18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-POLONJA - ĦIDMA.




10551. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI st.aqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Polonja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa l-elenku tal-attivitajiet tal-Ambaxxata ta’ Malta fil-Polonja bejn Jannar u April 2019:

Bilaterali
·               L-Ambaxxata kompliet bl-isforzi tagħha sabiex tikkonvinċi lill-Awtoritajiet Pollakki sabiex jiftħu Ambaxxata f’Malta.  Fi Frar 2019, l-Ambaxxatur Malti John Paul Grech,  kellu diskussjoni għal dan il-għan mal-President Pollakk, Andrzej Duda, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Czaputowicz u ma’ Uffiċjali Għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, li matulha informa lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta illi l-Awtoritajiet Pollakki waslu għad-deċiżjoni li jiftħu Ambaxxata f’Malta.  Ix-xogħol ta’ tħejjija  mal-Awtoritajiet Maltin  diġà beda biex jiġu ffinalizzati l-formalitajiet kemm f’Varsavja kif ukoll f’Malta.  Dan sabiex tiġi identifikata proprjetà f’Malta sabiex isservi bħala Ambaxxata u jitħaffef il-proċess sabiex tinfetaħ.
·               L-Ambaxxata organizzat iż-żjara tal-Ambaxxatur Chris Grima – Koordinatur tat-Talba ta’ Malta sabiex isservi bħala Membru mhux Permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023-2024 – f’Varsavja, sabiex jipparteċipa f’serje ta’ konsultazzjonijiet politiċi mal-Awtoritajiet Pollakki fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk.  Il-Polonja bħalissa tinsab isservi f’dan ir-rwol u għalhekk l-esperjenza miksuba għandha sservi ta’ għajnuna kbira għal Malta tul il-preparamenti tagħha għal din il-kampanja.
·               L-Ambaxxata kkoordinat it-twaqqif tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti.  L-Ambaxxatur Malti  kellu laqgħa mal-Vici-Speaker tal-Kamra tad-Deputati tal-Polonja (Sejm), Ms. Mazurek, bl-iskop illi tiġi deċiża l-ewwel laqgħa bejn ir-Rappre¿entanti tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti.
·               L-Ambaxxata kompliet bil-konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet Pollakki fir-rigward tal-invit pendenti tal-Gvern Malti, għaż-Żjara Statali tal-President Pollakk, Andrzej Duda f’Malta.  Ġew skambjati sensiela ta’ dati bejn iż-żewġ pajjiżi li, minħabba l-bidla tal-Kap tal-Istat f’Malta f’April li għadda, id-diskussjoni dwarhom għadha għaddejja.
·               L-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u d-Delegazzjoni tiegħu li inkludiet is-Segretarju Permanenti kif ukoll c-Chief of Staff, għal-Laqgħa Ministerjali dwar il-Promozzjoni ta’ Futur ta’ Paċi u Sigurtà fil-Lvant Nofsani, li ttellgħet f’Varsavja bejn it-13 u l-14 ta’ Frar, 2019.
·               L-Ambaxxata assistiet l-Aġenzija tal-Adozzjoni, APPOĠĠ, sabiex jiġu identifikati numru ta’ individwi professjonali eliġibbli għall-po¿izzjoni ta’ Rappreżentant tal-APPOĠĠ dwar l-Adozzjoni ġewwa l-Polonja.  Il-proċess tal-għażla ġie mmexxi minn Delegazzjoni mibgħuta apposta mill-Agenzija APPOĠĠ ġewwa l-Polonja fejn saru l-intervisti meħtieġa ġewwa l-Ambaxxata ta’ Malta.  Il-proċess tal-għażla ġie ffinalizzat u dan għandu jwitti t-triq sabiex jibda l-proċess tal-adozzjoni mill-Polonja.
·               L-Ambaxxata ffaċilitat il-korrispondenza uffiċjali li tikkonċerna r-reviżjoni tal-Ftehim Dwar Taxxa Doppja bejn il-Polonja u Malta. L-abbozz tar-reviżjoni ta’ dan il-Ftehim jinsab bħalissa għall-attenzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk.
·               Tul April, flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, il-Kanċellerija tal-Prim Ministru Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, l-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Prim Ministru Malti, l-Onor. Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru Għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, l-Onor. Helena Dalli u d-Delegazzjonijiet rispettivi f’Varsavja għal-Laqgħa Għolja  ‘Together for Europe – High Level Summit’ sabiex jiġi ċċelebrat il-15-il Anniversarju mis-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li seħħ nhar l-1 ta’ Mejju 2004.
·               L-Ambaxxata assigurat il-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Forum tas-Sigurtà ta’ Varsavja (WSF) li ser jinżamm f’Varsavja, nhar it-2 u t-3 ta’ Ottubru 2019, u diġà bdiet bil-preparamenti tagħha għal dan il-għan.

