28.8.12

Il-bibien tal-ġustizzja

1.    Id-demokrazija hi li hi għax għandha warajha qafas legali li jiggarantiha.  Mingħajr il-liġijiet li ġibna fis-seħħ biċċa biċċa, mingħajr is-sistema ġudizzjarja li ġiet mibnija maż-żmien sforz l-esperjenzi umani, illum għandna pajjiż fejn kull ċittadin jaf li għandu dritt li jitlob protezzjoni mill-Qrati.  Fortunatament għall-bniedem, hemm diversi stati fid-dinja li huma demokratiċi u jħaddnu bil-qalb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

2.    Fortunatament għalina wkoll, parti mill-proċess ta’ globalizzazzjoni huwa wieħed legali.  Il-liġijiet, id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-qrati fid-dinja qegħdin illum jeżerċitaw influwenza partikolari f’pajjiżi oħra.  Dak li tiddeċiedi l-Qorti Suprema jew ta’ ċertu saħħa legali qiegħed, iktar minn qabel, insibu li l-effett tiegħu qiegħed jaqbeż il-fruntieri.  Diġà għandek proċess ta’ konformità fuq territorju sħiħ bħal dak li twieled bl-Unjoni Ewropea, bil-Kunsill tal-Ewropa jew tal-Istati Uniti tal-Amerika li aħna familjari miegħu.  Biss, hemm oħrajn li forsi m’aħniex daqshekk konxji jew narawhom viċin tagħna li qegħdin jiġbru s-saħħa tagħhom, bħal dawk fl-Awstralja, l-Indja, ir-Russja, l-Brażil u ċ-Ċina.

3.    Diġà għandek kurrenti ekonomiċi li minnhom infushom ikunu xprun ta’ tibdil u avvanz ‘il quddiem f’dak li sistema legali għandha tipprovdi għalihom, però l-fatt li l-erba’ pajjiżi magħrufa fil-qosor bħala “BRIC” (Brażil, Russja, Indja u Ċina) qed jaraw żieda fil-produzzjoni ekonomika jkompli jsaħħaħ dan ir-riħ ta’ influwenza.  Kien hemm żmien meta kellna tlett kurrenti b’saħħithom ta’ leġislazzjoni.  Dak kontinentali ibbażat prinċipalmanet fuq il-wirt li ħalla f’diversi sistemi d-Dritt Ruman, dak Anglo-Sassonu ibbażat fuq ‘l hekk imsejħa “Common Law” u t-tielet dak li s-soċjaliżmu kien ħoloq.  Illum il-ġurnata għandek aktar sistemi li, biċċa biċċa qed joħorġu, fosthom ‘l hemm imsejħa “Sharia”, però għandek dak li hemm fir-Russja liberata u ċ-Ċina żviluppata li m’hemmx dubju li ser ikunu kurrenti futuri ta’ influwenza.

4.    X’qed jiġri mad-dinja jinteressana ferm iktar milli kien qabel.  Fil-fatt, tul dan is-sajf, il-bibien tal-ġustizzja rajnihom jinfetħu u jingħalqu fi tlett pajjiżi importanti.  Il-każ ta’ Gu Kailai, mart Bo Xilai (persuna li għamlet perjodu prominenti fiċ-Ċina) akkużata b’omodiċju volontarju ta’ Ingliż, ġieb is-sistema ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż għad-dawl tad-dinja.  Dak li sar, ir-rappurtaġġ tiegħu u l-evalwazzjoni legali tal-proċess sħiħ influwenza direttament stati oħra u, fl-istess ħin, ġab iktar għad-dawl kif taħdem is-sistema ġudizzjarja f’dak il-pajjiż kbir.  L-istess sitwazzjoni żviluppat fir-Russja, bil-proċess ta’ tlett tfajliet magħrufa aħjar bħala grupp mużikatli “Pussy Riot”.  Hawn ukoll, il-bibien tas-sistema tħabbtu.  U hawn ukoll, id-dinja kellha għad-disposizzjoni tagħha kif il-proċess penali jaħdem ġewwa dak il-pajjiż.

5.    Id-differenza evidenti hija li, filwaqt li r-Russja hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa, iċ-Ċina mhijiex.  Diġà hemm numru konsiderevoli ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qorti tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.  Fil-fatt dan l-istat, skont l-istatistika tal-istess qorti, fl-aħħar tas-sena li għaddiet kellha pendenti kontriha 40,225 każ [konfrontati mal-15,940 każ kontra t-Turkija, mal-13,741 każ kontra l-Italja u 36 tagħna], li huwa ferm iktar ‘il fuq milli wieħed għandu jistenna.  Dan, minnu nnifsu jitlob attenzjoni u dan il-każ kompla żied fil-pressjoni sabiex is-sistema ġudizzjarja f’dak il-pajjiż tiġi allineata aħjar.  Dan huwa żgur f’kuntrast ma’ dak li għandna f’pajjiżna.  M’għandux il-kriżi li ħaddieħor ipprova jpinġi, wisq u wisq anqas għandu xi kumplikazzjoni jew traskuraġni fl-implimentazzjoni tas-sentenzi għax kważi kollha ġew implimentati fi ftit żmien.

6.    Is-sajf ra każ ieħor interessanti li bih il-bibien tal-ġustizzja qed jitħabbtu b’mod differenti.  Il-każ ta’ Julian Assange li ngħata l-ażil fl-Ambaxxata tal-Ekwador fir-Renju Unit kompla jħawwar l-attenzjoni legali.  Nafu li l-Isvezja u l-Istati Uniti tal-Amerika, it-tnejn żewġ pajjiżi bi tradizzjoni demokratika u legali twila, talbu li jinġieb għandhom sabiex jiġi proċessat għal reati differenti.  Ħawwru għax dawn iriduh.  Il-Qrati fl-Ingilterra ordnaw li jittieħed, però jinsab imsakkar f’ambaxxata fejn hemm protezzjoni diplomatika li ma tippermettix li jiġi meħud.  Għal min qiegħed isegwi sew jaf li Assange għandu bħala avukat lill-ex imħallef Spanjol Baltasar Garzon, li terġa’, kien involut kontra l-Ingilterra fuq in-naħa l-oħra meta bħala imħallef talab li jinġieb fi Spanja Augusto Pinochet, mixli li kien qatel Spanjoli fiċ-Ċilè.

