19.6.23

FUTUR IKKUMPLIKAT

1.   Għal dawk li jippruvaw ikunu strumenti tas-sewwa fil-ħajja, b’mod partikolari f’dik politika, jafu li għandhom ħafna x’jaffrontaw. Iktar u iktar illum fl-atmosfera tossikoloġika li żviluppat. F’soċjetà li qegħda tissogra sew f’dak li nafu li huwa velenuż, ta’ dak li huwa tosku. Fis-sogru ulterjuri li tant l-arja u l-ambjent saru semm, li wħud qed jidraw jaħsbu li dik hija n-normalità. Mhux faċli, ċertament, tmur kontra l-kurrent u taqbad toroq oħra. Trid, però, f’dan ix-xenarju ssir kapaċi tifhem kif dan kollu qiegħed jaħdem fuq il-bniedem. Issir politiku tossikologu biex tifred il-ħażin mit-tajjeb, l-inġust mill-ġust u tgħin sabiex jinbena pajjiż aħjar.

Fid-demokrazija tagħna

2.   Fil-preżent hemm dan kollu għaddej u huwa, sfortunatament, mifrux. Iktar u iktar fl-inabilità ta’ politiċi biex jifhmu li huma saru parti minn dan kollu. Fl-inkapaċità li jagħrfu li m’għandhomx jimxu mal-“oħrajn”, u jduru biex jibdlu. Biex jibdew jifhmu li l-azzjonijiet ħżiena, huma fejn huma, ma jwasslu għal ebda forma ta’ ġid. Li ma tistax tittratta nġustament lill-oħrajn u tippretendi li ser timxi ʼl quddiem. Li tiddikjara ħaġa mentri tkun qed tipprattika ħaġ’oħra. Li ma tindunax b’dak li huwa għaddej u kemm għemilek huwa kontro-produċenti. Iktar u iktar dan f’pajjiż demokratiku. Fl-istituzzjonijiet tiegħu u fil-partiti politiċi li jaħdmu fih.

Mhux faċli

3.   F’dan, hemm ċertament sfida għal kull politiku li jrid jaħdem verament. Tammira u ssostni lil dawk li jridu, f’dan, jibdlu. Hemm livelli varji u metodi differenti ta’ kif dan jista’ jsir. Mhux il-bnedmin kollha huma l-istess, u anqas iċ-ċirkostanzi li qed jgħixu u joperaw fihom. F’dan wieħed għandu jħares lejn dak li hu għaddej fi ħdan il-partit politiku Taljan Forza Italia. Partit li jinsab fid-diffikultajiet minħabba l-fatt li l-kap tiegħu, Silvio Berlusconi ġie, kif nafu, nieqes. Kien hu li żamm il-partit għaddej mill-1994. Daqqiet b’ħafna suċċess elettorali, u oħrajn inqas. Imma l-fatt huwa li din hija formazzjoni politika li għandha l-ideat tagħha, però f’ħafna hija identifikata ma’ din il-persuna tant dominanti. Għalhekk wieħed japprezza li Antonio Tajani, preżentement il-Viċi-Kap tal-formazzjoni, għandu fuqu responsabbiltà xejn faċli biex iwettaq.

Għall-Partit u għall-Pajjiż

4.   F’dan hemm, l-ewwel, l-eżistenza nnifisha ta’ dan il-partit, li baqa’ jiġbor fih bnedmin li huma fiċ-ċentru-lemin. It-tieni, fil-Gvern preżenti tal-pajjiż. Komponent essenzjali tal-maġġoranza li Giorgia Meloni qegħda preżentement tmexxi. Ħidmet Tajani ser, f’dan, ikun determinanti. F’dan kemm it-tmexxija tiegħu ser tkun aċċettata u jekk il-membri humiex ser jibqgħu fil-partit u mhux jimxu lejn oħrajn. Forsi f’dan ukoll hemm il-vantaġġ li huwa politiku li serva sew f’diversi karigi. Kien Kummissarju Ewropew, President tal-Parlament Ewropew, deputat tiegħu, u mill-2014 deputat tal-Parlament Taljan. Esperjenza għandu, u żviluppa sew l-abbiltà li jaħdem ma’ bnedmin oħra fil-forom varji li l-bnedmin jiġu bihom. Imma altru tkun Viċi Kap, u altru ssir Kap.

