiet u, fl-istess ħin, ikompli jassigura l-istabilità.

7.2.12

Wara li għaddew sitt snin - Il-Bord tal-Petizzjonijiet

1.    Għalkemm kelli diġà l-okkażjoni ngħid li kemm ilni parti mill-Eżekuttiv li nagħti sehemi f’numru sew ta’ abbozzi ta’ liġi li minnhom ġew approvati tlieta u tletin, tajt  sehemi wkoll f’numru ikbar ta’ avviżi legali.  L-avviżi legali huma parti mis-sistema legali tagħna, mħaddma bl-istess mod li jitħaddmu l-prinċipji tad-dritt kostituzzjonali Ingliż.  Il-poter tad-delega jrid joħroġ mil-liġi u tippermetti lill-Eżekuttiv li jirregola l-liġi fis-setturi varji tagħha.  Hawn ukoll, tul dawn is-snin, rajt numru sew li biddlu s-sistema soċjali u legali tagħna.

2.    Wieħed minn dawn l-avviżi legali kien marbut mad-dħul fis-seħħ ta’ Bord dwar il-Petizzjonijiet fir-rigward tas-sistema taċ-ċitazzjonijiet, prinċipalment dawk tat-traffiku, taħt l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja (Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ Malta).  Fil-pajjiż, kull min għandu karozza jaf kif taħdem is-sistema tal-Gwardjani Lokali, bit-tajjeb u b’dak inqas tajjeb tagħha.  Illum, bejn wieħed u ieħor indrat, però ninnota li għad hemm numru ta’ persuni li għadhom ma jafux kif jistgħu jikkontestaw ċitazzjoni li huma jħossu li nħarġet kontra tagħhom b’mod ħażin.

3.    Minħabba numru ta’ każijiet, kien irnexxielna nressqu għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni, avviż legali li waqqaf din is-sistema tal-petizzjonijiet.  Il-liġi ġiet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 u għalhekk għandna l-esperjenza ta’ sitt snin li nistgħu nibnu fuqha biex nagħmluha aħjar f’dik li hi.  Id-disposizzjonijiet legali jistabbilixxu li dan il-Bord għandu jeżamina l-petizzjonijiet li jaslulu u jilqa’ biss petizzjoni f’parti minnha jew kollha kemm hi meta jkun hemm raġunijiet validi.  Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 291.04 tagħti eżempji ta’ dawn ir-raġunijiet fl-artikolu 6 tagħha.

4.    Dak l-artikolu jelenka ħames eżempji.  L-ewwel, meta jkun hemm żball evidenti fl-identità tal-persuna jew fl-identifikazzjoni ta’ xi vettura involuta; it-tieni, meta jkun hemm xi żball evidenti li jkun wassal biex il-persuna akkużata tkun instabet ħatja skorrettement bil-liġi; it-tielet, għal raġunijiet umanitarji li jtaffu ċ-ċirkostanzi li jkollhom x’jaqsmu mal-għemil tal-każ; ir-raba’, meta l-ħruġ tal-akkuża tkun waħda li hija manifestament inġusta jew oppressiva meta jiġu kkunsidrati x-xorta u l-fatti tal-każ, u l-ħames, meta l-proċeduri għall-ħruġ tal-kontravvenzjoni ma jsegwux id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar in-Notifika tal-Avviż.

5.    Minn meta daħlet is-sistema taħdem f’sitt snin daħlu 92,184 petizzjonijiet mill-pubbliku in ġenerali.  Minn dawn ġew milqugħa u aċċettati 59,316, jiġifieri 65% u ġew rifjutati 32,036, jiġifieri 35%.  Is-sistema qegħda turi li qegħda taħdem u li għamlet il-ġid sabiex biha jiġu korretti u debitament rettifikati żbalji li kull mekkaniżmu uman kapaċi jagħti.  Dan però ma jfissirx li l-poplu jaf biha biżżejjed, u anqas li ma hemmx lok għal iktar limaturi sabiex il-proċess sħiħ isir iktar malajr.

