30.7.19

Tibdil lura.




1.   Tul din il-ġimgħa, rajna tibdil politiku ieħor fir-Renju Unit.  Għall-Partit Konservattiv Ingliż mhuwiex proprju staġun mill-aqwa.  Wisq inqas mimli bi stabbiltà.  L-avventura li daħal għaliha David Cameron qegħda twassal, iktar u iktar, lill-partit fi sqaq politiku li ma jistax joħroġ minnu.  Kienet mossa li kellha l-intenzjoni li trebbaħ elezzjoni, li spiċċat waħda mill-ikbar kumplikazzjonijiet.  Offrew dak li kienu jaħsbu li m’għandhomx bżonn iwettqu.  Ipproponew dak li ħasbu li għandhom jidħlu għalih biex jibqgħu fil-poter u, minflok, ġara ħafna l-kontra.

Lezzjonijiet politiċi

2.   Fil-verità, dan ir-referendum marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit, qed isir dejjem iktar ħolma kerha.  Kif nafu, ma din il-ġimgħa spiċċat ukoll Teresa May, li serviet għal dawn is-snin bħala Prim Ministru.  It-tieni persuna fi ħdan dan il-partit li kellha ċċedi, għax dak li ġie propost elettoralment ma jistax isib eżitu tajjeb.  May ma kellha żmien faċli xejn.  Kien mill-iktar iebes.  Serviet b’umiltà sabiex tipprova żżomm il-maġġoranza parlamentari fi triq fejn ma naqsux dawk li għamlulha ħajjitha diffiċli.  Daħlet għal negozjati mal-Unjoni Ewropea.  Waslet fi ftehim li huwa bażikament tajjeb u l-aħjar li jista’ jkun hemm.

Mhux biżżejjed

3.   Ġiet impinġija ħażin minn dawk li ħarġu huma wkoll stalletti politiċi għaliha.  Ġiet imqegħda fil-pożizzjoni fejn membri tal-partit tagħha ma ġibdux il-ħabel kif kellhom.  Kellha tgħaddi mill-proċess fejn trid toqgħod attenta, mhux biss mill-Oppożizzjoni, dejjem iktar qawwija, jew min-negozjati, imma minn ħdan il-membri eletti fil-partit tagħha.  Kellha t-taħbila ta’ ministri varji li f’mument jew ieħor iddeċidew li jitilqu, min għal raġuni, u min għal oħra.  Ma kienx faċli xejn, u nifhem li minkejja kull kritika li sabet, żammet ruħha fuq it-triq it-tajba.

Macchiavelli għadu ħaj?

4.   Għalkemm meta taqra u tanalizza r-rapporti fil-gazzetti barranin issib kliem dispreġjattiv għaliha, Teresa May serviet tajjeb.  L-iktar, ma waqgħetx għan-nassa li tippreferi l-poter għall-prinċipji tagħha.  Sofriet daqqiet żbaljati, imma ma waslitx biex wettqet lura.  Ħaddieħor ħass li huwa ġustifikat li jiġġustifika mezz żbaljat biex jikseb il-poter, mentri hi dan ma wettqitux.  Għamlet minn kollox b’paċenzja u attenzjoni sabiex twassal għal pożizzjoni li hija l-aħjar soluzzjoni f’dan l-intopp.  Għażlet ukoll li ma tarax l-interessi  tagħha, imma tal-pajjiż.

Is-sewwa jibqa’

5.   Warrbet mhux għax ma ressqitx l-aħjar soluzzjoni, imma minħabba parti mill-partit li riedet, mill-bidu, il-poter f’idejha.  Parti mill-partit li ilu b’din il-pożizzjoni maqsuma għaddej is-snin.  Partit li kellu fi ħdanu, il-ħin kollu, lil dawk li huma favur u dawk kontra l-Unjoni Ewropea.  Fil-verità, tul dawn is-snin, kull mexxej u Prim Ministru Konservattiv kienu dejjem jafu ‘l-partit, imma huma kienu parti mill-maġġoranza interna favur l-Unjoni.  Issa, minn dak li seħħ din il-ġimgħa, jidher li l-minoranza interna ħadet il-partit f’idejha.  Fejn ser tasal, u kif, għad irridu naraw.

Proċess imdardar

6.   Boris Johnson, għal min isegwih u qara x’jgħid, jaf li ried, mill-bidunett, is-siġġu li kellu dak li kien il-ħabib tiegħu, Cameron.  F’ċertu sens, irrepetiet ruħha fix-xenarju Ingliż, bi sfumaturi differenti, dak li għaddew minnu Tony Blair u Gordon Brown fi ħdan il-Partit Laburista.  Wara sentejn skorruti, issa daħal hu.  Biss, fil-proċess wettaq diversi mossi politiċi li jrid issa jaffronta huwa.  Meta partit jibda jara dissensi qawwija interni li jwasslu viċin id-diviżjoni ċara f’għajnejn il-poplu, dik l-istampa ma ġġibhiex lura b’sempliċi bidla ta’ min kien il-ħin kollu parteċipi fiha.  F’dan huwa iktar evidenti li Johnson qed jipprova jidħol sabiex l-ilma li huwa stess kien darbar fil-partit, jipprova jiċċarah.

Il-volontà mhux biżżejjed

7.   Hemm min jaħseb li, fil-politika, kull ma trid huwa li tidher mexxej li għandek il-volontà li tmur xi mkien.  L-esperjenza li l-istorja tgħaddi turi li dan mhuwiex biżżejjed.  Mhux biżżejjed li wieħed jidħol bi ħsieb li minn issa stess nafu li mhux ser jirnexxi.  L-għażliet, għalkemm inbidel il-Prim Ministru, ser jibqgħu l-istess.  Il-kwistjoni ċentrali tibqa’ dik li r-Renju Unit ser joħroġ mill-Unjoni Ewropea bi ftehim, jew le?  Isir xi jsir minn dan il-Gvern “ġdid” jibqa’ sekondarju, jistenna din id-deċiżjoni.  F’dan nafu li l-Partit Konservattiv kien maqsum, u ser jibqa’ wieħed maqsum fil-vot parlamentari tiegħu.

X’wiret?

