26.3.14

Il-mewt tħabbat il-bieb tat-tajbin.



1.         Nhar it-Tnejn li għaddew inxterdet l-aħbar li l-ħabib u l-Perit Lawrence Mintoff kien ġie nieqes.  L-aħbar laqtitni bħal sajjetta waqt id-diversi mumenti tax-xogħol.  Ħassejt mill-ewwel li kont dlonk tlift ħabib li kont ili naf snin twal.  Għal min kien jafu, żgur li jaqbel miegħi li l-mewt ħabbtet fuq bieb ta’ bniedem li kellu karattru mill-aqwa u sentimenti verament sbieħ.

2.         Ma’ Lawrence kont iltqajt snin ilu meta kont dħalt nagħmel sentejn ta’ Sixth Form ġewwa l-Kulleġġ ta’ De La Salle.  Huwa kien hemm ukoll, sena qabli, jistudja x-xjenzi mentri jien kont nipprova l-lingwi.  Konna mmorru tajjeb ħafna fuq kollox, barra ovvjament il-politika, dak iż-żmien b’zijuh Prim Ministru u b’missieri membru parlamentari fl-Oppożizzjoni.  B’terġa’ zijuh sejjer għat-tieni leġislatura u l-Partit Nazzjonalista għall-bidla fil-Kap.

3.         Min jaf kemm qattajna siegħat, hu u jien ma’ oħrajn, niddiskutu l-politika.  Biss, għad-differenza ta’ oħrajn, kellna atmosfera paċifika.  Rari ħafna konna nitilfu rasna fuq xi punt.  Għax min-natura tiegħu kien, kif jgħidu l-Ingliżi, “gentleman”.  Ma kellux xi traċċi ta’ intolleranza jew estremiżmu fih, anzi kien iżomm l-argumenti kemm jista’ jkun oġġettivi għal tnejn li lanqas it-tmintax-il sena ma kienu qabżu.

4.         Kien sena qabli u minkejja d-differenza fl-età jew fil-politika kont insibni ningwala miegħu fuq ħafna punti oħra, speċjalment meta niġu biex norganizzaw xi attività soċjali.  Kellu qalbu tad-deheb u ma kontx tara azzjoni ħażina mingħandu ta’ xejn.  Kellu fuq fommu tbissima kontinwa, hu x’inhu l-argument.  Niftakru meta kien iltaqa’ mal-mara futura tiegħu Michelle (dak iż-żmien) Saydon, li kienet ukoll studenta magħna.  Min jiftakar tajjeb, dak iż-żmien kienet persuna mill-iktar feliċi u kienu żviluppaw f’koppja inseparabbli.  It-tnejn kienu jkunu preżenti għall-attivitajiet kollha u jilqgħuk bi tbissimka.

5.         Iż-żmien għadda.  Hu daħal għall-kors ta’ l-arkitettura u jien f’tal-liġi.  Meta l-ħin jew iż-żmien kienu jippermettulna konna nerġgħu nieqfu nġeddu l-ħbiberija tagħna.  Niftakru f’dawk is-snin xejn faċli b’żewġ studenti b’karattru sod miegħu, bħalma kienu Ċensu Galea u Carmelo Cacopardo.  Kellu moħħu miftuħ u ma kontx issibu jitlef rasu jew jiżgarra, anzi kien kapaċi jifhem, japprezza u jkompli.  Għandi memorja tajba ħafna tiegħu anki fuq il-Campus ta’ l-Università, minkejja l-ħin limitat li l-kors ta’ student-ħaddiem kien jippermettilna.

6.         L-istess meta kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali.  Kelli x-xewqa li ma seħħitx li jiġi elett fil-parlament tagħna.  Konna, f’mument jew ieħor tal-kampanja, naraw lil xulxin – hu għaddej naħa u jien oħra, dejjem b’dik it-tbissima ħelwa fuq fommu li kienet tindika paċi interna.  Kelli wkoll ix-xorti narah f’xi attivitajiet soċjali u, minkejja t-trapass taż-żmien, bqajna mill-iktar ħbieb niċċajtaw.  Kellu qalb ġeneruża ħafna, kien iħenn għall-proxxmu u ma smajt lil ħadd ilissen xi kelma żejda fuqu. 

7.         Min kien preżenti għall-funeral ġewwa l-Knisja ta’ Ħal Tarxien seta’ jħoss iktar dak li qiegħed ngħid.  Il-post kien mimli daqs bajda, b’numru kbir ta’ periti ta’ kull età.  Il-kliem ta’ Patri Dyonisius Mintoff waqt il-priedka mqanqla u studjata tiegħu aktar u aktar żied fl-apprezzament tagħna ta’ Lawrence.  M’hemmx dubju li ser iħalli warajh patrimonju ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu bħala persuna.


