17.12.19

Tajn u ferm iktar tajn.




1.     Tlaqna din il-ġimgħa nisimgu l-vanġelu f’jum fejn niċċelebraw il-festa tal-patruna antika ta’ dawn il-gżejjer, Santa Luċija.  Qrajna dwar il-qlajjiet u t-tajn reliġjuż li kien inxeħet lejn San Ġwann Battista u Sidna Ġesù Kristu.  Kliem li jipprova jiskredita u jċekken.  Kliem li rridu nżommu quddiemna.

Tiżżeffen

2.     Fil-politika, ċertament nafu li t-tajn faċli sabiex jinxeħet.  Faċli li wieħed jipprova jiskredita lil ieħor.  Mhux faċli biex wieħed ineħħi minn fuqu dak li jinxeħetlu.  Ċerti drabi, jgħaddu snin twal.  Drabi oħra, jibqa’ ħajtu jġorr fuqu dell li ma jeżistix, imma li jiżżeffen.  Tkun saritlu inġustizzja.  Waħda li l-piena tagħha jibqa’ jħallas għaliha, anke jekk m’għandux ħtija.  Biss, il-pożizzjoni tinbidel fejn dak li jkun għandu tort.  Il-politika hija f’dan iktar kiefra mal-bnedmin, però daqshekk ieħor taf tkun hekk mal-Istati, mal-popli.

Faċli titlef li għandek

3.     Ngħidu x’ngħidu, diversi persuni jfittxu li jkollhom kredtu u stima fis-soċjetà.  Li jkollhom min ikellimhom b’rispett, li jħares lejhom b’opinjoni tajba dwarhom.  Ħafna jispiċċaw jgħixu għall-istima; ħafna oħra jaħdmu biss għall-istima.  Hija, għal diversi, valur uniku, aqwa mill-muniti tad-deheb f’xi senduq.  Proprju għalhekk li jsiru attakki fil-politika: biex jiskreditaw lil dawk li għandhom kredtu.  Proprju għalhekk li daħlet din l-użanza żbaljata u mimlija velenu li minnha, lil min m’għandekx grazzja miegħu, tneħħilu l-unur li jgawdi.  Hemm min iċedi għaliha u hemm min jibqa’, ħajtu kollha, jikkumbattiha.

Dan diġà iebes

4.     Dan, fih innifsu, huwa diġà kumplikat u diffiċli.  Però, huwa iktar iebes min iġarrab u mhuwiex fil-politika.  Hemm bnedmin fis-soċjetà li jbatu t-telf tal-kredtu, iġorru l-marki ta’ tajn apparenti magħhom.  Hemm passi innoċenti, fin-normalità tal-ħajja li jiġu interpretati bħala mimlija ħażen.  Hemm azzjonijiet li jsiru minn oħrajn li jew qegħdin direttament, jew indirettament, kontra bnedmin mhux fil-politika.  Hemm ukoll bnedmin fil-politika li jħammġu u jattakkaw lil dawk li huma barra l-ħajja pubblika.  Iġibuhom fid-dawl biex fuqhom jinxeħet tajn li ma jistgħux jirribattu, u anqas għandhom is-saħħa biex iwieġbu.  Dan fil-familja, fix-xogħol, fis-soċjetà t-tajn imisshom u jeħel magħhom.

Fil-bniedem, fl-Istati

5.     L-Istati nazzjonali jaġixxu u jgħaddu minn dak li l-bnedmin jgħaddu minnu.  L-Istati, numru ta’ drabi jsibu ruħhom, huma wkoll, akkużati u mħammġa b’dak li m’għandhomx tort għalih.  It-tajn politiku jinxeħtilhom u jkollu effett fuq il-ħajja tal-popli.  Fuq id-dinja soċjali, kulturali, imma kif l-esperjenza turi, direttament fuq dik ekonomika.  Is-suq intern ta’ dawk l-Istati, il-prodotti tagħhom, il-kelma tan-negozjanti tiegħu jitqegħdu taħt id-dell.  Il-fiduċja tonqos, l-avvjament jitlaq u l-kredtu jitlaq.

Meta titħammeġ

6.     Hemm imbagħad dawk li jidħlu fit-tajn huma.  Hemm dawk il-bnedmin li jixħtu fuqhom infushom dan il-materjal li jispiċċaw ma jifilħux iġorru.  Bnedmin fil-politika għandhom responsabbiltà akbar hawn, skont il-pożizzjoni li jġorru.  Membri Parlamentari jsibu l-ġudizzju tal-elettorat li ma jerġax jagħtihom il-kunsens.  Ministri jispiċċaw jitneħħew jew jirriżenjaw.  Prim Ministri agħar minn dan kollu.  Fil-bidu jiċħdu, wara jaħarbu minnha, jibdew jattakkaw iktar ‘l-avversarji tagħhom u fl-aħħar jiġi l-mument meta bilfors iridu jwarrbu.