8.   Wiret minoranza parlamentari u minoranza elettorali.  F’ħafna sens, f’dan il-proċess sħiħ ftakart f’diversi mumenti f’dak li William Shakespeare iddeskrieva tant tajjeb f’Ġulju Ċesri.  Johnson kien wieħed mill-persunaġġi li ħa ħsieb it-tmiem ta’ Teresa May billi bena maġġoranza interna li ħarġet u tat id-daqqiet tal-istalletti.  Issa wiret partit mhux biss tradizzjonalment diviż, imma li huwa stess ikkontribwixxa iktar sabiex jifred.  Anki fl-ewwel passi tiegħu, assigura iktar dan.  Il-kompożizzjoni tal-kabinett tiegħu turi li ried “jippremja” lil dawk li kienu lejali lejh u “jippenalizza” lil dawk kontra.

Fejn sejjer?

9.   F’ħafna sens, daħħal lilu nnifsu iktar f’minoranza parlamentari.  Mhux biss, imma ser iżid il-kontroversji u l-inkompatibilità bejn bnedmin fuq l-istess naħa.  Jekk, kif qed tidher l-aġenda u l-messaġġ politiku tiegħu huwa li hu, kif ukoll min għażel, huwa iktar kapaċi minn ħaddieħor, dan, minnu nnifsu huwa ta’ iktar inkwiet.  Il-kabinett waħdu, fis-sistema demokratika ma jimxix ‘il quddiem jekk ma jkollux maġġoranza parlamentari warajh.  Jekk qed jaħseb il-kontra, mhux jinduna li ser jispiċċa malajr.  Fil-jiem li ġejjin ma hemmx seduti, imma maeta jerġa’ jibda l-parlament, din ir-realtà numerika jrid jiffaċċjaha.

X’aġenda politika?

10. Huwa ċar li l-aġenda ta’ Boris Johnson ser tkun dik li f’Ottubru jipprova jgħaddi mill-House of Commons il-proposta li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.  Kemm ser jirnexxilu, ma nafx, għax ma hemmx in-numri.  Quddiemu għandu għażla waħdanija: li wara telfa parlamentari jmur għal elezzjoni ġenerali.  Hemm, il-pożizzjoni ser tibqa’ iktar u iktar diffiċli.  Diġà rajna ‘l-elettorat Ingliż jinbidel, u jaf imur lura għal dak li kien qabel, fl-inabbiltà tal-Partit Konservattiv li jaqbel fuq pożizzjoni waħda.  F’ħafna sens, qed naraw proprju tibdil lura għal dak li kienu.


29.7.19

Telfiet Letterarji.




1.   Isir x’isir, il-kitba tibqa’ fost l-isbaħ mexxi ta’ komunikazzjoni.  Ta’ rakkont tal-ħajja tal-bniedem.  Ta’ dak li seħħ u jiġi rappreżentat lura mill-kittieb fuq il-karta.  Kull ma jinkiteb jitwieled mill-pinna ta’ bniedem fl-imħabba tiegħu f’dak li jingħad bħala l-bżonn li jaqsam mal-oħrajn.  Hemm min jikteb kotba storiċi.  Hemm min jikteb trattati akkademiċi sbieħ jew komplikati.  Hemm min jikteb rumanzi.  Kull min iħoss din is-sejħa, din il-vokazzjoni li jikkomunika, jikteb sabiex ħutu jaqraw dak li deherlu li għandu jniżżel.

Il-ktieb

2.   Il-ktieb jibqa’ fih innifsu proġett fit-tfassil tal-abbiltà tal-bniedem.  Il-maġġoranza ta’ dawk li jiktbu, jaħsbu minn qabel liema triq ser jaqbdu.  Il-proġett ikun diġà mfassal tajjeb f’moħħhom u jibdew jibnu fuqu.  Jibdew ilaħħmu fuqu biċċa biċċa.  Ftit huma, jew kienu, dawk li kapaċi jibdew iniżżlu kelma wara kelma mingħajr ħsieb.  Mingħajr ma jkollhom bidu jew tmiem f’moħħhom u joħolqu opra letterarja tajba.  Il-bniedem kapaċi verament.  Kapaċi joħloq, jibni u jagħti l-ħajja minn moħħu għal fuq il-karta.

Jibqa’ sod

3.   Jingħad x’jingħad, il-bniedem il-ktieb għandu bżonnu.  Anzi, s-soċjetà tikber u timxi ‘l quddiem meta jkollha iktar membri fostha li jaqraw.  L-edukazzjoni sħiħa tal-bniedem twasslu jkun ċittadin aqwa f’demokrazija parteċipattiva u mhux passiva.  Għandna wirt ta’ kitba ta’ awturi varji li fis-sekli ħallew warajhom dak li batew biex jiktbu.  Dak li ddedikaw il-ħin, forsi wkoll l-eżistenza sħiħa tagħhom, għalih.  Nammira, napprezza u nirringrazzja lil dawk li wettqu dan, u dawk li telqu fit-triq għalih.  Mhux faċli tikteb.  Anqas li tikteb b’mod li bih tista’ tikkomunika effettivament il-ħsieb tiegħek lill-oħrajn.  Imma l-verità hija li l-ktieb jibqa’ sod fis-soċjetà u s-soċjetà tikber iktar ma jkollha l-ktieb sod fiha.

Andrea Camilleri

4.   Tul din il-ġimgħa ġie msejjaħ lura għand il-Ħallieq, Andrea Camilleri.  Kien fost il-kittieba l-iktar magħrufa f’dawn l-aħħar snin.  Għandu lista twila ta’ kotba, miktuba fuq linji varji.  Ċertament b’intelliġenza, b’għarfien tan-natura umana, bi struttura, storja li jinseġ fejn ma timmaġinax li ser tispiċċa.  Għandu dawk li huma mibnija fuq id-delitti, veri jew immaġinarji, fejn il-persuna li jinkarna l-investigazzjoni huwa l-Kummissarju Salvo Montalbano.  Fejn il-kitba ma ssegwix dak li ċerti drabi aħna mdorrija nimxu fihom.  Fejn xi drabi, il-qarrej irid jifhem it-tmiem mingħajr ma jingħadlu.  Jew f’dawk li huma mimlija b’intelliġenza.  Dawk li huma storiċi bħal ‘Il Colore del Sole’ dwar l-aħħar snin tal-pittur Caravaggio.  Dawk li huma bijografiċi, bħal dak li għandu dwar Luigi Pirandello, ‘Biografia del figlio cambiato’.