 Dan l-artikolu kien deher fin-Nazzjon Taghna fit-22 ta Settembru 2009.

X’mar ħażin fl-ekonomija.



1.         Wieħed mid-dibattiti li ser jibqgħu jduru mad-dinja huwa x’ġara fl-aħħar diżastru ekonomiku li ser jibqa’ marbut mal-Lehman Brothers.  Interessanti ħafna l-analiżi li qegħda ssir f’diversi gazzetti.  Waħda partikolari qalet li, fil-fehma tagħha, s-sitwazzjoni ġiet kontrollata però l-problemi għadhom ma ġewx solvuti tant li fl-International Herald Tribune ta’ l-14 ta’ Settembru 2009 intqal: “One year after the collapse of Lehman Brothers, the suprise is not how much has changed in the financial industry, but how little.” Dan huwa punt li jimmerita diskussjoni f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, dik akkademika u, t-tieni, dik politika.  Ngħid dan għax għalkemm fuq bażi ta’ teorija ekonomika għad hemm min qiegħed jiddibatti sewwasew x’ġara mentri fuq dak legali, l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ diversi pajjiżi rreaġixxew billi ppruvaw joħolqu mekkaniżmi ġodda.

2.         Quddiem l-artikoli li qrajt f’diversi gazzetti, ġew lura f’moħħi siltiet mill-editorjal tat-18 ta’ Lulju 2009 tal-ġurnal “The Economist” intitolat “What went wrong with economies”.  Il-linja meħuda kienet ta’ bnedmin li ħassew lilhom infushom traduti minn ħsieb ta’ ħajja li falla.  Għal numru ta’ snin, b’akkwist ta’ iktar saħħa mat-tmiem tal-ħajt ta’ Berlin daħal il-ħsieb li l-ekonomija, speċjalment il-ħsieb ta’ ċertu forma ta’ kapitaliżmu, huwa l-prinċipju etiku fundamentali li kull persuna għandha ssegwi f’ħajjitha u kull ideoloġija politika oħra spiċċat u saret inadegwata.  Id-degradazzjoni ta’ ċerti valuri f’dawn is-snin ġiet proprju minn din il-linja ta’ raġunament.

3.         Kien għalija pass fil-linja li tiftaħlek iktar moħħok sabiex tifhem kemm persuni daħku bihom infushom u emmnu li r-regoli tal-kapitaliżmu mil-iktar selvaġġ huwa regola tal-ħajja.  Meta erġajt ftakart, fittixt u sibt is-segwenti: “Of all the economic bubbles that have been pricked, few have burst more spectacularly than the reputation of economy itself.  A few years ago, the dismal science was being acclaimed as a way of explaining even more forms of human behaviour, from drug dealing to sumo wrestling.  And at the public stage, economists were seen as far more trustworthy than politicians.”  Dawn il-kliem juru b’mod mill-iktar ċar li persuni fl-ekonomija kienu għadhom ma fehmux kemm kienu żbaljati f’numru ta’ punti li kienu qed jippropagaw.

4.         L-agħar f’dan kollu hu li nbniet il-propaganda li dawk li qegħdin fid-dinja ta’ l-ekonomija għandhom xi kwalità superjuri għad-deċiżjonijiet u għas-suċċess minn persuni li jservu fil-politika.  Tant ilhom is-snin itambru fuq dan, li kellu jkun diżastru ekonomiku bħal dak li għaddejjin minnu, biex fehmu kemm m’għandhomx raġun.  Persuni fil-politika għandhom fuqhom responsabbiltajiet ferm ikbar milli wieħed jikkonsidra.  Dan għax mhux biss jaraw l-aspett umanitarju, tas-suq, imma jqegħdu fil-kalatura l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-ħajja soċjali tan-nies, il-valuri, l-familja, l-kultura u diversi uċuħ oħra ta’ dak li jikkomponi pajjiż.  Ir-riżultat tad-deċiżjonijiet huwa parti minn dan il-bilanċ neċessarju li, jekk ma jinżammx, ikisser kollox.  Min jaħseb li tista’ tmexxi soċjetà mingħajr id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali jkun qed jiżbalja bil-kbir.

5.         Fuq dan ukoll, l-“Economist” għandu tort.  Persuni li huma għas-servizz tal-poplu fl-istituzzjonijiet demokratiċi għandhom linja ta’ aġir li huwa iktar affidabbli u kontrollabbli.  Il-poplu jaf li huwa sindakabbli u miftuħ għall-iskrutinju, mentri min qiegħed fl-ekonomija m’għandux neċessarjament dan, għalhekk hemm differenza.  Biss dan il-ġurnal, minkejja d-disfatta ekonomika li ġiebet ħafna konsegwenzi iebsa u xejn desiderabbli, tant indottrinaw lilhom infushom li xorta waħda ma jistgħux jaċċettaw li kienu effettivament żbaljati.  Fl-istess editorjal kompla ngħad: “And if economies, as a broad discipline deserves a robust defence, so does the full-market paradigm.  Too many people, especially in Europe equate mistakes made by economists with a failure of economic liberalism.  Their logic, seems to be that if economists got things wrong, then politicians will do better.  That is a false-and-dangerous conclusion”.