Seħħ f’pajjiżna

7.     Dan kollu seħħ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur.  Rajna, f’dawn l-aħħar tmienja u erbgħin xahar, ċaħda sħiħa ta’ dak li kien loġiku li jsir.  Quddiem il-korruzzjoni, quddiem l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, la l-Prim Ministru ma ħass li għandu jieħu xi responsabbiltà politika, u anqas ra li xi ħadd ieħor jiċċaqlaq.  Minflok, l-istrateġija kienet waħda: dik li taħrab mill-problema, taħrab mit-tajn li kien qiegħed jinġabar billi tidħol f’attakk qawwi kontra l-Oppożizzjoni.  Tattakka b’saħħa ‘l-mexxej tiegħu b’allegazzjonijiet qawwija.  Issaħħan u tqiegħed pożizzjonijiet politiċi fejn l-għan prinċipali kien wieħed: dak li turi ‘l-partit fl-Oppożizzjoni maqsum.  F’ħafna, irnexxielu.  Però ma ġiex fejn xtaq.  Il-Partit irreżista, anke jekk kellu jgħaddi mill-proċess intern, iebes u perikoluż ta’ mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija tal-Partit.

Ma rnexxilux

8.     F’dan kollu, kellu l-effett negattiv tiegħu.  Huwa li kien diġà fit-tajn, iddeċieda li jibqa’ jixħet iktar, ferm iktar tajn fuq ħaddieħor.  Direttament fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.  Hemm, iva, din ir-regola fil-ħajja.  Min ikun fil-ħmieġ isib ruħu ġustifikat jixħtu fuq ħaddieħor.  Min ma jkunx isibha diffiċli, għaliex ma jkollux it-tajn fil-kaxxa, fil-karattru u f’ħidmietu.  Ma jsibx ruħu ġustifikat f’xi mekkaniżmu imwieled mill-kitba ta’ Niccolò Macchiavelli.  Min jirċievi l-azzjonijiet irid biss ikompli għaddej sakemm ikun iktar, u iktar ċar, li dak it-tajn li nxeħet fuqu ġie hekk mixħut inġustament.

Tilef il-partita

9.     Biss, f’dan kollu huwa iktar u iktar ċar li l-Prim Ministru llum jista’ jgħid li tilef kompletament il-partita.  L-istrateġija, it-tattika użata kienet ‘il-bgħid mid-dawl, ‘il-bgħid mis-sewwa, mill-valuri fundamentali tal-ħajja, u falliet.  Flok aċċetta u kkonfronta l-ħażen li kien qiegħed jgħix miegħu f’Kastilja, spiċċa meħud minnu.  Storja ċertament sewda ħafna.  Waħda li terġa’ tipprova li min imexxi poplu bħal tagħna u jaħrab mill-valuri li l-prinċipji etiċi Nsara għaddew lid-demokrazija Ewropea jsib ruħu fejn wasal hu.

Il-futur

10.   Ser ikun hemm tentattivi għar-riforma min-naħa tal-Partit Laburista.  Dawn m’għandhomx jiċċekknu, imma jiġu nkwadrati fl-istorja tallum.  Jibqgħu dawk li kellhom l-okkażjoni li jwaqqfu dak li kien qed jiġri, u issa jridu jippruvaw jibdew inaddfu t-tajn li ġie mxerred.  It-tajn qiegħed fuq u ġewwa Kastilja.  Min ġej irid, l-ewwel, jagħti rendikont ta’ kemm-il tunnellata hemm imwaħħla mal-ħitan u mal-art; wara x’passi ser jara li jidħlu biex dan ma jerġa’ qatt iseħħ; u t-tielet, x’passi ser jieħu għall-quddiem.  It-tajn li għandna huwa wieħed mill-iktar iebes biex jitneħħa.  Daħal fil-pori, fit-tessut tal-ħidma tal-Partit Laburista, fil-vini, fil-kapillari l-iktar żgħar u rqaq.

Strateġija sħiħa għas-sewwa

11.   Il-Partit Nazzjonalista ġie attakkat, diversi drabi, inġustament.  Ġie akkużat li huwa wisq il-partit tar-regoli u tal-liġi.  Biss, dan tħaddan dejjem għax ħares li jagħraf li min iżomm l-ordni morali, l-ordni, wara, iżżommu.  Ħares, anzi, dejjem fl-imperfezzjoni umana tiegħu li jkollu strateġija sħiħa għas-sewwa.  Dan ma kienx il-każ tal-Partit Laburista f’din il-leġislatura.  Anzi, kien hemm il-kritika interna li l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Alfred Sant kienet wisq favur ir-regoli ta’ amministrazzjoni demokratika, u għalhekk falla.  U għalhekk il-bżonn li jsir kollox il-kontra.

