17.12.19

Tajn u ferm iktar tajn.




1.     Tlaqna din il-ġimgħa nisimgu l-vanġelu f’jum fejn niċċelebraw il-festa tal-patruna antika ta’ dawn il-gżejjer, Santa Luċija.  Qrajna dwar il-qlajjiet u t-tajn reliġjuż li kien inxeħet lejn San Ġwann Battista u Sidna Ġesù Kristu.  Kliem li jipprova jiskredita u jċekken.  Kliem li rridu nżommu quddiemna.

Tiżżeffen

2.     Fil-politika, ċertament nafu li t-tajn faċli sabiex jinxeħet.  Faċli li wieħed jipprova jiskredita lil ieħor.  Mhux faċli biex wieħed ineħħi minn fuqu dak li jinxeħetlu.  Ċerti drabi, jgħaddu snin twal.  Drabi oħra, jibqa’ ħajtu jġorr fuqu dell li ma jeżistix, imma li jiżżeffen.  Tkun saritlu inġustizzja.  Waħda li l-piena tagħha jibqa’ jħallas għaliha, anke jekk m’għandux ħtija.  Biss, il-pożizzjoni tinbidel fejn dak li jkun għandu tort.  Il-politika hija f’dan iktar kiefra mal-bnedmin, però daqshekk ieħor taf tkun hekk mal-Istati, mal-popli.

Faċli titlef li għandek

3.     Ngħidu x’ngħidu, diversi persuni jfittxu li jkollhom kredtu u stima fis-soċjetà.  Li jkollhom min ikellimhom b’rispett, li jħares lejhom b’opinjoni tajba dwarhom.  Ħafna jispiċċaw jgħixu għall-istima; ħafna oħra jaħdmu biss għall-istima.  Hija, għal diversi, valur uniku, aqwa mill-muniti tad-deheb f’xi senduq.  Proprju għalhekk li jsiru attakki fil-politika: biex jiskreditaw lil dawk li għandhom kredtu.  Proprju għalhekk li daħlet din l-użanza żbaljata u mimlija velenu li minnha, lil min m’għandekx grazzja miegħu, tneħħilu l-unur li jgawdi.  Hemm min iċedi għaliha u hemm min jibqa’, ħajtu kollha, jikkumbattiha.

Dan diġà iebes

4.     Dan, fih innifsu, huwa diġà kumplikat u diffiċli.  Però, huwa iktar iebes min iġarrab u mhuwiex fil-politika.  Hemm bnedmin fis-soċjetà li jbatu t-telf tal-kredtu, iġorru l-marki ta’ tajn apparenti magħhom.  Hemm passi innoċenti, fin-normalità tal-ħajja li jiġu interpretati bħala mimlija ħażen.  Hemm azzjonijiet li jsiru minn oħrajn li jew qegħdin direttament, jew indirettament, kontra bnedmin mhux fil-politika.  Hemm ukoll bnedmin fil-politika li jħammġu u jattakkaw lil dawk li huma barra l-ħajja pubblika.  Iġibuhom fid-dawl biex fuqhom jinxeħet tajn li ma jistgħux jirribattu, u anqas għandhom is-saħħa biex iwieġbu.  Dan fil-familja, fix-xogħol, fis-soċjetà t-tajn imisshom u jeħel magħhom.

Fil-bniedem, fl-Istati

5.     L-Istati nazzjonali jaġixxu u jgħaddu minn dak li l-bnedmin jgħaddu minnu.  L-Istati, numru ta’ drabi jsibu ruħhom, huma wkoll, akkużati u mħammġa b’dak li m’għandhomx tort għalih.  It-tajn politiku jinxeħtilhom u jkollu effett fuq il-ħajja tal-popli.  Fuq id-dinja soċjali, kulturali, imma kif l-esperjenza turi, direttament fuq dik ekonomika.  Is-suq intern ta’ dawk l-Istati, il-prodotti tagħhom, il-kelma tan-negozjanti tiegħu jitqegħdu taħt id-dell.  Il-fiduċja tonqos, l-avvjament jitlaq u l-kredtu jitlaq.

Meta titħammeġ

6.     Hemm imbagħad dawk li jidħlu fit-tajn huma.  Hemm dawk il-bnedmin li jixħtu fuqhom infushom dan il-materjal li jispiċċaw ma jifilħux iġorru.  Bnedmin fil-politika għandhom responsabbiltà akbar hawn, skont il-pożizzjoni li jġorru.  Membri Parlamentari jsibu l-ġudizzju tal-elettorat li ma jerġax jagħtihom il-kunsens.  Ministri jispiċċaw jitneħħew jew jirriżenjaw.  Prim Ministri agħar minn dan kollu.  Fil-bidu jiċħdu, wara jaħarbu minnha, jibdew jattakkaw iktar ‘l-avversarji tagħhom u fl-aħħar jiġi l-mument meta bilfors iridu jwarrbu.

Seħħ f’pajjiżna

7.     Dan kollu seħħ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur.  Rajna, f’dawn l-aħħar tmienja u erbgħin xahar, ċaħda sħiħa ta’ dak li kien loġiku li jsir.  Quddiem il-korruzzjoni, quddiem l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, la l-Prim Ministru ma ħass li għandu jieħu xi responsabbiltà politika, u anqas ra li xi ħadd ieħor jiċċaqlaq.  Minflok, l-istrateġija kienet waħda: dik li taħrab mill-problema, taħrab mit-tajn li kien qiegħed jinġabar billi tidħol f’attakk qawwi kontra l-Oppożizzjoni.  Tattakka b’saħħa ‘l-mexxej tiegħu b’allegazzjonijiet qawwija.  Issaħħan u tqiegħed pożizzjonijiet politiċi fejn l-għan prinċipali kien wieħed: dak li turi ‘l-partit fl-Oppożizzjoni maqsum.  F’ħafna, irnexxielu.  Però ma ġiex fejn xtaq.  Il-Partit irreżista, anke jekk kellu jgħaddi mill-proċess intern, iebes u perikoluż ta’ mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija tal-Partit.