7.    Il-fatt li kien hemm theddida politika li l-Ingilterra kellha xi ħsieb li tidħol fl-Ambaxxata Ekwadorjana kompla iktar u iktar ġieb elementi ta’ natura internazzjonali fin-nofs.  Dak li ġara u għadu qed jiġri preżentement f’dawn it-tlett pajjiżi: ir-Russja, iċ-Ċina u l-Ingilterra, żgur mhux forsi ser ikompli jiġbed l-attenzjoni tal-mezzi tal-aħbarijiet.  Però, iktar minn hekk, dan ser jinfluwenza deċiżjonijiet futuri.  Il-bibien tal-ġustizzja jitħabbtu u għandhom jinfetħu.  Fuqhom jiddependi kemm id-drittijiet fundamentali tal-bniedem ikunu protetti u kemm id-demokrazija tikber u tkun denja ta’ dak l-isem.

27.8.12

Ingħalaq ktieb b’kapitoli varji

1.    Tul dawn il-jiem, il-pajjiż waqaf jaħseb u jassisti għal dak kollu li ssuċċieda wara l-mewt tal-Perit Duminku Mintoff, bniedem li influwenza l-ħajja ta’ dan il-poplu.  Fiż-żmien li qatta’ magħna kien, għal perjodu twil, protagonista.  Kien l-interlokutur dirett u li, ma tistax taħrab minnha, kull min kien qiegħed jagħti l-impenn fid-dinja politika ried, b’xi mod, jaffronta jew jikkonronta.  Mimli b’ideat, dejjem jidher deċiż f’dak li jrid u sa fejn lest li jasal.  Kellu l-metodu uniku tiegħu, mod differenti kif jersaq lejn il-bnedmin u lejn il-problemi.  Għal uħud spiċċa eroj, salvatur, missier, bidu u tmiem.  Għal oħrajn, preċiż il-kontra. 

2.    Żgur u mhux forsi, kien tant dominanti, irid iżomm lil dak li jkun f’idejh (niftakru jgħidli u jiddeskrivili direttament proprju dan huwa stess, u m’ilux ħafna).  Fatt li minnu nnifsu kien jibgħat messaġġi varji.  Messaġġi li jinftehmu b’mod differenti fil-ħajja politika.  Uħud riedu jippruvaw jimitawh, oħrajn fehmu li kellhom jagħmlu l-kontra ta’ kif kien jaħdem huwa.  Minkejja l-fatt li kien assenti mix-xena parlamentari mill-1998, xorta waħda, fl-isfond tat-tlett telfiet elettorali konsekuttivi, trabbiet iktar fil-Partit Laburista l-konvinzjoni li huwa biss kien kapaċi jġibhom u jżommhom fil-gvern.  Proprju għalhekk li, iktar minn qatt qabel, f’dawn l-aħħar erba’ snin fil-Parlament stajt tara diversi jittantaw jimitawh.  Proġett, għalija, fallut billi hu kien hu.  Hu ma kienx imita lil ħaddieħor, u meta ħaddieħor jipprova jimitah jinħass falz u stunat.  Imma fil-kultura politika ta’ dak il-partit ħadet iktar saħħa li jrid ikun Mintoff ieħor biex jerġgħu jkunu fil-gvern.

3.    Mintoff kien bniedem kumpless u ma tanalizzahx f’erba’ rigi.  Tant kellu faċċati varji li kienu jolqtu lil kull min, b’xi mod, ġarrbu u sar jafu mill-viċin jew mill-bogħod, fi triq jew f’oħra, li huwa diffiċli li tispjegah b’formula sempliċi.  Min, f’dawn il-jiem, ipprova jqegħdu f’kexxun jew kaxxa definiti, naħseb li żbalja.  Ma għamilx ġustizzja, la lilu, u lanqas lil dawk kollha li ħadmu miegħu.  Wieħed seta’ jinnota li kien hemm wisq min ipprova jabbuża mill-memorja tiegħu f’direzzjoni jew oħra mingħajr ma jqis il-verità sħiħa.  Xi wħud dehru ċar li qed jaħarbu mill-partijiet vitali tar-realtà storika.  Naħseb li min kien verament jafu sew, induna li kien qiegħed jiġi strumentalizzat inutilment.  Duminku Mintoff daħal fl-istorja vera u m’għandux jiġi magħmul biċċa għodda ta’ propaganda baxxa.  Ingħasar biżżejjed.  Nista’ nistħajjel li kieku kien għadu ħaj kif kien jirreaġixxi għall-kummenti ta’ xi wħud li labalbu fix-xejn u fil-vojt dwaru.

4.    Anki, bir-rispett kollu, il-korteo lejn il-Belt qabeż dak li naħseb li huwa stess kien jaċċetta.  Kien hemm linja ta’ dinjità u rispett lejh li kien evidenti li, f’ċerti mumenti, nqabżet.  L-aġenda politika tal-Partit Laburista rajtha tidħol u trid tirkeb wisq fuq il-memorja tiegħu.  Ħaġa li ma kienx hemm lokha.  Seta’ sar kollox b’ferm iktar dinjità u rispett veru lejn bniedem li għadda għal ħajja oħra.  Biss, issa dan huwa passat u wieħed iħares lejn il-futur.  Il-poplu jrid, għada pitgħada jqis sewwasew x’ġara fl-istorja vera ta’ pajjiżna matul iż-żmien li fiha l-Perit Mintoff kellu parti prinċipali, mingħajr tiġbid ta’ preġudizzji u  mingħajr propaganda elettorali.  Jeħtieġ li bħala poplu napprezzaw ix-xogħol tal-politiċi tagħna, anke wara mewthom, mingħajr ma ninsew anke d-dinjità tagħna bħala poplu.  Altru tqim il-bniedem f’mewtu u altru tipprova tbiddel l-istorja.  Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Duminku Mintoff kif jixraq lil min tant kien protagonist prinċipali fl-istorja tagħna reċenti.  Iżda l-istorja m’għandhiex tiġi mgħawwġa, lanqas f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Il-pożittiv kollu għandu jiġi mfakkar.  Dak li kien negattiv, mhux il-waqt li jitqanqal jew li jiġi mdawwar bħalissa.

