27.6.23

BORD TAL-PAROLE – RAPPORTI ANNWALI

9942. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapporti annwali mill-Bord tal-Parole ġewx preżentati skont is-subartikolu (4) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fis-sena li għaddiet 2022?

 

08/06/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:   Qiegħed inpoġġi r-rapporti annwali fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta  138

26/06/2023

REĠISTRATUR TAL-QORTI (ĊIVILI) – ĠBIR TA’ FLUS FI DRITTIJIET U SPEJJEŻ DOVUTI

9941. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi drittijiet u spejjeż dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) matul is-sena li għaddiet 2022?

 

08/06/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2022 is-somma miġbura fi drittijiet u spejjeż mir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) hija ta’ €5,145,569.08.

 

Seduta  138

26/06/2023

TRIBUNAL GĦAS-SANZJONIJIET KUMMERĊJALI

9940. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali għadux jopera jew le u jekk iva, minn min hu kompost, kemm-il darba ltaqa’ s-sena li għaddiet u jekk kienx hemm persuna ġuridika jew naturali li ġiet blacklisted?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali għadu jopera u hu kompost skont it-tabella t'hawn taħt:

 

Chairperson

Dr Jacqueline Tanti-Dougall

Deputat Chairperson

Reginald Fava

Membru

Dr Joseph Fava

Membru Sostitut

Gaetano Tanti

Segretarja

Caroline Mifsud


Il-Bord iltaqa’ tnejn u għoxrin (22) darba matul is-sena 2022. L-ebda persuna ġuridika jew naturali ma ġiet blacklisted tul is-sena 2022.

 

Seduta  138

26/06/2023

LAQGĦA TAL-INTERNATIONAL LABOUR ORGANIZATION - LAQGĦA

9939. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fl-aħħar laqgħa tal-International Labour Organization u min attenda għaliha?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  138

26/06/2023

EU COUNTRY NATIONALS

9938. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm EU Country Nationals reġistrati li qegħdin jaħdmu uffiċjalment f’pajjiżna sal-aħħar tas-sena 2022 u kemm kien hemm qegħdin jirreġistraw?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 111-il EU Country Nationals jirreġistraw fuq l-ewwel u tieni parti tar-reġistru sal-aħħar ta’ Diċembru 2022.

Rigward in-numru ta' EU Country Nationals jaħdmu uffiċjalment f’pajjiżna, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 9781.

 

Seduta  138

26/06/2023

WIED IL-GĦAJN – IL-MAGĦLUQ

9937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu matul is-sena li għaddiet u li qegħdin jittieħdu sal-lum f’dak li jissejjaħ il-Magħluq, f’Wied il-Għajn, mid-dipartiment rispettiv?

 

08/06/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkollaboraw mill-qrib mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta sabiex komplew jitwettqu diversi interventi għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tas-sit imsemmi. Fil-fatt, it-tmexxija ta’ dan is-sit hija koperta wkoll bi ftehim bejn l-ERA u Nature Trust Malta. L-interventi li saru matul is-sena li għaddiet kienu jinkludu:

 

· Ttħammil u tneħħija ta’ materjal mill-ilma biex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni u biex jissaħħaħ l-ambjent naturali fejn jgħix il-Bużaqq (il-ħuta nazzjonali);

· Tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi;

· Estensjoni tal-ambjent naturali li jżomm l-ilma;

· Studju dwar il-popolazzjoni tal-Bużaqq;

· Tħawwil ta’ siġar indiġeni;

· Monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma;

· Photographic survey biex isir magħruf l-istat tal-ħitan taħt il-livell tal-ilma fil-Magħluq;

· Xogħol ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ.

 

Barra minn hekk, dan ix-xahar se tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti biex jinbidel il-fencing li jdawwar is-sit.

 

Seduta  138

26/06/2023

lL-FUTUR POLITIKU TAGĦNA LLUM

1.   Min ikun ġarrab, min ra diġà l-ħajja jagħraf li hemm mumenti ta’ tbatija u oħrajn differenti. Jagħraf dan u jħares ʼil quddiem sabiex dak li jħoss, dak li huwa jinsab fih, jinbidel għall-aħjar. Hemm min jaħseb li l-affarijiet jissolvew billi ma jagħmel xejn. Hemm oħrajn li, tant jaqtgħu qalbhom, li jaħsbu li xejn ma jista’ jinbidel. Hemm oħrajn li jibqgħu jaħdmu u jittamaw sabiex ikun hemm futur aħjar mill-preżent li jkollhom. Hemm diversi oħra li jridu jaraw dan l-isforz komuni verament isir biex jibdew jemmnu li hemm il-probabilità li l-bidliet tant neċessarji fil-ħajja tagħna jseħħu. Biex kull bniedem li jrid il-bidla, ikollu f’dan bażi aqwa biex jittama fil-futur politiku.

Bla direzzjoni

2.   Ħafna drabi mmorru għal diversi proposti u ideat li naħsbu li ser jibdlu l-fehmiet tal-poplu. Għamilna ħafna fis-snin li għaddew li seta’ kellu effett, imma mhux f’dak li wieħed illum għandu l-bżonn tiegħu. Dak li ngħidu jista’ jkun tajjeb fih innifsu, imma miegħu jrid ikollu wkoll il-piż tal-kredibilità biex jikseb il-fiduċja elettorali. Mhux biss, imma l-pajjiż jifhem li aħna fl-Oppożizzjoni, u m’aħniex fil-Gvern. Nistgħu ngħinu kemm nifilħu, imma m’aħniex bid-dmirijiet tat-tmexxija tal-pajjiż. Mhux biss, imma l-proposti tagħna, flok jitqegħdu kif għandhom, qed isibu ruħhom mibdula f’direzzjonijiet differenti. Iktar u iktar illum meta jidher ċar li l-Gvern tilef id-direzzjoni u r-rankatura tiegħu.

Bħal f’Ġeriko


3.   F’soċjetà fejn il-vuċi tagħna mhix tinstema’, fejn id-dibattitu politiku bis-sens twarrab, għandna piż ikbar fl-għarfien ta’ dak li aħna. Diversi drabi nintilfu f’passi u azzjonijiet li, fl-aħħar mill-aħħar, ikabbru ħafna tamiet fost uħud u wara jaqtgħu qalb in-nies fit-tul. Is-sempliċità hija aktar, f’dan kollu, alternattiva effettiva minn kwalunkwe mezz ieħor għalina. Il-messaġġ tagħna rridu nassiguraw li nibgħatuh sew fl-irkejjen tas-soċjetà. Waqt li nirrepetuh ħalli jasal għand kulħadd b’mod ċar u b’saħħtu. Niftakru li quddiem il-ħitan tal-belt ta’ Ġeriko kienu t-trombi li waqqgħu l-ħitan. Kif naqraw: “U għajjat il-poplu, u daqqew it-trombi, u malli l-poplu sama' d-daqq tat-trombi għajjtu għajta kbira, u l-ħitan iġġarrfu u l-poplu tala' għall-belt, kulħadd minn fejn kien, u qabdu l-belt f'idejhom.” [Ġoż:6:20]

Fejn sejrin?