6.         Huwa ovvju minn dan il-kliem li l-verità qed isibuha diffiċli sabiex jaċċettawha.  Ma jistgħux jifhmu li l-kapitaliżmu mhux kontrollat u miftuħ għall-iskrutinju huwa sempliċement biljett lejn il-preċipizzju għalihom u għal parti importanti fis-soċjetà.  Dan għax meta l-ekonomija li tkun tħalliet għall-persuni fiha tfalli, wara għandek lill-politiċi li jridu jaraw kif isalvaw.  Din hija ġlieda li trid tkompli ssir mill-politiċi, l-ewwel dik li tfiehem lil kulħadd li l-ekonomija taf issir żiemel sfrattat mingħajr liġijiet tajba; u t-tieni, li l-politiċi jassiguraw aktar ħidma sabiex jiggarantixxu l-fiduċja li l-pajjiż ikollu bżonn.  L-ekonomisti huma rilevanti ħafna, però m’għandhomx jaħsbu li huma superjuri għal xi ħadd, anzi tajjeb li japprezzaw il-ħidma tajba u għaqlija li ssir mill-politiċi.


Bidla fix-xenarju Ewropew.




1.         L-elezzjonijiet ġenerali tal-Ħadd li għadda fil-Ġermanja ser jibdlu x-xenarju politiku u ekonomiku ġewwa l-Unjoni Ewropea.  Issa li Angela Merkel daħlet għat-tieni mandat tagħha ser naraw tibdiliet li permezz tagħhom ser nassistu għal ċaqliq fiċ-ċentru tad-direzzjonijiet politiċi u soċjo-ekonomiċi.  Sa din l-elezzjoni l-pożizzjoni kienet li Franza, mmexxija minn Nicholas Sarkozy, kellha forma ta’ axxendent fl-Unjoni Ewropea in vista ta’ l-istabilità politika tal-koalizzjoni ċentru-lemin li hemm, b’maġġoranza b’saħħitha ħafna.  Il-koalizzjoni li kellna fil-Ġermanja bejn żewġ partiti kbar bħal ma huma l-CDU/CSU u SPD kienet inevitabilment qegħda żżomm lura numru ta’ deċiżjonijiet.  Dan għax ovvjament il-programm politiku ta’ naħa u dak ta’ oħra ma jaqblux fuq kollox, anzi l-perjodu ta’ erba’ snin serva sabiex juri aktar dan.

2.         Fil-perjodu leġislattiv li għadda, l-istampa politika ma tantx kienet mill-aqwa.  Il-ftit punti ta’ persentaġġ li fired partit minn ieħor ġiebu iktar trikki trakki interni, anke jekk irid jingħad li l-problemi li żviluppaw in konsegwenza tal-inkwiet finanzjarju, sa ċertu punt, sewa sabiex ġew affrontati numru ta’ miżuri flimkien li kien ikun iktar diffiċli kieku parti jew oħra kienet fil-Gvern waħdeha.  Biss kien ċar u ovvju li dan iż-żwieġ ta’ konvenjenza ma setax ikompli għaddej.  Kien hemm qbil bejn iż-żewġ partiti li l-firda trid issir.  Għalhekk din l-elezzjoni kienet tassew interessanti għax l-eżitu tagħha huwa rifless ta’ dak li seħħ mill-elezzjoni tal-2005 sa llum.  Anzi, Merkel ħadet vantaġġ indirett għax quddiem il-poplu dehret li hija kapaċi żżomm koalizzjoni flimkien u tmexxiha b’direzzjoni ċara ħafna.

3.         Angela Merkel hija r-rebbieħa ta’ dan l-appuntament proprju għax irnexxielha turi li minkejja l-fatt li kienet f’koalizzjoni, xorta mexxiet hija ‘l quddiem.  Anzi, b’abbiltà kbira kważi kważi poġġiet il-partit soċjal-demokratiku bħala mażżra għar-riformi tagħha.  F’dawn is-snin dak il-partit ma rnexxilu jsib lil ħadd kapaċi jmexxi tajjeb wara Gerhard Schroeder.  Anke jekk Frank-Walter Steinmeier huwa d-delfin ta’ dak l-ex Kanċillier, xorta ma rnexxilux jiċċaqlaq ‘il quddiem.  Il-ġibda kienet fjakka wisq u dan ġieb telf ta’ voti lejn il-partiti tax-xellug l-oħra.  Fil-fatt ir-riżultat naqqas is-saħħa tal-partit soċjal-demokratiku b’76 siġġu u niżel għal 176 siġġu li 40 minnhom ħadu gwadan il-partit tax-xellug ta’ Oskar Lafontaine u l-Ħodor.  Jidher mill-iktar ċar li f’dan l-appuntament elettorali ntilef l-appoġġ elettorali lejn ix-xellug.