Id-dinja tibqa’ li hija

12.   Illum, l-effett negattiv hemm qiegħed.  Fid-diżordni li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin, issa ser ngħaddu mill-proċess ta’ tbatija biex niġu lura għall-ordni.  L-ekonomija, il-ħajja tal-bnedmin f’din is-soċjetà ser jiġu effettwati fin-negattiv.  Diġà naqset ir-rota tal-kummerċ f’dawn il-ġimgħat b’mod qawwi li diġà bdiet tinħass.  Issa din tista’ tikber bil-ħruġ ċert tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Jekk ma nifhmux fejn aħna, ma nistgħux nibdew niċċaqilqu ‘l quddiem.  Jekk ma nirrealizzawx kemm għandna tajn fuqna, ma nistgħux nibdew innaddfu.

Kunsill Ġenerali

13.   Proprju għalhekk li l-ġimgħa, fil-jum għażiż meta niċċelebraw ir-Repubblika, il-Partit ħass l-urġenza li jlaqqa’ Kunsill Ġenerali stratordinarju.  Dan huwa l-partit tar-riforma.  Dan huwa dak li għolla isem pajjiżna u huwa dak li għada pitgħada ser ikun qiegħed finalment indaddaf.  Għax it-tajn hemm qiegħed, u dmirna huwa li nkompu naħdmu biex jitneħħa darba għal dejjem minn fuq ir-Repubblika Demokratika u Ewropea tagħna.


15.12.19

Tajn u ferm iktar tajn




1. Tlaqna din il-ġimgħa nisimgħu l-vangelu f’jum fejn niċċelebraw il-festa tal-patruna antika ta’ dawn l-gżejjer, Santa Luċija. Qrajna dwar il-qlajjiet u tajn religuz li kien inxteħet fuq San Gwann Battista u Sidna Ġesu Kristu. Kliem li jipprova jiskredita u jċekken. Kliem li rridu nżommu quddiemna.

Tiżżeffen

2. Fil-politika ċertament nafu li t-tajn faċili sabiex jinxteħet. Faċili li wieħed jipprova jiskredita lill-ieħor. Mhux faċili biex wieħed inehhi minn fuqu dak li jinxteħetlu. Ċerti drabi jgħaddu snin twal. Drabi oħra jibqa ħajtu jġorr fuqu dell li ma jeżistix imma li jiżżeffen. Tkun saritlu inġustizzja. Waħda li l-piena tagħha jibqa jħallas għaliha anki jekk m’għandux ħtija. Biss il-pożizzjoni tinbidel fejn dak li jkun għandu tort. Il-politika hija f’dan iktar kiefra mal-bnedmin, però daqshekk ieħor taf tkun hekk mal-istati, mal-popli.

Faċili titlef li għandek

3. Ngħidu x’ngħidu, diversi persuni jfittxu li jkollhom kredtu u stima fis-soċjetà. Li jkollhom min ikellimhom b’rispett li jħares lejhom b’opinjoni tajba dwarhom. Ħafna jispiċċaw jgħixu għall-istima, ħafna oħra jaħdmu biss għall-istima. Hija għal diversi valur uniku aqwa mill-muniti tad-deheb f’xi senduq. Proprju għalhekk li jsiru attakki fil-politika sabiex jiskreditaw lil dawk li għandhom kredtu. Proprju għalhekk li daħlet din l-użanza żbaljata u mimlija velenu li minna min m’ għandekx grazzja miegħu tneħħilu l-unur li jgawdi. Hemm min iċedi għaliha u hemm min jibqa ħajtu kollha jikkumbattiha.

Dan diġà iebes

4. Dan fih innifsu huwa diġà komplikat u diffiċili. Però huwa iktar iebes min iġarrab u m’ huhiex fil-politika. Hemm bnedmin fis-soċjetà li jbgħatu t-telf tal-kredtu, jġorru l-marki ta’ tajn apparenti magħhom. Hemm passi innoċenti, fin-normalità tal-ħajja li jiġu interpretati bħala mimlijin ħażen. Hemm azzjonijiet li jsiru minn oħrajn li jew qegħdin direttament jew indirettament kontra bnedmin mhux fil-politika. Hemm ukoll bnedmin fil-politika li jħammġu u jattakkaw dawk li huma barra l-ħajja pubblika. Jġibuhom fid-dawl biex fuqhom jinxteħet tajn li ma jistgħux jirribattu u anqas għandhom s-saħħa biex iwieġbu. Persuni li jsibu ħajjithom titfarrak biċċa biċċa. Dan fil-familja, fix-xogħol fis-soċjetà t-tajn jmisshom u jeħel magħhom.