Telaq, imma ħalla warajh

5.   Bħal kull bniedem, Camilleri kellu bidu u tmiem.  Imma ħalla warajh wirt ta’ kotba li rari tiddejjaq taqrahom.  Mhux biss, imma ħalla wkoll f’din il-fruntiera li qed tiżviluppa l-kapitolu fejn il-kittieb ma jibqax wieħed misterjuż.  Ma jkunx dak li jintgħaraf aħjar fl-isfond storiku, kulturali, soċjali u storiku wara ċertu snin u ċertu riċerka.  Anzi, huwa fost dawk li fid-diversi intervisti li sarulu tul ħajtu hemm il-bniedem li kiteb, li qiegħed jispjega direttament dak li għadda minnu, dak li mess b’idejh.  Dak li ried iwassal spjegat aħjar minnu milli minn min jipprova jifhmu wara.

Luciano De Crescenzo

6.   Kienet il-ġimgħa fejn dawk li jiktbu ġew imsejħa.  Forsi hemm xi kapitolu ieħor li hemm bżonn jinkiteb f’post iktar importanti.  De Crescenzo, forsi magħna f’pajjiżna mhuwiexf tant magħruf bħal Camilleri.  Biss, għal dawk li jħobbu l-letteratura jagħrfuh bħala wieħed minn fost dawk li ħalla marka.  Kiteb b’pinna sabiħa, li tiġbed is-saqajn  mimlija b’għerf u sens li n-Naplitani għandhom.  Fuq kollox, jirnexxilu jispjega l-filosofija, partikolarment dik Griega, b’pinna friska u diretta.  Jfiehem lil dawk li ma kellhomx l-opportunità li jistudjaw.  Iġib għar-realtà dak li jingħad f’tant kliem sabiħ, però li jista’ ma jinftehimx.  Forsi fost l-isbaħ għandu l-famuż ‘Così parlò Bellavista’, mimli b’għerf lokali u direzzjoni fil-ħajja.  Ktieb b’kuntrast evidenti għal dak li kien kiteb il-filosfu kumplikat Frederick Nietzche, ‘Così parlò Zarathustra’.

Paolo Borsellino

7.   Tul din il-ġimgħa ftakarna li sebgħa u għoxrin sena ilu, fid-19 ta’ Lulju 1992, inqatel Paolo Borsellino.  Persuna li ddedika ħajtu sabiex jikkumbatti l-mafja.  Bniedem tal-liġi, li l-kitba tiegħu kienet konċentrata u mmirata biex tinbena l-informazzjoni neċessarja sabiex jinqabdu u jiġu kundannati dawk li wettqu tant delitti mill-iktar koroh.  Borsellino kien fost kittieba legali oħra.  Kien fost bnedmin differenti li kkumbattew għas-sewwa bil-moħħ u bil-pinna tagħhom.  Bnedmin li ħallsu prezz għal dan b’ħajjithom.  Inqatlu għax servew is-soċjetà.  Servewha biex jgħollu ‘l fuq lill-bniedem.

Moħħ u pinna

8.   Dawk bħal Borsellino u Giovanni Falcone li kkumbattew il-ġlieda t-tajba, dik l-iktar perikoluża, kellhom warajhom diversi bnedmin tajba fis-soċjetà.  Bnedmin li kellhom il-kitba tajba.  Mhux biss f’dak li jgħidu, imma f’dawk li jiddeċiedu li jiktbu.  Camilleri, De Crescenzo jistgħu jinqalgħu ‘l barra mill-kuntest storiku tagħhom.  Biss, il-verità hija li kienu qed jiktbu fl-għarfien ta’ dak li kien qiegħed iseħħ f’pajjiżhom.  Kitbiethom mhumiex attakki diretti.  Huma, anzi, xiehda tal-bniedem it-tajjeb.  Tal-bniedem li jġib ruħu sewwa, li huwa eżempju taċ-ċittadin fis-soċjetà.

Dawk li jissudaw is-sewwa

9.   Il-kitba tagħhom tista’ tmiss mal-aspett negattiv fil-bniedem, imma ftit huma l-kotba fejn il-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb.  Ftit huma l-linji fejn ma hemmx ir-riċerka tal-verità u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-bniedem.  Is-soċjetà tilfet, ċertament, tul din il-ġimgħa żewġ bnedmin li ħallew xiehda ta’ kemm il-bniedem irid jaħdem għas-sewwa.  Xiehda ta’ dawk li jingħaqdu fil-bżonn li wieħed jikkumbatti dawk li huwa żbaljat biex is-soċjetà tkun aqwa milli hija.  Xhieda tas-sejħa u rilevanza ta’ dawk li jiddedikaw ħajjithom biex jagħtu lura dak li l-bniedem għandu tant bżonn: is-sewwa.

22.7.19

NAZZJONIJIET UNITI - VOTI




10543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’pożizzjoni ħadet Malta u ċjoè kif ivvota pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti tul is-sena li għaddiet fuq ir-riżoluzzjonijiet u proposti li tressqu?

17/06/2019
  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Seduta  247
09/07/2019

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-AWSTRIJA - ĦIDMA





10542. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna, l-Awstrija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna,l-Awstrija fl-ewwel erba xhur ta’ din is-sena.

BILATERALI
L-Ambaxxatriċi kellha l-okkażjoni tiltaqa’ kemm mal-President Federali Awstrijak, Alexander van der Bellen, kif ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Karin Kneissl, u uffiċjali oħra fi ħdan l-istess Ministeru. Mal-President l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-isfidi li għadha tiffaċċja Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u saħqet kemm hu importanti li pajjiżi bħall-Awstrija ma jabbandunawx l-ispirtu ta` solidarjeta` tant importanti fl-Ewropa.

Mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kneissl, l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-istedina li kien għamlilha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela sabiex iżżur Malta għal taħdidiet, kif ukoll l-isfidi fil-Mediterran, speċjalment fil-Libja.

