1.6.23

Jimmerita attenzjoni

1.   Fid-dinja li aħna fiha, fejn qed nistaqsu kif dħalna f’li dħalna u kif nistgħu noħorġu minn dak li dħalna fih, pariri tajba m’għandhomx jitwarrbu. Iktar u iktar meta jkunu qed jingħadu u jingħataw minn min għandu fih ġabra ta’ esperjenza politika twila. Waħda li b’xi mod ġabitu fiċ-ċentru ta’ ħidma diplomatika li fasslet toroq differenti minn dak li konna mdorrija bihom. Bnedmin bħal dawn mhux faċli ssib bħalhom. Anzi, kif nafu, ftit huma dawk il-politiċi li baqgħu għaddejjin janalizzaw u jagħrblu dak li jkun għaddej. Nafu li ħafna fil-ħajja pubblika, kif jieqfu mill-kariga tagħhom, jidħlu fis-silenzju. Xi drabi jiktbu l-memorji tagħhom; oħrajn jibqgħu jiktbu kotba politiċi, imma fil-maġġoranza, ma jkomplux.

Mitt sena

2.   Tul il-ġimgħa li għaddiet, fis-27 ta’ Mejju, Henry Kissinger għalaq mitt sena. Twieled fl-1923. Żmien u għomor twil. Ftit huma dawn il-bnedmin li kienu protagonisti u baqgħu hekk għal ħafna żmien. Fosthom ukoll l-ex-President Amerikan Jimmy Carter, li llum jgħodd 98 sena. Kissinger kien Segretarju tal-Istat taħt żewġ Presidenti. L-ewwel taħt Richard Nixon (1969-1974), sakemm dan kellu jirriżenzja minħabba l-iskandlu ta’ Watergate, u wara taħt Gerald Ford (1974-1977). Kien il-bniedem li ltaqa’ mal-mexxejja tad-dinja, b’mod partikolari dawk fiċ-Ċina, ibda minn Mao Zedong (1893-1976) u d-diversi li kellha l-Unjoni Sovjetika. Bnedmin li ħafna minnhom illum għaddew għal ħajja aħjar. Biss, Kissinger mhux biss baqa’ ħaj, imma baqa’ attiv: jikteb, jaqra, jiltaqa’ ma’ diversi u jagħti l-opinjoniiet tiegħu.

Esperjenza unika

3.   F’dan, ċertament ġabar u għandu esperjenza unika. Waħda li diversi pajjiżi u politiċi ħadu d-deċiżjoni t-tajba li jżommuh bħala konsulent. Ħadd, verament, m’għandu daqshekk għarfien tal-politika barranija bħalu. Bil-qari, bil-kitba u bil-bnedmin li ltaqa’ magħhom bena ħafna iktar milli ħaddieħor seta’, jew ingħata l-opportunità, li jagħmel. Iktar u iktar meta anki jekk il-bniedem, li minkejja d-diffikultajiet fiżiċi tal-età li jistgħu jżommuh lura, xorta però baqa’ dak li hu kapaċi jagħti pariri u spjegazzjonijiet li ħaddieħor ma jistax joffri. Kitbietu huma sbieħ, u anke jekk tista’ ma taqbilx miegħu, issibhom miktuba b’loġika politika bbażata fuq il-fatti u għarfien politiku uniku. Issegwih kull darba li jitkellem, għax b’xi mod ser titgħallem fl-għarfien li kapaċi jqajjem punti li ħadd ma jkun qiegħed jarahom. Legat qawwi li jagħmel ġieħ lil dawk kollha li jirrispettaw l-esperjenza fil-politika u ma jimmaġinawx li d-dinja bdiet minn meta ħadu l-ġurament huma. Jew agħar, li jaħsbu li tant għandhom opinjoni għolja tagħhom infushom li m’għandhomx bżonn ta’ pariri.