Fil-bniedem fl-istati

5.L-istati nazzjonali jaġixxu u jgħaddu minn dak li l-bnedmin jgħaddu minnu. L-istati numru ta’ drabi jsibu ruħhom huma wkoll akkużati u mħamġin b’dak li ma għandhomx tort għalih. It-tajn politiku jinxteħtilhom u jkollu effett fuq il-ħajja tal-popli. Fuq id-dinja soċjali, kulturali imma kif l-esperjenza turi, direttament fuq dik ekonomika. Is-suq intern ta’ dawk l-istati, l-prodotti tagħhom, l-kelma tan-negozjanti tiegħu jitqgħedu taħt id-dell. Il-fiduċja tonqos, l-avvjament jitlaq u l-kredtu jitlaq.

Meta titħammeġ

6. Hemm imbgħad dawk li jidhlu fit-tajn huma. Hemm dawk il-bnedmin li jixħtu fuqhom infushom dan l-materjal li jispiċċaw ma jifilhux iġorru. Bnedmin fil-politika għandhom responsabbilità akbar hawn skont l-pożizzjoni li jġorru. Membri parlamentari jsibu l-ġudizzju tal-elettorat li ma jerġax jagħtihom il-kunsens. Ministri jispiċċaw jitneħħew jew jirriżenjaw. Prim Ministri għar minn dan kollu. Fil-bidu jiċħdu, wara jaħirbu minnha, jibdew jattakkaw iktar l-avversarji politiċi tagħhom fl-aħħar jiġi l-mument meta bil-fors jridu jwarrbu.

Seħħ f’pajjiżna

7. Dan kollu seħħ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur. Rajna f’dawn l-aħħar tmienja u erbgħin xahar ċaħda sħiħa ta’ dak li kien loġiku li jsir. Quddiem il-korruzzjoni, quddiem l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia la l-Prim Ministru ma ħassx li għandu jieħu xi responsabbilità politika u anqas ra li xi ħadd ieħor jiċċaqlaq. Minflok l-istrategija kienet waħda: dik li taħrab mill-problema, taħrab mit-tajn li kien qiegħed jinġabar billi tidħol f’attakk qawwi kontra l-oppożizzjoni. Tattakka b’saħħa l-mexxej tiegħu b’allegazzjonijiet qawwija. Ssaħħan u tqiegħed pożizzjonijiet politiċi fejn l-għan prinċipali kienet waħda dik li turi l-partit fl-oppożizzjoni maqsum. F’ħafna irnexxielu. Però ma ġiex fejn xtaq. Il-partit rreżista anki jekk kellu jgħaddi mill-proċess intern iebes u perikoluż ta’ mozzjoni ta sfiduċja fit-tmexxija tal-partit.

Ma rnexxilux

8. F’dan kollu kellu l-effett negattiv tiegħu. Huwa li kien diġà fit-tajn ddeċieda li jibda jixħet iktar, ferm iktar tajn fuq ħaddiehor. Direttament fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni. Hemm iva din ir-regola fil-ħajja. Min jkun fil-ħmieg jsib ruħu gustifikat jixħtu fuq ħaddiehor. Min ma jkunx isibha diffiċili għax tajn ma jkollux fil-kaxxa, fil-karattru u f’ħidmietu. Ma jsibx ruħu ġustifikat f’xi mekkaniżmu imwieled mill-kitba ta’ Niccolò Machiavelli. Min jirċievi l-azzjonijiet jrid biss jkompli għaddej sakemm jkun iktar u iktar ċar li dak t-tajn li nxeħet fuqu ġie hekk mixhut inġustament.

Tilef il-partita

9. Biss f’dan kollu huwa iktar u iktar ċar li l-Prim Ministru illum jista’ jgħid li tilef kompletament il-partita. L-istrategija , it-tattika użata kienet ‘l bgħid mid-dawl, ‘l bgħid mis-sewwa, mill-valuri fundamentali tal-ħajja u falliet. Flok aċċetta u kkonfronta il-ħażen li kien qed jgħix miegħu f’Kastilja spiċċa meħud minna. Storja ċertament sewda ħafna. Waħda li terġa tipprova li min imexxi poplu bħal tagħna u jaħrab il-valuri li l-prinċipji etiċi nsara għaddew lid-demokrazija Ewropea jsib ruħu fejn wasal hu.

Il-Futur

10. Ser ikun hemm tentattivi għar-riforma minn naħa tal-Partit Laburista. Dawn m’għandhomx jiċċeknu imma jiġu nkwadrati fl-istorja tal-lum. Jibqgħu dawk li kellhom l-okkazzjoni li jwaqqfu dak li kien qed jiġri u issa jridu jipprovaw jibdew jnaddfu t-tajn li ġie mxerred. It-tajn qiegħed fuq u ġewwa Kastilja. Min ġej irid l-ewwel jagħti rendikont ta’ kemm ‘l tunellata hemm mwaħħla mal-ħitan u mal-art, wara x’passi ser jara li jidħlu biex dan ma jerġa qatt iseħħ u t-tielet x’passi ser jieħu għall-quddiem. It-tajn li għandna huwa wieħed mill-iktar iebes biex jitneħħa. Daħal fil-pori, fit-tessut tal-ħidma tal-Partit Laburista fil-vini, fil-kapillari l-iktar zgħar u rqaq.