4.   F’dan huwa iktar ċar li rridu nagħrfu aħjar fejn sejrin sewwasew. L-organizzazzjoni nterna hija, f’dan, essenzjali u titlaq minn passi xejn kumplikati, imma ta’ ħidma man-nies li jiġu lura fil-ħidma. Kif, f’dan, wieħed jagħti motivazzjoni lil diversi ċittadini li mhumiex jaraw, mill-politika nazzjonali, soluzzjonijiet għall-problemi li, jum wara jum, qegħdin jiffaċċjaw. Hemm, illum, parti sew mis-soċjetà li hija distakkata u mhix tara li hemm ideat differenti. Tilfet, f’dan il-mument, il-fiduċja fl-abbiltà li tibdel bil-parteċipazzjoni u bil-vot tagħha. Pożizzjoni li hija diġà attwali, u li titlob soluzzjoni. Iktar u iktar f’dak li aħna sejrin għalih fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u dawk tal-Parlament Ewropew.

Għandna ċans?


5.   Fid-direzzjoni u l-burdata politika tallum jidher aktar ċar li dawk li ma jmorrux jivvutaw mhumhiex ser jonqsu. Anzi, wisq nibża’ li ser ikomplu jiżdiedu. Mhix kwistjoni ta’ għażż, imma ta’ affermazzjoni ta’ pożizzjoni. Drabi direttament f’qalb il-partiti politiċi, drabi oħra fl-għarfien li s-soċjetà m’għadhiex dik li kienet. Hemm bidliet fid-dinja tagħna li ġejjin minn fatturi varji. Dawk li twieldu mill-għarfien li kien hemm politiċi li daħku bin-nies għall-interessi tagħhom. Dawk li ġejjin mill-konfużjoni u nuqqas ta’ ordni soċjali li ninsabu fiha. Dawk li huma mwielda fuq il-ħsieb li ttieħdu ħafna deċiżjonijiet politiċi mingħajr ma kien hemm ħsieb veru fuq il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħhom. Dawk li ġejjin mill-għarfien li l-ħajja għoliet u ser tkompli togħla b’mod u manjiera li l-eżistenza umana fuq dawn il-gżejjer ser tkun iktar ikkumplikata. F’dan, għalhekk, diversi qed jistaqsu jekk hemmx ċans li l-affarijiet jinbidlu, u niġu lura għall-ordni.

X’bidliet?

6.   Waqt li naħsbu u naqraw dwar jekk hemmx fejqan għalina, ħafna fis-soċjetà jridu bidliet. Iridu aktar pedamenti tas-sewwa. Iridu aktar onestà, awtentiċità, irġulija, trasparenza, paċi u ġustizzja soċjali. L-ekonomija għandha l-effett elettorali tagħha, imma l-bnedmin iridu: l-ewwel, li dawn il-valuri jitqegħdu fis-seħħ fis-soċjetà. F’elezzjonijiet passati, dan kien diġà evidenti. Huwa daqshekk ieħor iktar evidenti llum fis-sejħa li jkun hemm politiċi li mhux biss jipprietkaw dan, imma li jieħdu ħsieb iwettquh f’ħidmiethom. Il-pajjiż ma jridx proposti kumplikati. Irid dawk li, għalkemm huma fihom infushom apparentement sempliċi, ikunu jassiguraw is-sewwa. Jassiguraw li jkun hemm soċjetà li tista’ u tagħti każ dak li l-bnedmin kollha fiha, u mhux biss l-uħud, għandhom bżonn sabiex ikollhom ħajja deċenti.

Inħarsu ʼl quddiem


7.   F’dan, il-Partit għandu jħares li jimmarka politika f’din is-sejħa leġittima tal-poplu tagħna. Il-futur politiku ta’ pajjiżna, illum iktar minn qatt qabel, jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu. Huwa f’dan ċar, l-ewwel: li l-Gvern mhuwiex f’pożizzjoni li jibdel lilu nnifsu minn dak li, f’dawn is-snin, ittrasforma ruħu fih. It-tieni: li jekk qabel kien hemm il-ġlieda politika għall-alternattiva, illum din saret kwistjoni ta’ eżistenza demokratika nazzjonali. Biex il-pajjiż jerġa’ jikseb lura l-futur politiku leġittimu tiegħu sar, iktar minn qatt qabel, urġenti li wieħed jibdel. Il-futur politiku llum qiegħed jistenna u jittama li wieħed jagħraf ir-realtà, u ma jaħrabx iktar minnha. Jagħraf li huwa d-dmir tiegħu li jimxi ʼl quddiem biex ikun kapaċi jmexxi hekk lil dan il-poplu. Il-futur politiku tagħna llum jiddependi minn dan kollu.

22.6.23

TCNS

9936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Third Country Nationals reġistrati li qegħdin jaħdmu uffiċjalment f’pajjiżna sal-aħħar tas-sena 2022 u kemm kien hemm li qegħdin jirreġistraw?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 36 Third Country Nationals jirreġistraw fuq l-ewwel u tieni parti tar-reġistru sal-aħħar ta’ Diċembru 2022.

Rigward in-numru ta Third Country Nationals jaħdmu uffiċjalment f’pajjizna, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9781.

 

Seduta  137

21/06/2023

TRIBUNAL INDUSTRIJALI - KAŻIJIET

9935. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali sal-aħħar ta’ Mejju 2023, kemm kien hemm każijiet ġodda li daħlu fis-sena 2022 u kemm ġew deċiżi sal-aħħar tal-2022 u kemm huma l-iktar każijiet li ilhom pendenti?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  137

21/06/2023

ATT DWAR IL-KUMMISSARJI GĦALL-ĠUSTIZZJA, KAP. 291 - PETIZZJONIJIET

9934. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja, Kap 291 matul is-sena 2022, kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew rifjutati?

 

08/06/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  137

21/06/2023

SKRIVANI TAL-PAROLE

9933. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent Skrivani tal-Parole ai termini tal-Kapitolu 516 dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, Kap. 516?

 

08/06/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat illi hemm Skrivan tal-Parole anzjan.