4.         Dan huwa rifless minn numru ta’ punti: ovvjament il-fatt li naqqsu sew fil-persentaġġ bi ħdax-il punt għal 22.9% u dan b’telf ta’ 10 miljun votant meta jitqabbel ma’ dak li kien ġieb Schroeder fl-1998.  Jidher ċar li kien hemm apatija mill-elettorat ta’ dak il-partit ukoll proprju għax marru jivvutaw 7% inqas.  Dan fisser li kien l-inqas darba li marru jivvutaw: 70.8%.  Però iktar minn hekk jidher ukoll li l-partit demokristjan irnexxielu jżomm il-vot tiegħu għax kien hemm linji ta’ politika li ma tantx għoġbot lill-elettorat Ġermaniż.  Il-partit tal-Kanċilliera ħa ħsieb joqgħod attent minn numru ta’ punti politiċi li jattakkaw il-valur tal-familja.  Fil-fatt hija rnexxielha, bid-direzzjonijiet tagħha, żżid il-pagamenti mill-Istat għall-koppji li jkollhom it-tfal.

5.         L-għaqal tagħha fir-realtà sarraf fi stabilità għaliha u għall-pajjiż.  Minkejja d-diffikultajiet tal-koalizzjoni li kellha u l-kriżi finanzjarja, żammet il-kredibilità politika tagħha għax quddiem il-poplu dehret li għandha viżjoni u li taf fejn hija sejra mingħajr il-bżonn li tattakka l-valuri tas-soċjetà.  Rebħet għax uriet li hija politiku tajjeb li fi ftit kliem tispjega d-diffikultajiet.  Ir-riżultat huwa li għandha żieda fis-siġġijiet u llum għandha 239 membru elett li flimkien mal-partit liberali FDP li tela’ għax 93 siġġu, (dan b’żieda ta’ 32 ġdid), ser ikollha maġġoranza ta’ 20 siġġu b’332 favurha f’Kamra ta’ 632.

6.         Angela Merkel, li sa ftit tas-snin ilu ħafna kienu jaħsbu li la ser jirnexxilha jżomm il-koalizzjoni f’daqqa u wisq anqas tasal sa din ir-rebħa, ser tokkupa pożizzjoni determinanti fil-politika Ewropea għas-snin li ġejjin.  Għalkemm m’għandhiex l-abbiltà li tagħti diskorsi mimlija nar u retorika għandha minflok dik li tibgħat il-messaġġi tagħha bl-iktar mod ċar, dirett u intenzjonati sabiex isolvu l-problemi.  Issa hija persuna li tirrappreżenta s-suċċess ta’ l-integrazzjoni taż-żewġ Ġermanji.  Hija bint pastur protestant, imwielda oriġinarjament ġewwa Hamburg fl-1954, iżda sussegwentement il-ġenituri tagħha iċċaqilqu u marru lejn il-Lvant.  Dan ovvjament fisser li kibret taħt il-komuniżmu u mal-Unifikazzjoni sabet ruħha f’pożizzjoni li tidħol għall-politika nazzjonali Tedeska fi ħdan il-partit demokratiku-nisrani.


7.         Ma hemmx dubju li ser narawha fl-azzjoni, anke jekk il-messaġġ inizjali tagħha kien ta’ kawtela.  Din il-koalizzjoni għandha issa l-vantaġġ li tidher ferm iktar ġdida invista tal-fatt li l-liberali ilhom barra mill-gvern għal ħafna snin.  Jekk is-soċjal-demokratiċi jibqgħu bi problemi ta’ tmexxija kif ilhom dawn l-aħħar erba’ snin u x-xellug ta’ Oskar Lafontaine jibqgħu jiġbdu aktar attenzjoni, ser ikollha kważi ipoteka għal-leġislatura oħra.  Il-pożizzjoni politika ser tkun iktar u iktar interessanti quddiem il-prospett tat-tieni mandat għal Nicholas Sarkozy fi Franza.  Għalhekk ser naraw Ewropa dominata possibilment għat-tmien snin li ġejjin minn alleanza b’saħħitha franco-tedeska.  Dan fih innifsu għandu jiġbed attenzjoni u jikber iktar jekk it-Trattat ta’ Lisbona finalment jgħaddi.  Hu x’inhu, il-futur ħadd ma rah u għalhekk għalkemm għandna nibqgħu nsegwu l-eventi rridu nirreġistraw li ser naraw bdil fix-xenarju Ewropew.

Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fl-4 ta Ottubru 2009.

L-informazzjoni u l-Wikipedia.


1.         Għalkemm ftit tas-snin ilu kien hemm min maqdar dan il-mekkaniżmu ġdid fuq l-Internet, naħseb li llum hemm lok ta’ rivalutazzjoni ħafifa tas-sitwazzjoni.  Il-kritika prinċipali għal din l-enċiklopedija moderna kienet bażata fuq il-fatt li tista’ liberament tibdel l-informazzjoni, u għalhekk dak li jidher ma tkunx tista’ neċessarjament toqgħod fuqu.  Il-konfront bejn diversi ġabriet ta’ informazzjoni bħall-Brittannika, Curio, Columbia u oħrajn mal-Wikipedia kien fil-bidu qawwi ħafna.  Biss, tant inġabret dokumentazzjoni fuqu li s-sitwazzjoni nbidlet sew sforz dak li l-operaturi jiddikjaraw x’inhi din l-għodda.

2.         Il-proġett inbeda minn ċertu Jimmy Wales fl-2002 u l-esperiment kien dak li jippermetti voluntiera sabiex, l-ewwel jiktbu huma stess biċċiet u, fit-tieni lok jistgħu jerġgħu jiktbu mill-ġdid dak li niżżlu.  Jingħad li fl-ewwel sena kien hemm 20,000 artikolu diġà, b’200 persuna jikkontribwixxu volontarjament f’dan il-proġett.  Fis-sena ta’ wara, dan irdoppja u fl-2006 tela’ għal 895,000.  Illum qabeż it-tlett miljuni u dan fil-lingwa Ingliża biss għax hemm 250 verżjoni f’lingwi differenti.  M’hemmx dubju li dan l-esperiment irnexxielu jiġbor dak li ebda ktieb qabel ma ġabar.  Mhux biss, imma ġieb l-introduzzjoni ta’ informazzjoni sija fuq il-passat kif ukoll fuq il-preżent, ħaġa li enċiklopediji oħra ma kienux jagħmlu.  Anzi kienu jħallu l-antik verifikat u aċċettat jiġi pubblikat.

3.         Il-vantaġġ tal-Wikipedia fil-konfront ta’ l-esperiment oriġinali magħruf bħala “Nupedia” jibqa’ li l-proċess biex tqiegħed l-informazzjoni mhuwiex “imxekkel” b’analiżi twil qabel.  Il-ħsieb kien tippruvax tipproċessa l-informazzjoni, imma sempliċement qegħdha għad-disposizzjoni malajr u ħalli lil ħaddieħor jaqraha u, jekk irid, jikkoreġiha.  Dan ma jfissirx li xi forma ta’ sorveljanza ma hemmx.  Hemm numru ta’ edituri li joqogħdu attendi sabiex fejn ikun hemm “abbuż flagranti” tal-fatti, inkella kwistjonijiet bejn persuni li jsostnu verżjonijiet differenti, jintervjenu.  Allura hemm gwardjani superjuri, biss dawk ordinarji, billi għandhom l-aċċess li jqegħdu l-informazzjoni huma dawk l-aktar effettivi sabiex iżommu l-informazzjoni f’postha u mhux imfarrka jew imdawra.

4.         F’dan hemm ukoll il-vantaġġ li, għall-kuntrarju ta’ enċiklopediji oħra, l-ġbir tal-materjal huwa kumulattiv u kontinwu.  Naħseb li fl-istorja tad-dinja (minn meta l-Franċiżi tar-rivoluzzjoni, dawk Illuminati ħarġu bl-ewwel ġabra ta’ informazzjoni), għandna llum magna teknoloġikament progressiva li permezz tagħha għandek aċċess faċli kif ukoll kumulu kostanti għall-ġabriet ta’ informazzjoni.  Il-problema f’dan kollu tibqa’ marbuta mal-veraċità ta’ l-informazzjoni miktuba.  Għal dan, il-mekkaniżmu difensiv qiegħed fil-korrezzjonijiet li jistgħu jsiru, jekk dejjem wieħed jista’ jaċċettahom.  David Runciman fuq dan jgħid: “The secret to Wikipedia’s success lies in the fact that personal responsibility for particular mistakes can’t be erased, but the mistakes themselves can be.”