       Kulturali
·               L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti bejn il-Kunsill tal-Arti f’Malta u l-Istitut Grotowski, fi Wroclaw, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sabiex jiġi pprovdut taħriġ professjonali għal atturi Maltin kif ukoll għal artisti-residenti f’dan l-Istitut tat-Teatru ta’ fama dinjija.
·               L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti – bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju ta’ Malta fi Krakovja – mal-Akkademja tal-Arti, Jan Matejko, fi Krakovja.  Waqt iż-żjara tiegħu fi Krakovja, l-Ambaxxatur iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti Jan Matejko, bil-ħsieb li jiġi ffirmat proġett Erasmus bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta dwar skambju ta’ studenti u akkademiċi, kif ukoll kollaborazzjoni f’wirjiet tal-arti kemm bejn l-istudenti, kif ukoll bejn l-akkademiċi.
·               L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti mal-Akkademja tal-Arti ta’ Varsavja bil-ħsieb li titkattar kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta.  Huwa kellu laqgħa mal-Professur Pawel Nowak, Direttur responsabbli mill-Gallerija tal-Akkademja, bil-ħsieb li jiġu organizzati wirjiet ta’ artisti Maltin f’Varsavja.
·               L-Ambaxxatur beda wkoll kuntatti mal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk.  Huwa ¿ar Gdansk bejn id-9 u l-10 ta’ April, fejn iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk.  Intlaħaq ftehim sabiex tinbena kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta fuq diversi livelli.  Bħala bidu, beda x-xogħol sabiex tittella’ Wirja tal-Arti tal-artist promettenti Malti, Garbiel Buttiġieġ, bejn l-10 u s-26 ta’ Ottubru 2019. 
·               L-Ambaxxatur ġie mistieden ukoll fl-Iskola Sekondarja Għolja ‘Lajos Kossuth’ f’Varsavja, sabiex jassisti għal pre¿entazzjonijiet dwar il-gżejjer Maltin.  L-attività involviet riċerka kif ukoll sensiela ta’ esibiti minn numru sabiħ ta’ studenti li qed jistudjaw l-Ingli¿ bħala parti mill-istudji tagħhom qabel ma żaru l-gżejjer Maltin fuq btala mal-iskola tagħhom, f’Marzu li għadda.  L-Ambaxxatur tkellem dwar ir-rikkezzi kulturali Maltin kif ukoll l-attrazzjonijiet li qegħdin jistennew lil dawk il-familji u żgħażagħ Pollakki li beħsiebhom jżuru Malta u Għawdex.
·               L-Ambaxxata pparteċipat fi proġett tal-EUNIC li ttratta ‘Poems in the City’ 2019. Il-pajjiżi parteċipanti ġew mitluba sabiex jagħżlu poeta kif ukoll poe¿ija qasira tal-istess poeta dwar it-tema tal-imħabba.  Barra li ġie organizzat avveniment fejn inqraw il-poeżiji magħżula, kemm bl-ilsien oriġinali kif ukoll bil-Pollakk, akkumpanjati minn atturi Pollakki, il-poeżiji magħżula ġew ippreżentati tul il-belt ta’ Varsavja, fuq waqfiet tal-karozzi tal-linja, fuq billboards u f’postijiet pubbliċi, għal ġimagħtejn sħaħ, bil-ħsieb li l-poe¿ija tal-Membri tal-Unjoni Ewropea titwassal qalb il-poplu Pollakk. Malta kienet irrappreżentata mill-poeta Glenn Calleja bil-poeżija ‘Totalità’.