5.    Il-perjodu bejn l-1981 u l-1987 kien iż-żmien li fih Mintoff kien l-inqas komdu miegħu nnifsu.  Dawk is-snin servew sabiex persuni tal-età tiegħi kibru f’pajjiż għaddej, ġurnata b’ġurnata, mit-tiġrib tad-demokrazija u din l-esperjenza mmarkatna u kabbret fina l-konvinzjoni li d-demokrazija rridu niġġieldu għaliha kuljum.  Wara l-1987, Alfred Sant ipprova jbiddel l-istil, iżda l-Partit Laburista m’għamilx l-awto-kritika sewwa u baqa’ fejn kien, bl-istess elementi li kellu qabel.  Ngħid li dan kien fattur ulterjuri li wassal għall-firda li seħħet b’tant diffikultà fl-1998.

6.    Issa li Min ħalqu reġa’ ġabru lura wara ħajja twila, il-pajjiż għandu jħares oġġettivament li, mingħajr direzzjonijiet ħżiena u mingħajr sfruttament, jikteb sew dak kollu li dan il-Bormliż wettaq, fit-tajjeb u f’dak inqas tajjeb.  Diversi nies messew miegħu f’din il-karriera twila.  Ħafna diġà kitbu dwaru.  Hemm bżonn, meta jkun għadda ftit iktar żmien, kitba iktar bilanċjata li tħares sew fil-fond f’dak kollu li wettaq.  Jekk dan l-eżerċizzju ma jsirx, Mintoff ser jibqa’ figura kontroversjali fejn kull naħa tiġbdu lejha biex tużah.  L-agħar, li jispiċċa jidher dejjem il-kontra ta’ dak li attwalment kien.  Hemm diversi paġni li jridu jinkitbu u diversi kapitoli li jingħalqu.  Ġabra ta’ fatti u riflessjonijiet li jgħinu politiċi preżenti u futuri jifhmu bil-preċiż x’kien verament u f’hiex irnexxa u f’hiex le.

23.8.12

Iċ-ċertezza tad-dubju


1.    Il-linja politika ġdida fjamanta tal-Oppożizzjoni hija ċara, u f’dan ċerta.  Tara l-ħin kollu l-poplu x’jaf li huwa tajjeb, x’inhuwa jaħdem u ddaħħal id-dubji dwaru.  Għax ilkoll nafu kemm fil-fatt huwa faċli ddaħħal id-dubju f’moħħ dak li jkun.  Anki dawk li huma l-iktar għorrief, isibu ruħhom jitfixklu fuq dan.  Il-bniedem għandu il-limitazzjonijiet tiegħu, jaf li ma jafx kollox u proprju għalhekk li mhux tant diffiċli li ddaħħallu dak il-fellus qawwi u b’saħħtu msemmi u magħruf bħala “id-dubju”.

2.    Wieħed jifhem din l-istrateġija kostanti u fuq kollox.  Jifhimha proprju għax il-partit tal-Oppożizzjoni jrid jixħet id-dawl tal-attenzjoni mhux fuq dak li beħsiebu u kapaċi jwettaq hu, imma fuq ħidmet il-Gvern.  Meta dan il-partit jattakka, tkun ċert li qed jagħmel dan għax l-affarijiet huma tajbin.  Iċ-ċertezza li toħroġ dejjem iktar qawwija ġejja minn dan.  Jippruvaw iċekknu s-sewwa.  Iridu jġibu lil kull persuna bl-indottrinazzjoni u strateġiji tas-soltu.  Jibdew jaħsbu l-kontra ta’ dak li jafu li hija ċertezza.  Tiskanta kemm nies jerġgħu jistaqsuk domandi li t-tweġibiet jafuhom diġà, proprju biex ineħħu d-dubji minn rashom.

3.    Avolja dan huwa Gvern li ħadem ħafna – wieħed li rnexxielu jasal fejn oħrajn ma waslux u minkejja dan hemm min irid jipprova jkerrħu.  Tiskanta kif barra minn xtutna jagħtuna l-kredtu li jixirqilna, mentri hawn fostna rridu nitmaqdru, nifflaġellaw ruħna u nitkasbru.  Xi gwadan nistgħu nieħdu, ilkoll bħala poplu, li niċħdu l-verità u l-fatti?  Għax dak kollu li hemm tajjeb għandu minflok jiġi rikonoxxut u mhux dubitat.  Il-pedamenti li għandu jibni fuqhom kull Gvern li jrid ir-rispett tal-pajjiż huma bbażati fuq dak li huwa verament sod u tajjeb.  Biss, nafu li l-Oppożizzjoni tant m’għandhiex ideat ġodda u tajba li taf li tista’ tieħu l-poter biss jekk tkun ċerta fid-dubju.

4.    Ngħid iktar dan għax jekk hemm żewġ pedamenti sodi, fost oħrajn li din il-leġislatura għandha, huma preċiżament ix-xogħol u s-saħħa.  Forsi hemm bżonn iktar li n-nies ikunu jafu li hemm kuntrast qawwi bejn dak li seħħ f’pajjiżi oħra Ewropej u dak li ġara għandna.  Kemm persuni tilfu x-xogħol u kemm l-ekonomiji qed isibu diffikultajiet biex jiċċaqilqu ‘l quddiem u jkabbru dak li ċkien.  Għall-kuntrarju, aħna żidna sija fil-postijiet tax-xogħol, kif ukoll fl-investiment barrani hawn.  Mertu ta’ ħidmet il-Ministru Tonio Fenech, żammejna ċari l-prijoritajiet tal-pajjiż.  Bniedem li nafu fl-esperjenza diretta tiegħi bħala ħawtiel, iffukat u deċiż, żamm il-finanzi taħt kontroll u żied l-ekonomija.  Ma qagħadx jiddubita imma kien ċar u dirett f’dak li kellna u għad għandna bżonn u għalhekk hemm suċċess evidenti.  Tant l-Oppożizzjoni taf b’dan li trid tiddubita.

5.    Fid-dubju tal-kliem tal-Oppożizzjoni hemm, fuq in-naħa l-oħra, iċ-ċertezza.  Dik li kull darba li kien hemm il-partit tal-Oppożizzjoni fil-Gvern, ix-xogħol naqas drastikament.  Dawn huma l-fatti.  Kull min irid jaqra u jfittex jaf li jekk hemm settur li ma rnexxewx fih kien proprju dan.  Ma hemmx dubju fuqu, imma hemm iċ-ċertezza.  Jgħidu x’jgħidu fuq it-tajjeb ta’ ħaddieħor, ilkoll nafu li huma m’għandhomx din l-abbiltà.  Ma jistgħux iressqu fatti differenti.  Jistgħu biss imaqdru, jiddubitaw.