KUMMERĊJALI
Wara diskussjonijiet mal-Malta Enterprise l-Ambaxxata bdiet taħdem fuq diversi attivitajiet b’mira fuq swieq speċifiċi jew bliet Awstrijaċi speċifiċi. L-oqsma tal-katina tal-blokok, xjenzi tal-ħajja u riċerka huma fost dawk li qed jingħataw prijorita`, filwaqt li l-ibliet ta’ Vjenna u Graz huma fost dawk li qed jingħataw prijorità, biex jinżammu fihom l-ewwel avvenimenti ta` promozzjoni kummerċjali lejn il-bidu tal-Ħarifa 2019.

Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda tfittex persuna ġdida biex tieħu r-rwol ta` Konslu Onorarju għall-Malta f’Salzburġ, wara li dak preżenti wera x-xewqa li jirtira.  L-Ambaxxata diġà identifikat xi individwi u l-persuna magħżula se tintalab torganizza avveniment ta` promozzjoni kummerċjali qabel ma tintgħażel b’mod definittiv.

MULTILATERALI
L-Ambaxxata attendiet madwar 500 laqgħa fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019. Dawn kienu jinkludu laqgħat tal-Kunsill Permanenti u tal-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Siġurtà fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, laqgħat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Nukleari, laqgħat tal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità, laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tal-Ġnus Magħquda, laqgħat tal-Organizzazzjoni tat-Trattat kontra kull Test Nukleari, u l-laqgħat kollha ta` koordinazzjoni imsejħa mill-Unjoni Ewropea.

L-Ambaxxata għaddiet it-talba ta’ Malta sabiex l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), josservaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Malta. L-ODIHR irringrazzjaw lil Malta tal-istedina, iżda wieġbu li m'għandhomx riżorsi biżżejjed biex josservaw dawn l-elezzjonijiet.

Laqgħa tar-rappreżentanti Permanenti tal-OSCE f’Malta
Tnedew diskussjonijiet u beda x-xogħol sabiex issir f’Malta laqgħa tar-Rappreżentanti Permanenti għall-Orġanizzazzjoni għas-Siġurta` u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.  L-għan ta` din il-laqgħa li saret f’Ġunju, u li għaliha attendew ’ilfuq minn 30 Ambaxxatur, kien sabiex toffri l-opportunita` lill-Ambaxxaturi biex jiddiskutu l-futur tal-Organizzazzjoni mas-Sieħba Mediterranji. Hekk kif is-sħubija mal-pajjiżi tal-Mediterran se tidħol fil-25 sena tagħha, kien opportun ħafna li din id-diskussjoni sseħħ u isseħħ ġewwa Malta, pajjiż membru tal-OSCE bi kredenzjali Mediterranji ċari. Sa mill-1975 ġewwa Ħelsinki, Malta kienet saħqet  li ma nistgħux nitkellmu fuq paċi u sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi u sigurtà fil-Mediterran.
UNODC - Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata kienet attiva fit-tħejijiet għall-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), laqgħa annwali li saret mit-18 sat-22 ta’ Marzu. L-Onor. Dott. Michael Falzon, Ministru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qara l-Istqarrija Nazzjonali ta’ Malta fit-tieni ġurnata tal-Kummissjoni.

Fil-marġini tal-istess Kummissjoni, l-Ambaxxata bl-għajnuna tal-Prof. Richard Muscat, organizzat laqgħa dwar ‘Id-Dipendenza fuq l-Opjojdi u l-Qafas Regolatorju li Jassigura l-Aċċess għat-Trattament’. Dan l-avveniment sekondarju ġie organizzat flimkien mal-Isvizzera, bl-appoġġ tal-Portugall, il-Marokk, il-Grupp Pompidou fi ħdan il-Kunsill Ewropew u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Droga (l-EMCDDA).

UNODC - Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata ħejjiet biex Malta tieħu rwol attiv fil-Kummissjoni għall-Prevenżjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ), laqgħa annwali oħra li saret f'Mejju 2019.

Waqt il-Kummissjoni l-Ambaxxata qrat stqarrija nazzjonali u organizzat ukoll laqgħa fil-marġini ta` din il-Kummissjoni, bit-titlu: 'Ir-Rwol tad-Dwana fil-Ġlieda Internazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata'. L-Ambaxxata stiednet uffiċjal mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija biex jagħmel preżentazzjoni dwar l-esperjenza ta’ Malta bħala ċentru ta’ transitu għall-merkanzija, fid-dawl ta' rekord reċenti ta’ qabdiet ta droga u kuntrabandu li seħħew mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija. L-avveniment ġie mħejjib'kollaborazzjoni mal-Programm tal- Ġnus Magħquda Għall-Kontroll tal-Kontejners u l-Pulizija tal-Fruntiera tar-Renju Unit li wkoll qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti.

L-Ambaxxata infurmat u għenet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija Maltin biex jiksbu aċċess għall-portal ta` informazzjoni SHERLOC: pjattaforma ta` informazzjoni maħsuba biex tgħin lill-Pulizija u lill-ġudikatura fil-Qrati.

CTBTO
Flimkien mal-Organizzazzjoni tat-Trattat Kontra Testijiet Nukleari (CTBT), l-Ambaxxata bdiet taħdidiet biex jiġi ffirmat ftehim sabiex Malta jkollha ċentru lokali li joħroġ twissijiet ta’ tsunamis li jistgħu jolqtu lill-gżejjer Maltin.

L-Ambaxxata bdiet taħdem ukoll fuq il-loġistika u il-programm taż-żjara li s-Segretarju Eżekuttiv tas-CTBT, Dott. Lassina Zerbo kien se jagħmel f’Malta fix-xahar ta’ Mejju 2019. Din iż-żjara inkludiet laqgħat ta' livell għoli mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u mal-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Dott. Michael Farrugia, kif ukoll seminar li ġie organizzat mal-Università ta' Malta.

KULTURA
Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata stabbilixxiet għadd ta’ kuntatti ġodda bil-għan li jinfetħu opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-arti u l-kultura.

Ġie stabbilit kuntatt mal-fundaturi tal-klabb ewlieni tal-mużika jazz ġewwa Vjenna. Grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, il-klabb aċċetta li joffri il-post bla ħlas sabiex jinżamm fih l-ewwel kunċert jazz b’mużiċisti Maltin.  Il-kunċert li nżamm nhar it-13 ta’ Ġunju kien possibbli grazzi għall-fondi mogħtija mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, u sponsor privat misjub mill-Ambaxxata.