·               L-Ambaxxata għamlet kuntatt u ltaqgħet mad-Direttur u t-Tmexxija tal-Mu¿ew u l-Ġnien Lazienki – sabiex tiġi esplorata l-possibiltà li tiġi esebita għal perjodu ta’ żmien, l-iskultura tal-artist Malti – Austin Camilleri – ZIEME, f’dan il-ġnien meraviljuż.  Il-proġett jinsab f’fażi avvanzata u wieħed jittama li dan iseħħ fix-xhur li ġejjin.
·               L-Ambaxxata, f’kollaborazzjoni mal-Maestro Mark Agius – kompożitur Malti tal-mużika klassika – beda t-tħejjijiet sabiex jorganizza ‘Quddiesa għall-Paċi’ fl-Arċi-Katidral ta’ San Ġwann fil-belt l-antika ta’ Varsavja, f’Novembru li ġej.  Ix-xogħol huwa wieħed oriġinali li ser jagħmel il-‘premier’ dinji tiegħu proprju f’Varsavja, bit-tieni kunċert jittella’ fi Krakovja, b’kollaborazzjoni mal-Kor Rotondo, minn Poznan, il-Polonja.  Il-Kardinal ta’ Varsavja, u l-uffiċċju tiegħu, se jikkollaboraw mal-Ambaxxata.
Konsolari
L-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja:
·               Ġiet mitluba sabiex tagħmel kontro-firma fuq dokument ta’ non-impediment, iffirmat mill-Ambaxxata Amerikana, għal koppja li mhix ta’ nazzjonalità Maltija, li beħsiebha tiżżewweġ Malta.
·               Assistiet koppja mhux ta’ nazzjonalità Maltija dwar il-proċedura meħtieġa sabiex jiżżewġu Malta.
·               Assistiet l-Uffiċċju tar-Reġistru Pollakk sabiex jiġi miksub ċertifikat tal-mewt għal ċittadin Pollakk li ħalla ħajtu Malta.
·               Assistiet l-Uffiċċju Konsolari fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ f’Malta sabiex jiġu identifikati l-ispejjeż sabiex jinħarġu ċertifikati Pollakki mir-Reġistru Pubbliku.
·               Assistiet ċittadin Malti – li jgħix il-Polonja – sabiex jibda l-proċess u l-kuntatti mal-Awtoritajiet Maltin sabiex jibda jirċievi l-pensjoni minn Malta.
·               Assistiet ċittadin ta’ nazzjonalità Maltija li nsterqulu d-dokumenti ġewwa Krakovja.  Ma ġiex maħruġ ETD għaliex il-pulizija fi Krakovja sabu d-dokumenti misruqa u ġew irritornati.
·               Assistiet żewġ ċittadini Pollakki li ntilfulhom id-dokumenti waqt li kienu għal btala f’Malta bil-proċedura meħtieġa sabiex jinħarġilhom ETD.
·               L-Ambaxxatur żar diversi drabi lil ċittadin Malti li bħalissa jinsab miżmum f’Ċentru ta’ Detenzjoni fi Grojec, il-Polonja.  Sadanittant, l-Ambaxxata intervjeniet mal-Uffiċċju tal-Gwardjan taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni sabiex jiġi trasferit f’Ċentru ta’ Detenzjoni aktar addattat għall-età tiegħu kif ukoll aktar qrib ir-residenza tal-ġenituri tiegħu.  It-talba ġiet milqugħa.
·               Assistiet 30 ċittadin Pollakk li xtaqu informazzjoni sabiex jivvjaġġaw lejn il-gżejjer Maltin.
·               Assistiet 10 ċittadini Pollakki b’informazzjoni rigward validità tal-passaporti jew karta ta’ identifikazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta.
·               Assitiet 9 ċittadini Ukreni b’informazzjoni dwar il-possibiltà ta’ vjaġġar mingħajr Visa lejn Malta permezz tal-passaport biometriku. 
·               Assistiet grupp ta’ 15-il ċittadin Pollakk b’informazzjoni dwar ivvjaġġar lejn Malta bit-tfal zgħar.
·               Assistiet ċittadin Malti li jgħix Katowice li ltaqa’ ma’ problemi mas-sidien tal-post fejn kien alloġġjat waqt li kien fuq perjodu ta’ studju fil-Polonja.