 

Seduta  137

21/06/2023

PERSUNI LI APPLIKAW GĦALL-GĦAJNUNA SOĊJALI

9932. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw biex jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali matul is-sena 2022 u jista’ jindika wkoll kemm ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju u kemm kienu li qegħdin jirċevuh?

 

08/06/2023

 

ONOR. MICHAEL FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi matul is-sena 2022 daħlu 2,653 applikazzjonijiet għall-Għajnuna Soċjali. 

 

Minn dan l-ammont kien hemm 2,140 li tħallsu.

 

Mill-ammont ta’ 2,140 li tħallsu kien hemm 1554 li ma baqgħux jieħdu dan il-benefiċċju għal raġunijiet varji, fosthom bidu ta’ mpjieg jew ma’ baqgħux jissodisfaw il-kriterji kif elenkati fil-Liġi tas-Sigurta Soċjali Kap 318.

 

Seduta  137

21/06/2023

BORD GĦAT-TNAQQIS TAS-SENTENZI TAĦT L-ATT DWAR L-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI, KAP 516

9931. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost illum il-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, Kap 516?

 

08/06/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li l-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi huwa kompost minn:

1. Dr Henry Antoncich L.P. LL.D. - Chairman

2. Dr Charlie Azzopardi B.Psy (Hons), M.Sc (Uol), Doct. Sys. Psych (UEL). - Membru

3. Sarah Camilleri - Membru

Barra minn hekk, il-Bord huwa kompost ukoll minn Rappreżentant tal-Correctional Services Agency.

 

Seduta  137

21/06/2023

MARSAXLOKK – SKOLA PRIMARJA - STUDENTI LI KELLHOM B¿ONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9930. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-iskola primarja ta’ Marsaxlokk fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija, 21 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 16 LSE.

 

Seduta  136

20/06/2023

BORD GĦAT-TNAQQIS TAS-SENTENZI TAĦT L-ATT DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI KAP. 516 - KAŻIJIET

9929. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie kkonsidrat u trattat mill-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 matul dawn l-aħħar ħames snin u x’kien l-eżitu tagħhom, possibbilment sena b’sena?

 

08/06/2023


ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba qeda titpoġġa fit-tabella riprodotta hawn taħt.

 

Year

Total cases

Restored Remission

Forfeited Remission

2019

199

58

92

2020

170

32

22

2021

179

25

11

2022

94

32

9

 

Seduta  136

20/06/2023

WIED IL-GĦAJN – SKEJJEL PRIMARJI - STUDENTI LI KELLHOM B¿ONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9928. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-iskejjel primarji ta’ Wied il-Għajn fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel imsemmija, 69 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 60 LSE.

 

Seduta  136

20/06/2023

CCF - PRIĠUNIERI

9927. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, maqsumin nisa u rġiel, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Mejju 2023? Kemm minnhom kienu qed jiskontaw sentenza u kemm minnhom kienu qed jistennew proċess?

 

08/06/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat illifil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kien hemm 572 raġel u 57 mara li minnhom kien hemm 261 b’arrest u 368 b’sentenza.

 

Seduta  136

20/06/2023

ŻEJTUN – SKEJJEL PRIMARJI - STUDENTI LI KELLHOM BŻONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9926. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-iskejjel primarji taż-Żejtun fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel imsemmija, 85 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 70 LSE.

 

Seduta  136

20/06/2023

QRATI – SENTENZI LI FIHOM INGĦATAT IL-PIENA TA’ COMMUNITY SERVICE ORDER

9925. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi li fihom ingħatat il-piena ta’ Community Service Order u jista’ jindika s-sigħat komplessivi u l-organizzazzjonijiet li ġew servuti fl-aħħar ħames snin, possibbilment sena b’sena?

 

08/06/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sa April 2023. Rigward liema kienu l-organizzazzjonijiet nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

 

Sena

2019

2020

2021

2022

2023

Sa April

Numru ta’ Ordnijiet

36

5

11

16

6

Total ta’ Siegħat

7055

780

2090

3240

1560

 

 

Seduta  136

20/06/2023

NIEQSA MILL-GĦAQAL

1.   Fil-politika hemm numru ta’ elementi li wieħed irid jikkunsidra meta jiġi biex jieħu d-deċiżjonijiet.  Anke jekk huma ta’ ftit importanza, imma daqshekk ieħor meta jkunu ta’ ċertu toqol.  L-iktar dawk marbuta ma’ jekk għandekx tagħti piż lil dak li taħseb li jaqbillek jew, fuq in-naħa l-oħra, id-direzzjoni li l-prinċipji jeħduk fihom.  Hemm arti fit-teħid tal-ġudizzji t-tajba.  Mhux kull politiku jkollu dan it-talent u iktar, anke jekk ikollu doża qawwija, mhux f’kull deċiżjoni jkun kapaċi jsegwi din il-linja.  Sfortunatament hemm drabi meta l-prinċipji ma jiġux segwiti wisq u l-effett immedjat ikun wieħed, però fit-tul jispiċċa kompletament il-kontra.  Tirbaħ illum biex fil-fatt titlef ferm iktar għada pitgħada.  L-istorja tal-bniedem hija mimlija b’dawn il-mumenti meta l-għaqal politiku jintrema għall-esiġenzi jew kunsiderazzjonijiet differenti.

Diġà diffiċli

2.   Id-dinja diġà għaddejja minn mumenti diffiċli ħafna.  Il-gwerra fl-Ukrajna qasmet lid-dinja f’iktar biċċiet milli kellna qabel.  L-ordni u l-pedamenti tal-istabilità li kellna qabel huma llum mibdula sew.  Taqlib immedjat li qed naraw f’pożizzjonijiet li, sa ftit snin ilu, ħadd ma kien jobsor li sejrin lejhom.  Mhux biss, imma minħabba f’dan hemm min qiegħed jitħajjar biex jiftaħ fronti u xenarji ta’ kunflitt politiku bejn stati varji, li qabel ma kellniex.  Dawk li qed imexxu b’idejn dittatorjali qegħdin isibu l-bieb miftuħ għall-istabilità u l-konsolidazzjoni tal-poter illeġittimu u anti-demokratiku tagħhom.  Fl-istess ħin, dawk li sa ftit snin ilu kienu jħossu l-pressjoni tal-komunità internazzjonali biex jagħtu lura l-poter lill-elettorat, issa qed iħossuhom iktar komdi jiddominaw.  Hemm wisq stati li kienu bdew it-triq għad-demokrazija tagħhom li qed narawhom jeħlu u jieqfu.  Wisq dittaturi qed joffru ruħhom kolonni ta’ appoġġ għal parti jew oħra f’dak li hu għaddej.  Aktar u aktar bil-kumplikazzjonijiet li l-ekonomiji rispettivi qegħdin jieħdu.

