10.12.19

Verament wisq u wisq gravi




1.     Dak li pajjiżna għaddej minnu bħalissa qatt ma rajna bħalu.  Kemm ilna indipendenti, kellna Prim Ministri differenti u ħadd minnhom ma daħal f’basla bħal din.  Irid ikun ċar li dan mhuwiex ħidmet ħaddieħor, imma frott ta’ dak li wettaq, jew naqas milli jwettaq, il-Prim Ministru attwali.  Ħa jkun ċar li seta’ ħarab minn dan meta ra l-ewwel sinjali snin ilu.  Minflok ħa t-triq tas-sewwa, għażel li jwebbes rasu u jibqa’ jgħix ma’ dak li ma kienx.  Għalhekk, diversi huma konvinti li postu llum m’għandux ikun iktar hemm.

Il-pożizzjoni llum

2.     Hemm żewġ faċċati għal din il-munita.  L-ewwel: hemm fuq naħa kilba kbira sabiex toħroġ, u ssir magħrufa, il-verità.  It-tieni: fuq l-oħra hekk kif joħorġu minnha x-xokk, il-mistħija, is-sens ta’ tradiment.  Fejn diversi ma jridux jaċċettaw dak li qed jisimgħu u jaraw b’għajnejhom.  Ħafna tilfu d-direzzjoni.  Ħafna qegħdin jaħarbu mir-realtà f’dinja tagħhom.  Oħrajn ma jridux iħarsu lejn dak li qed jifhmu: li l-kaġun ta’ dan kollu huwa l-Gvern Laburista.

Il-fatti

3.     Il-każ għadu qiegħed jinkixef biċċa biċċa.  Jum wara jum, qegħdin nisimgħu xiehda varja.  Nisimgħu kif, u min qiegħed jingħad li kien involut.  Jidħlu fin-nofs dawk li anqas tkun trid temmen li qegħdin hemm.  Joħorġu dawk li għandhom ikunu hemm.  Fejn it-teatru huwa ċ-ċentru tal-poter tal-pajjiż.  Kastilja, jum wara jum, tissemma’ bi prominenza.  Tissemma’ fejn il-protagonisti u l-atturi ta’ din it-traġedja Maltija jinġabru jgħidu, jikxfu u jwaħħlu f’xulxin.

Korruzzjoni

4.     Il-pajjiż ilu jaf sitt snin li, f’dawn il-gżejjer, il-korruzzjoni saret l-ordni tal-ġurnata.  Hemm livelli varji tagħha.  Hawn, però, għandek il-ħoxna – dik tal-miljuni fuq il-miljuni.  Kuntratti varji, kuntratti akbar bejn bnedmin li ma jqattgħux il-ġurnata fis-sagristija.  Bnedmin li ħadu ħidmiethom ġewwa Kastilja.  Fejn fiha jidħlu u minnha joħorġu.  Kienu wisq viċin tal-poter.  Użaw il-kuntatti tagħhom fil-poter għall-vantaġġ personali tagħhom.  Dawn jidher li l-Prim Ministru kien jafhom, kien jarahom, kien jiltaqa’ magħhom, kien jieħu r-ritratti magħhom.  Ħadu l-kunfidenza, rikbuh u l-post ġie ċentru tagħhom.

Omiċidju politiku

5.     Mhux biss flus, imma hemm xibka ta’ kuntatti u komplotti li kompliet fi triqitha sabiex tiġi maqtula l-mara Daphne Caruana Galizia.  Minn dak li qed joħroġ, Kastilja ma kinitx wisq ‘il bogħod minn dan.  Kien hemm min jaf.  Kien hemm min kien qiegħed jiġi nfurmat.

