30.7.19

Tibdil lura.




1.   Tul din il-ġimgħa, rajna tibdil politiku ieħor fir-Renju Unit.  Għall-Partit Konservattiv Ingliż mhuwiex proprju staġun mill-aqwa.  Wisq inqas mimli bi stabbiltà.  L-avventura li daħal għaliha David Cameron qegħda twassal, iktar u iktar, lill-partit fi sqaq politiku li ma jistax joħroġ minnu.  Kienet mossa li kellha l-intenzjoni li trebbaħ elezzjoni, li spiċċat waħda mill-ikbar kumplikazzjonijiet.  Offrew dak li kienu jaħsbu li m’għandhomx bżonn iwettqu.  Ipproponew dak li ħasbu li għandhom jidħlu għalih biex jibqgħu fil-poter u, minflok, ġara ħafna l-kontra.

Lezzjonijiet politiċi

2.   Fil-verità, dan ir-referendum marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit, qed isir dejjem iktar ħolma kerha.  Kif nafu, ma din il-ġimgħa spiċċat ukoll Teresa May, li serviet għal dawn is-snin bħala Prim Ministru.  It-tieni persuna fi ħdan dan il-partit li kellha ċċedi, għax dak li ġie propost elettoralment ma jistax isib eżitu tajjeb.  May ma kellha żmien faċli xejn.  Kien mill-iktar iebes.  Serviet b’umiltà sabiex tipprova żżomm il-maġġoranza parlamentari fi triq fejn ma naqsux dawk li għamlulha ħajjitha diffiċli.  Daħlet għal negozjati mal-Unjoni Ewropea.  Waslet fi ftehim li huwa bażikament tajjeb u l-aħjar li jista’ jkun hemm.

Mhux biżżejjed

3.   Ġiet impinġija ħażin minn dawk li ħarġu huma wkoll stalletti politiċi għaliha.  Ġiet imqegħda fil-pożizzjoni fejn membri tal-partit tagħha ma ġibdux il-ħabel kif kellhom.  Kellha tgħaddi mill-proċess fejn trid toqgħod attenta, mhux biss mill-Oppożizzjoni, dejjem iktar qawwija, jew min-negozjati, imma minn ħdan il-membri eletti fil-partit tagħha.  Kellha t-taħbila ta’ ministri varji li f’mument jew ieħor iddeċidew li jitilqu, min għal raġuni, u min għal oħra.  Ma kienx faċli xejn, u nifhem li minkejja kull kritika li sabet, żammet ruħha fuq it-triq it-tajba.

Macchiavelli għadu ħaj?

4.   Għalkemm meta taqra u tanalizza r-rapporti fil-gazzetti barranin issib kliem dispreġjattiv għaliha, Teresa May serviet tajjeb.  L-iktar, ma waqgħetx għan-nassa li tippreferi l-poter għall-prinċipji tagħha.  Sofriet daqqiet żbaljati, imma ma waslitx biex wettqet lura.  Ħaddieħor ħass li huwa ġustifikat li jiġġustifika mezz żbaljat biex jikseb il-poter, mentri hi dan ma wettqitux.  Għamlet minn kollox b’paċenzja u attenzjoni sabiex twassal għal pożizzjoni li hija l-aħjar soluzzjoni f’dan l-intopp.  Għażlet ukoll li ma tarax l-interessi  tagħha, imma tal-pajjiż.

Is-sewwa jibqa’

5.   Warrbet mhux għax ma ressqitx l-aħjar soluzzjoni, imma minħabba parti mill-partit li riedet, mill-bidu, il-poter f’idejha.  Parti mill-partit li ilu b’din il-pożizzjoni maqsuma għaddej is-snin.  Partit li kellu fi ħdanu, il-ħin kollu, lil dawk li huma favur u dawk kontra l-Unjoni Ewropea.  Fil-verità, tul dawn is-snin, kull mexxej u Prim Ministru Konservattiv kienu dejjem jafu ‘l-partit, imma huma kienu parti mill-maġġoranza interna favur l-Unjoni.  Issa, minn dak li seħħ din il-ġimgħa, jidher li l-minoranza interna ħadet il-partit f’idejha.  Fejn ser tasal, u kif, għad irridu naraw.