Strateġija sħiħa għas-sewwa

11. Il-Partit Nazzjonalista ġie attakkat diversi drabi inġustament. Ġie akkużat li huwa wisq il-partit tar-regoli u tal-liġi. Biss dan tħaddan dejjem għax ħares li jgħaraf li min iżomm l-ordni morali l-ordni wara żżommu. Ħares anzi dejjem fl-imperfezzjoni umana tiegħu li jkollu strateġija sħiħa għas-sewwa. Dan ma kienx il-kaz tal-Partit Laburista f’din il-leġislatura. Anzi kien hemm il-kritika interna li l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Alfred Sant kienet wisq favur r-regoli ta’ ammnistrazzjoni demokratika u għalhekk falla. U għalhekk il-bżonn li jsir kollox ‘l kontra.

Id-dinja tibqa li hija

12. Illum l-effett negattiv hemm qiegħed. Fid-diżordni li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin issa ser ngħaddu mill-proċess ta’ tbagħtija biex niġu lura għall-ordni. L-ekonomija, il-ħajja tal-bnedmin f’din is-soċjetà ser jiġu effettwati fin-negattiv. Diġà naqset ir-rota tal-kummerċ f’dawn l-ġimgħat b’mod qawwi li diġà bdiet tinħass. Issa din tista’ tikber bil-ħruġ ċert tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk ma nifhmux fejn aħna ma nistgħux nibdew niċċaqilqu ‘l quddiem. Jekk ma nirrealizzawx kemm għandna tajn fuqna ma nistgħux nibdew innaddfu.

Kunsill Ġenerali

13. Proprju għalhekk li l-gimgħa fil-jum għaziz meta niċċelebraw ir-Repubblika l-Partit ħass l-urġenza li jlaqqa Kunsill Ġenerali straordinarju. Dan huwa l-partit tar-riforma. Dan huwa dak li għolla isem pajjiżna u huwa dak li għada pit għada ser jkun qiegħed finalment inaddaf. Għax it-tajn hemm qiegħed u dmirna huwa li nkomplu naħdmu biex jitneħħa darba għal dejjem minn fuq ir-Republika Demokratika u Ewropea tagħna.          

10.12.19

Verament wisq u wisq gravi




1.     Dak li pajjiżna għaddej minnu bħalissa qatt ma rajna bħalu.  Kemm ilna indipendenti, kellna Prim Ministri differenti u ħadd minnhom ma daħal f’basla bħal din.  Irid ikun ċar li dan mhuwiex ħidmet ħaddieħor, imma frott ta’ dak li wettaq, jew naqas milli jwettaq, il-Prim Ministru attwali.  Ħa jkun ċar li seta’ ħarab minn dan meta ra l-ewwel sinjali snin ilu.  Minflok ħa t-triq tas-sewwa, għażel li jwebbes rasu u jibqa’ jgħix ma’ dak li ma kienx.  Għalhekk, diversi huma konvinti li postu llum m’għandux ikun iktar hemm.

Il-pożizzjoni llum

2.     Hemm żewġ faċċati għal din il-munita.  L-ewwel: hemm fuq naħa kilba kbira sabiex toħroġ, u ssir magħrufa, il-verità.  It-tieni: fuq l-oħra hekk kif joħorġu minnha x-xokk, il-mistħija, is-sens ta’ tradiment.  Fejn diversi ma jridux jaċċettaw dak li qed jisimgħu u jaraw b’għajnejhom.  Ħafna tilfu d-direzzjoni.  Ħafna qegħdin jaħarbu mir-realtà f’dinja tagħhom.  Oħrajn ma jridux iħarsu lejn dak li qed jifhmu: li l-kaġun ta’ dan kollu huwa l-Gvern Laburista.

Il-fatti

3.     Il-każ għadu qiegħed jinkixef biċċa biċċa.  Jum wara jum, qegħdin nisimgħu xiehda varja.  Nisimgħu kif, u min qiegħed jingħad li kien involut.  Jidħlu fin-nofs dawk li anqas tkun trid temmen li qegħdin hemm.  Joħorġu dawk li għandhom ikunu hemm.  Fejn it-teatru huwa ċ-ċentru tal-poter tal-pajjiż.  Kastilja, jum wara jum, tissemma’ bi prominenza.  Tissemma’ fejn il-protagonisti u l-atturi ta’ din it-traġedja Maltija jinġabru jgħidu, jikxfu u jwaħħlu f’xulxin.