5.         Ovvjament mhux faċli tikkontrolla stat ta’ informazzjoni daqshekk fluwidu.  Tista’ litteralment tibdel dak li jinsab, iddawwru kif trid int mingħajr veru kontroll.  Għalkemm titħaddan ir-regola “3RR”, jiġifieri tista’ tibdel tlett biċċiet f’paġna f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, hemm dejjem il-periklu mill-abbuż u mill-misinformazzjoni deċiżament intenzjonata.  Konfrontati ma’ din l-isfida likwida għall-integrità tal-proġett kollu, id-difiża hija marbuta biss ma’ kemm jirnexxilek tagħraf min qiegħed jagħti l-informazzjoni korrettement, dik tal-verità tal-fatti.

6.         Dan in-nuqqas huwa iktar rikonoxxut fil-filosofija dikjarata ta’ Wikipedia meta jingħad: “The threshold for inclusion in Wikipedia is verifiability not truth – that is, whether readers are able to check that material added to Wikipedia has already been published by a reliable source, not whether we think it is true.”  Ma nafx jekk jienx ġust f’dan però jidher li hemm disassoċjazzjoni u l-idea li l-verità hija, f’ċerti kriterji, dispensabbli u relattiva.  Ma hemmx attentat lejn l-assenjazzjoni tal-korettezza tal-paġni esposti, anqas filtru veru u proprju ta’ dak li għalkemm ġej minn ktieb ieħor huwiex żbaljat jew le.  Dak li huwa esaġeratament oxxen jinqala’, l-bqija jibqa’ ġaladarba min iqegħdu qed jieħu r-responsabbiltà tiegħu.  Dan ifisser li l-Wikipedia trid tingħata attenzjoni akbar għax fi ftit snin ser tispiċċa awtorità proprju għax mhijiex sindikata jew konfrontata mal-verità.

7.         Għalkemm irid jingħad li, żgur mhux forsi, mhux kull enċiklopedija hija xempju jew rifless tal-verità, però tipprova tkun.  Għalhekk il-Wikipedia mhux neċessarjament qed tikser regoli pre-stabbiliti, anzi hemm ħafna xebħ.  Biss irid jingħad li f’demokrazija, r-relativiżmu tal-verità jwasslu għal effetti kontro-produċenti u l-isforz ta’ l-istituzzjonijiet u s-soċjetà għandu jkun marbut ma’ kemm jirnexxilhom jistabbilixxu li hemm verità waħdanija.  Kif sejra d-dinja huwa aktar faċli tfittex fuq dan il-makkinarju teknoloġiku milli tiftaħ ktieb jew tfittex iktar b’riċerka fonda.  Dan ifisser li għal uħud il-Wikipedia taf tispiċċa l-bidu u t-tmiem ta’ dak li jistgħu jaqraw u għalhekk ser tissostitwixxi l-verità.  Punt li minnu ebda demokrazija ma tgawdi fit-tul, anzi taf titlef.  Għalhekk, għalkemm żgur mhux forsi li għandna għad-disposizzjoni tagħna magna mimlija informazzjoni faċilment aċċessibbli, xorta m’għandniex nitilfu d-dmir fundamentali tagħna li nfittxu l-verità. 


Dan l-artikolu deher fil-Illum  tal-10 ta Novembru 2009.

24.3.14

Bid-deċiżjoni tagħha, il-MEPA poġġiet l-interessi partiġjani tal-Prim Ministru qabel is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA li japprova l-proġett tal-power station il-ġdida minkejja li għadhom ma sarux l-istudji kollha meħtieġa dwar ir-riskji relatati ma’ dan il-proġett. Din id-deċiżjoni tfisser li fiż-żmien li ġej il-gass se jibda jinħażen fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. 

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA hija qabża fid-dlam għaliex qed issir mingħajr ma tlestew l-istudji kollha meħtieġa dwar ir-riskji kollha assoċjati mal-proġett, fosthom maritime impact assessment u risk assessment. Dan ifisser li l-MEPA qed tapprova proġett maġġuri mingħajr ma toffri s-serħan il-moħħ dwar is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u ta’ kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu f’Marsaxlokk u Birżebbuġa. Huwa ta’ għajb li deċiżjoni daqstant importanti tittieħed abbażi ta’ studji preliminari u mhux komprensivi. 

Fil-laqgħa tal-lum ġie kkonfermat ukoll li l-idea li l-gass jinħażen barra l-bajja, kif sar f’Livorno, ġiet skartata mal-ewwel mill-Gvern; jidher li s-sigurtà tat-tanker tal-gass hu bil-wisq aktar importanti għall-Gvern mis-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li meta wasal biex jittieħed il-vot illum, iċ-Chairman tal-MEPA ċaħħad lill-media milli tiġbed filmati u tieħu ritratti tal-membri tal-Bord. Dan jikkonferma kemm iċ-Chairman hu skomdu bid-deċiżjoni tiegħu u ta’ sħabu. Bid-deċiżjoni tagħha l-MEPA għażlet li tpoġġi l-interessi partiġjani tal-Prim Ministru qabel is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. 