Proċess imdardar

6.   Boris Johnson, għal min isegwih u qara x’jgħid, jaf li ried, mill-bidunett, is-siġġu li kellu dak li kien il-ħabib tiegħu, Cameron.  F’ċertu sens, irrepetiet ruħha fix-xenarju Ingliż, bi sfumaturi differenti, dak li għaddew minnu Tony Blair u Gordon Brown fi ħdan il-Partit Laburista.  Wara sentejn skorruti, issa daħal hu.  Biss, fil-proċess wettaq diversi mossi politiċi li jrid issa jaffronta huwa.  Meta partit jibda jara dissensi qawwija interni li jwasslu viċin id-diviżjoni ċara f’għajnejn il-poplu, dik l-istampa ma ġġibhiex lura b’sempliċi bidla ta’ min kien il-ħin kollu parteċipi fiha.  F’dan huwa iktar evidenti li Johnson qed jipprova jidħol sabiex l-ilma li huwa stess kien darbar fil-partit, jipprova jiċċarah.

Il-volontà mhux biżżejjed

7.   Hemm min jaħseb li, fil-politika, kull ma trid huwa li tidher mexxej li għandek il-volontà li tmur xi mkien.  L-esperjenza li l-istorja tgħaddi turi li dan mhuwiex biżżejjed.  Mhux biżżejjed li wieħed jidħol bi ħsieb li minn issa stess nafu li mhux ser jirnexxi.  L-għażliet, għalkemm inbidel il-Prim Ministru, ser jibqgħu l-istess.  Il-kwistjoni ċentrali tibqa’ dik li r-Renju Unit ser joħroġ mill-Unjoni Ewropea bi ftehim, jew le?  Isir xi jsir minn dan il-Gvern “ġdid” jibqa’ sekondarju, jistenna din id-deċiżjoni.  F’dan nafu li l-Partit Konservattiv kien maqsum, u ser jibqa’ wieħed maqsum fil-vot parlamentari tiegħu.

X’wiret?

8.   Wiret minoranza parlamentari u minoranza elettorali.  F’ħafna sens, f’dan il-proċess sħiħ ftakart f’diversi mumenti f’dak li William Shakespeare iddeskrieva tant tajjeb f’Ġulju Ċesri.  Johnson kien wieħed mill-persunaġġi li ħa ħsieb it-tmiem ta’ Teresa May billi bena maġġoranza interna li ħarġet u tat id-daqqiet tal-istalletti.  Issa wiret partit mhux biss tradizzjonalment diviż, imma li huwa stess ikkontribwixxa iktar sabiex jifred.  Anki fl-ewwel passi tiegħu, assigura iktar dan.  Il-kompożizzjoni tal-kabinett tiegħu turi li ried “jippremja” lil dawk li kienu lejali lejh u “jippenalizza” lil dawk kontra.

Fejn sejjer?

9.   F’ħafna sens, daħħal lilu nnifsu iktar f’minoranza parlamentari.  Mhux biss, imma ser iżid il-kontroversji u l-inkompatibilità bejn bnedmin fuq l-istess naħa.  Jekk, kif qed tidher l-aġenda u l-messaġġ politiku tiegħu huwa li hu, kif ukoll min għażel, huwa iktar kapaċi minn ħaddieħor, dan, minnu nnifsu huwa ta’ iktar inkwiet.  Il-kabinett waħdu, fis-sistema demokratika ma jimxix ‘il quddiem jekk ma jkollux maġġoranza parlamentari warajh.  Jekk qed jaħseb il-kontra, mhux jinduna li ser jispiċċa malajr.  Fil-jiem li ġejjin ma hemmx seduti, imma maeta jerġa’ jibda l-parlament, din ir-realtà numerika jrid jiffaċċjaha.

X’aġenda politika?

10. Huwa ċar li l-aġenda ta’ Boris Johnson ser tkun dik li f’Ottubru jipprova jgħaddi mill-House of Commons il-proposta li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.  Kemm ser jirnexxilu, ma nafx, għax ma hemmx in-numri.  Quddiemu għandu għażla waħdanija: li wara telfa parlamentari jmur għal elezzjoni ġenerali.  Hemm, il-pożizzjoni ser tibqa’ iktar u iktar diffiċli.  Diġà rajna ‘l-elettorat Ingliż jinbidel, u jaf imur lura għal dak li kien qabel, fl-inabbiltà tal-Partit Konservattiv li jaqbel fuq pożizzjoni waħda.  F’ħafna sens, qed naraw proprju tibdil lura għal dak li kienu.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...