Korruzzjoni

4.     Il-pajjiż ilu jaf sitt snin li, f’dawn il-gżejjer, il-korruzzjoni saret l-ordni tal-ġurnata.  Hemm livelli varji tagħha.  Hawn, però, għandek il-ħoxna – dik tal-miljuni fuq il-miljuni.  Kuntratti varji, kuntratti akbar bejn bnedmin li ma jqattgħux il-ġurnata fis-sagristija.  Bnedmin li ħadu ħidmiethom ġewwa Kastilja.  Fejn fiha jidħlu u minnha joħorġu.  Kienu wisq viċin tal-poter.  Użaw il-kuntatti tagħhom fil-poter għall-vantaġġ personali tagħhom.  Dawn jidher li l-Prim Ministru kien jafhom, kien jarahom, kien jiltaqa’ magħhom, kien jieħu r-ritratti magħhom.  Ħadu l-kunfidenza, rikbuh u l-post ġie ċentru tagħhom.

Omiċidju politiku

5.     Mhux biss flus, imma hemm xibka ta’ kuntatti u komplotti li kompliet fi triqitha sabiex tiġi maqtula l-mara Daphne Caruana Galizia.  Minn dak li qed joħroġ, Kastilja ma kinitx wisq ‘il bogħod minn dan.  Kien hemm min jaf.  Kien hemm min kien qiegħed jiġi nfurmat.

Problemi nazzjonali

6.     Dan kollu ġieb miegħu ġabra ta’ problemi.  Il-pajjiż ħa daqqa ta’ ħarta kbira.  Ir-reputazzjoni tagħna marret lura ħafna.  Diversi jarawha bħala ‘irreparabbli’. Jarawha diffiċli li terġa’ tinġieb lura.  Jifhmu li fi snin twal ta’ ħidma, il-Partit Nazzjonalista kien irnexxielu jgħolli ‘l-poplu tagħna ‘l fuq fl-istima.  Jifhmu li biex iġġibha lura, u turi li hemm min huwa kapaċi jmexxi pajjiż u poplu, trid ħafna żmien u ħafna ħidma iebsa.

Hemm distinzjoni

7.     Il-kumplikazzjoni hija ikbar għall-Partit Laburista f’dan.  Għax hemm distinzjoni bejn il-Gvern u huwa.  Ir-reputazzjoni, fil-mument, tilifha pajjiżna u anki huwa.  Kif jgħaddi ż-żmien, però, il-pajjiż jista’ jirkupraha, speċjalment jekk ikollu bidla fit-tmexxija tiegħu.  Imma l-Partit Laburista jkun għad fadallu snin iġorr miegħu din il-fama żbaljata.  Waqt li għada pitgħada l-pajjiż jaf jerġa’ jieħu f’idejh l-eventi u l-libsa nadifa li tixraqlu, il-Partit Laburista jkun għadu jdur, ifittex u jifhem x’ġara fid-deżert. 

Bidla fit-tmexxija

8.     Bidla fit-tmexxija tal-Partit Laburista hija bidu għalih.  Mhux neċessarjament ser ikun hekk għall-pajjiż.  Issa, jilħaq min jilħaq, ser jiret dejn politiku xejn faċli biex jiġi mħallas.  Dejn li ma tħalliex minn bnedmin ta’ partit ieħor, imma minn dawk li huma fil-Partit Laburista stess.  Anki jekk jipprova jiċħad dak kollu li sar, u mit-triq jipprova jidħol f’kunven tal-klawsura, xorta wettaq il-ħsara lilu nnifsu, u bil-kbir.

Xorta diffiċli

9.     Xorta ser ikun diffiċli biex wieħed jispjega lil min ta l-fiduċja lill-Partit Laburista kif u x’sewwasew ġara.  Biex dan ikun jista’ verament iseħħ, trid issir investigazzjoni ċara u sħiħa.  Isir rapport ċar u pubbliku fuq kif il-poter ġie użat żbaljatament f’Kastilja f’dawn l-aħħar snin.  Punt, għalija, determinanti, imma ċert li ser ikun hemm min jipprova jċekken, jaħrab jew jaħbi milli jwettaq.

Il-verità sħiħa

9.     Il-verità sħiħa trid tingħad.  Iż-żejt nafu li jitla’ f’wiċċ l-ilma.  Imma nafu wkoll li biex dan iseħħ, irid isir meta l-ilmijiet jikkalmaw.  Fil-kalma biss, u mhux fir-rabja, hemm il-vantaġġi: l-ewwel, li l-bnedmin jifhmu dak li ġara; t-tieni: jifhmu l-effetti negattivi tagħha u t-tielet: jibdew jifhmu li hemm bżonn soluzzjoni għaliha.  Il-pjazza tibqa’ l-pjazza.  Imma huma iktar importanti l-mezzi ta’ komunikazzjoni.  Iktar importanti l-informazzjoni sħiħa tal-fatti, tal-verità lill-bnedmin.  Għax dawn jitkellmu waħedhom.  Ma hemmx bżonn ta’ iktar, ħlief li tassigura l-verità u xejn iktar aħjar minnha.