Il-Popli

3.   Filwaqt li sa ftit snin ilu kien evidenti li d-demokraziji huma garanziji akbar ta’ ħajja u tgawdeija aqwa, ta’ dawk l-elementi essenzjali sabiex iħarsu d-dinjità umana u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, illum qed imorru iktar lura.  Id-deċiżjonijiet mill-mexxejja politiċi tallum, f’dan il-kuntest m’huma faċli xejn.  Imma bħala bnedmin favur id-demokrazija għandna nibqgħu nsemmgħu l-vuċi tagħna biex dawk li qed jiġu ttantati jibdlu, dan ma jwettquhx.  U f’dan hemm sitwazzjonijiet internazzjonali ʼl bgħid minn xtutna li xorta ser ikollhom effett soċjali u ekonomiku fuqna.  U hemm ukoll dawk li huma viċin li qed jiżviluppaw u jistgħu joħorġu iktar mill-idejn li huma verament viċin tagħna.  Diġà huwa diffiċli u kkumplikat dak li qiegħed jiġri fil-Libja, fejn il-proċess lejn il-paċi nterna għadu għaddej; daqqa nħossuh viċin u daqqa narawh tant ʼil bgħid.  Imma għandna, fi gravità differenti, dak li hu preżentement għaddej fil-pajjiż l-ieħor ġar u ħabib tagħna, it-Tuneżija.  Ikun żball politiku tagħna jekk ma nagħrfux dak li hu għaddej u fl-istituzzjonijiet Ewropej ma jkollniex il-vuċi fil-kapitolu taħdem tajjeb.

Periklu ċar

4.   F’dan għandna sitwazzjoni perikolużali ilha tiġma’ biċċa biċċa.  Il-President attwali elett demokratikament, Kais Saied, miexi lejn iktar poter dittatorjali ʼl bgħid mill-ispirtu demokratiku li kien nibet sew fil-poplu.  Mhux biss b’liġijiet varji li fihom tneħħew ħafna mill-poter tal-pilastri demokratiċi, imma ċertament fil-konċentrazzjoni tal-poter f’idejh.  Iktar u iktar fil-passi li ttieħdu sabiex il-parlament tispiċċalu l-funzjoni li kien qiegħed jaħdem u jiżviluppa fihom.  Kien diġà mimli sfidi li tmexxi pajjiż b’diffikultajiet kbar biex jimxi ʼl quddiem, imma almenu kien hemm Gvern u Oppożizzjoni.  Biss, kien iktar żbaljat, għalhekk, li l-President jiddeċiedi li jarresta ʼl-membri ewlenin tal-Oppożizzjoni, fosthom lil Rached Ghannouchi, bniedem li kien Speaker u mexxej tal-Partit Islamista moderat ħafna, l-Ennahda.  Hemm miegħu għoxrin figura importanti oħra li spiċċaw ġewwa l-ħabs.  Il-poplu mhuwiex jaqbel ma’ dan u qed naraw iktar persuni jinżlu fit-toroq biex jipprotestaw.  It-Tuneżija huwa pajjiż kbir b’qalb daqshekk miftuħa u jagħraf li għandu jkollu s-sistema demokratika tiegħu.  Mhux imposta, ċertament, imma tiegħu.

Unjoni Ewropea

5.   F’dan, huwa evidenti ħafna li l-pajjiż qiegħed jikkrolla biċċa biċċa.  Id-dittatura ma ġġibx il-ġid soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż.  Iġġib il-kontra.  Dan huwa dak li qiegħed jiġri.  Iktar Tuneżini qed jaħarbu mill-pajjiż, ifittxu futur f’pajjiżi oħra Ewropej.  Kuljum lejn l-Italja, speċjalment, qed ikun hemm sejrin serbut ta’ bnedmin jipperikolaw ħajjithom.  F’dan il-kuntest, sforz dak li l-istess Giorgia Meloni nsistiet għalih, l-Unjoni Ewropea qegħda toffri assistenza.  Taħt il-European Neighbourhood Policy and Enlargement Negotiations qed jiġu madwar 1,050 miljun ewro f’għajnuniet varji.  Hemm programmi li nbnew biex l-istat jinżamm, f’kemm jista’ jkun, stabilità.  Għajnuna li taf isservi, imma f’dan, meta ma tkunx marbuta wkoll ma’ riformi li l-istess Stati Uniti tal-Amerika ftit xhur ilu wkoll kienet insistiet għalihom, il-pożizzjoni tmur għall-agħar.  Flus li flok ser iġibu progress veru, wisq naħseb li ser ikunu l-kaġun ta’ iktar inkwiet u ostilità lejn l-Unjoni.

Drittijiet Fundamentali

6.   Fil-laqgħat li saru, u li fihom aħna ma konniex wisq preżenti, il-linja meħuda kienet dik.  Flus, għajnuna ekonomika, imma ebda kundizzjonijiet mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt.  Pożizzjoni li ġiebet xi kritika.  Wisq nibża’ li din ser tiżdied aktar.  Il-poplu mhux ser iħoss l-effett ta’ din l-għajnuna, dejjem jekk titħaddem verament, għall-ġid nazzjonali.  Ser ikun hemm min iħaxxen butu, u wisq nibża’ li xorta ser jibqa’ jkun hemm dan l-abbuż fit-traffikar tal-bnedmin.  L-immigrazzjoni irregolari mhix ser tieqaf b’daqshekk.  F’dan, il-pożizzjoni ser tkun iktar ikkumplikata u ċertament waħda li ser iġġib kritika li ser ikun diffiċli li wieħed jirrispondi għaliha.  Il-futur daqt għad jagħtina parir, imma l-indikaturi huma li dawn huma deċiżjonijiet politiċi nieqsa mill-għaqal li, f’dan iż-żmien preżenti, tant għandna bżonn tiegħu.

20.6.23

RAĦAL ĠDID – SKEJJEL PRIMARJI - STUDENTI LI KELLHOM BżONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9924. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel imsemmija, 85 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 70 LSE.

 

Seduta  135

19/06/2023

KAŻIJIET MARBUTIN MAD-DELITT TAL-UŻURA

9923. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet marbutin mad-delitt tal-użura li tressqu quddiem il-Qrati Kriminali matul il-ħames snin li għaddew?

 

08/06/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi mis-sena 2018 sa l-aħħar ta’ Mejju 2023 kien hemm seba’ (7) istanzi fejn persuni ġew imressqa fil-Qrati Kriminali, fuq każi li kienu marbutin mad-delitt tal-użura.  