6.    L-istess fis-saħħa.  Il-livell għoli li ngawdu hawn iġib l-għira ta’ popli oħra.  Kull min, bħali, miss mas-servizz dirett u mogħti jaf li huwa professjonali u ta’ livell għoli mmens.  Il-fatti dawk huma.  Il-Ministru Joe Cassar, bil-moħħ ċar u bl-umiltà kostanti tiegħu, rnexxielu jkompli jċaqlaq ‘il quddiem b’passi kuraġġużi u kbar fuq dak li sar minn dawk ta’ qablu.  Solva kwantità ta’ problemi u mexxa fid-diffikultajiet li kull sistema medika tħabbat wiċċha magħhom.  Ilkoll nafu li dak li għamel dan il-Gvern, ħaddieħhor ma kienx kapaċi jwettqu.  L-Oppożizzjoni minflok trid li anki dawk kollha li ma’ kull ġurnata jieħdu servizz b’xejn u tajjeb, jiddubitaw minn dak li ħadu.

7.    F’dan is-sajf mimli sħana u riħ isfel politiku, ninsab ċert li ser nibqgħu nisimgħu aktar vuċijiet ta’ dubju.  Biss, ilkoll għandna nżommu f’moħħna, l-ewwel, li iktar ma jriduna niddubitaw, iktar għandna nkunu ċerti f’dak li sar tajjeb u t-tieni, li quddiem Gvern li jaf x’inhuwa jagħmel, l-Oppożizzjoni għadha m’għandhiex ċertezza ta’ dak li trid, imma d-dubju ta’ dak li hija.

21.8.12

Ma’ min nitqabblu?

1.    Pajjiżna jibqa’, wara dawn is-snin, wieħed avvanzat u mimli opportunitajiet.  Jibqa’ wieħed li jippermetti lil kull membru tas-soċjetà, ġej minn liema klassi soċjali li hu jidentifika ruħu magħha, li jimxi ‘l quddiem.  Għal dan il-fruntieri, illum il-ġurnata, kibru sew.  Ma hemmx dubju li l-bibien huma ferm iktar miftuħa minn tletin sena ilu.  Irnexxielna nibnu Stat demokratiku li ra l-ġustizzja soċjali bħala l-kejl u l-lenti li minnha għandu jaħdem favur kull persuna.  Ix-xenarju soċjali nbidel, ma hemmx dubju.  Sirna wkoll iktar materjalisti milli konna, biss imxejna ‘l quddiem.

2.    Il-progress twettaq għal numru ta’ raġunijiet.  Primarjament kellna, u għad għandna, diversi politiċi li ġew iffurmati tajjeb, li qraw u jkomplu jaġġornaw ruħhom, li għandhom viżjoni għas-soċjetà li jridu jwettquha.  Dawn huma l-bnedmin li ħadu ħsieb li jibnu mhux bis-sulluzzu, iżda kontinwament, biċċa biċċa, fi triq (road map) li kellhom f’rashom u kienu kapaċi jirfinaw u jmexxu mingħajr ma tilfu l-ideal tagħhom.  It-tieni, li ħadna ħsieb inqabblu lilna nfusna ma’ soċjetajiet oħra.  Rajna u għadna naraw dak li sar fil-passat u li qed isir fil-preżent minn diversi stati u politiċi oħra.

3.    Meta nitqabblu u nħarsu li naddottaw dak li wettqu oħrajn, ma rridux nitilqu mill-ħsieb li kull ma jsir huwa neċessarjament tajjeb.  F’dawn is-snin, fid-diversi passi politiċi li ħadna, l-iktar li rnexxew ma kienux dawk li addottajna sempliċement għax oħrajn għamluhom u f’pajjiżna kien hemm xi ħadd li kellu l-fissazzjoni li jimita, imma dawk li addottajna skont ix-xenarju Malti, maqtugħ proprju għalina.  Sfortunatament, in-nuqqas ta’ għaqal politiku, ta’ formazzjoni, ta’ attenzjoni jwasslu, per eżempju, lejn min jindika malajr malajr li jrid ikun fotokopja ta’ stampa li rnexxiet.  Il-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li għamel sena sħiħa jgħidilna kemm huwa jammira u jrid isegwi l-passi tal-kap tal-Partit Soċjalista Spanjol Josè Luis Rodriguez Zapatero, huwa eżempju ta’ dan.

4.    Il-Partit Nazzjonalista, minflok, għamel sewwa li ra fl-Unjoni Ewropea mudell li għandu ħafna tajjeb li huwa jista’ jimplimenta u jwettaq.  Għamel dan wara li kkunsidra sewwa u fid-dettall x’jista’ dan jimporta għalina bħala poplu.  Fuq quddiem, żgur kien hemm iċ-ċertezza li qegħdin niftħu bibien ta’ opportunità li qatt qabel ma kellna.  Illum irridu nirrikonoxxu li dak li sar kien pass determinanti li minnu għadna nieħdu benefiċċji varji.  Il-liġijiet tal-pajjiż ħadu qabża kbira ‘l quddiem f’daqqa, sar proċess ta’ aġġornament bejn is-sena 2000 u 2004 li ċaqlaq id-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin ferm iktar ‘il quddiem.  Diversi ċittadini siefru mal-Ewropa tas-sebgħa u għoxrin jaħdmu fejn iridu, iduru bil-libertà, isiefru mingħajr ostakli tal-passat u saru ċittadini Ewropej u f’dan privileġġjati.  Diversi sabu xogħol f’istituzzjonijiet Ewropej.  Ħafna ħadu esperjenzi differenti, kabbru l-orizzonti tagħhom u għarfu li l-Istat jista’ jitħaddem bi strumenti iktar trasparenti u effiċjenti fl-istess ħin.