L-Ambaxxata stabbilixxiet ukoll kuntatt mal-istazzjon tar-Radju ewlieni ORF bil-għan li tinbeda forma ta’ kollaborazzjoni. Fil-bini tiegħu, ir-radju jorganizza għadd ta’ avvenimenti kulturali. L-Ambaxxata bdiet diskussjonijiet mar-radju sabiex jinżamm l-ewwel kunċert ta’  grupp Malti fil-Ħarifa 2019.

L-Ambaxxata nediet ukoll diskussjonijiet mal-Kunsill Malti għall-Arti u mal-EUNIC fl-Awstrija bil-għan li l-Ambaxxata ssir membru u tkun tista` tibda tieħu sehem fl-attivitajiet kulturali organizzati minn dan il-Grupp.

Bdew ukoll diskussjonijiet u kuntatti mal-Awtoritajiet tal-belt ta` Vjenna bil-ħsieb li jittella’  programm kulturali fuq skala kbira b’rabta mal-Milied fix-xahar ta` Diċembru 2019 fi Vjenna.



PROMOZZJONI
L-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt u ħadmet mill-viċin mal-orġanizzaturi tal-EuroPride li saret fi Vjenna f’Ġunju. B’riżultat ta` din il-ħidma ġie garantit l-ogħla livell ta` parteċipazzjoni għal Malta. Grazzi għax-xogħol ta` koordinazzjoni tal-Ambaxxata mal-Uffiċju tat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Malta ngħatat viżibilità mill-aktar għolja matul il-ħmistax-il ġurnata ta’ attivitajiet, li għalihom attendew ’il fuq minn 500,000 ruħ. Dawn kienu jinkludu spazju ta` promozzjoni fil-villaġġ tal-EuroPride, diskors tal-ftuħ fil-konferenza dwar id-Drittijiet Umani mill-Ministru Helena Dalli, pannell immexxi mis-Sur Silvan Agius dwar l-Intersess waqt l-istess konferenza, viżibilità waqt il-ġirja ta`solidarjeta’ bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatriċi u membri tal-Ambaxxata, u pożizzjoni prominenti waqt il-marċ ta`solidarjetà fejn intlaħaq il-qofol tal-isfilata.

Il-logos taż-żewġ Ministeri u tal-Uffiċju tat-Turiżmu kienu inklużi fuq is-sit elettroniku tal-EuroPride filwaqt li l-logo tal-uffiċju tat-Turiżmu kien inkluż ukoll fuq it-T-shirts li ngħataw dawk kollha li ħadu sehem fil-ġirja.

Matul is-sena l-Ambaxxata taħdem id f’id mal-Uffiċċju tat-Turiżmu ġewwa Vjenna u tgħin sabiex tingħata l-ogħla promozzjoni possibli lil Malta. Minbarra xogħol ieħor li sar fuq attivitajiet ippjanati għal aktar tard matul is-sena, l-Ambaxxatriċi kif ukoll l-istaff diplomatiku tal-Ambaxxata żaru l-istand li tellgħet l-MTA, fl-akbar fiera tal-ivvjaġġar li ssir fl-Awstrija Ferien-Messe Wien, fejn kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ rappreżentanti li jaħdmu fis-settur u li, jew diġà għandhom, jew li qed juru interess f’Malta.


KONSOLARI
Mill-ewwel ta’ Jannar sal-aħħar ta’ April 2019, l-Ambaxxata ħarġet erba` passaporti, ipproċessat applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, irreġistrat żewġ trabi Maltin li twieldu barra, u rritornat affarijiet u dokumenti li ntilfu minn turisti Maltin fl-Awstrija. L-Ambaxxata għenet ukoll Malti li nsteraqlu il-passaport waqt li kien l-Ungerija. L-Ambaxxata ġiet ukoll msejħa biex tgħin anzjan Malti li ħassu ħażin fl-ajruport l-Albanija.

Fuq bażi regolari l-Ambaxxata rrispondiet għal diversi mistoqsijiet fuq vjaġġar u rilokazzjoni lejn Malta, xogħol u studju f’Malta, tilwima kummerċjali, u ċertifikati tal-kondotta u żwieġ f’Malta.

F’dan iż-żmien, l-Ambaxxata talbet lill-Ministeru biex joħroġ parir u twissija ta` vjaġġar lejn it-tramuntana u l-punent tal-Awstrija minħabba riskju ta’ valangi u silġ qalil li kien qed jolqot iż-żoni tal-muntanji.

L-Ambaxxata kellha wkoll numru ta` laqgħat mal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil Malta fir-reġjuni diversi tal-Awstrija.

L-Ambaxxata infurmat liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstrija, li dawk eliġibbli biex jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, u li se jkunu barra minn Malta jew ser jiddaħħlu l-isptar fil-25 ta’ Mejju 2019, jistgħu japplikaw għal vot bikri, billi jissottomettu dikjarazzjoni taħt ġurament fl-Ambaxxata ta' Malta fi Vjenna. Il-votanti eliġibbli ġew ukoll infurmati dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta għall-elezzjonijiet tal-MEPs. L-informazzjoni ġiet iċċirkolata permezz ta’ imejl u tpoġġiet ukoll fuq il-Facebook Page tal-Ambaxxata.

Fl-1 u l-24 ta’ April l-Ambaxxata kisbet il-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet Awstrijaċi  Slovakki u Ungeriżi rispettivament biex titjira militari u oħra li ġarret lill-Prim Ministru u d- delegazzjoni tiegħu, jitħallew jgħaddu minn fuq dawn it territorji.

L-Ambaxxata għenet lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġbor fondi dovuti lid-Dipartiment, wara li miet il-benefiċjarju u l-qraba tiegħu komplew jirċievu il-benefiċċji soċjali minn Malta.

Seduta  247
09/07/2019

KUNSILL TAS-SIGURTÀ TAN-NAZZJONIJIET UNITI




10541. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir jew saret tul is-sena li għaddiet sabiex pajjiżna jikseb siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninsab infurmat li l-proċess miexi u qed isir ħafna xogħol mill-Unit maħtura apposta fi ħdan il-Ministeru.