-- 
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Diskors Parlamentari dwar l-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR ĠIEH IR-REPUBBLIKA –ABBOZZ NRU 17

IT‑TNAX‑IL PARLAMENT


SEDUTA NRU.  95


It-Tnejn, 25 ta' Novembru 2013


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR ĠIEH IR-REPUBBLIKA –ABBOZZ NRU 17


Onor. Carmelo Mifsud Bonnici:  Grazzi ħafna, Mr Speaker, tal-kelma u tal-fakultà li nindirizza lill-Kamra fuq dan l-abbozz ta’ liġi. 

Quddiemna qegħdin naffrontaw tibdiliet fil-liġi li jista’ jkun li qegħdin imissu pedament importanti fit-tessut repubblikan tagħna.  Ngħid mod partikolari t-tessut repubblikan tagħna għax dan l-att dwar ġieħ ir-repubblika sar oriġinarjament fl-1975 konsegwenza tal-fatt li ma bqajniex aktar monarkija imma sirna repubblika.  Il-fatt li sirna repubblika kien loġiku li wieħed imbagħad jimxi fid-direzzjoni li dan il-kapitlu 251 jistabbilixxi.  Il-ħsieb ovvjament hawnhekk huwa affermazzjoni ċara tal-aspett sekulari, tal-aspett non monarkiku tal-istat demokratiku u repubblikan Malti.  Malta mxiet ‘il quddiem, imxiet billi affermat il-prinċipji li fir-realtà tperċu, oriġinarjament mir-revoluzzjoni Franċiża li kellha l-kliem tal-kumbattiment tagħha “Libertà, Fraternità, Ugwalità” huma dawk li xprunaw ‘il quddiem it-tneħħija kompleta tat-titli nobiljari li kienu jintirtu.  Issa t-titli nobiljari kienu jintirtu għax oriġinarjament kienu ġew mogħtija mill-monarkija.  Fortunatament wieħed mill-prinċipji tar-repubblika huwa li t-titli ma jintirtux.  It-titli jingħataw mill-Istat bħala rikonoxxenza għal dak iċ-ċittadin sia fil-grad li jkun qed jokkupa però prinċiparjament minħabba fis-servizz u l-mertu li jkun qiegħed jippresta lir-Repubblika.   Allura wieħed irid jimxi b’kawtela, jimxi b’moderazzjoni, wieħed mhemmx bżonn li jkun ultra strett jew inkella li jorbot lilu nnifsu ma’ xi kolonna ta’ prinċipji li ma jiċċaqlaqx fuqhom.   Però wieħed irid joqgħod attent li meta l-istat Repubblikan qiegħed jagħmel statement importanti speċjalment f’dawk l-onorifiċjenzi li jingħataw fil-jum li aħna niċċelebraw ir-Repubblika dak l-istatement li jsir mill-Istat fl-għażla tal-persuni li hu jiddeċiedi għall-kriterji varji li għandna fil-liġi u li wieħed irid jgħid ukoll li l-Att dwar Ġieħ ir-Republika avvanzat, ma baqgħetx mwaħħla fil-1975 imma mxiet b’attenzjoni kbira, b’kawtela kbira, biex wieħed ma jitlifx is-sustanza fundamentali tagħha.   Is-sustanza fundamentali tagħha hija dejjem u kienet dejjem u hawnhekk f’dan l-Att hawn il-perikolożità, hawn żgur it-tentazzjoni li ma tibqax timxi fuq il-linja li min qed jingħata, qed jingħata xi ħaġa li fiha mertu mhux għax qed tixxerred fuq diversi nies imma qegħda tibqa’ konċentrata fuq numru ta’ nies.   Issa ma rridtx ninstemà b’din li jien elitista jew li jiena qed nipprova ngħid li għandu jkun hemm xi numru ta’ nies ristretti fiha.  Però wieħed irid joqgħod attent li bl-emendi li qegħdin nagħmlu f’dan l-abbozz qegħdin niddevalwaw f’numru ta’ sensi l-impostazzjoni li kienet ingħatat oriġinarjment minn Gvern Laburista, dak iż-żmien Alla jagħtih il-ġenna l-Ministru tal-Ġustizzja Anton Buttiġieġ wara President tar-Repubblika ta’ Malta li kien qiegħed jagħmel dikjarazzjoni fundamentali li għandna ninqatgħu mill-passat u għandna nimxu ‘l quddiem li nagħmlu lista ta’ Maltin li jkollhom il-kburija, s-sens kbir li ngħataw unur li fih sustanza.   Hija xi ħaġa normali fil-ħajja li meta onorifiċenzi, min jaqra l-istorja taċ-ċiviltajiet kollha jaf li meta wieħed jaqbad ċertu onorifiċenzi u jqassamhom b’liberalità żejda jkun qiegħed jitlef mis-sustanza proprja tal-affarijiet.   