5.    Id-demokrazija kibret, il-ġustizzja soċjali ssudat ruħha u fuq kollox, din l-art ma baqgħetx waħda li hija magħluqa, ristretta, iżda miftuħa.  Mill-Unjoni Ewropea ħadna ħafna ġid, però ħadna ħsieb ukoll li ngħarfu li aħna stess kapaċi nsiru parteċipanti ta’ bidla oħra.  Fortunatament għalina lkoll, il-poplu jrid ikompli jtejjeb lilu nnifsu.  Kull familja, kull persuna tħares li timxi ‘l quddiem.  Tħares li tara soċjetà iktar ġusta, bilanċjata mhux esaġerata jew estremista, li hija kapaċi taqbeż għal min huwa minn taħt.  Waħda li trid li s-sewwa jirbaħ, li tiġi mmexxija minn persuni li tista’ tafda fil-kelma, fl-onestà u fl-irġulija tagħhom.  Proprju għalhekk li, bl-Unjoni Ewropea, għandna l-opportunità li niftħu iktar il-bibien.  Niftħuhom billi nibdlu u nġibu fis-seħħ regolamenti u direttivi li bihom l-Ewropa tikber aktar.  Għalina l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala d-dittatriċi ta’ miżuri mhux popolari, iżda x’kapaċi aħna nwettqu minnha.

6.    Kull partit politiku jressaq quddiem il-poplu numru ta’ persuni li jirrappreżentawh.  Politiċi li, għalkemm mhux kollha, fil-maġġoranza jridu jieħdu l-poter f’idejhom.  Kif inhuma ffurmati, kif inhuma ppreparati huwa essenzjali sabiex nassiguraw li l-progress li sar ikompli jsir jew b’miżuri ġodda jew b’limaturi neċessarji.  Il-pajjiż, il-poplu jqis il-ħin kollu din l-abbiltà.   Iqis min huwa kapaċi li jħallilu l-bibien miftuħa biex jikber u min, minħabba l-inabilità tiegħu, jagħlaqhomlu.  Tul dawn is-snin, il-Partit Nazzjonalista għandu l-mertu indiskuss li żamm il-pajjiż jipprogressa.  Żammu wieħed kapaċi jifhem sewwa dak li jrid, u li f’dan, żamm lilu nnifsu jitqabbel ma’ min jgħollih ‘il fuq u mhux ma’ min iniżżlu ‘l isfel.

20.8.12

Il-familja tibqa’ ċ-ċentru tagħna

1.    Il-Partit Nazzjonalista jista’, għad-differenza ta’ partiti oħra, jiftaħar li tul iż-żmien li ilu fil-Gvern, ikkonsidra dejjem b’saħħa l-familja.  Ma kkunsidrahiex b’veduti magħluqa, imma miftuħa.  L-għajnuna, l-opportunitajiet li huwa ħoloq f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena biddlu ta’ taħt fuq dak kollu li kellna.  M’għalaqniex ruħna għal realtajiet ġodda, għal sitwazzjonijiet li żviluppaw.  Ma abbandunajniex u ntlaqna iżda bqajna rridu nassistu u nkabbru.  Illum il-familja, f’din is-soċjetà, baqgħet ċentrali għall-politika nazzjonali tagħna.  Baqgħet waħda li rridu narawha tavvanza u tikber f’kull qies.

2.    Il-prinċipji demokratiċi nsara żammewna nsostnu u nħaddmu politika li permezz tagħha nagħtu opportunitajiet, mekkaniżmi li permezz tagħhom il-membri tas-soċjetà jikbru.  Ħadna ħsieb li ma nħallux is-soċjetà tiġi mċekkna.  Min huwa minn taħt ħadna ħsieb indaħħlulu kemm nistgħu toroq li bihom mhux jinżel ‘l isfel, iżda jitla’ ‘l fuq.  Ma qbilniex ma’ dawk li jridu jżidu t-taxxi, bħalma s-soċjalisti kontinwament iridu jagħmlu kullimkien fl-Ewropa.  Tul dawn is-snin, anzi, naqqasna kontinwament it-taxxa fuq id-dħul u fl-istess ħin daħħalna mekkaniżmi ta’ assistenza, ta’ ġustizzja soċjali għal min isib ruħu f’sitwazzjonijiet sfortunati.  Il-mard, it-traġedji jistgħu jiġu fuq kull persuna u ħadna ħsieb li s-soċjetà tkun hemm għal min iġarrabhom.

3.    Iva, waqt li soċjetajiet oħra għamlu prezz fuq is-saħħa, pajjiżna baqa’ jassigura li kull membru tas-soċjetà, ġej minn fejn hu ġej, minn liema klassi soċjali, ekonomika jew legali, ikollu s-servizz tas-saħħa kollu mingħajr ħlas.  Waqt li ħaddieħor irid imaqdar dan kollu, il-poplu jibqa’ jagħraf li s-servizz li għandna huwa uniku.  Kull familja taf li llum jew għada, xi ħadd viċin tagħha jew xi ħadd minnha stess ser isib ruħu fil-bżonn li jmur l-Isptar Mater Dei.  Dik hija r-realtà u dan il-partit ħa ħsieb li saħħet kull membru tas-soċjetà tkun, kemm jista’ jkun, assigurata.  Ma ġibniex u m’għamilniex distinzjoni, imma rajna li ngħollu lil kull persuna ‘l fuq fuq l-istess livell.  Mhux dawk li għandhom il-mezzi jingħataw kura u dawk li m’għandhomx jiġu traskurati jew abbandunati.

4.    Ħadna ħsieb ukoll nagħtu l-opportunità lil kull membru tas-soċjetà li javvanza ekonomikament.  Progress ekonomiku fir-rispett tal-liġi u d-dinjità umana f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel, dak tax-xogħol.  Dawk li jgħixu f’din il-gżira jgħarfu li b’dan il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, ix-xogħol ma naqasx, bħalma ma naqasx it-taħriġ, l-avvanz, l-edukazzjoni mill-ġdid għal min irid jibdel il-linja biex jaqla’ iktar u jkun iktar kuntent f’xogħlu.  It-tieni, fil-ftuħ u assistenza għal min irid jimxi għal rasu u jiftaħ negozju ġdid jew jibdel dak li għandu jew xtara.  It-talent ta’ min kapaċi joħlom u jieħu riskji kummerċjali, minflok żammejnih lura ħadna ħsieb ngħinuh biex jitkabbar.  Ferm iktar familji ħadu benefiċċju mid-diversi skemi li ġew preparati u mogħtija.  Ferm iktar familji kibru ekonomikament, soċjalment u huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet aqwa għalihom infushom.