6.    Naħseb li hemm bżonn li, l-ewwel, ikun hemm informazzjoni aqwa fil-mezzi tax-xandir fuq il-vantaġġi tas-sistema.  It-tieni, hemm lok għal tibdil f’żewġ direzzjonijiet importanti.  Is-sistema għandha tiġi wkoll parti mill-mekkaniżmu teknoloġiku li għandna llum, li bih kull persuna li trid tippreżenta petizzjoni tista’ tagħmel dan mill-kumdità ta’ darha u ma jkunx hemm bżonn kitba, ittri, eċċ.  Għalhekk, il-petizzjoni ssir b’mod elettroniku u l-petizzjonant jirċievi r-risposta b’dan il-mod ukoll.  It-tieni, li l-ħin tal-petizzjoni, flok tibqa’ kif inhi, tiġi ridotta għal xahar, b’dana li jekk ma jkunx hemm tweġiba, din tiġi awtomatikament maħfura.  Fuq dawn il-linji ser naħdmu fiż-żmien li ġej sabiex inkomplu nirfinaw dak li qed jaħdem biex jgħin iktar lill-poplu f’dan is-settur importanti.

6.2.12

13 -il persuna jingħataw opportunita għal ħajja ġdida fl-Istati Uniti

Dalgħodu fis-7:00 kont l-Ajruport Internazzjonali tagħna akkumpanjat minn uffiċjali fi ħdan l-Ambaxxata Amerikana u l-International Organisation for Migration. L-okkażjoni kienet it-tluq minn pajjiżna ta’ 13 –il persuna oħra lejn l-iStati Uniti tal-Amerika. Ħdax-il Somalu u żewġ Eritrej marru sabiex jibdew ħajja ġdida.

F’dawn is-snin marru lejn dak il-poplu madwar 800 ruħ. Nesprimi r-ringrazzjament tiegħi u fl-istess ħin is-sodisfazzjon li nara dawn il-persuni li għaddew minn tant diffikulta`, jibdew triq ġdida għalihom . Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni imma frott il-ħidma ta’ diversi persuni ta’ ġenerożita u qalb tajba. Kull pass f’din it-triq tkabbarna. Turi li, minkejja d-daqs tagħna, xorta rnexxielna nagħmlu atti ta’ solidarjetà u ta’ karita` mal-inqas fis-soċjetà moderna.

L-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali dis-sena żdiedet b'€1.5 miljun

2.2.12

L-allokazzjoni għall-kunsilli lokali żdiedet mhux naqset!


Dal-għodu, l-ġurnal l-orizzont irrapporta dwar l-allokazzjoni finanzjarja għall-kunsilli lokali u allega li din tnaqqset.

Il-verita hija eżattament l-oppost!

Is-somma li ġiet allokata għall-kunsilli lokali din is-sena żdiedet bi kważi €1,500,000 mit-€30,010,000 li kien hemm allokati fis-sena 2011 għal €31,500,000. Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali qed jirċievu medja ta’ aktar €22,000 aktar kull wieħed meta wieħed iqabbel mal-allokazzjoni li ingħataw għas-sena 2011.

Ta’ min ifakkar ukoll li tul din il-leġislatura il-Gvern żied l-allokazzjoni għall-Kunsilli kull sena wara l-oħra. Fil-fatt l-allokazzjoni għal din is-sena sena hija aktar minn €6.5 miljuni, jew 27% ogħola mill-ammont ta’ madwar €24 miljun li kienu allokati għall-kunsilli lokali fis-sena 2008.

1.2.12

Pass ieħor ‘il quddiem

1.    Tul din il-leġislatura mpenjajna ruħna sabiex inġibu fis-seħħ miżura li kienet ġiet dikjarata fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.  Fil-punt 271 kien hemm stabbilit li għandha ssir liġi dwar il-parole.  Din ġiet deskritta bħala waħda li tkun amministrata minn ġudikant, sabiex dawk li verament jirriformaw ruħhom, jibbenefikaw minnha b’ħelsien qabel iż-żmien “bi prova”.  Dak li ġie dikjarat, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012 daħal fis-seħħ permezz tal-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta).  Il-proċess biex dan ġie konkluż u magħluq ma kien wieħed faċli xejn.

