18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-FEDERAZZJONI RUSSA - ĦIDMA.





10552. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:

Bilaterali:

·               Ittieħdu numru ta’ inizjattivi f’ dan il-qasam. Matul dan il-perjodu, bħal perjodi oħra, l-Ambaxxata kompliet taħdem sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa jkomplu jissaħħu.

·               Kien hemm numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali tal-Ambaxxata u uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa, fejn iddiskutew għadd ta’ temi, fosthom inviti għal Uffiċjali Għolja, avvenimenti u possibiltajiet biex jiġu ffirmati xi ftehimiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

·               L-Ambaxxatur kellu wkoll serje ta’ laqgħat ma’ Diretturi ewlenin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu fejn tkellmu fuq temi kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jimxu ‘l quddiem.

Kummerċjali:

·               Matul dan il-perjodu, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha biex tattira investituri Russi sabiex jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata attendiet diversi fieri b’temi varji, fosthom it-turiżmu, it-teknoloġija u l-informatika.

·               F’Marzu l-Awtorità tat-Turiżmu ipparteċipat  f’fiera rinomata f’Moska, fejn l-Ambaxxata għenet kif setgħet. L-Ambaxxatur indirizza wkoll sensiela ta’ laqgħat ma’ agenti ta’ l-ivvjaġġar.

Kulturali:

·               F’Jannar l-Ambaxxatur Agius iltaqa’ mal-Metropolitan Hilarion ta’ Volokolamsk. Il-Metropolitan huwa wkoll il-President tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Knisja Ortodossa tal-Patrijarkat ta’ Moska.

·               Ftit tax-xhur ilu l-Ambaxxata bbenifikat ukoll mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fejn Mużiċist Malti ta prestazzjoni quddiem udjenza Russa f’wieħed mill-aktar postijiet kulturali rinomati f’Moska. Mhux hekk biss, imma l-Ambaxxata bdiet b’ ħidma wiesgħa biex tippromwovi l-lingwa u l-letteratura Maltija f’diversi oqsma tas-soċjetà Russa, fosthom fil-libreriji u organizzazzjonijiet. L-Ambaxxata wittiet it-triq biex fix-xhur li  ġejjin ikunu jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet relatati mal-letteratura Maltija.

·               L-Ambaxxata tinforma wkoll li t-tħejjijiet biex pittura ta’ Katrina l-Kbira tkun eżebita f’Moska waslu fi stat avvanzat u l-wirja se tinfetaħ dan is-sajf stess.

Konsolari:

·               L-Ambaxxata u l-Konsolat tagħha dejjem wettqu ħidma kontinwa biex jiġu moqdija d-dmirijiet konsolari li jinkludu verifikazzjoni u approvazzjoni ta’ viżas, ċittadinanzi u kwistjonijiet oħra relatati maċ-ċittadini Maltin fir-Russja.

·               L-Ambaxxata u l-Konsolat jassiguraw li dejjem kienu ta’ għajnuna bl-iktar mod professjonali f’każ ta’ emerġenzi u talbiet oħra għal assistenza.  Sal-aħħar ta’ April 2019, il-perjodu li fuqu qiegħed jiġi rraportat inħarġu kwazi 3000 visa. 

·               L-Ambaxxata kellha wkoll ka¿ijiet partikulari fejn estendiet għajnuna lil ċittadini Maltin li tilfu t-titjira ta’ ritorn tagħhom, baqgħu fit-territorju Russu wara li skaditilhon il-viża u li ġew misruqa.

Promozzjoni ta’ Malta:

·               Malta ssemmiet diversi drabi fil-Medja Russa bħala destinazzjoni turistika, kif ukoll bħala pajjiż għani fl-iżvilupp storiku tiegħu. L-Ambaxxatur Malti f’Moska kien ukoll ta xi intervisti lil medja lokali dwar Malta inkluż fuq ir-rivista inflight tal-linja tal-arju nazzjonli l-Aeroflot li għandha ċirkolazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun kopja.

·               L-Ambaxxatur ta wkoll diversi lectures f’universitajiet Russi inklu¿ fost l-oħrajn fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Moska,  u fil-Fakultà tal-Ġurnali¿mu fl-Università Statali ta’ Nizhny Novogorod.  L-Ambaxxatur żar ukoll diversi skejjel fejn ippromwova lil Malta bħala destinazzjoni għat-tagħlim tal-Ingliż.

·               L-Ambaxxata Maltija f’Moska kienet ukoll ferm attiva tippromwovi l-kultura Maltija u ġabet f’Moska artisti Maltin li tellgħu produzzjonijiet f’postijiet pretiġjużi kif ukoll fi skejjel pubbliċi.

Oħrajn:

·               L-Ambaxxata qed tagħmel l-almu tagħha biex tiddeversifika r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħalma wieħed jista’ jara, qed isir ħafna xogħol fl-isferi kollha u huwa mistenni li l-attivitajiet tal-Ambaxxata jkomplu jiżdiedu biex nassiguraw l-aħjar bejn Malta u l-Federazzjoni Russa.  Għaddejjin preparamenti għal proġetti interessanti li ser jiġu rrealizzati aktar tard din is-sena.  Fost dawn hemm wirjiet ta’ livell internazzjonali, kunċerti, u sensiela ta’ lectures fuq il-lingwa Maltija u kittieba Maltin.

·               L-Ambaxxata ta’ Malta tipparteċipa wkoll f’diversi laqgħat ta’ kull ġimgħa f’koordinazzjoni mal-pajjiżi l-oħra Ewropej u tibgħat rapporti regolari fuq l-iżvilupp u l-avvenimenti ġewwa l-Federazzjoni Russa.

Seduta  249
17/07/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...