Il-futur

5.   F’dan kollu hemm, però, passi li wieħed jista’ jqawwi qalbu bihom ukoll. Kien interessanti li fl-aħħar jiem qabel il-mewt ta’ Berlusconi ġiet organizzata konferenza bil-ħsieb “Con I Valori Cristiani al Centro: La classe dirigente per l’Europa di oggi e di domani”, fejn il-kelliema prinċipali kienu Tajani u Manfred Weber, li qiegħed imexxi lill-Partit Popolari Ewropew. Dikjarazzjoni ċara li fi ħdan il-Forza Italia hemm bżonn dożi aqwa ta’ ideat Demokratiċi-Nsara. Impostazzjoni interessanti u li jista’ jkollha l-effett li żżomm, u fl-istess ħin tiġbed iktar bnedmin fi ħdan din il-ħidma. Dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni ideoloġika li hija, f’dak kollu li seħħ fil-passat, kuraġġuża. U fl-istess ħin propizja, fis-sens li hemm issa miftuħ lura l-ispazju politiku biex din tista’ ssir.

Delegazzjoni Parlamentari

6.   Fl-għarfien li s-saħħa medjatika ta’ Berlusconi issa ser titnaqqas sew, hemm il-bieb miftuħ għall-apprezzament mill-ġdid ta’ dak li wettaq il-Partit Demokratiku Kristjan fil-pajjiż. Mhux biss, imma issa għaddew kważi tletin sena ta’ esperjenzi varji li għandhom jiftħu iktar l-għajnejn u d-direzzjoni politika t-tajba li għandha tittieħed. F’dan, ġie wkoll, kważi id f’id il-messaġġ tal-Papa Franġisku lil dik li kellha tkun laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew. Minħabba l-fatt li l-Papa kien jinsab rikoverat l-isptar din ma saritx, imma xorta ntbagħat messaġġ b’saħħtu. Wieħed li jistieden lill-Insara li jridu jagħtu sehem fil-ħajja politika biex jiskopru u jħaddmu mill-ġdid il-valuri li jsawruhom.

Pass tajjeb

7.   F’dan ċertament kien pass tajjeb li wieħed jagħżel li, bħala partit politiku, jmur jiltaqa’ mal-Papa. Ma naħsibx li hemm gruppi politiċi oħra fi ħdan il-Parlament Ewropew li lesti li jagħmlu dan. Idea li serviet f’diversi direzzjonijiet. L-ewwel, il-Papa kellu l-opportunità li jelenka numru ta’ punti li jgħoddu għal kull min irid iwettaq il-politika t-tajba, ġej minn liema formazzjoni politika li ġej. Fil-bżonn ta’ politiċi li jkunu viċin il-poplu biex jifhmu l-bżonnijiet veri tagħhom. It-tieni, mess ukoll il-bżonn li wieħed jagħti importanza lid-duttrina soċjali tal-Knisja. Fil-bżonn li jagħraf il-fonti ta’ direzzjoni, jgħid hekk: “May the Gospel be your lodestar and the social doctrine of the Church your compass”. (J’Alla l-Vanġelu jkun l-istilla, u d-duttrina soċjali tal-Knisja l-boxxla li jurukom it-triq.)

Il-politiku awtentiku

8.   Hemm, f’dan, piż u sejħa aqwa u ikbar għall-politiku Nisrani. Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu jkompli jgħid hekk: “The Christian politician should be distinguished by the seriousness with which he or she confronts issues, rejecting opportunistic solutions and always holding firm to the criteria of the dignity of the person and the common good.” (Il-politiku Nisrani għandu jiddistingwi ruħu fis-serjetà li biha jikkonfronta l-isfidi, billi ma jaċċettax li jmur għal soluzzjonijiet opportunistiċi u li jżomm dejjem lilu nnifsu sod mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dinjità umana u tal-ġid komuni.) Messaġġi ċari ħafna, u daqshekk ieħor gwidi għal kull min irid ikun strument tas-sewwa.

X’ser iseħħ?

9.   F’dan huwa iktar determinanti dak kollu li Antonio Tajani ser jimxi fuqu fil-kumplikazzjonijiet konsegwenzjali li l-partit tal-Forza Italia jinsab fihom. Fil-jiem li ġejjin ser naraw dan jiżviluppa iktar. F’dak kollu li bnedmin varji, li diversi minnhom huma magħquda ma’ rabtiet ta’ lealtajiet personali ma’ Silvio Berlusconi, x’ser jagħmlu. Mhux biss, imma wkoll fl-aspett familjari, f’kemm uliedu ser jibqgħu daqshekk magħqudin f’daqqa jew jekk humiex ser jagħżlu toroq differenti; jew agħar, li jispiċċaw fi proċeduri legali xejn faċli dwar il-wirt ekonomiku li ħalla. Għandu verament futur ikkumplikat quddiemu, imma nittamaw li bl-esperjenza politika li ġabar ser jieħu deċiżjonijiet tajba.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...