2.    Ma kienx hekk għax ħassejt li m’għandix nillimita l-liġi għall-parole biss, imma li għandha tinkorpora fiha punti oħra li hemm bżonn tagħhom jekk irridu nibdlu verament mill-qiegħ dan is-settur.  Il-mira prinċipali tal-liġi mhix dik li tara persuni kkundannati jinħelsu qabel, iżda li tassigura li min qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jingħata l-possibilità li jirriforma ruħu.  Għalhekk imxejna ‘l quddiem sabiex din fil-liġi jkun hemm strutturi u mekkaniżmi differenti minn dawk li għandna llum.  Miżuri li jibnu lilhom infushom fuq il-fus li l-parole, ir-remissjoni u l-possibilità ta’ maħfra Presidenzjali jitilqu fuq żewġ punti: l-ewwel, li min qiegħed fil-Faċilità jrid jirriforma ruħu; u t-tieni, li l-vittma tar-reat hija kkunsidrata u nfurmata b’dan.

3.    F’dawn is-snin sar xogħol, u xogħol tajjeb, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi imma b’enfasi diretta li dak li qiegħed jiġi prospettat isib il-qafas legali u amministrattiv preparat.  Fil-fatt fuq dan, fi Frar 2009 ġiet ippubblikata “White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi” li fiha dan il-qafas legali tqiegħed għall-konsultazzjoni.  Proċess ta’ konsultazzjoni li k ien immexxi mis-Sur Joe Gerada, li ħa ħsieb li jiltaqa’ ma’ kull min wera x-xewqa li jikkontribwixxi.  Fuq din il-ħidma ġie mfassal rapport li ġie pubblikat u mqiegħed fuq il-website tal-Ministeru.  Wara dan, ġiet imwaqqfa task force oħra interna sabiex l-abbozz ta’ liġi jiġi debitament finalizzat.

4.    Waqt li dan kien qiegħed isir, il-Ministeru insegwitu għal rapport intern li ġie kummissjonat, kien ippreżenta numru twil ta’ rakkomandazzjonijiet amministrattivi.  Għal dan tqabbad grupp ta’ persuni magħmula minn diretturi fiċ-Ċivil u persuni li għandhom esperjenza fil-management.  Dan kellu l-inkarigu li jagħti pariri fuq x’għandu jiġi preparat għal-liġi, kif ukoll sabiex il-Faċilità tiġi mħaddma aħjar milli kienet.  Dan ir-rapport tlesta wkoll u beda jiġi implimentat.

5.    Għalhekk saret sistema ġdida ta’ management.  Inħatru numru ta’ uffiċjali fis-sigurtà, fl-operat u fil-kura u reintegrazzjoni.  It-tieni, inħatar koordinatur għall-edukazzjoni sabiex ikunu offruti opportunitajiet edukattivi.  Dan ġieb ir-riżultat tiegħu billi fis-servizzi mogħtija, issa qed ikun hemm lezzjonijiet fuq suġġetti varji fil-jiem kollha tal-ġimgħa, inkluż is-Sibt il-jum kollu.  B’dan għalhekk mxejna konkretement biex fil-Faċilità jkun hemm skola li tiġbor u tikkordina s-servizzi edukattivi kollha mogħtija lill-priġunieri bi struttura għaliha.

6.    Ma’ dan ukoll twaqqaf dipartiment kompletament ġdid sabiex ikun jista’ jħaddem aħjar il-liġi, dak tal-Probation u Parole.  Dipartiment li ser iservi, l-ewwel, sabiex jara li l-parole titħaddem tajjeb bl-istrutturi neċessarji ta’ parole officer; u t-tieni, li tibda taħdem Unità għas-Sapport lill-Vittmi tar-Reat.  Tul dan il-perjodu numru ta’ Probation Officers ġew in kuntatt dirett ma’ dan bi preparazzjoni barra minn pajjiżna, kif ukoll li rajna li nżidu numru ta’ uffiċjali tal-Probation.

7.    Din l-istruttura sejra tħaddem direttament il-mekkaniżmu legali tal-medjazzjoni bejn min wettaq id-delitt u min kien il-vittma – dan dejjem fuq bażi volontarja u b’parti sħiħa mal-programm li jiġi mfassal għar-riforma tal-priġunier.  Hemm ferm iktar miżuri li qegħdin jidħlu fis-seħħ f’dan il-pass, fosthom dak li għandu x’jaqsam mar-remissjoni, li diġà ktibt dwarha.  Li nista’ ngħid huwa li dan huwa proġett importanti ħafna għal pajjiżna, li bih nittama li jonqsu l-persuni li jidħlu iktar minn darba fil-Faċilità għax ikunu rrifurmaw ruħhom.  Proġett li huwa ta’ pjaċir għalija li narah magħluq u li ser jitlaq jimxi ‘l quddiem.


IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...