Intervista

4.   Għalkemm imdorrijin naqraw kitbietu f’ġurnali akkademiċi, jew kif għidt, fil-kotba tiegħu, ħadt pjaċir naqra intervista li ġiet in parti riprodotta f’The Economist, fil-ħarġa tal-20 ta’ Mejju. Waħda li tieħu l-aħjar minn tmien sigħat ta’ domandi u risposti li dan il-bniedem ta. Persuna li jiddikjara li huwa iktar interessat iħares ʼil quddiem milli li jaqla’ lura l-passat. Ngħid, f’dan, l-aħjar, għax il-kitba timmira li tħares lejn dak li qiegħed jiġri fid-dinja llum u kif wieħed jista’ jgħin biex inaqqas it-tensjonijiet, u fl-istess ħin iġib il-paċi. Fuq naħa l-pożizzjonijiet diplomatiċi li żviluppaw fl-aħħar snin bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika; u t-tieni, l-gwerra li hemm għaddejja fl-Ukrajna. Hemm diversi osservazzjonijiet li huma ovvjament veritieri u li ċertament għandhom iċaqilqu l-opinjonijiet ta’ diversi, speċjalment tal-qarrejja tal-ġurnal innifsu.

Ċina – L-Istati Uniti tal-Amerika

5.   F’dan, ir-rapport huwa iktar dettaljat, meta jgħid hekk: “In his view, the fate of humanity depends on whether America and China can get along.” (Il-futur tal-umanità jiddependi fuq jekk l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina humiex kapaċi jimxu flimkien ʼil quddiem.) Proċess li għalih kien inbeda meta Nixon u Mao mexxew linja differenti fil-politika barranija rispettiva, immirata li ddum mitt sena. Però jirrikonoxxi li dan, Donald Trump, żbaljatament biddlu. Huwa jingħad li qal hekk: “Mr. Kissinger believes that the understanding forged between Nixon and Mao was overturned after only 50 of those 100 years by Donald Trump. He wanted to inflate his tough image by wringing concessions out of China over trade. In policy, the Biden administration has followed Mr. Trump’s lead, but with liberal rhetoric.” Politika li jixraq li tinbidel, meta fil-verità llum ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn dawn iż-żewġ potenzi huma essenzjali għall-istabilità mondjali.

Ukrajna

6.   F’dan, iktar imiss mal-fatt li Xi Jinping, ftit ilu kellem direttament lil Volodymyr Zelensky, il-President tal-Ukrajna. Pass, li skont Kissinger huwa dikjarazzjoni ta’ intenzjonijiet serji li jistgħu, fuq naħa jikkumplikaw, imma jistgħu wkoll joħolqu dak li jsejjaħ: “... create precisely the sort of opportunity to build the superpowers’ mutual trust”. F’dan, li għandu jeħodna lejn ordni mondjali differenti. Iktar u iktar meta l-fatti huma li bl-għotja ta’ armamenti daqshekk teknoloġikament avvanzati lil dan il-pajjiż min-NATO, l-pożizzjoni fiha l-bilanċ tagħha. Huwa jgħid hekk: “We have armed Ukraine to a point where it will be the best-armed country and with the least strategically experienced leadership in Europe.”

Tmexxija futura

7.   L-intervista, ċertament timmerita li tinqara’. Iktar u iktar għax fiha ħafna kliem għaqli u li wkoll jiftaħ l-għajnejn. Senjatament dwar żmienna. Fejn, l-ewwel, jgħid hekk: “We live in a world of unprecedented destructiveness.” It-tieni: “It is not a great moment in history, but the alternative is total abdication.” Huwa jgħid u jinsisti fuq l-abbiltajiet ta’ min imexxi: “Leadership reflects a country’s political culture.” F’dan, il-bżonn li jkun hemm tiġdid fil-kultura politika ta’ pajjiż biex wieħed jifhem aħjar ir-realtà u d-deċiżjonijiet li għandhom jittiħedu. Ideat ibbażati fuq il-fatti u l-ġudizzji umani. Proposti li għandhom jgħinu pajjiżi varji sabiex l-instabilità preżenti fix-xenarju internazzjonali tintemm. Proposti li jwasslu għal għarfien aħjar tal-fatti sabiex ma nibqgħux fuq din it-triq ta’ awtodistruzzjoni, imma nħarsu lejn futur aħjar. F’dan kollu, taqbel jew ma taqbilx miegħu, ċertament il-bniedem, anke jekk għandu mitt sena, ħaqqu ferm iktar attenzjoni.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...