27.8.12

Ingħalaq ktieb b’kapitoli varji

1.    Tul dawn il-jiem, il-pajjiż waqaf jaħseb u jassisti għal dak kollu li ssuċċieda wara l-mewt tal-Perit Duminku Mintoff, bniedem li influwenza l-ħajja ta’ dan il-poplu.  Fiż-żmien li qatta’ magħna kien, għal perjodu twil, protagonista.  Kien l-interlokutur dirett u li, ma tistax taħrab minnha, kull min kien qiegħed jagħti l-impenn fid-dinja politika ried, b’xi mod, jaffronta jew jikkonronta.  Mimli b’ideat, dejjem jidher deċiż f’dak li jrid u sa fejn lest li jasal.  Kellu l-metodu uniku tiegħu, mod differenti kif jersaq lejn il-bnedmin u lejn il-problemi.  Għal uħud spiċċa eroj, salvatur, missier, bidu u tmiem.  Għal oħrajn, preċiż il-kontra. 

2.    Żgur u mhux forsi, kien tant dominanti, irid iżomm lil dak li jkun f’idejh (niftakru jgħidli u jiddeskrivili direttament proprju dan huwa stess, u m’ilux ħafna).  Fatt li minnu nnifsu kien jibgħat messaġġi varji.  Messaġġi li jinftehmu b’mod differenti fil-ħajja politika.  Uħud riedu jippruvaw jimitawh, oħrajn fehmu li kellhom jagħmlu l-kontra ta’ kif kien jaħdem huwa.  Minkejja l-fatt li kien assenti mix-xena parlamentari mill-1998, xorta waħda, fl-isfond tat-tlett telfiet elettorali konsekuttivi, trabbiet iktar fil-Partit Laburista l-konvinzjoni li huwa biss kien kapaċi jġibhom u jżommhom fil-gvern.  Proprju għalhekk li, iktar minn qatt qabel, f’dawn l-aħħar erba’ snin fil-Parlament stajt tara diversi jittantaw jimitawh.  Proġett, għalija, fallut billi hu kien hu.  Hu ma kienx imita lil ħaddieħor, u meta ħaddieħor jipprova jimitah jinħass falz u stunat.  Imma fil-kultura politika ta’ dak il-partit ħadet iktar saħħa li jrid ikun Mintoff ieħor biex jerġgħu jkunu fil-gvern.

3.    Mintoff kien bniedem kumpless u ma tanalizzahx f’erba’ rigi.  Tant kellu faċċati varji li kienu jolqtu lil kull min, b’xi mod, ġarrbu u sar jafu mill-viċin jew mill-bogħod, fi triq jew f’oħra, li huwa diffiċli li tispjegah b’formula sempliċi.  Min, f’dawn il-jiem, ipprova jqegħdu f’kexxun jew kaxxa definiti, naħseb li żbalja.  Ma għamilx ġustizzja, la lilu, u lanqas lil dawk kollha li ħadmu miegħu.  Wieħed seta’ jinnota li kien hemm wisq min ipprova jabbuża mill-memorja tiegħu f’direzzjoni jew oħra mingħajr ma jqis il-verità sħiħa.  Xi wħud dehru ċar li qed jaħarbu mill-partijiet vitali tar-realtà storika.  Naħseb li min kien verament jafu sew, induna li kien qiegħed jiġi strumentalizzat inutilment.  Duminku Mintoff daħal fl-istorja vera u m’għandux jiġi magħmul biċċa għodda ta’ propaganda baxxa.  Ingħasar biżżejjed.  Nista’ nistħajjel li kieku kien għadu ħaj kif kien jirreaġixxi għall-kummenti ta’ xi wħud li labalbu fix-xejn u fil-vojt dwaru.

4.    Anki, bir-rispett kollu, il-korteo lejn il-Belt qabeż dak li naħseb li huwa stess kien jaċċetta.  Kien hemm linja ta’ dinjità u rispett lejh li kien evidenti li, f’ċerti mumenti, nqabżet.  L-aġenda politika tal-Partit Laburista rajtha tidħol u trid tirkeb wisq fuq il-memorja tiegħu.  Ħaġa li ma kienx hemm lokha.  Seta’ sar kollox b’ferm iktar dinjità u rispett veru lejn bniedem li għadda għal ħajja oħra.  Biss, issa dan huwa passat u wieħed iħares lejn il-futur.  Il-poplu jrid, għada pitgħada jqis sewwasew x’ġara fl-istorja vera ta’ pajjiżna matul iż-żmien li fiha l-Perit Mintoff kellu parti prinċipali, mingħajr tiġbid ta’ preġudizzji u  mingħajr propaganda elettorali.  Jeħtieġ li bħala poplu napprezzaw ix-xogħol tal-politiċi tagħna, anke wara mewthom, mingħajr ma ninsew anke d-dinjità tagħna bħala poplu.  Altru tqim il-bniedem f’mewtu u altru tipprova tbiddel l-istorja.  Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Duminku Mintoff kif jixraq lil min tant kien protagonist prinċipali fl-istorja tagħna reċenti.  Iżda l-istorja m’għandhiex tiġi mgħawwġa, lanqas f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Il-pożittiv kollu għandu jiġi mfakkar.  Dak li kien negattiv, mhux il-waqt li jitqanqal jew li jiġi mdawwar bħalissa.

5.    Il-perjodu bejn l-1981 u l-1987 kien iż-żmien li fih Mintoff kien l-inqas komdu miegħu nnifsu.  Dawk is-snin servew sabiex persuni tal-età tiegħi kibru f’pajjiż għaddej, ġurnata b’ġurnata, mit-tiġrib tad-demokrazija u din l-esperjenza mmarkatna u kabbret fina l-konvinzjoni li d-demokrazija rridu niġġieldu għaliha kuljum.  Wara l-1987, Alfred Sant ipprova jbiddel l-istil, iżda l-Partit Laburista m’għamilx l-awto-kritika sewwa u baqa’ fejn kien, bl-istess elementi li kellu qabel.  Ngħid li dan kien fattur ulterjuri li wassal għall-firda li seħħet b’tant diffikultà fl-1998.

6.    Issa li Min ħalqu reġa’ ġabru lura wara ħajja twila, il-pajjiż għandu jħares oġġettivament li, mingħajr direzzjonijiet ħżiena u mingħajr sfruttament, jikteb sew dak kollu li dan il-Bormliż wettaq, fit-tajjeb u f’dak inqas tajjeb.  Diversi nies messew miegħu f’din il-karriera twila.  Ħafna diġà kitbu dwaru.  Hemm bżonn, meta jkun għadda ftit iktar żmien, kitba iktar bilanċjata li tħares sew fil-fond f’dak kollu li wettaq.  Jekk dan l-eżerċizzju ma jsirx, Mintoff ser jibqa’ figura kontroversjali fejn kull naħa tiġbdu lejha biex tużah.  L-agħar, li jispiċċa jidher dejjem il-kontra ta’ dak li attwalment kien.  Hemm diversi paġni li jridu jinkitbu u diversi kapitoli li jingħalqu.  Ġabra ta’ fatti u riflessjonijiet li jgħinu politiċi preżenti u futuri jifhmu bil-preċiż x’kien verament u f’hiex irnexxa u f’hiex le.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...