F’dawn l-aħħar xhur tkompla l-process intern li minnu qed jiġu identifikati x’riżorsi, umani u oħrajn, għandu bżonn il-Ministeru kemm f’Malta u kemm barra. Dan il-proċess mhux biss qiegħed iħares lejn l-istrutturi interni eżistenti, iżda ukoll lejn fejn jista’ jkun hemm bżonn xi titjib u/jew strutturi ġodda marbuta mal-kandidatura.

Fl-aħħar xhur, il-Unit fi ħdan il-Ministeru għamlet erbgħa viżiti tekniċi f’pajjiżi li jew qiegħdin iservu fil-preżent jew li servew riċentement fil-Kunsill tas-Sigurtà. Dawn il-viżiti kienu utili ħafna, u minnhom ħarġu diversi punti mportanti ta’ kif għandna nippreparaw kemm għall-kampanja kif ukoll għal waqt it-terminu tagħna wara li Malta tiġi eletta. Ikkonfermajna ukoll  li l-preparamenti tagħna f’dan l-istadju qed isiru b’mod tajjeb.

Qed jinħoloq ukoll software għall-użu intern mill-Ministeru għal monitoraġġ ta’ kif sejra l-kandidatura. Dan is-software mistenni jiġi online iktar tard din is-sena, u bih sejra tingħata spinta ‘l quddiem ta’ kif tiġi pproċessata l-informazzjoni relatata ma’ din il-kandidatura.

Qed jiġi mfassal ukoll pjan intern ta’ outreach sabiex jintlaħqu n-numru massimu possibbli ta’ pajjiżi għal skop ta’ lobbying. Dan il-pjan intern ser ikun qed jipproponi metodi li bihom nilħqu kemm nistgħu mill-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Magħquda. Process ieħor intern li għaddej huwa li qed jiġu identifikati numru ta’ temi li fuqhom Malta ser tkun qed tibbaża l-kampanja tagħha. Dan mistenni jkompli fix-xhur li ġejjin. Separatament, fil-futur qarib sejjer jiġi identifikat il-logo u s-slogan li ser tuża Malta waqt il-kampanja tagħha.

Minkejja li l-kampanja formali ta’ Malta għadha ma bdietx, dan ma jfissirx illi mhumiex qed isiru sforzi diga’ minn issa sabiex niksbu l-għola numru ta’ voti possibbli. Numru ta’ pajjiżi diga’ kkommettew ruħhom li ser jivvutaw lil Malta.

Seduta  247
09/07/2019


NAZZJONIJIET UNITI - INIZJATTIVI




10540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu tul is-sena li għaddiet minn pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Matul is-sena li għaddiet, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ikkontribwixxa għat-tfassil tal-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-abbozzi ta’ reżoluzzonijiet tal-Ġnus Magħquda, u semma leħen Malta permezz tar-rappreżentanzi Permanenti għal Ġnus Magħquda fi New York, Ġenevra u Vjenna.

Malta intervjeniet kemm–il darba f’New York waqt laqgħat tal-Ġnus Magħquda nkluż fuq temi relatati mal-promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, mar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà, mal-ambjent marittimu, mal-immigrazzjoni, mal-paċi sostennibbli, mal-proċess tal-paċi fl-Lvant Nofsani, mal-iżvilupp sostennibbli u mal-protezzjoni tat-tfal.

Fil-qafas tal-kandidaturi:

· Malta ġiet eletta b'suċċess fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC) fit-13 ta' Ġunju. Malta kisbet 100% tal-voti, u bdiet isservi f'din il-pożizzjoni għal 18 -il xhar minn Jannar 2019.

· L-Imħallef Malti Carmel (Lino) Agius ġie maħtur bħala President tal-Mekkaniżmu Internazzjonali Residwu tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tribunali Kriminali f’Ġunju 2018.

· F’Awwissu 2018, Malta serviet bħala l-President tal-WEOG, fejn kellha r-responsabbiltà li tmexxi dan il-Grupp.


Fis-settur tas-sigurtà
· Waqt li fi Vjenna kienet qed titlaqqa l-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali, dan il-Ministeru organizza avveniment msemmi Nsalvaw il-Ħajja tan-Nisa Permezz tal-Ġbir tad-Data li sar fil-15 ta’ Mejju 2018. Il-Missjoni Maltija fi Vjenna ħejjiet dan l-avveniment sekondarju flimkien mal-Osservatorju Ewropew dwar il-Femiċidju. Il-Missjoni kellha konsultazzjonijiet mal-Missjonijiet Permanenti tal-Ġermanja u ta’ Ċipru biex jissieħbu fl-avveniment ma’ Malta sabiex ikun hemm kelliema tajbin u udjenza numeruża. Dan l-avveniment ġie mmoderat minn Dr. Marceline Naudi. L-iskop tal-avveniment sekondarju kien li x-xogħol tal-Osservatorju Ewropew ibbażat fl-Università ta’ Malta jkun aktar viżibbli għal udjenza aktar wiesgħa.

· Fit-28 ta' Settembru 2018, fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU sar dibattitu ta' Livell Għoli bl-isem, ‘Giving Voice to Evidence – Overcoming a Distorted Narrative and Moving Towards Evidence Based Migration Policy Development’. L-avveniment kien organizzat minn Malta u kosponsorjat flimkien minn Franza, it-Tuneżija, il-Kummissjoni Ewropea u l-ICMPD (International Centre for Migration Policy Development) u kellu l-għan li jirrifletti fuq l-opportunitajiet ta' narrattiva iktar ibbilanċjata dwar il-migrazzjoni, u r-rwol tal-midja fit-tfassil ta' attitudnijiet pubbliċi li jippermettu aktar informazjoni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq l-evidenza u politiki li għandhom jiġu implimentati.Dan l-event kien presedut mill-Ministru Carmelo Abela.


Fis-settur Ambjentali u Marittimu,
· Fi 2018, Malta pparteċipat attivament fil-laqgħat tal - Grupp ta’ Ħbiberija dwar l-Oċeani u l-Ibħra, liema Grupp jiffoka fuq is-saħħa tal-Oċeani u l-Ibħra.