 

Seduta  135

19/06/2023

GUDJA – SKOLA PRIMARJA – STUDENTI LI KELLHOM BżONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-Iskola Primarja tal-Gudja fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija, 19-il student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 14-il LSE.

 

Seduta  135

19/06/2023

FGURA – SKEJJEL PRIMARJI – STUDENTI LI KELLHOM BżONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-iskejjel primarji tal-Fgura fis-sena akkademika li għaddiet li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel msemmija, 82 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 61 LSE.

 

Seduta  135

19/06/2023

REĠISTRATUR TAL-QORTI (KRIMINALI) – ĠBIR TA’ FLUS F’MULTI U DRITTIJIET PERITALI

9920. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus f’multi u drittijiet peritali dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Kriminali) insegwitu għal sentenzi tal-istess Qrati Kriminali matul is-sena 2022?

 

08/06/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2022 is-somma miġbura mir-Reġistratur tal-Qorti (Kriminali) Malta f’multi u drittijiet peritali hija ta’ € 1,627,187.35 u fil-Qorti Kriminali (Għawdex) is-somma miġbura hija ta €90,653.34.

 

Seduta  135

19/06/2023

ĦAL GĦAXAQ – STUDENTI LI KELLHOM BżONN L-GĦAJNUNA TA’ LSA

9919. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li kienu qed jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq fis-sena akkademika li għaddiet, li kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant (LSA) kif approvati mid-dipartiment? Kemm kien hemm effettivament LSAs u kemm kien hemm studenti mhux provduti b’LSA?

 

08/06/2023

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija, 44 student kellhom il-ħtieġa ta’ sapport, fejn kollha ġew provduti bis-sapport permezz ta’ 39 LSE.

 

Seduta  135

19/06/2023

PAOLA HUB

9918. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar il-Paola Hub, jista’ d-Deputat Prim  Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-230 post ta’ parkeġġ hemm indikati hux se jinbnew fi ħdan il-kumpless il-ġdid jew inkella f’Pace Grasso? Jista’ jgħid ukoll kemm hu previst li se jkun hemm ħaddiema matul il-jum li jagħmlu użu mill-istess parkeġġ?

 

08/06/2023

 

ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Paola Hub se jkollu 229 post ta’ parkeġġ fuq in-naħa ta’ wara tal-binja prinċipali.

 

Seduta  134

14/06/2023

BELT VALLETTA – TRIQ IN-NOFS IN-NHAR - TISWIJIET FIĊ-ĊANGATURA

9917. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu lesti t-tiswijiet neċessarji fi Triq in-Nofs in-Nhar, il-Belt Valletta, fiċ-ċangatura tal-art bejn Triq ir-Repubblika u Triq l-Ifran, billi qegħdin isiru iktar perikolużi?

 

08/06/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  134

14/06/2023

BAJJIET TA’ WIED IL-GĦAJN – ĦRUĠ TA’ XAĦAM FIL-BAĦAR MILL-FISH FARMS

9916. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx, jew jekk fin-negattiv tara jekk huwiex possibbli li ssir, evalwazzjoni u investigazzjoni ta’ ġbir ta’ dak li jiġi msejjaħ bħala “xaħam” fil-baħar li qiegħed jinġabar fil-bajjiet ta’ Wied il-Għajn b’lega bajda, li jingħad li qiegħed joħroġ mill-Fish Farms u x’inhu jsir biex jiġi kkontrollat?

 

08/06/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet l-ebda rapporti dwar dak li ġie deskritt bħala ‘xaħam’ fil-baħar fil-bajjiet ta’ Marsaskala. Infurmata wkoll illi f’dan il-perjodu, l-operat tal-fish farms ikun għadu ma bediex.

 

Sadattant, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investigazzjonijiet ta’ rapporti simili, fi bnadi oħrajn tal-kosta tal-gżejjer Maltin fil-ġimgħat li għaddew, irriżulta li dak li kien innutat kien ‘foam’ naturali tal-baħar imħallat ma’ bram mejjet, fdalijiet tal-baħar u ħmieġ antropoġeniku ieħor.

 

Seduta  134

14/06/2023

RAĦAL ĠDID – TRIQ L-ISQOF BUHAGIAR – TISWIJIET

9434. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li jsiru r-rapporti u t-tiswijiet neċessarji fi Triq l-Isqof Buhagiar, f’Raħal Ġdid, billi din hija waħda mill-iktar toroq użati mit-trasport u minn vetturi industrijali?

 

31/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid li meta jsiru rapporti lill-Kunsill dwar it-triq imsemmija, il-Kunsill dejjem jipprova jirrimedja kif jista' bil-ħaddiema għad-dispożizzjoni tal-istess Kunsill.

 

Intant infurmat ukoll li dwar l-istess triq, il-Kunsill Lokali saħansitra anke kellu komunikazzjonijiet mal-entità kkonċernata sabiex tali triq tkun regolata aħjar.

 

Seduta  134

14/06/2023

RAĦAL ĠDID – TRIQ L-ISQOF BUHAGIAR – TISWIJIET

9433. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jara li jsiru r-rapporti u t-tiswijiet neċessarji fi Triq l-Isqof Buhagiar, f’Raħal Ġdid, billi din hija waħda mill-iktar toroq użati mit-trasport u minn vetturi industrijali?

 

31/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment għadda għand il-Unit ikkonċernat sabiex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji fejn hemm il-bżonn.

 

Seduta  134

14/06/2023

RAĦAL ĠDID – TRIQ GĦAJN DWIELI – XOGĦOL

9432. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Peress li x-xogħlijiet fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, huma lesti, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew?

 

31/05/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża mkejla sal-lum għax-xogħlijiet li saru fl-inħawi tal-mini ta’ Għajn Dwiel hija ta’ madwar EUR 695,000. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-mina, is-shaft ta’ ventilazzjoni f’nofsha u xogħlijiet oħra ta’ natura ċivili sabiex il-mina tinfetaħ għall-pubbliku.

 

Seduta  134

14/06/2023

19.6.23

FUTUR IKKUMPLIKAT

1.   Għal dawk li jippruvaw ikunu strumenti tas-sewwa fil-ħajja, b’mod partikolari f’dik politika, jafu li għandhom ħafna x’jaffrontaw. Iktar u iktar illum fl-atmosfera tossikoloġika li żviluppat. F’soċjetà li qegħda tissogra sew f’dak li nafu li huwa velenuż, ta’ dak li huwa tosku. Fis-sogru ulterjuri li tant l-arja u l-ambjent saru semm, li wħud qed jidraw jaħsbu li dik hija n-normalità. Mhux faċli, ċertament, tmur kontra l-kurrent u taqbad toroq oħra. Trid, però, f’dan ix-xenarju ssir kapaċi tifhem kif dan kollu qiegħed jaħdem fuq il-bniedem. Issir politiku tossikologu biex tifred il-ħażin mit-tajjeb, l-inġust mill-ġust u tgħin sabiex jinbena pajjiż aħjar.

