15.7.19

L-Aġġettivi li ma Vvintajniex

 
1.    Mhux kulħadd japprezza kemm il-Partit Nazzjonalista għandu għerq demokratiku imniffed sewwa fl-art popolari.  Il-Partit tagħna qatt ma kien partit ta’ bniedem wieħed, jew ta’ klikka madwar bniedem.  Ngħid dan għaliex issa għandi esperjenza ta’ snin b’kapijiet differenti u fi staġuni politiċi kemm faċli, kemm diffiċli u kemm ukoll diffiċli ħafna.  Forsi wkoll, jekk tippermettuli, kumplikati żżejjed.

Fil-MŻPN bdejt

2.    Bdejt naħdem fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista meta pajjiżna kien għaddej mill-agħar kriżi kostituzzjonali.  Meta l-Partit kellu l-maġġoranza tal-voti imma mhux tas-siġġijiet.  Meta kien hemm bżonn ta’ ħidma attiva sabiex pajjiżna jieħu r-ruħ u jkollu verament future.  Ħidma li wettaqt u li ċertament ma jiddispjaċinix minnha.  Ħriġt wara ħafna ħsieb u riflessjoni għall-elezzjoni u tlajt fil-Parlament fl-1998, meta l-Kap kien Eddie Fenech Adami.  Meta hemm ukoll kien hemm bżonn li nassiguraw id-demokrazija u l-futur tagħna lura fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Kien hu li għażilni biex inservi fil-Gvern tiegħu bħala Segretarju Parlamentari.  Meta ssuċċedih Lawrence Gonzi, f’mument kbir ta’ bidla għall-pajjiż li kien qiegħed jittrasforma ruħu f’membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, servejt taħtu bħala Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Wara li l-Partit tilef il-poter

3.    Wara li tlifna l-elezzjoni, bħala Partit, kont membru tal-Parlament, fl-Oppożizzjoni fi żmien li kien Kap Simon Busuttil.  Il-kapijiet kollha kellhom il-merti tagħhom, u mhux il-post u ż-żmien li wieħed jagħmel paraguni.  Il-prinċipji tal-Partit ma tbiddlux mal-bidla tal-kapijiet.  L-istrateġija, it-tattika u l-linja politika nbidlu mat-tibdil fil-qagħda u ċ-ċirkostanzi politiċi fil-pajjiż u fid-dinja.  Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien Partit ta’ bniedem wieħed: jibqa’ għaddej.  Jibqa’, anzi, dak li aktar ma jkollu kontra tiegħu, dak li kapaċi jagħżel u jimxi ‘l quddiem b’saħħa u determinazzjoni.

Ma hemmx kult tal-personalità

4.    Fil-Partit Laburista ta’ Malta, dejjem kien jinħass iktar il-kult tal-personalità.  Speċjalment meta Duminku Mintoff kien il-Kap, anzi, kif jgħidulu huma, “il-Leader”, il-Parit Laburista kien għamel minnu alla żgħir.  Kienu jgħidu li hu lussu għal Malta.  Kien magħdud li jaf kollox, li jirbaħ dejjem, li m’għandikx tmerih.  Il-Leader ta’ qablu, Pawlu Boffa, bata l-eklissi meta xiref Mintoff fuq l-orizzont tal-politika Maltija u barranija.  Mintoff kien jitqies u jitpinġa bħala ġgant quddiem il-kapijiet barranin u l-avversarji politiċi Maltin.  Fi żmienu mhux il-prinċipji Laburisti jew Soċjalisti kienu jorbtu: hu stess kien jgħid: “Għandna l-prinċipji tagħna.”  Li kienet tfisser: kif nifhimha jien.  Id-duttrini politiċi Soċjalisti għalih ma kienux gaġġa; kien isawwarhom kif jidhirlu hu.  Kapaċi kien, iżda kien ukoll żbalja, u kultant bil-kbir.  Kien bniedem awtentiku, mhux falz, iżda t-tifħir eċċessiv naqqaslu r-rażan.

