29.7.19

Telfiet Letterarji.




1.   Isir x’isir, il-kitba tibqa’ fost l-isbaħ mexxi ta’ komunikazzjoni.  Ta’ rakkont tal-ħajja tal-bniedem.  Ta’ dak li seħħ u jiġi rappreżentat lura mill-kittieb fuq il-karta.  Kull ma jinkiteb jitwieled mill-pinna ta’ bniedem fl-imħabba tiegħu f’dak li jingħad bħala l-bżonn li jaqsam mal-oħrajn.  Hemm min jikteb kotba storiċi.  Hemm min jikteb trattati akkademiċi sbieħ jew komplikati.  Hemm min jikteb rumanzi.  Kull min iħoss din is-sejħa, din il-vokazzjoni li jikkomunika, jikteb sabiex ħutu jaqraw dak li deherlu li għandu jniżżel.

Il-ktieb

2.   Il-ktieb jibqa’ fih innifsu proġett fit-tfassil tal-abbiltà tal-bniedem.  Il-maġġoranza ta’ dawk li jiktbu, jaħsbu minn qabel liema triq ser jaqbdu.  Il-proġett ikun diġà mfassal tajjeb f’moħħhom u jibdew jibnu fuqu.  Jibdew ilaħħmu fuqu biċċa biċċa.  Ftit huma, jew kienu, dawk li kapaċi jibdew iniżżlu kelma wara kelma mingħajr ħsieb.  Mingħajr ma jkollhom bidu jew tmiem f’moħħhom u joħolqu opra letterarja tajba.  Il-bniedem kapaċi verament.  Kapaċi joħloq, jibni u jagħti l-ħajja minn moħħu għal fuq il-karta.

Jibqa’ sod

3.   Jingħad x’jingħad, il-bniedem il-ktieb għandu bżonnu.  Anzi, s-soċjetà tikber u timxi ‘l quddiem meta jkollha iktar membri fostha li jaqraw.  L-edukazzjoni sħiħa tal-bniedem twasslu jkun ċittadin aqwa f’demokrazija parteċipattiva u mhux passiva.  Għandna wirt ta’ kitba ta’ awturi varji li fis-sekli ħallew warajhom dak li batew biex jiktbu.  Dak li ddedikaw il-ħin, forsi wkoll l-eżistenza sħiħa tagħhom, għalih.  Nammira, napprezza u nirringrazzja lil dawk li wettqu dan, u dawk li telqu fit-triq għalih.  Mhux faċli tikteb.  Anqas li tikteb b’mod li bih tista’ tikkomunika effettivament il-ħsieb tiegħek lill-oħrajn.  Imma l-verità hija li l-ktieb jibqa’ sod fis-soċjetà u s-soċjetà tikber iktar ma jkollha l-ktieb sod fiha.

Andrea Camilleri

4.   Tul din il-ġimgħa ġie msejjaħ lura għand il-Ħallieq, Andrea Camilleri.  Kien fost il-kittieba l-iktar magħrufa f’dawn l-aħħar snin.  Għandu lista twila ta’ kotba, miktuba fuq linji varji.  Ċertament b’intelliġenza, b’għarfien tan-natura umana, bi struttura, storja li jinseġ fejn ma timmaġinax li ser tispiċċa.  Għandu dawk li huma mibnija fuq id-delitti, veri jew immaġinarji, fejn il-persuna li jinkarna l-investigazzjoni huwa l-Kummissarju Salvo Montalbano.  Fejn il-kitba ma ssegwix dak li ċerti drabi aħna mdorrija nimxu fihom.  Fejn xi drabi, il-qarrej irid jifhem it-tmiem mingħajr ma jingħadlu.  Jew f’dawk li huma mimlija b’intelliġenza.  Dawk li huma storiċi bħal ‘Il Colore del Sole’ dwar l-aħħar snin tal-pittur Caravaggio.  Dawk li huma bijografiċi, bħal dak li għandu dwar Luigi Pirandello, ‘Biografia del figlio cambiato’.