5.    L-istat demokratiku u Ewropew ta’ dawn il-gżejjer mhux qiegħed hemm biex iżomm lura lin-nies, lanqas biex jindaħal fejn ma jesgħux, imma sabiex jassisti u jkabbar.  Fl-istess ħin, iħares lejh innifsu bħala difensur ta’ dawk li għandhom bżonn.  Iħares li jiddefendi lil dawk li huma minn taħt, lil dawk kollha li b’xi mod huma żvantaġġati jew vulnerabbli.  Aħna dejjem konna u nibqgħu kontra kull forma ta’ tirannija, leġislazzjoni żejda u nuqqas ta’ tħaddim ġust u ekwu tal-ġid tas-soċjetà.  Il-pajjiż kiber u ser ikompli jikber għax fi ħdan dan il-Partit Nazzjonalista għad hemm bnedmin li huma f’pożizzjoni jifhmu dak li huwa għaddej u jressqu proposti li jwettqu s-sewwa.

6.    Is-soċjetà għandha l-arloġġ tagħha, il-partit għandu tiegħu.  Xi wħud jaħsbu li hemm bżonn li jkunu kordinati bil-preċiż.  Oħrajn, bħali, jaħsbu li dak tal-partit għandu dejjem ikun iktar avvanzat minn dak tas-soċjetà.  Partit għandu d-dmir li jmexxi ‘l quddiem.  Imexxi mhux billi jitkaxkar minn oħrajn fuq dak li, f’mument jew ieħor, b’reazzjoni jaħseb li għandu jwettaq iżda billi jkollu viżjoni u ankri tal-valuri tiegħu.  Is-soċjetà tagħna mxiet ‘il quddiem u kienet kapaċi twettaq proprju għax għandha partit li l-ideat tiegħu huma ċari, li jħares ‘il quddiem, li jagħti mhux fl-arja imma b’mod konkret opportunitajiet ġodda, li jħares lejn il-familja bħala ċ-ċentru ta’ ħidmietu.  Partit li fih is-sewwa jirbaħ.

17.8.12

Fakkarni sewwasew x’suppost qed taghmel?

1.    F’dan pajjiżna għandna sitwazzjoni li ma nistgħux naħarbu  minnha.  Indawruha kif indawruha, l-verità tibqa’ dik li hi.  Għandna, sfortunatament, partit politiku fl-Oppożizzjoni li jibqa’, sena wara sena, juri fil-miftuħ li m’għandux dak li hemm bżonn li jkollu biex imexxi pajjiż.  Il-poplu tagħna huwa ffaċċjat b’din ir-realtà.  Partit li għamel perjodi ta’ żmien fil-bank tal-Oppożizzjoni u rnexxielu jibqa’ kif kien.  Irnexxielu joqgħod lura milli jinbidel, sija fil-bnedmin li jikkomponuh, sija fil-metodu politiku, kif ukoll fl-ideat li kapaċi jressaq lejn il-futur.  Fil-konkret, hija forma ta’ traġedja nazzjonali li dan il-partit jibqa’ jdur fuq l-istess punt u ma jistax jinqala’ mill-passat.

2.    Partit li, għalkemm kellu u għad għandu kull forma ta’ opportunità li jħares lejn dak li ġara, dak li rnexxa fil-pajjiż u jinbidel, irid jibqa’ jagħtina lkoll l-istess li kien.  Il-formazzjoni mentali, il-kultura politika li hemm f’dak il-partit ma nbidlet xejn.  Wieħed jinduna, mhux biss mill-atti esterni, mill-faċċati tal-immaġini tal-pubbliċità, imma mis-sustanza tal-ħsieb u l-ideat.  Il-Partit Laburista, huwa mill-iktar evidenti li tilef kull forma ta’ prinċipju li kellu.  Sar jaħseb biss, b’ossessjoni kontinwa, li jikseb il-poter tal-Istat f’idejh, u wara, jara x’ser iwettaq.  Dan jidher il-ħin kollu, mingħajr ħabi ta’ xejn.

3.    Fuq in-naħa l-oħra, aħna fil-Gvern ma hemmx dubju li għandna n-nuqqasijiet tagħna, però l-poplu jafna u jaf li ppruvajna kontinwament li nwettqu l-ġid u s-sewwa b’ideat politiċi ċari.  Ma ċċaqlaqniex minn dak li aħna fil-fond tagħna.  Ma hemmx distinzjoni bejn dak li nidhru u dak li aħna.  F’dawn ix-xhur, fil-ħidma kostanti li saret u għadha qegħda ssir, ma konniex perfetti.  Anqas forsi ma lħaqna l-grad ta’ preċiżjoni li ħaddieħor talab minna, però l-pajjiż kompla jimxi b’passi ‘l quddiem.  Komplejna naraw dak li hemm bżonn u nikkunsidraw mill-ġdid dak li sar u fejn nistgħu nsaħħuh jew nirriformawh.  Komplejna, f’kuntrat ma’ ħaddieħor, naġġornaw lilna nfusna mingħajr ma nitilfu l-melħ tagħna.  Bqajna partit tal-preżent u tal-futur.

4.    Naf li, sfortunatament, hemm min ser jieħu ħafna għalih imma nixtieq li nistaqsi, bħala membru ta’ din is-soċjetà, sewwasew x’inbidel fil-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin, bi tmexxija ġdida?  Dawk bħali li sabu ruħhom huma u jsuqu jħarsu lejn l-istampi li ġew imxerrda minn dak il-partit fehmru li, verament, ma hemmx ideat ġodda.  Kien hemm, anzi, reazzjonijiet mgħaġġla u numerużi għal dak il-wieħed li deher mill-Partit Nazzjonalista.  Wieħed li ħareġ pubblikament għal għajnejn kull persuna li hemm verità li kull darba li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern jonqos ix-xogħol.  L-istatistika turi dan, mexxejja preċedenti ammettewh.  Flok kien hemm risposta fuq dan il-punt, kien hemm biss tgerfix, għaġġla u suġġetti varji li, frankament, ma nafx min jista’ jaħseb li kienu ser isolvu.