Fid-demokrazija tagħna

2.   Fil-preżent hemm dan kollu għaddej u huwa, sfortunatament, mifrux. Iktar u iktar fl-inabilità ta’ politiċi biex jifhmu li huma saru parti minn dan kollu. Fl-inkapaċità li jagħrfu li m’għandhomx jimxu mal-“oħrajn”, u jduru biex jibdlu. Biex jibdew jifhmu li l-azzjonijiet ħżiena, huma fejn huma, ma jwasslu għal ebda forma ta’ ġid. Li ma tistax tittratta nġustament lill-oħrajn u tippretendi li ser timxi ʼl quddiem. Li tiddikjara ħaġa mentri tkun qed tipprattika ħaġ’oħra. Li ma tindunax b’dak li huwa għaddej u kemm għemilek huwa kontro-produċenti. Iktar u iktar dan f’pajjiż demokratiku. Fl-istituzzjonijiet tiegħu u fil-partiti politiċi li jaħdmu fih.

Mhux faċli

3.   F’dan, hemm ċertament sfida għal kull politiku li jrid jaħdem verament. Tammira u ssostni lil dawk li jridu, f’dan, jibdlu. Hemm livelli varji u metodi differenti ta’ kif dan jista’ jsir. Mhux il-bnedmin kollha huma l-istess, u anqas iċ-ċirkostanzi li qed jgħixu u joperaw fihom. F’dan wieħed għandu jħares lejn dak li hu għaddej fi ħdan il-partit politiku Taljan Forza Italia. Partit li jinsab fid-diffikultajiet minħabba l-fatt li l-kap tiegħu, Silvio Berlusconi ġie, kif nafu, nieqes. Kien hu li żamm il-partit għaddej mill-1994. Daqqiet b’ħafna suċċess elettorali, u oħrajn inqas. Imma l-fatt huwa li din hija formazzjoni politika li għandha l-ideat tagħha, però f’ħafna hija identifikata ma’ din il-persuna tant dominanti. Għalhekk wieħed japprezza li Antonio Tajani, preżentement il-Viċi-Kap tal-formazzjoni, għandu fuqu responsabbiltà xejn faċli biex iwettaq.

Għall-Partit u għall-Pajjiż

4.   F’dan hemm, l-ewwel, l-eżistenza nnifisha ta’ dan il-partit, li baqa’ jiġbor fih bnedmin li huma fiċ-ċentru-lemin. It-tieni, fil-Gvern preżenti tal-pajjiż. Komponent essenzjali tal-maġġoranza li Giorgia Meloni qegħda preżentement tmexxi. Ħidmet Tajani ser, f’dan, ikun determinanti. F’dan kemm it-tmexxija tiegħu ser tkun aċċettata u jekk il-membri humiex ser jibqgħu fil-partit u mhux jimxu lejn oħrajn. Forsi f’dan ukoll hemm il-vantaġġ li huwa politiku li serva sew f’diversi karigi. Kien Kummissarju Ewropew, President tal-Parlament Ewropew, deputat tiegħu, u mill-2014 deputat tal-Parlament Taljan. Esperjenza għandu, u żviluppa sew l-abbiltà li jaħdem ma’ bnedmin oħra fil-forom varji li l-bnedmin jiġu bihom. Imma altru tkun Viċi Kap, u altru ssir Kap.

Il-futur

5.   F’dan kollu hemm, però, passi li wieħed jista’ jqawwi qalbu bihom ukoll. Kien interessanti li fl-aħħar jiem qabel il-mewt ta’ Berlusconi ġiet organizzata konferenza bil-ħsieb “Con I Valori Cristiani al Centro: La classe dirigente per l’Europa di oggi e di domani”, fejn il-kelliema prinċipali kienu Tajani u Manfred Weber, li qiegħed imexxi lill-Partit Popolari Ewropew. Dikjarazzjoni ċara li fi ħdan il-Forza Italia hemm bżonn dożi aqwa ta’ ideat Demokratiċi-Nsara. Impostazzjoni interessanti u li jista’ jkollha l-effett li żżomm, u fl-istess ħin tiġbed iktar bnedmin fi ħdan din il-ħidma. Dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni ideoloġika li hija, f’dak kollu li seħħ fil-passat, kuraġġuża. U fl-istess ħin propizja, fis-sens li hemm issa miftuħ lura l-ispazju politiku biex din tista’ ssir.

Delegazzjoni Parlamentari

6.   Fl-għarfien li s-saħħa medjatika ta’ Berlusconi issa ser titnaqqas sew, hemm il-bieb miftuħ għall-apprezzament mill-ġdid ta’ dak li wettaq il-Partit Demokratiku Kristjan fil-pajjiż. Mhux biss, imma issa għaddew kważi tletin sena ta’ esperjenzi varji li għandhom jiftħu iktar l-għajnejn u d-direzzjoni politika t-tajba li għandha tittieħed. F’dan, ġie wkoll, kważi id f’id il-messaġġ tal-Papa Franġisku lil dik li kellha tkun laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew. Minħabba l-fatt li l-Papa kien jinsab rikoverat l-isptar din ma saritx, imma xorta ntbagħat messaġġ b’saħħtu. Wieħed li jistieden lill-Insara li jridu jagħtu sehem fil-ħajja politika biex jiskopru u jħaddmu mill-ġdid il-valuri li jsawruhom.

Pass tajjeb

7.   F’dan ċertament kien pass tajjeb li wieħed jagħżel li, bħala partit politiku, jmur jiltaqa’ mal-Papa. Ma naħsibx li hemm gruppi politiċi oħra fi ħdan il-Parlament Ewropew li lesti li jagħmlu dan. Idea li serviet f’diversi direzzjonijiet. L-ewwel, il-Papa kellu l-opportunità li jelenka numru ta’ punti li jgħoddu għal kull min irid iwettaq il-politika t-tajba, ġej minn liema formazzjoni politika li ġej. Fil-bżonn ta’ politiċi li jkunu viċin il-poplu biex jifhmu l-bżonnijiet veri tagħhom. It-tieni, mess ukoll il-bżonn li wieħed jagħti importanza lid-duttrina soċjali tal-Knisja. Fil-bżonn li jagħraf il-fonti ta’ direzzjoni, jgħid hekk: “May the Gospel be your lodestar and the social doctrine of the Church your compass”. (J’Alla l-Vanġelu jkun l-istilla, u d-duttrina soċjali tal-Knisja l-boxxla li jurukom it-triq.)

