15.6.23

LIBERAZZJONI

1.   Mingħajr ma wieħed jipprova jpinġi stampa differenti, ninsabu f’pożizzjonijiet diffiċli u kkumplikati. Fil-pajjiż hawn kriżi politika li qed tkompli tiġma’ mingħajr m’hija turi sinjali ta’ bidla. Sinjali li minnhom ma tistax tislet proċess li fih l-affarijiet ser, għada pitgħada, jsiru aħjar. M’hemmx ippjanar veru għall-futur ta’ dawn il-gżejjer, u dan qiegħed jinħass sew. F’diskussjoni fil-ġurnata tal-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon li rajna tiżviluppa ħareġ ċar li dan huwa punt importanti llum. Ħareġ minn numru ta’ kelliema li nsistew li, minn dak li raw u semgħu, m’hemmx ippjanar għas-snin li ġejjin. Mhux biss, imma li 49% tal-persuni li sarulhom id-domandi tal-istħarriġ iddikjaraw, f’dan, id-dell li qegħdin jgħixu fih ġurnata b’ġurnata u mhumiex jippjanaw fit-tul.

Kont nistenna

2.   Kont nistenna li dak li seħħ u l-istħarriġ li sar kellu jċaqlq iktar l-ilmijiet. Kellu jġib iktar persuni jiddiskutu biex jippruvaw jifhmu, u fl-istess ħin jibnu passi biex il-pożizzjoni, għada, tkun aħjar. Imma dan ma rajtux isir. Għadda kollox qisu m’huwa xejn. Ebda forma ta’ reazzjoni, la mill-poplu, u lanqas mill-politiċi. Forsi indikazzjoni ta’ rassenjazzjoni f’xenarju fejn ma jidhirx li hemm wisq raġġi ta’ dawl li jridu jilluminaw. Rassenjazzjoni li flok ser nimxu ʾl quddiem ser immorru iktar lura. Għarfien li l-aġenda nazzjonali hija biss ħaġa waħda: l-aljenazzjoni, għax illum jew għada ser jiġru eventi li jkomplu jibdlu dak li għandna quddiemna. Dak li huwa importanti jiġi sostitwit minn dak li mhuwiex, imma jiġi mqiegħed fl-istess forma, u allura kkunsidrat l-istess.

Forsi l-Edukazzjoni

3.   Forsi, f’dan, din hija kwistjoni li torbot ruħha mal-edukazzjoni. Mal-qari u mal-formazzjoni sħiħa tal-opinjonijiet tal-bniedem. Fil-ħsieb kostanti u fil-bumbardament li m’hemmx bżonn, għax ser ikun ħin moħli li l-pajjiż qiegħed ibati. L-aġenda nazzjonali għall-qari marret lura. L-isforzi huma sporadiċi u parti minn pjan fejn isiru biex isiru. M’hemmx imħabba vera sabiex timbotta iktar bnedmin jaqraw. M’hemmx, anqas, l-imħabba ikbar lejn l-apprezzament kulturali tagħna. L-arti, il-mużewijiet, is-siti storiċi mhumiex fost il-prijoritajiet nazzjonali, imma jibqgħu mqegħda fir-responsabbiltà ta’ ministeri separati li jridu jaqdfu għal rashom. Jekk pajjiżi oħra għandhom stazzjon nazzjonali dedikat lill-kultura, ma narax għala, wara tant snin ma kellux ikollna wieħed aħna wkoll. Imma f’dan hemm apatija li ġejja mill-ħsieb li l-edukazzjoi mhix għodda biex tifforma lill-bnedmin fl-ideat demokratiċi tagħhom, imma biex jaqilgħu biss x’jieklu. Żbalji li qed naraw iktar l-effett tagħhom illum.

Dinja li qed taqa’

4.   Jista’ jkun li ninsabu f’soċjetà fejn il-gratitudni u l-altruwiżmu sejrin lura. Jista’ wkoll li għandna effetti ta’ bnedmin li qed jitilfu mill-għeruq kulturali tagħhom. Jista’, fuq kollox, inħossu l-effett tal-kunflitti li għaddejjin. F’dinja fejn is-sitwazzjoni, flok sejra għall-aħjar tidher li sejra f’pożizzjoni li ma tistax tinġieb lura. Il-gwerra nġusta fl-Ukrajna qed tagħmel ħsara llum, u l-effetti tagħha huma ferm akbar milli qed nifhmu. Hemm diġà riżentiment lejn min iddeċieda li jibda dan il-kunflitt li ser jibqa’ għaddej fis-seklu li ġejjin għalih u għan-nies ta’ pajjiżu. Hemm ukoll l-għarfien li diversi interessi qed jidħlu fix-xenarju, fejn dak li jimmira lejn il-paċi u l-istabilità mhuwiex fost dawk verament tal-ewwel. Minn daqshekk pajjiżi, huwa l-Istat tal-Vatikan li jinsab fuq quddiem sabiex jipprova jibni pożizzjoni li minnha wieħed jista’ jibda jiddiskuti.