Għadna fil-bidu

10.   F’dan irridu nifhmu li għadna fil-bidu.  Mill-proċess legali fil-Qorti għad irridu nisimgħu.  Il-każ għad fadallu biex jingħalaq.  Fil-frattemp, il-pajjiż ser jibqa’ jġorr fuqu din id-dabra.  Fil-frattemp ser jifhem dejjem iktar li dak li ġara huwa verament wisq u wisq gravi.


4.12.19

CONTAINERS BIL-FLUS





12186. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11884, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk almenu dan il-każ ġiex investigat mill-Korp tal-Pulizija?

18/11/2019

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ ma ġiex investigat mill-Pulizija u nerġa’ nistiednu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  285
02/12/2019

NAZZJONIJIET UNITI - VOTI




12185. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10543, jista’ l-Ministru jinforma x’kienet ir-raġuni u l-pożizzjoni wara l-astenzjoni ta’ pajjiżna fil-vot li ttieħed fit-22 ta’ Diċembru 2018 fil-Global Call for Concrete action for the total elimination of racism, racial discrimination etc (A/Res/73/362) fin-Nazzjonijiet Magħquda?

18/11/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-vot li ttieħed fit-22 ta’ Diċembru 2018 fil-Global Call for Concrete action for the total elimination of racism, racial discrimination etc (A/Res/73/362) fin-Nazzjonijiet Magħquda, il-membri imsieħba tal-Unjoni Ewropea, inkluz Malta, qablu fuq pożizzjoni komuni u astjenew.

Seduta  285
02/12/2019

KOTBA MIXTRIJA TAL-LINGWA TEDESKA





12184. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm inxtraw kotba bil-lingwa Tedeska tul dawn l-aħħar tliet snin?

18/11/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li bil-lingwa Ġermaniża, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu xtrat 511 ktieb tal-qari u dawn tqassmu fl-iskejjel. L-iskejjel medji u sekondarji nfushom xtraw 401 ktieb ieħor. Jiġifieri b’kollox inxtraw 912-il ktieb bil-lingwa Ġermaniża.

Seduta  285
02/12/2019


SKEJJEL SEKONDARJI - STUDENTI LI QED JISTUDJAW IL-LINGWA TEDESKA





12183. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jistudjaw il-lingwa Tedeska?

18/11/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel sekondarji u medji tal-istat li qegħdin jistudjaw il-lingwa Ġermaniża huwa kif se nsemmi:
Skejjel Sekondarji - 819-il student
Skejjel Medji - 572 student

Seduta  285
02/12/2019


CONTAINERS BIL-FLUS




12182. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11886 jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk almenu hemmx inkjesta maġisterjali jew waħda interna li ġiet stabbilita?

18/11/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandhiex xi nżid iktar wara r-risposta li diġà tajt f’mistoqsija parlamentari 11886. Madanakollu, nerġa' nistieden lill-Onor. Interpellant li m’għandi l-ebda oġġezzjoni li b’mod privat u kunfidenżjali ninfurmah dwar l-informazzjoni li jien konxju tagħha u x-xogħol li qed isir fuq dan il-każ.

Seduta  285
02/12/2019

COMMUNITY WORK SCHEME – ĦADDIEMA INGAĠĠATI




12041. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li kien hemm ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme sal-aħħar ta’ Diċembru 2018?

11/11/2019

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme fl-aħħar ta’ Diċembru 2018 kien 847.

Seduta  285
02/12/2019

Fejn daħħaltna?



1.      Dak li ġara tul din il-ġimgħa, ħadd u xejn ma jista’ jneħħih mill-istorja u l-memorja tal-poplu.  Il-pożizzjoni ħarġet mill-idejn u issa hawn konfużjoni politika tajba.  Ħadd ma huwa jifhem kif, quddiem dak kollu li seħħ, id-deċiżjoni t-tajba tibqa’ ma tiġix  meħuda.  Ħadd ma jifhem kif jista’ jkollok pajjiż mimli, jum wara jum, b’informazzjoni u allegazzjonijiet li jwasslu, l-ewwel, sabiex jitlaq iċ-Chief of Staff f’Kastilja wara żewġ ministri prominenti u protagonisti fil-Gvern, u jibqa’ kollox għaddej qisu ma ġara xejn.

Ħsara irreparabbli

2.      Hija ċertament ħsara li ma tistax iġġibha lura.  Dak li seħħ f’jum wara jum f’dak li l-investigaturi kienu qed isibu ma jistax jinġieb lura.  L-amministrazzjoni preżenti, immexxija kif inhija, ma tistax tirkupraha.  Ġiebet lilha nnifisha f’dan.  Daħlet hija stess fi sqaq li minnu ma hemmx alternattiva, salv waħda: dik ta’ bidla kompleta.  Dik li taqleb l-affarijiet u xi ħadd jibni lura mill-ġdid.  Kemm dan huwa possibbli b’dan il-Gvern, u b’dan il-Partit Laburista ferut, l-istorja trid tgħidilna.  Imma l-pożizzjoni hija dejjem iktar ċara: li l-ħsara hija mmarkata u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna mhix tajba.