5.    Partit fl-Oppożizzjoni jista’ jirbaħ il-punti fuq diversi ħwejjeġ, fosthom li jressaq lejn il-pajjiż proposti li jistgħu jseħħu verament.  Imbilli tilmenta, tista’ tiżvoga, imma l-poplu jrid iktar.  Jekk tal-linja damet siegħa biex tasal, jista’ dan ikun tort tal-Gvern?  Jew, aqwa, jista’ jkun hemm xi Gvern ieħor li għada pitgħada jista’ jgħid li l-elettorat: “Ivvutali għax il-ministri u l-membri parlamentari tiegħi ser jibdew isuqu tal-linja u sserraħ moħħok li ser jaslu dejjem fil-ħin.”?  Hemm evidenti ħafna nuqqas ta’ preparazzjoni.  Ma hemmx sustanza li wieħed għandu bżonn biex imexxi ‘l quddiem, u mhux lura, lil dan il-poplu.  Għax wieħed irid ifakkar li, bid-difetti kollha tagħna, il-pajjiż xorta mexa ‘l quddiem u ma waqafx iwettaq dan.  Il-Partit Nazzjonalista baqa’ jerfa’ r-responsabbiltà u juża sewwa ħinu, mentri dak Laburista baqa’ jaħrab minnhom u jaħli l-ħin.

6.    U wieħed jinnota li, aktar ma huwa ċar li t-tmexxija l-ġdida jew hija inkapaċi jew mhix qegħda titħalla toħroġ b’xi ħaġa ġdida, li l-amministrazzjoni trid dejjem tibda kapitolu ġdid mingħajr ma tagħlaq dak ta’ qabel.  L-ewwel kellna Google hangout u warajha issa ġej il-kungress.  Xejn ma huwa qed joħroġ ġdid.  Qiegħed jibqa’ kollox kif kien u kif inhuwa. F’elezzjoni, pajjiż irid ikun ċert li qed jivvota għall-partit li kapaċi jmexxih ‘il quddiem u mhux sempliċement li jbiddel biex jieħu gost li jbiddel.  Ġustament, il-pajjiż għalhekk qiegħed jistaqsi lilu nnifsu: “Imma x’inbidel sewwasew f’dak il-partit taħt din it-tmexxija?”  Tant il-punti m’humiex ċari li diversi qed jistaqsuh: “Fakkarni, sewwasew x’suppost qed tagħmel?”

16.8.12

Dak li s-soċjetà tgħaddi minnu

1.    F’diversi mumenti, fid-diskors tal-jum nisimgħu dikjarazzjonijiet varji marbuta mal-perċezzjoni pubblika li “s-soċjetà m’għadhiex li kienet”.  Hemm f’dan sens ta’ kuntrast kontinwu bejn dak li konna u dak li aħna, bejn soċjetà li tħares lejn passat mimli b’iktar valuri mil-lum.  Soċjetà li tqabbel kontinwament lilha nnifisha ma’ kull ġurnata bejn dak li kien u għadu ġust jew inġust, b’saħħtu moralment jew le, liberu jew tiranniku, ċar jew konfużjonarju.  Il-varjetajiet ta’ taqbiliet bejn veritajiet passati u preżenti u perċezzjonijiet huma wkoll tal-bieraħ u tal-lum.

2.    Dan id-dibattitu huwa wieħed mill-iktar naturali u normali għal soċjetà bħal tagħna.  Il-bnedmin minnhom infushom, bil-mod li bih ġew maħluqa, ifittxu kontinwament li jkunu “aħjar” milli huma.  Jistgħu jagħmlu din il-ħidma f’direzzjonijiet moralment u soċjalment tajba u jistgħu jagħmlu kompletament bil-kontra.  Hi x’inhi d-direzzjoni attwali li tiġi meħuda, il-bniedem jibqagħlu ġewwa fih boxxla ta’ direzzjoni.  Jibqagħlu ġewwa fih il-linja t-tajba li l-kuxjenza tiegħu tagħtih.  Il-kuxjenza qegħda fil-bniedem.  Jista’ jipprova jneħħiha minn fuq spalltu però jaf li, għada pitgħada ser jerġa’ jsibha fi triq, kantuniera jew sqaq.

3.    Is-soċjetà tibdel lilha nnifisha fil-kostumi, fil-ħidmiet tal-jum però l-esperjenza umana turi l-ħin kollu li tibqa’ tfittex li tkun aħjar billi ssegwi valuri li taf li huma tajbin.  Id-direzzjonijiet li l-bniedem jieħu, inevitabbilment iwassluh lejn l-għarfien tal-bżonn ta’ soċjetà li tħaddan lilha nnifisha ma’ dawn il-ġabriet ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu u jistenna li l-oħrajn iġibu ruħhom miegħu.  F’dawn il-gżejjer ilna, fortunatament, inħaddnu ġabra ta’ direzzjonijiet ċari li l-Knisja Kattolika għaddiet kontinwament.  Huwa evidenti li dawn il-valuri nsara ffurmaw il-qafas demokratiku tagħna, bħalma għamlu f’diversi soċjetajiet oħra.  Dak li huwa importanti fil-ħajja, dak li għandu jiġi protett u difiż ġej proprju minn dawn il-valuri.

4.    Is-soċjetà diġà għandha qafas legali li huwa minnu nnifsu b’saħħtu f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel għax mill-esperjenza ta’ kuljum is-sistema legali tagħna, bil-prinċipji li fuqhom ġiet imwaqqfa, irreżistiet iż-żmien.  Tul dan il-perjodu kollu tħaddmet u baqgħet isservi tajjeb lis-soċjetà.  It-tieni, proprju għax din tqegħdet u ġiet ibbażata fuq il-prinċipji nsara li ma ssarrfitx f’mekkaniżmu ta’ inġustizzji.  Din l-esperjenza pożittiva welldet aktar fil-qalb u l-moħħ ta’ diversi Maltin u Għawdxin li soċjetà li tabbanduna dawn il-valuri nsara tkun qegħda tintelaq.  Tintilef f’toroq li ma jwassluha mkien salv f’diffikultajiet li jitwieldu mill-egoiżmu u li wieħed jagħmel biss dak li jaħseb li jaqbillu u mhux dak li huwa sewwa.