Ordni

5.   F’dan wieħed jifhem iktar l-istatistika li ħarġet, fejn fl-irrilevanza tal-isforzi ħareġ ċar li l-politika, għall-pajjiżna, qed tonqsilha l-importanza. Dawk li jagħtu ħafna importanza lill-politika, minn 48.3% fl-2021, illum niżlu għal 38%. Mentri dawk li għalihom m’għandha ebda importanza, minn 12.9% telgħet għal 26.9%. Indikaturi ċari li l-poplu qed iħoss li t-talba leġittima tiegħu biex jgħix f’soċjetà fejn hemm l-ordni u fejn il-liġi tiġi rispettata qed tiġi lilhom miċħuda. Evidenti li dan huwa riżultat tax-xenarju internazzjonali u nazzjonali f’daqqa. Ħadd ma jippretendi protagoniżmu, imma fuq in-naħa l-oħra, anqas rassenjazzjoni. Għandna vuċi li ma nużawx biżżejjed. Għandna kapaċità nuru li l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar li m’aħniex inħaddmu. Dan qiegħed joħroġ iktar ċar mal-bnedmin f’pajjiżna li flok qed jaraw żblokk jew ħidma biex ix-xenarju jinbidel qed jaraw li kollox huwa ndirizzat biex jibqa’ l-istess. Passività kostanti flok ħidma attiva għall-bidliet.

Il-problemi

6.   F’dan huwa iktar ċar li l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet għal dan il-pajjiż mhumiex qed jiġu solvuti, imma qed jiżdiedu. Kuljum tista’ b’lista ta’ problemi li ġejjin minn setturi varji, li għalihom, mhux talli m’hemmx linja ta’ direzzjoni kuntrarja, imma waħda ta’ kontinwazzjoni. Ċertament, il-pajjiż qiegħed ifittex li jkollu s-serħan li hemm ordni morali li għandha f’idejha l-Istat Demokratiku. Ifittex li jiġi ispirat minn bnedmin li għandhom ir-responsabbiltà. Bnedmin li flok iħossu li jistgħu jafdaw verament ʼl-istatistika, din qegħda turi l-kontra. Quddiem l-isfidi kbar ta’ din is-soċjetà, f’dan iż-żmien il-poplu mhuwiex isib persuni li jista’ jħares lejhom ʼil fuq. Anzi, minn dak li qiegħed jidher, hemm dawk fi ħdan il-Gvern li qed jifhmu li l-affarijiet ser jiħżienu iktar, u għalhekk tajjeb li wieħed jibda jżomm id-distanza.

Il-Verità

7.   Hemm dejjem verità waħda, unika. Hemm min jipprova jċajparha jew jibdilha, imma hemm tibqa’. U f’dan forsi ser nibdew nifhmu li Stat Demokratiku jimxi ʼl quddiem jekk kemm-il darba jkollu lil min jgħidlu l-verità, u min, anzi, jassigura ruħu li jibni fuqha. Min qiegħed jirrikorri għall-gideb u li jidħaq bin-nies ser isib ruħu f’pożizzjoni agħar meta, kif dejjem jiġri, jiġi biex jiffaċċja l-falsitajiet tiegħu stess. Hemm ninsabu ngħixu: fi stat fejn il-verità mhix mogħtija importanza. Simone Weil (1909-1943), li xi wħud jinsew kitbietha, kienet qalet hekk: “The need of truth is more sacred than any other need. Yet, it is never mentioned. One feels afraid to read once one has realised the quantity and the monstrousness of the material falsehoods paraded.” (Il-bżonn tal-verità huwa qaddis iktar minn kull bżonn ieħor. Imma mhux imsemmi. Wieħed jibża’ jaqra meta jirrealizza l-kwantità u l-monstrożitajiet ta’ materjal ta’ falsitajiet imressqa b’tant pompa.)

Kriżi politika

8.   Ninsabu fejn ninsabu għax il-ħabi tal-fatti u tal-verità sar issa mhux l-eċċezzjoni, imma r-regola. F’dawn l-aħħar snin, jekk qabel kien hemm min kien jiġi ttantat, issa kull min għandu l-poter irid jiġi mbuttat biex jaqbad din it-triq. Il-pajjiż għandu bżonn bidliet kbar, l-iktar fl-aspett politiku. Hemm il-bżonn ta’ min kapaċi jifhem is-sitwazzjoni u ta’ min għandu l-libertà li jaġixxi. Li jista’ jgħid il-verità u li jaffermaha kjarament sabiex minnha wieħed jibda jibni. Jekk dan ikompli ma jsirx, il-pożizzjoni ser tkompli taggrava u tista’ tiftaħ il-bieb għal xenarji perikolużi. Nittama li l-poplu beda l-proċess biex jifhem dan, u fl-appuntamenti elettorali li ġejjin jivvota għall-bidliet li għandna bżonn. Politika ġdida: dik li tilliberana mill-kriżi attwali għax ibbażata fuq il-pedament tal-Verità.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...