· F’Awwissu tal-2018, Malta ospitat it-tieni Workshop reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti b'appoġġ għat-tieni ċiklu tal-Proċess Regolari għar-Rappurtar Globali u l-Istat tal-Ambjent Marittimu, inklużi Aspetti Soċjoekonomiċi (Proċess Regolari), li jkopru r-reġjun tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

· Malta ngħaqdet mal-Grupp ta’ Ħbiberija dwar il-Klima u s-Sigurtà imwaqqaf mill-Ġermanja u n-Nauru f'Awissu 2018 bil-għan li tikkoopera biex tiżviluppa soluzzjonijiet għall-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-politika tas-sigurtà, tqajjem kuxjenza pubblika u tagħti spinta lill-involviment tan-Nazzjonijiet Uniti f'dan il-qasam. L-Unjoni Ewropea tisħaq ħafna fuq ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà u din it-tematika tkun waħda mill-prijoritajiet ta’ kull stat membru tal-UE li jkollu siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Fis-settur dwar id-drittijiet tal-bniedem u tas-saħħa,

· Matul l-2018 u l-2019, MT se sservi bħala Ko-president tal-Grupp ta 'ħidma tal-integrazzjoni mill-ġdid tat-Tfal fil-Kunflitt Armat tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. L-għan ta’ dan il-Grupp huwa li jservi bħala forum għall-Istati Membri dwar prattiki, lakuni u sfidi li qed jevolvu, kif ukoll li janalizza u jiddiskuti l-ħtiġijiet għar-reintegrazzjoni tat-tfal,  u li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet biex il-lakuni fil-finanzjament jkunu indirizzati.

· Fl-2018, Malta kienet appuntata bħala Viċi-President tal-37 Sessionjoni tal-Laqgħa tal-Istati Membri tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi.

· Fl-2018, Malta pparteċipat attivament fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħbiberija dwar Saħħa Univerali, liema Grupp jiffoka fuq diverżi oqsma tas-saħħa, bi preparazzjoni għal-Laqgħa ta’ Livell Għoli li mistennija titlaqqa f’Settembru 2019.

· Il-President ta 'Malta, H.E. Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-SRSG għat-Tfal u l-Kunflitt Armat u l-UNICEF, nedew l-avveniment intitolat "Global Coalition for Integration" fil-marġini tal-Ġimgħa ta' Livell Għoli ta 'l-UNGA73. L-għan ta’ l-avveniment kien li jifa’ attenzjoni fuq il-fatt li-l-eluf ta’ tfal reklutati u użati minn gruppi armati li huma meħlusa m’għandhom l-ebda xibja ta’ sigurta’.

Fis-settur tal-Iżvilupp sostenibli, Malta ssottomettiet Ir-Reviżjoni Nazzjonali Voluntarja f’Ġunju 2018.Dan sar mill-Ministru Carmelo Abela.

Seduta  247
09/07/2019



AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-GREĊJA - ĦIDMA




10538. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10315 u jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Ateni tul din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu dejjem jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Bilaterali
L-Ambaxxatur kellu laqgħa mal-Ministru tal-Kultura u Sports Grieg, Ms Mirsini Zorba, bid-diskussjoni tkun l-MoU dwar il-Kultura bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan jinsab fi stadju avvanzat u l-Gvern Malti qiegħed jistenna l-kontro-proposti mill-Gvern Grieg.

Żjarat Uffiċjali
Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar sitt xhur. Fosthom dawn insibu:
L-Ambaxxatur akkumpanja liIl-Prim Ministru waqt Med7 f’Nikosija, Ċipru fid-29 ta’ Jannar 2019.
L-Ambaxxatur assista lill-Ministru ghall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela tul żjara ta’ tlett ijiem fil-Greċja, liema żjara kienet mmarkata b’taħdidiet politiċi u diplomatiċi, żewġ kunċerti minn Cappella Diacono – Malta u laqgħat mad-diaspora Maltija fil-Greċja.  Iż-żjara saret bejn is-Sibt 18 u t-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019.
Matul iż-żjara saru diskussjonijiet mal-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin George Katrougalos u l-viċi tiegħu Terens Quick, li ffukaw fuq temi bilaterali u ta’ interess reġjonali li jinkludu il-futur tal-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar, migrazzjoni, kummerċ u opportunitajiet fl-Afrika, kif ukoll id-diaspora Griega u Maltija fil-kommunitajiet rispettivi. Laqgħa politika oħra li saret fil-kapitali Griega ffukat fuq l-isfidi komuni Ewropej fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-Kummissarju Ewropew tal-Migrazzjoni, Intern u Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos.
Il-Ministru Abela kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mad-diaspora Maltija fil-Greċja, waqt avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija f’Ateni, nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju.
F’Ateni, il-Ministru Abela attenda quddiesa u kunċert fejn 55 mużiċist u korist ta’ Cappella Diacono, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ray Sciberras F.L.C.M, daqqew repertoire ta’ mużika sagra Maltija, prinċiparjament xogħol tal-fundatur tal-Cappella – is-Surmast Carlo Diacono u tal-istess Surmast Sciberras.  Il-quddiesa saret il-Ħadd 19 ta’ Mejju fil-Kattidral ta’ San Dijonisju l-Aeropagita, u kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni, Mons. Sevastianos Rossolatos u n-Nunzju Appostoliku fil-Greċja, Mons. Savio Hon Tai-Fai.  Il-Cappella Diacono daqqet waħda mill-komposizzjonijiet liturġiċi ta’ Mro. Carlo Diaconi, Messa in Mib.
Il-kunċert sar fl-20 ta’ Mejju fil-Megaron - Athens Concert Hall.  Fost id-dinjitarji preżenti kien hemm il-Ministru tal-Affariiet Barranin Grieg, il-Ministru tal-Kultura u Sports, l-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni u l-Amministratur Appostoliku tal-Kattoliċi Armeni fil-Greċja, Hovsep Joseph Bezazian.

Relazzjonijiet Kummerċjali
Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber.  B’mod partikolari nsemmi l-oqsma tal-marittimu, avjazzjoni, farmacewtika, servizzi finanzjarji u gaming u oqsma oħra li min zmien ghal zmien jinbtu ideat u inizjattivi għalihom. Possibilita li wieħed għandu jesplora b’mod aktar profond huwa l-qasam tal-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti varji bejn iz-zewg pajjizi kif ukoll kollaborazzjoni bejn kumpaniji miz-zewg pajjizi fejn jidħol il-qasam agrikolu.