5.    Is-soċjetà, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jingħata f’impressjonijiet differenti, trid li tibqa’ tibbaża ruħha fuq dawn il-valuri u mhix lesta li tirrinunzja għal dan id-dibattitu.  Din id-diskussjoni ħajja, bejn dak li hu għaddej u dak li hija trid li tgħaddi minnu.  F’dan jibqa’ dejjem tajjeb li ebda stat tal-affarijiet ma jitħalla kif inhuwa, imma nibqgħu nerġgħu niddiskutuh.  Id-djalogu nazzjonali jrid jikkonċentra ruħu wkoll fuq dawn is-suġġetti għax il-pajjiż ifittex il-ħin kollu li jidentifika ruħu.  Ma nistgħux nirrinunzjaw u b’rassenjazzjoni ngħidu li m’aħniex kapaċi nibdlu jew li hawn xi forma ta’ mewġa li ma tistax tintrebaħ lura.

6.    F’kull jum, is-soċjetà tgħaddi mill-għarbiel tal-informazzjoni.  L-għarbiel ta’ dak li ssib fil-ħajja diretta ta’ madwarha u dak li tiġi bbumbardata minnu fil-gazzetti.  Mhux kollha diretti, anqas kollha veri, però inevitabilment jistimulaw diskussjoni.  Is-soċjetà, bħal dejjem, trid tkompli tħares iktar lejn dak li hija trid li jittrijonfa.  Għalhekk il-liġijiet li jsiru, il-miżuri li jiġu meħuda minn Stat bħal tagħna jridu huma wkoll joqogħdu għal dan l-għarbiel.  Is-soċjetà tikber u tissaħħaħ minn dan.  Tikber għax il-proċess lejn is-sewwa u dak li jħares li jkabbar iktar il-valuri li fuqhom inbniet f’kull ma jsir jiggarantiha effettivament.

1.8.12

Xorb u sewqan

1.    Sfortunatament, fil-pajjiż tagħna hawn min ma jiħux ħsieb jifhem li m’għandux isuq meta jkun taħt l-influwenza tax-xorb.  Ngħid dan għax, filwaqt li qabel kien hemm ċerti perjodi tas-sena fejn kien hemm iktar riskju ta’ bnedmin li jsuqu vetturi wara li jkunu kkunsmaw xorb alkoħoliku iktar milli jifilħu, illum dan huwa wieħed kostanti.  Forsi l-mezzi tal-aħbarijiet jagħtu wieħed x’jifhem li huwa matul il-perjodu tal-Milied li persuni jabbużaw, biss l-esperjenza hija li dan huwa riskju tul ix-xhur kollha tas-sena.  Għalhekk, is-sajf m’huwiex nieqes minn dawn il-probabilitajiet, anzi jista’ jkun li huma akbar.

2.    Il-poplu qiegħed jidra ferm u ferm iktar li joħroġ filgħaxija tul il-ġimgħa u jmur jiekol u jixrob.  Dan qiegħed effettivament ifisser ukoll li hemm iktar persuni li ma jikkalkulawx biżżejjed kemm għandhom jikkunsmaw xorb alkoħoliku, jekk wara jridu jsuqhom.  Għadna qegħdin naraw persuni li jdumu barra sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu u ma jikkontrollawx ruħhom.  L-aħjar jibqa’ dejjem li min irid joħroġ u jixrob jara kif jiftiehem ma’ terzi biex iwassluh lura.  Fir-realtà, vettura tista’ tkun arma li toqtol meta ma tkunx użata b’mod korrett.  Nisimgħu b’numru sew ta’ persuni li, sfortunatament, jew jispiċċaw korruti gravement jew li jitilfu ħajjithom.

3.    Il-prudenza hija dejjem tajba, biss nafu li diversi persuni m’humiex kapaċi jżommu ma’ dan il-limitu.  Għalhekk, l-Istat ħa ħsieb li tul dawn is-snin iżid il-pieni marbuta ma’ min isuq f’dan l-istat, apposta biex jibgħat il-messaġġ ċar li aġir simili m’huwiex aċċettat.  Anzi, tul din il-leġislatura nbidlu numru ta’ artikoli fil-Kapitolu 65 tal-Liġijiet ta’ Malta li jittratta speċifikament ir-regolamenti tat-traffiku sabiex ikun hemm iktar infurzar u deterrent.  Wieħed irid jgħid li l-pieni huma gravi.  Multi li jibdew minn €1,200 għall-ewwel darba u/jew ħabs ta’ tlett xhur.

4.    Il-liġi tipprevedi wkoll li dejjem, min jinstab ħati għandu jitlef il-liċenzja tas-sewqan jew għal perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur jew dak ta’ sena, dejjem skont jekk il-każ ikun l-ewwel jew it-tieni darba.  Din il-linja iebsa kienet ġiet introdotta oriġinarjament fl-1998 u baqgħet kostantement tiġi rinfurzata.  Dan billi dawk l-emendi daħħlu għall-ewwel darba l-użu ta’ apparat speċjali li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi kalkulat b’iktar ċertezza kemm huwa għoli l-livell tal-alkoħol li dak li jkun ikun xorob.  Il-liġi hija indikazzjoni ċara ta’ dak li jrid il-leġislatur, jiġifieri attenzjoni u prudenza ferm ikbar – ħaġa iżda li mhux neċessarjament iseħħ.

5.    Nikteb dan l-artikolu għax għalkemm il-kampanji ta’ informazzjoni huma tajba, minn żmien għal żmien però jkun hemm dejjem il-bżonn ta’ edukazzjoni.  Il-poplu trid tieħu ħsieb tfakkru.  Meta dan ma jsirx, ikun hemm min ikollu f’rasu li l-Istat m’huwiex jagħti l-istess importanza jew, jekk tispiċċa akkużat quddiem il-qorti, ser teħlisha faċilment.  Huwa dmir tagħna li nimxu biex ninfurzaw u, fl-istess ħin, nindikaw b’informazzjoni aqwa x’wieħed jista’ jiġrilu.  Għandna persuni li għadhom iġorru magħhom dawn l-esperjenzi qarsa kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku kaġunati minn xorb żejjed li jistgħu jgħallmu lill-oħrajn.  Diversi drabi, il-messaġġ jasal aħjar minn min iġarrab.

6.    Nagħlaq billi nappella sabiex ikun hemm iktar prudenza u attenzjoni.  Pajjiżna mexa ħafna ‘l quddiem u m’għandniex inħallu warajna jew ninsew li ngħaddu dawn ir-regoli, illum fundamentali, ta’ kif ċittadin responsabbli għandu jġib ruħu.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...