Promozzjoni tal-Kummerċ
·               L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti mal-Ministeri u l-awtoritajiet Maltin bi preparazzjoni sabiex jiġi organizzat avveniment fil-Borża ta’ Varsavja sabiex jiġu promossi l-gżejjer Maltin fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji kif ukoll tal-Katina tal-Blokok.  Dawn il-kuntatti u preparamenti jinsabu għaddejjin sabiex tiġi assigurata parteċipazzjoni ta’ livell għoli, kemm fuq livell Ministerjali kif ukoll mill-entitajiet, flimkien ma’ partijiet interessati Pollakki fl-oqsma bankarji, legali u fil-kummerċ.  Huwa maħsub li dan l-avveniment jittella’ s-sena d-dieħla.
·               Bejn id-9 u l-10 ta’ April, l-Ambaxxatur żar ir-reġjun ta’ Gdynia-Sopot-Gdansk sabiex jesplora possibiltajiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali f’dan ir-reġjun marittimu.  Huwa ltaqa’ mas-Sindku u mal-Voivod ta’ Gdynia u miegħu ddiskuta possibiltajiet f’dan il-qasam.  Il-kuntatti – flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Konslu Onorarju – għadhom għaddejjin.
Kummerċjali
·               l-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, iltaqa’ mas-Sur Dariusz Zajakala, Direttur tal-kumpanija Ispot Malta – kumpanija b’ishma Maltin li topera fil-Polonja, fejn ġiet diskussa l-possibiltà ta’ kooperazzjoni ekonomika u promozzjoni tal-kummerċ fil-Polonja.
·               l-Ambaxxatur Malti ltaqa’ mas-Sinjura Beata Sokolowska-Weglarz, Direttur Maniġerjali, ALLCOM – kumpanija b’ishma Maltin li topera fi Gdynia – fejn ġew diskussi kooperazzjoni ta’ natura ekonomika kif ukoll possibiltajiet ta’ promozzjoni tal-kummerċ.

Oħrajn
·               L-Ambaxxata bdiet il-proċess sabiex jinstab bini ġdid għall-Ambaxxata.  L-Ambaxxatur żar diversi postijiet u ppropona suġġerimenti lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ sabiex jiġu kkunsidrati. 
·               L-Ambaxxata żammet kuntatt mal-komunità Maltija fil-Polonja dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li kienu ser isiru f’Mejju 2019 u nfurmatha dwar il-possibilità li kienet qiegħda tiġi offruta sabiex ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw lejn Malta bi prezzijiet speċjali kif ukoll dwar il-possibiltà li ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw sabiex jivvutaw ġimgħa qabel.
·               L-Ambaxxata għadha kif fetħet  kont ta’ Twitter  flimkien ma’ kont ta’ Face Book li ilha topera għal dawn l-aħħar sentejn.



·               L-Ambaxxata bdiet it-tħejjijiet sabiex jittella’ r-riċeviment nazzjonali fil-Jum Nazzjonali.  Din is-sena, dan ir-riċeviment ser isir nhar l-20 ta’ Settembru.

Seduta  249
17/07/2019


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...