6.7.19

TRIQ TAĊ-ĊAWSLI – FONDI UTILIZZATI MILL-FOND EWROPEW




10469. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: B’referenza għar-risposta għad-domanda 10297, jista’ l-Ministru jindika għat-triq partikolari magħrufa bħala “Taċ-Ċawsli” kemm ġew utilizzati fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091 Smiths Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo?

11/06/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet xahar qabel iż-żmien il-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, ir-rotta ewlenija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, li qabel kien jisimha Triq Bormla u hija magħrufa wkoll bħala “Taċ-Ċawsli”.

B’investiment ta’ €4 miljun, din it-triq issa mhux biss fiha karreġġjata ġdida għall-karozzi imma għandha wkoll korsija għar-roti u passaġġ pavimentat għall-mixi mifrudin mill-korsiji tal-karozzi bir-ringiela siġar taċ-Ċawsli li ġew inkorporati fid-disinn ġdid tagħha. Il-korsija tar-roti sseparata mill-karozzi, iżda xorta waħda miksija bl-asfalt, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Malta. B’hekk toffri l-istess kumdità ta’ sewqan daqs li kieku qed issuq fi triq normali bl-asfalt, iżda b’inqas riskji ta’ aċċidenti għaliex dawk li jivvjaġġaw bir-roti ma jkunux qed isuqu mal-karozzi.

Oriġinarjament, dan il-proġett kien ippjanat li jkun lest fis-sajf li ġej. Madankollu, Infrastructure Malta kkordinat ix-xogħol b’attenzjoni sabiex il-kuntratturi setgħu ilestuh fl-inqas żmien possibbli, xahar qabel jibda s-sajf. Dan ir-riżultat inkiseb minkejja li t-triq ma ngħalqitx kompletament waqt li kienet qed tinqala’, iżda saru arranġamenti biex tibqa’ miftuħa f’direzzjoni waħda. B’hekk, ix-xogħol sar b’inqas diffikultajiet għar-residenti Żwieten u Żabbarin.

Din l-arterja tintuża minn ħafna persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom Ħal Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel u l-Kottonera. Għal ħafna snin, it-triq kienet tħalliet fi stat ħażin ħafna tant li l-wiċċ tat-triq kien sfronda, bil-konsegwenza li bdiet iżżomm l-ilma u toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkollhom bżonn jgħaddu minnha.

Taħt partijiet mit-triq instabu barrieri ta’ snin ilu li meta ma baqgħux jintużaw kienu ntradmu bi skart tal-kostruzzjoni u materjal ieħor li ma kienux jifilħu biex fuqhom issir triq. Dan ir-radam issa tneħħa u floku saru sisien b’saħħithom mibnija b’madwar 1,790 blokka tal-franka u 3,000 tunnellata konkos, li flimkien jiżnu mas-6,000 tunnellata.

Fl-istess ħin li kienu qed jinbnew mill-ġdid il-pedamenti tat-triq, Infrastructure Malta poġġiet 3.3 kilometri pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku, tal-Internet u t-telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ, biex b’hekk saħħet id-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi fil-lokalitajiet tal-madwar. Biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar fit-triq, saret ukoll sistema ġdida ta’ 2.5 kilometri għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tqabbdet ma’ ġibjun li diġà kien hemm fil-post. Fil-ġenb inbena wkoll ħajt tas-sejjieħ biex jifred it-triq mill-għelieqi li hemm biswitha.       

Din il-konnessjoni bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun issa tista’ titgawda wkoll għal skop ta’ rikreazzjoni billi toffri mixja għall-arja jew inkella dawra bir-rota f’ambjent tal-kampanja mill-isbaħ, u b’mod sigur, f’passaġġi għar-roti u l-mixi maqtugħin għalihom mill-karozzi. It-triq sarulha wkoll għadd ta’ waqfiet għall-karozzi tal-linja aktar siguri għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, sistema ġdida ta’ dwal fit-triq b’aktar minn 100 bozza LED, waqt li nbnew ukoll mill-ġdid il-junctions tar-roundabouts li hemm maż-żewġt itruf tat-triq f’Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun.

Parti minn dan il-proġett, fis-somma ta’ €1,090,468.16 (mingħajr il-VAT), kienet finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF), bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091. SMITHS: Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo.

Seduta  244
02/07/2019


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...