Il-politiku awtentiku

8.   Hemm, f’dan, piż u sejħa aqwa u ikbar għall-politiku Nisrani. Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu jkompli jgħid hekk: “The Christian politician should be distinguished by the seriousness with which he or she confronts issues, rejecting opportunistic solutions and always holding firm to the criteria of the dignity of the person and the common good.” (Il-politiku Nisrani għandu jiddistingwi ruħu fis-serjetà li biha jikkonfronta l-isfidi, billi ma jaċċettax li jmur għal soluzzjonijiet opportunistiċi u li jżomm dejjem lilu nnifsu sod mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dinjità umana u tal-ġid komuni.) Messaġġi ċari ħafna, u daqshekk ieħor gwidi għal kull min irid ikun strument tas-sewwa.

X’ser iseħħ?

9.   F’dan huwa iktar determinanti dak kollu li Antonio Tajani ser jimxi fuqu fil-kumplikazzjonijiet konsegwenzjali li l-partit tal-Forza Italia jinsab fihom. Fil-jiem li ġejjin ser naraw dan jiżviluppa iktar. F’dak kollu li bnedmin varji, li diversi minnhom huma magħquda ma’ rabtiet ta’ lealtajiet personali ma’ Silvio Berlusconi, x’ser jagħmlu. Mhux biss, imma wkoll fl-aspett familjari, f’kemm uliedu ser jibqgħu daqshekk magħqudin f’daqqa jew jekk humiex ser jagħżlu toroq differenti; jew agħar, li jispiċċaw fi proċeduri legali xejn faċli dwar il-wirt ekonomiku li ħalla. Għandu verament futur ikkumplikat quddiemu, imma nittamaw li bl-esperjenza politika li ġabar ser jieħu deċiżjonijiet tajba.

JIXRAQLU FERM AĦJAR

1.   Bnedmin, fil-ħajja u fl-istorja, b’mod partikolari, isibu ħidmiethom imwarrba fil-ġenb. Isibu ruħhom fid-dell ta’ opinjonijiet inġusti dwarhom. Isibu li la kredtu, u wisq inqas gratitudni ma jingħataw dwar dak li jkunu, b’tant determinazzjoni, ħadmu għalih. Bnedmin li jridu biss li jibqa’ dak li huma jifhmu li fil-ħajja hemm ukoll il-mumenti meta jkun hemm min jiġbor lura dak li wettqu. Ħafna drabi, xejn ma jkun jiddependi minnhom. Fis-sens li, jgħidu x’jgħidu huma biex jispjegaw jew jiddefendu ħidmiethom, ma jiġbdux l-attenzjoni li ħaddieħor jikteb dwarhom. Bħal ma tkerrħu minn oħrajn, isibu lilhom infushom apprezzati minn oħra. Dawk il-bnedmin li, wara t-trapass taż-żmien, ikollhom l-opportunità li jħarsu iktar oġġettivament.

Iż-żmien


2.   Ħafna drabi, f’dan jgħin li l-bniedem jibqa’ ħaj. Jibqa’ għaddej jgħin u jibqa’ rilevanti billi jiltaqa’ mal-komunità. Jista’ jitkellem u jista’ jinfluwenza. Jista’ jidher u jfakkar li stabbilixxa linji ta’ ħajja pubblik attiva differenti. Mhux kull persuna tista’ f’dan. Hemm min, ħafna drabi, jrid bilfors jistenna li jgħaddi ż-żmien fuq iż-żmien. Jekk qabel, kull ma seta’ qal ma nstemgħax, maż-żmien jibda jingħata iktar widen. Mhux b’kemm jixtieq hu, imma skont kemm il-bnedmin fis-soċjetà jiddeċiedu. Ħafna drabi, ftit huma dawk li jkollhom il-kuraġġ li jieħdu f’idejhom il-kawża tal-oħrajn. Ftit huma dawk li jkunu lesti li jaqbżu għall-ħidma politika ta’ politiċi oħra bħalhom. Imma maż-żmien dawn issibhom, u jagħrfu jagħmlu d-differenza.

President speċjali


3.   Dan huwa li qiegħed nara għaddej bħalissa favur Jimmy Carter, li kien President tal-Istati Uniti bejn l-1977 u l-1981. Kitbet l-istorja għal dawn l-aħħar snin ma kinitx dejjem favur tiegħu. Anzi, huwa ċar li kull min ġie warajh ma tantx kien lest li jgħid biex ifakkar li ħidmietu serviet sew lil dak il-pajjiż kbir. Sija Bill Clinton, kif ukoll Barack Obama ma kinux wisq preparati f’dan, imma Joe biden qiegħed ikun. Dan il-bniedem, imwieled fl-1 ta’ Ottubru 1924, illum qabeż it-98 sena. Wieħed li, bl-eżistenza sempliċi tiegħu qiegħed iwassal biex dak kollu li wettaq fil-Presidenza jiġi stmat u analizzat fit-tajjeb mill-ġdid. Kien il-bniedem li daħal fis-siġġu ta’ presidenza li Richard Nixon ma tantx ħalliha mimlija bil-glorja. Kien, għalhekk, dak li daħal proprju biex ikun hemm presidenza aktar trasparenti u waħda li tħares li tiddefendi u xxerred id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Make America Great

4.   Kien, f’dan, żiffa friska fl-ideat u fl-ideali. Kien, f’ħafna, qiegħed jesprimi dak li l-President attwali jista’ faċilment, wara t-togħma morra tal-esperjenza ta’ Donald Trump. Dan biex dan il-pajjiż jikseb lura l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi, kif ukoll dawk l-ideat li jgħolluh fil-ġlieda kontra l-inġustizzji. Kien deċiż fl-opinjoni tiegħu li l-pajjiż jikber f’dan. Huwa kien qal: “Our country has been strongest and most effective when morality and a commitment to freedom and democracy have been most clearly emphasized in our foreign policy.” (Pajjiżna kien l-iktar b’saħħtu u effettiv meta l-moralità u l-impenn għad-demokrazija u l-libertà kienu dikjarati b’mod mill-iktar ċar fil-politika barranija tagħna.)