Fil-Partit Nazzjonalista

5.    Fil-Partit Nazzjonalista ġieli kien hemm ukoll min, biex jilgħaq lill-Kap, jew għax imħassar mill-ideoloġiji tal-lemin estrem, kien isostni li l-Kap għandu dejjem raġun u għandha dejjem tgħaddi tiegħu.  Iżda sa fejn stajt nara jien, Borg Olivier qatt ma pprova jagħmel borġoliverjani, kif qatt ma kellna fenechadamiċi, gonzjani, busuttilisti, u kif issam’għandniex delijani.  Dawn il-kliem ma vvintajnihomx.  U ma kellniex bżonnhom.  M’għamilniex l-iżball li l-partit jaddotta l-Führerprinzip.  Mhux biss żball, imma proprju għax aħna f’dan il-partit kbir u bi storja twila ngħarfu li kien ikun is-suwiċidju u l-qerda tal-Partit.  Iżda, fuq in-naħa l-oħra, lanqas ma hija ta’ fejda l-anarkija interna.

Il-Kap iservi

6.    Il-Kap tagħna nafuh li jservi lill-Partit u lin-Nazzjon.  Kliem bħal ‘Kap Suprem’ ma jixirqux lil Partit demokratiku Nazzjonalista u Demokristjan.  Il-Kap ma jaħkimx : jidderieġi.  Huwa suġġett għall-kritika.  Għandu però dritt leġittimu għall-kollaborazzjoni lejali.  Fid-dibattitu intern għandu jkun hemm, u fil-fatt teżisti, u jiena dejjem rajtha li teżisti, il-libertà l-aktar wiesgħa.  Libertas’ kienet il-kelma fi żmien u quddiem id-dittaturi.  Hemm ukoll il-ħtieġa tal-fedeltà, lealtà, kollaborazzjoni.  Fides’ mhux biss fis-sens ta’ ‘fidi’ jew twemmin, iżda wkoll ta’ fedeltà u fiduċja.  Min ikollu l-kariga u l-piż tat-tmexxija, għandu dritt għar-rispett.  Huwa l-Kap li għandu jiġi rispettat u mogħti l-ġieħ li, bi dritt u loġika, jixraqlu.

Il-Partit ikompli jikber

7.    Il-Partit Nazzjonalista kiber u kellu suċċessi kbar meta wera li jgħożż il-libertà, id-djalogu bejn fehmiet differenti, iżda wkoll, u fuq kollox, il-lealtà lejn il-prinċipji u lejn il-fiduċja li jtih il-poplu.  Iċ-ċavetta tas-suċċess qegħda fil-mod kif ikun kapaċi jsir ħaġa waħda mal-poplu.  F’dak il-proċess neċessarju li huwa kapaċi jwettaq.  In-nies li jirrappreżentaw lill-poplu jikkonvinċu u jiġu konvinti mill-poplu li jirrappreżentaw.  Jintagħġnu miegħu.  Is-suċċessi jinkisbu fit-toroq, fil-ħwienet, fil-każini, fid-djar.  Jinkisbu wkoll mid-diskorsi fil-Parlament u fuq il-mezzi tax-xandir.  Kif ukoll, nittama, mill-artikoli li fil-gazzetti : almenu għalhekk niktbu u nippubblikaw.

Il-futur tagħna

8.    Proprju għax għadha għaddejja l-ħidma tagħna, proprju għax aħna partit li msawra b’ideat u bnedmin intelliġenti li nħares iktar ‘il quddiem.  Id-dissens, id-diskussjoni, id-dibattitu intern jibqa’ għalija proċess li jissudana.  Jibqa’ wieħed li jmexxina biex nagħrfu iktar il-viżjoni u l-missjoni tagħna f’dawn iż-żminijiet xejn faċli.  B’dan kollu quddiemna, b’sabar, bil-paċenzja u b’doża qawwija, anzi xkora kbira ta’ umiltà, għandi qalbi qawwija li naslu.  Naslu għax għandna elementi partikolari, elementi li l-pajjiż għaraf u ta fiduċja fiż-żminijiet.  Naslu, fuq kollox, għax aħna m’aħniex parti minn aġġettivi li ma vvintajniex.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...