Kawża u effetti 

3.      Għidilha ‘ras iebsa’, għidilha ‘pika’, il-fatt jibqa’ li dak li kellu jsir snin twal ilu baqa’ ma sarx.  Il-fatt huwa li minn dak li qed iseħħ, ser ikun hemm konsegwenzi fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  Sabiex Kastilja tibqa’ żżomm il-pożizzjoni tagħha ser ikun hemm effetti fuq ħaddieħor.  Fil-ħajja ekonomika diġà, f’dawn l-aħħar snin, konna qed nassistu għal nuqqas ta’ attività kummerċjali.  Fil-ħajja soċjali qed jerġgħu jqumu l-ispettri tal-passat.  Bnedmin qed jikkargaw kontra oħrajn.  Il-qasma li kien hemm ser terġa’ tiġi lura b’iktar kumplikazzjonijiet minn qatt qabel.  Fil-paċi, l-ordni u l-ġustizzja ser inkomplu naraw iktar pressjoni, tensjoni u nuqqas ta’ serenità.

Ħawwadni sabiex nifhem?

4.      Is-sitwazzjoni ma hi ċara xejn.  Hija mimlija b’fatti li jmorru kontra xulxin.  Mimlija b’kurrenti li jindikaw direzzjonijiet differenti.  Il-pajjiż ma jistax jiġbor, fuq naħa, dak li kien ċar li qed jiġbor nies f’daqqa, u fuq l-oħra, dak li jrid jifridhom.  Minflok hemm spjegazzjoni tal-fatti hemm konfużjoni, taħwid sħiħ.  Dik li hija l-verità qegħda tiġi miċħuda.  Dawk li huma l-fatti qed jiġu mċekkna jew imwarrba bħallikieku ma jeżistux.  It-taħwid huwa kbir u ġie miżrugħ intenzjonalment.  Imma l-effett tiegħu huwa li ferm iktar bnedmin mhumiex jaċċettaw dak li qed jgħid il-Prim Ministru u m’għadhomx jafdaw il-kelma tiegħu.

Dritt għall-Verità

5.      Hawn wisq ħabi u nuqqasijiet kbar.  Kien dan il-Prim Ministru li ma riedx li jkun hemm iktar investigazzjoni minn bord indipendenti minnu u l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħtu.  Għamel dawn l-aħħar sentejn jaħrab minn din id-deċiżjoni, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra.  Żamm proċess li seta’ jqabbad ferm qabel dak li f’dawn is-sentejn sħaħ baqa’ ma sarx.  Aġir li ma kienx politikament responsabbli.  Aġir li ġieb dan kollu għax, kif jgħidu: “Tardare si, scappare no.”  Id-dnub ma jorqodx u jrid joħroġ.  F’dan kollu, il-poplu għandu sempliċement dritt fundamentali sabiex tingħadlu l-verità.  Ħidma li l-Oppożizzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamlu u li għadha għaddejja f’din it-triq.

Ostakli qawwija

6.      Kien diġà qam il-punt meta ġew imressqa tlett persuni quddiem il-Qrati tagħna.  Kienu diġà ssemmew diversi kumpanniji u bnedmin snin twal ilu.  Imma tħalla kollox wieqaf.  Tħalla kollox jiġi biċċa biċċa f’din il-pożizzjoni, li minnha l-verità hija feruta u mormija.  Li kieku kien hemm il-ħeġġa, u verament ir-riċerka lejn dak li seħħ u min kien verament involut, kieku dan il-proċess sħiħ kien jibda ferm qabel.  Minflok tħalla wieqaf, pendenti.  Il-Gvern Laburista ħarab mill-verità.  Ħarab milli jrendi ġustizzja, u li jidentifika lil min huwa responsabbli.  Il-pożizzjoni hija iktar diffiċli llum.  Illum, fejn l-ispazju politiku hemm min qiegħed jagħmel minn kollox sabiex jingħalaq.

Fid-demokrazija

7.      Il-Gvern daħħalna f’dan l-isqaq.  Il-Gvern mexa fuq in-nies, jaħrab mis-sewwa u l-verità.  Min-naħa tagħna, il-fiduċja hija fid-demokrazija.  Il-fiduċja tagħna hija fil-Poplu Malti, li jifhem dak li huwa għaddej.  Il-fiduċja tagħna hija f’dawk li jridu, u qed ifittxu bir-raġuni, is-sewwa.  Il-fiduċja tagħna hija fis-saħħa tal-verità.  Hija hi li tmexxina u turina dak li hemm, sabiex inkunu nistgħu nibdlu.  Pajjiżna jixraqlu aħjar.  Jixraqlu Gvern differenti minn dan.


FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...