Drittijiet fundamentali

5.   Forsi llum, fl-aġendi Ewropej u nazzjonali, m’għadniex nitkellmu fuq id-difiża tad-drittijiet fundamentali bl-istess saħħa li konna. Carter kien deċiż li dan ma jkunx. Proprju fl-ideat u t-trobbija tiegħu, il-valuri Nsara kienu prijorità u gwida. Ma qagħadx lura milli jiddikjara li l-Presidenza ressqitu iktar lejn dak li jemmen, u f’dan, fit-talb. Proprju minħabba dan li kien konvint li kellu jkun hemm impenn ċar fil-ħidma indipendenti minn waħda purament pragmatika fejn l-ideali jinxeħtu ʼl barra. Fuq dan kien qal hekk: “Our commitment to human rights must be absolute, our laws fair, our national beauty presented, the powerful must not prosecute the weak and human dignity must be enhanced.” (L-impenn tagħna favur id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu assoluti, il-liġijiet tagħna ġusti, fejn l-isbuħija tagħna tidher, fejn dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx jippersegwitaw lil dawk li huma dgħajfa u d-dinjità umana tissaħħaħ.) Ma beżax jitkellem favur dawn id-drittijiet u ħadem sabiex pajjiżu jikber f’dinja fejn dawn ma kinux għadhom ħadu l-prijorità li ħaqqhom.

Favur il-Paċi

6.   Kien il-bniedem li bata u ddedika verament ħafna mill-ħin tiegħu sabiex ikun hemm il-paċi fid-dinja. Ibda mir-relazzjonijiet mal-Unjoni Sovjetika u kompli maċ-Ċina, li kienet qegħda tiftaħ kapitoli ġodda taħt Deng Xiaoping. Kien attiv u attent sabiex ikun hemm ordni mondjali aħjar milli sab. F’dan, b’mod partikolari rnexxilu jwassal sal-Eġittu ta’ Anwar-el-Sadat u Iżrael ta’ Moshe Dayan u Begin Menachem għal ftehim. Bata sew f’dan, imma rnexxilu jġib ferm iktar paċi u stabilità f’dak ir-reġjun. Ħidma li wettaq flimkien magħhom fil-famuż ‘Camp David’. Waħda li d-dinja Għarbija ta’ dak iż-żmien m’apprezzatx, imma li llum, wara tant snin, wieħed irid jaċċetta li mertu tiegħu nbena pedament li fuqu oħrajn għadhom jistgħu jkomplu jibnu. Biss, kif qed naraw, flok sforzi għall-paċi llum qed naraw oħrajn kompletament differenti.

Togħmiet morri


7.   Il-politika attiva, għal kull min jieħu sehem veru fiha, għandha l-ħelu u l-morr tagħha. Dawk li ma jwettqu xejn, dan ma jagħrfuhx. Imma Carter, proprju għax f’ħafna kien irnexxielu jistabbilixxi li tista’ titkellem fuq l-ideali u twettaqhom, għadda minnhom. Sfortunatament għalih proprju fl-4 ta’ Novembru 1979, meta madwar 3,000 Iranjan daħlu u ħatfu diversi membri tal-Ambaxxata Amerikana f’dak il-pajjiż. Sitwazzjoni xejn faċli, imma li ġiebet lill-Amerika tidher bħala pajjiż dgħajjef, għax ma setgħetx tasal mar-reġim intransiġenti u teokratiku ta’ Ruhollah Khomeini. Bata sew, bi sforzi varji, sabiex fl-aħħar dawn jiġu meħlusa. Piena kbira u mill-iktar ikkumplikata li qegħdet fid-dell it-tajjeb kollu li kien wettaq. Illum, wara 42 sena u b’dak kollu li seħħ, id-dinja tidher li qed tagħraf li għandha tqis mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem. Tagħraf li għandu jixraqlu ferm aħjar.

15.6.23

TAX DEDUCTION FIL-PENSJONI

9431. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-Tax Deduction ta’ 20% għas-sena 2022 u ta’ 40% għas-sena 2023 kif imsemmi fl-aħħar żewġ baġits mhumiex jiġu applikati fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jekk dan huwiex isir għas-sena 2021?

 

31/05/2023

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed jaħdem fuq il-miżura msemmija wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali f’Marzu li għadda mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, biex l-ammont taxxabbli jkun konformi mal-istess avviż legali fl-iqsar żmien possibbli.

 

Seduta  133

13/06/2023

TAX DEDUCTION FIL-PENSJONI

9430. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-Tax Deduction ta’ 20% għas-sena 2022 u ta’ 40% għas-sena 2023 kif imsemmi fl-aħħar żewġ baġits mhumiex jiġu applikati fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jekk dan huwiex isir għas-sena 2021?

 

31/05/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena bażi 2022 persuni li għandhom mill-inqas wieħed u sittin (61) sena ser jibbenfikaw minn eżenzjoni ta’ 20% fuq id-dħul derivati mill-pensjoni tagħhom (sa massimu ta’ eżenzjoni ta’ €2,864 għas-sena 2022).

Din l-eżenzjoni qed tiżdied b’20% fis-sena u b’hekk sas-sena bażi 2026 titla’ sa 100%.

 

Seduta  133

13/06/2023

XGĦAJRA – XATT – DAWL MITFI

9429. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex id-dawl fuq ix-Xatt tax-Xgħajra, fil-parti li twassal lejn Smart City, ilu mitfi għal numru ta xhur?

 

31/05/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li fiż-żona indikata m’hemmx dawl li huwa fir-responsabbiltà tal-Enemalta u li mhux jiffunzjona.

 

Seduta  133

13/06/2023

ĦAL TARXIEN – PROĠETT TA’ RIĠENERAZZJONI TAL-PJAZZA U Z-ZUNTIER QUDDIEM IL-KNISJA PARROKKJALI

9428. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483 jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u jgħid jekk il-proċess ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali huwiex magħluq?

 

31/05/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-proġett jinsab fi stat fejn il-Kunsill rispettiv ser ikun qiegħed jagħżel l-ispeċifikazzjonijiet tad-dawl dekorattiv sabiex jinħareġ it-tender.


Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali rispettiv li l-process ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendanza tal-Patrimonju Kulturali għadu għaddej.

 

Intant infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-permess PA 7489/19, fejn intalab tiġdid ta’ permess PA 20641/12, huwa relatat mar-rijabilitazzjoni taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u mhux relatat mal-pjazza.

 

Infurmat ukoll li s-Sovrintendenza għaddiet ir-rakkommandazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ u dan ġie approvat, u huwa validu sa Jannar 2024. 

 

Fuq nota finali infurmat li sal-lum għadha ma ġietx sottomessa Commencement Notice u għaldaqstant is-Sovrintendenza ma waqqfet l-ebda xogħol ladarba dan għadu ma bediex.

 

Seduta  133

13/06/2023

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...