Problemi nazzjonali

6.     Dan kollu ġieb miegħu ġabra ta’ problemi.  Il-pajjiż ħa daqqa ta’ ħarta kbira.  Ir-reputazzjoni tagħna marret lura ħafna.  Diversi jarawha bħala ‘irreparabbli’. Jarawha diffiċli li terġa’ tinġieb lura.  Jifhmu li fi snin twal ta’ ħidma, il-Partit Nazzjonalista kien irnexxielu jgħolli ‘l-poplu tagħna ‘l fuq fl-istima.  Jifhmu li biex iġġibha lura, u turi li hemm min huwa kapaċi jmexxi pajjiż u poplu, trid ħafna żmien u ħafna ħidma iebsa.

Hemm distinzjoni

7.     Il-kumplikazzjoni hija ikbar għall-Partit Laburista f’dan.  Għax hemm distinzjoni bejn il-Gvern u huwa.  Ir-reputazzjoni, fil-mument, tilifha pajjiżna u anki huwa.  Kif jgħaddi ż-żmien, però, il-pajjiż jista’ jirkupraha, speċjalment jekk ikollu bidla fit-tmexxija tiegħu.  Imma l-Partit Laburista jkun għad fadallu snin iġorr miegħu din il-fama żbaljata.  Waqt li għada pitgħada l-pajjiż jaf jerġa’ jieħu f’idejh l-eventi u l-libsa nadifa li tixraqlu, il-Partit Laburista jkun għadu jdur, ifittex u jifhem x’ġara fid-deżert. 

Bidla fit-tmexxija

8.     Bidla fit-tmexxija tal-Partit Laburista hija bidu għalih.  Mhux neċessarjament ser ikun hekk għall-pajjiż.  Issa, jilħaq min jilħaq, ser jiret dejn politiku xejn faċli biex jiġi mħallas.  Dejn li ma tħalliex minn bnedmin ta’ partit ieħor, imma minn dawk li huma fil-Partit Laburista stess.  Anki jekk jipprova jiċħad dak kollu li sar, u mit-triq jipprova jidħol f’kunven tal-klawsura, xorta wettaq il-ħsara lilu nnifsu, u bil-kbir.

Xorta diffiċli

9.     Xorta ser ikun diffiċli biex wieħed jispjega lil min ta l-fiduċja lill-Partit Laburista kif u x’sewwasew ġara.  Biex dan ikun jista’ verament iseħħ, trid issir investigazzjoni ċara u sħiħa.  Isir rapport ċar u pubbliku fuq kif il-poter ġie użat żbaljatament f’Kastilja f’dawn l-aħħar snin.  Punt, għalija, determinanti, imma ċert li ser ikun hemm min jipprova jċekken, jaħrab jew jaħbi milli jwettaq.

Il-verità sħiħa

9.     Il-verità sħiħa trid tingħad.  Iż-żejt nafu li jitla’ f’wiċċ l-ilma.  Imma nafu wkoll li biex dan iseħħ, irid isir meta l-ilmijiet jikkalmaw.  Fil-kalma biss, u mhux fir-rabja, hemm il-vantaġġi: l-ewwel, li l-bnedmin jifhmu dak li ġara; t-tieni: jifhmu l-effetti negattivi tagħha u t-tielet: jibdew jifhmu li hemm bżonn soluzzjoni għaliha.  Il-pjazza tibqa’ l-pjazza.  Imma huma iktar importanti l-mezzi ta’ komunikazzjoni.  Iktar importanti l-informazzjoni sħiħa tal-fatti, tal-verità lill-bnedmin.  Għax dawn jitkellmu waħedhom.  Ma hemmx bżonn ta’ iktar, ħlief li tassigura l-verità u xejn iktar aħjar minnha.

Għadna fil-bidu

10.   F’dan irridu nifhmu li għadna fil-bidu.  Mill-proċess legali fil-Qorti għad irridu nisimgħu.  Il-każ għad fadallu biex jingħalaq.  Fil-frattemp, il-pajjiż ser jibqa’ jġorr fuqu din id-dabra.  Fil-frattemp ser jifhem dejjem iktar li dak li ġara huwa verament wisq u wisq gravi.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...