Telaq, imma ħalla warajh

5.   Bħal kull bniedem, Camilleri kellu bidu u tmiem.  Imma ħalla warajh wirt ta’ kotba li rari tiddejjaq taqrahom.  Mhux biss, imma ħalla wkoll f’din il-fruntiera li qed tiżviluppa l-kapitolu fejn il-kittieb ma jibqax wieħed misterjuż.  Ma jkunx dak li jintgħaraf aħjar fl-isfond storiku, kulturali, soċjali u storiku wara ċertu snin u ċertu riċerka.  Anzi, huwa fost dawk li fid-diversi intervisti li sarulu tul ħajtu hemm il-bniedem li kiteb, li qiegħed jispjega direttament dak li għadda minnu, dak li mess b’idejh.  Dak li ried iwassal spjegat aħjar minnu milli minn min jipprova jifhmu wara.

Luciano De Crescenzo

6.   Kienet il-ġimgħa fejn dawk li jiktbu ġew imsejħa.  Forsi hemm xi kapitolu ieħor li hemm bżonn jinkiteb f’post iktar importanti.  De Crescenzo, forsi magħna f’pajjiżna mhuwiexf tant magħruf bħal Camilleri.  Biss, għal dawk li jħobbu l-letteratura jagħrfuh bħala wieħed minn fost dawk li ħalla marka.  Kiteb b’pinna sabiħa, li tiġbed is-saqajn  mimlija b’għerf u sens li n-Naplitani għandhom.  Fuq kollox, jirnexxilu jispjega l-filosofija, partikolarment dik Griega, b’pinna friska u diretta.  Jfiehem lil dawk li ma kellhomx l-opportunità li jistudjaw.  Iġib għar-realtà dak li jingħad f’tant kliem sabiħ, però li jista’ ma jinftehimx.  Forsi fost l-isbaħ għandu l-famuż ‘Così parlò Bellavista’, mimli b’għerf lokali u direzzjoni fil-ħajja.  Ktieb b’kuntrast evidenti għal dak li kien kiteb il-filosfu kumplikat Frederick Nietzche, ‘Così parlò Zarathustra’.

Paolo Borsellino

7.   Tul din il-ġimgħa ftakarna li sebgħa u għoxrin sena ilu, fid-19 ta’ Lulju 1992, inqatel Paolo Borsellino.  Persuna li ddedika ħajtu sabiex jikkumbatti l-mafja.  Bniedem tal-liġi, li l-kitba tiegħu kienet konċentrata u mmirata biex tinbena l-informazzjoni neċessarja sabiex jinqabdu u jiġu kundannati dawk li wettqu tant delitti mill-iktar koroh.  Borsellino kien fost kittieba legali oħra.  Kien fost bnedmin differenti li kkumbattew għas-sewwa bil-moħħ u bil-pinna tagħhom.  Bnedmin li ħallsu prezz għal dan b’ħajjithom.  Inqatlu għax servew is-soċjetà.  Servewha biex jgħollu ‘l fuq lill-bniedem.

Moħħ u pinna

8.   Dawk bħal Borsellino u Giovanni Falcone li kkumbattew il-ġlieda t-tajba, dik l-iktar perikoluża, kellhom warajhom diversi bnedmin tajba fis-soċjetà.  Bnedmin li kellhom il-kitba tajba.  Mhux biss f’dak li jgħidu, imma f’dawk li jiddeċiedu li jiktbu.  Camilleri, De Crescenzo jistgħu jinqalgħu ‘l barra mill-kuntest storiku tagħhom.  Biss, il-verità hija li kienu qed jiktbu fl-għarfien ta’ dak li kien qiegħed iseħħ f’pajjiżhom.  Kitbiethom mhumiex attakki diretti.  Huma, anzi, xiehda tal-bniedem it-tajjeb.  Tal-bniedem li jġib ruħu sewwa, li huwa eżempju taċ-ċittadin fis-soċjetà.

Dawk li jissudaw is-sewwa

9.   Il-kitba tagħhom tista’ tmiss mal-aspett negattiv fil-bniedem, imma ftit huma l-kotba fejn il-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb.  Ftit huma l-linji fejn ma hemmx ir-riċerka tal-verità u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-bniedem.  Is-soċjetà tilfet, ċertament, tul din il-ġimgħa żewġ bnedmin li ħallew xiehda ta’ kemm il-bniedem irid jaħdem għas-sewwa.  Xiehda ta’ dawk li jingħaqdu fil-bżonn li wieħed jikkumbatti dawk li huwa żbaljat biex is-soċjetà tkun aqwa milli hija.  Xhieda tas-sejħa u rilevanza ta’ dawk li jiddedikaw ħajjithom biex jagħtu lura dak li l-bniedem għandu tant bżonn: is-sewwa.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...