Attivitajiet kulturali u soċjali imtella’ mill-Ambaxxata
L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet tul l-aħħar snin. L-aħħar attivita’ li saret kienet il-parteċipazzjoni kulturali ta’ Cappella Diacono waqt quddies fil-kattidral tal-Kattoliċi f’Ateni u kunċert fit-Teatru Megaron. Dan sar fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2019. Din l-attivita’ ġiet organizzata bl-appoġġ tas-CDU tal-Ministeru u l-Malta Ship Registry.
L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. 
L-Ambaxxatur kellu wkoll laqgħat mal-Konsulent Diplomatiku tal-Ministeru tal-Kultura u Sports fuq diskussjonijiet rigward l-avveniment kulturali li kienet qed torganizza l-Ambaxxata f’Mejju u rigward l-MoU li se jiġi ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ħidma Konsulari
L-Ambaxxata bħal dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinaza, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja.  

Promozzjoni ta’ Malta
Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi.
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti b’konnessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari bi preparazzjoni għall-avveniment kulturali li ġie organizzat bejn it-18 u l-21 ta’ Mejju. F’dan l-avveniment kien hemm inkorporati wkoll laqgħat bilaterali, kummerċjali kif ukoll laqgħa tal-Ministru mad-Diaspora Maltija li tgħix f’Ateni u l-madwar.

Matul Mejju 2019, ġiet kreata u mnedija paġna uffiċjali fuq Facebook u oħra fuq Twitter għall-Ambaxxata ta’ Malta fil-Greċja.

Turiżmu
Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi, bit-titjira l-ġdid introdotta tkun lejn Thessaloniki. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sebgħa u anki tmienja fil-ġimgħa. Nemfassiza li hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima.  Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal konnetività marittima diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffaċilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom.

Seduta  247
09/07/2019


18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIT-TUNEŻIJA - ĦIDMA





10555. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kienet tinvolvi aspetti:

Bilaterali

L-ewwel ġimgħat tas-sena 2019 kienu fil-parti l-kbira tagħhom ddedikati lill-preparamenti għal:

a.             Żjara Statali li l-President Tuneżin wettaq f’Malta bejn il-5 u s-6 ta’ Frar 2019.  Din iż-żjara saret wara stedina tal-President ta’ Malta b’segwitu għal Żjara Uffiċjali li l-President Emeritus ta’ Malta wettqet fit-Tuneżija f’Novembru 2017.

b.             Il-ħdax-il laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u t-Tuneżija seħħet fl-4 ta’ Frar 2018.  Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin mexxew sessjoni ta’ Konsultazzjonijiet Politiċi.  Iż-żewġ Ministri ffirmaw il-Minuti Maqbula tal-Kummissjoni Konġunta u erba’ Trattati bilaterali fis-setturi tal-Impjiegi, tal-Anzjani, tat-Tfulija u Programm ta’ Koperazzjoni fis-settur tal-Kultura.

c.             L-Ambaxxata kkoordinat il-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Tuneżina fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-5+5 li seħħet f’Malta.

d.             Bejn l-24 u s-25 ta’ April, l-Onorevoli Helena Dalli, Ministru għall-Ewropa u għall-Ugwaljanza, żaret Tuneż biex tipparteċipa bħala kelliema fil-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru.  Din il-laqgħa tnediet b’kooperazzjoni bejn it-Tuneżija, il-UNDP u UN Women.

e.             Matul l-ewwel kwart tas-sena saru preparamenti għall-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblée des Cents li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019 bi tħejjija għas-Sommet des Deux Rives – Laqgħa Għolja bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Mediterran tal-Punent u djalogu reġjonali ma’ rappreżentanti prominenti  tas-soċjetà ċivili li se jittella’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju ġewwa Marsilja. L-Ambaxxata għamlet tħejjijiet għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn id-delegazzjoni Maltija u numru ta’ esponenti Tuneżini li jaħdmu f’setturi simili għal tagħhom.

f.             Saru preparamenti biex tingħata Borża ta’ Studju lil student jew studenta Tuneżin/a biex isegwi/issegwi kors ta’ Master’s Degree fl-Universita’ ta’ Malta. 

Kummerċjali

a.             L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regulari u kontinwu man-negozjanti Maltin preżenti fit-Tuneżija.  L-Ambaxxata tagħti appoġġ b’mod regulari lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ.

b.             L-Ambaxxata regularment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn negozjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessati f’kummerċ bilaterali.

c.             L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma’ negozjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessati li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda.

d.             Fl-isfond taż-Żjara Statali tal-President tat-Tuneżija f’Malta, fil-5 ta’ Frar 2019,  ġiet organizzata t-tielet sessjoni tal-Business Forum Malti-Tuneżin li seħħ fil-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija.  Il-ftuħ ġie segwit minn laqgħat bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini.  

Kulturali 

a.             Saru arranġamenti sabiex grupp ta’ kantanti Maltin li għandu numru ta’ segwaċi fit-Tuneżija ta intervista f’rivista kultural lokali.  L-Ambaxxata kienet organizzat kunċert f’Tuneż minn dan il-grupp li kien iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

b.             Qed isiru preparamenti biex grupp  ta’ mużiċisti Maltin jagħti kunċert f’Tuneż fl-aħħar ta’ din is-sena.  Dan il-kunċert ser ikun iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

c.             Saru preparamenti għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn esponenti ewlenin  tal-kultura taż-żewġ pajjiżi li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019.

Konsolari

F’dan il-perjodu il-konsolat irċieva u pproċessa 482 applikazzjoni għal-viża u ngħatat assistenza lil 5 Maltin biex jirreġistraw it-twelid tagħhom. Irċieva żewġ applikazzjonijiet għal ċittadinanza, applikazzjoni għal Passaport u ngħatat assistenza lil ċittadin Malti li tilef il-passaport waqt btala fit-Tuneżija.  L-Ambaxxata tat assistenza biex persuna Maltija residenti fit-Tuneżija u li mietet Malta tiġi midfuna fit-Tuneżija.

Promozzjoni

a.             L-Ambaxxata kkooperat ma’ żewġ rivisti biex ġew ippubblikati artikli dwar Malta.

b.             Saru tħejjijiet biex tittella’ Paġna Facebook tal-Ambaxxata.

Seduta  249
17/07/2019



FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...