Ma rnexxilux

8.     F’dan kollu, kellu l-effett negattiv tiegħu.  Huwa li kien diġà fit-tajn, iddeċieda li jibqa’ jixħet iktar, ferm iktar tajn fuq ħaddieħor.  Direttament fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.  Hemm, iva, din ir-regola fil-ħajja.  Min ikun fil-ħmieġ isib ruħu ġustifikat jixħtu fuq ħaddieħor.  Min ma jkunx isibha diffiċli, għaliex ma jkollux it-tajn fil-kaxxa, fil-karattru u f’ħidmietu.  Ma jsibx ruħu ġustifikat f’xi mekkaniżmu imwieled mill-kitba ta’ Niccolò Macchiavelli.  Min jirċievi l-azzjonijiet irid biss ikompli għaddej sakemm ikun iktar, u iktar ċar, li dak it-tajn li nxeħet fuqu ġie hekk mixħut inġustament.

Tilef il-partita

9.     Biss, f’dan kollu huwa iktar u iktar ċar li l-Prim Ministru llum jista’ jgħid li tilef kompletament il-partita.  L-istrateġija, it-tattika użata kienet ‘il-bgħid mid-dawl, ‘il-bgħid mis-sewwa, mill-valuri fundamentali tal-ħajja, u falliet.  Flok aċċetta u kkonfronta l-ħażen li kien qiegħed jgħix miegħu f’Kastilja, spiċċa meħud minnu.  Storja ċertament sewda ħafna.  Waħda li terġa’ tipprova li min imexxi poplu bħal tagħna u jaħrab mill-valuri li l-prinċipji etiċi Nsara għaddew lid-demokrazija Ewropea jsib ruħu fejn wasal hu.

Il-futur

10.   Ser ikun hemm tentattivi għar-riforma min-naħa tal-Partit Laburista.  Dawn m’għandhomx jiċċekknu, imma jiġu nkwadrati fl-istorja tallum.  Jibqgħu dawk li kellhom l-okkażjoni li jwaqqfu dak li kien qed jiġri, u issa jridu jippruvaw jibdew inaddfu t-tajn li ġie mxerred.  It-tajn qiegħed fuq u ġewwa Kastilja.  Min ġej irid, l-ewwel, jagħti rendikont ta’ kemm-il tunnellata hemm imwaħħla mal-ħitan u mal-art; wara x’passi ser jara li jidħlu biex dan ma jerġa’ qatt iseħħ; u t-tielet, x’passi ser jieħu għall-quddiem.  It-tajn li għandna huwa wieħed mill-iktar iebes biex jitneħħa.  Daħal fil-pori, fit-tessut tal-ħidma tal-Partit Laburista, fil-vini, fil-kapillari l-iktar żgħar u rqaq.

Strateġija sħiħa għas-sewwa

11.   Il-Partit Nazzjonalista ġie attakkat, diversi drabi, inġustament.  Ġie akkużat li huwa wisq il-partit tar-regoli u tal-liġi.  Biss, dan tħaddan dejjem għax ħares li jagħraf li min iżomm l-ordni morali, l-ordni, wara, iżżommu.  Ħares, anzi, dejjem fl-imperfezzjoni umana tiegħu li jkollu strateġija sħiħa għas-sewwa.  Dan ma kienx il-każ tal-Partit Laburista f’din il-leġislatura.  Anzi, kien hemm il-kritika interna li l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Alfred Sant kienet wisq favur ir-regoli ta’ amministrazzjoni demokratika, u għalhekk falla.  U għalhekk il-bżonn li jsir kollox il-kontra.

Id-dinja tibqa’ li hija

12.   Illum, l-effett negattiv hemm qiegħed.  Fid-diżordni li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin, issa ser ngħaddu mill-proċess ta’ tbatija biex niġu lura għall-ordni.  L-ekonomija, il-ħajja tal-bnedmin f’din is-soċjetà ser jiġu effettwati fin-negattiv.  Diġà naqset ir-rota tal-kummerċ f’dawn il-ġimgħat b’mod qawwi li diġà bdiet tinħass.  Issa din tista’ tikber bil-ħruġ ċert tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Jekk ma nifhmux fejn aħna, ma nistgħux nibdew niċċaqilqu ‘l quddiem.  Jekk ma nirrealizzawx kemm għandna tajn fuqna, ma nistgħux nibdew innaddfu.

Kunsill Ġenerali

13.   Proprju għalhekk li l-ġimgħa, fil-jum għażiż meta niċċelebraw ir-Repubblika, il-Partit ħass l-urġenza li jlaqqa’ Kunsill Ġenerali stratordinarju.  Dan huwa l-partit tar-riforma.  Dan huwa dak li għolla isem pajjiżna u huwa dak li għada pitgħada ser ikun qiegħed finalment indaddaf.  Għax it-tajn hemm qiegħed, u dmirna huwa li nkompu naħdmu biex jitneħħa darba għal dejjem minn fuq ir-Repubblika Demokratika u Ewropea tagħna.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...