Il-monarkija ma kenitx liberali bil-barunijiet, bil-markiżi u bit-titoli li kull tip ta’ monarka vvinta, jien ma nħarisx xi forma ta’ ideal lejn dak il-perjodu però wieħed irid jaċċetta wkoll li kien hemm l-għaqal li nżamm ukoll f’dan l-Att ta’ Ġieħ ir-Repubblika li ma tiftaħx il-bieb li inti tippermetti lill-Istat li f’xi mument ta’ tentazzjoni iżżid in-numru tan-nies involuti b’mod li jkisser is-sustanza oriġinali tiegħu.  Issa kif tagħmel ċ-ċaqliq ‘l quddiem biex inti żżomm is-sustanza però fl-istess ħin ma tibqax marbut ma’ ċerti restrizzjonijiet hija xi ħaġa ta’ delikatezza kbira.   Jien ngħid li fiha delikatezza għal żewġ raġunijiet fundamentali, l-ewwel ħaġa għall-persuni li diġà ngħataw dawn l-onorefiċenzi u jħossuhom kburin speċjalment il-Maltin ta’ barra minn Malta, dawk il-Maltin li llum għandna liġi li għamlet kumitat, li tieħu ħsieb tisma’ l-vuċijiet tagħhom, li dan il-pajjiż ħa ħsieb ukoll jagħmel numru ta’ emendi biex jassigura li dawn il-persuni jingħataw ukoll ċ-ċittadinanza fejn qabel skond il-liġijiet li kellna ma kienx jippermetti.  Dawn in-nies li ngħataw din l-onorefiċenza diġà ma jħossux li din qed tiġi devalwata.  Din f’ċertu sens fiha wkoll ħafna xebħ mal-kwestjoni tal-liġi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Hemm forsi ċertu linja ta’ ħsieb li fih wieħed jgħid the bunking of the myth, ejja ngħidu: isma’ dak li għandna mhux xi ħaġa daqshekk importanti, nistgħu nibdluh fil-konċett u nistgħu addirittura niddeklassawh fl-importanza tiegħu, l-importanti li jkollna iktar nies li nagħtuhom din l-onorefiċenza.   Fiha d-diffikultà tagħha, mhemmx dubju li l-kumitat tan-nomini li xtaqt ukoll nitkellem dwaru ftit iktar tard għandu d-diffikultà f’min iressaq għall-konsiderazzjoni biex skond l-mekkaniżmu li hemm jingħata d-diversi onorefiċenzi.   Però wieħed irid joqgħod ultra attent li ma jiddeklassax għal dawk li diġà għandhom kif ukoll ma jkunx hemm l-ħsieb li għal min se jingħata li din mhijiex onorefiċenzja ta’ mportanza għax hemm ħafna nies li diġà għandhom.  U din hija xi ħaġa li hija mportanti għax tippreokkupa lili partikolarment fis-sens li hija ta’ preokkupazzjoni għax hija attakk għal fundament, għal piż, għal pedament tal-fatt li aħna soċjetà Repubblikana.   U allura din il-liġi qegħda ngħid ġiri iktar milli jmissu u forsi jekk tippermetti ngħid li nkwetat ftit fil-lista ta’ prijoritajiet li l-Gvern għandu fl-importanza tal-liġijiet li għandhom jersqu hawnhekk għall-konsiderazzjoni.  Diġà kellna liġi li din in-naħa tal-Kamra kkritikat li kienet kif inti tipprova ddaħħal numru ta’ membri parlamentari f’kumitati varji f’diversi liġijiet li skond l-opinjoni li aħna esprimejna f’din il-Kamra ma kellhiex issir.  Imbagħad kellna l-kwestjoni taċ-ċittadinanza u ngħidu li ma kellhiex issir u ngħidu hawnhekk li l-mod ta’ kif qed isir, qed isir b’mod li qed tibgħat il-messaġġ hemm barra għal kull min għandu diġà minnhom dawn l-onorefiċenzi jew inkella li jaspira jew jieħu pjaċir li jiġi rikonoxxut f’dawn l-affarijiet, li qed iħoss li mhux se jingħata r-rikonoxximent li l-liġi fiha innifisha qegħda titlob li jkollha.  Naħseb li min-naħa waħda nifhem, u wieħed jgħid għaliex għandi nkun ristrett jien fl-ammont ta’ nies li nagħti, għaliex għandu jkun hemm capping,  m’għandux ikun hemm dan kollu però l-verità hija li hija ħaġa tajba li jkun hemm dan il-capping, jekk trid żidha b’attenzjoni, żidha b’moderazzjoni imma mhux tagħmilha b’mod u manjiera li dak li jkun ikollu f’rasu li dak li qed jiġi onorat bih mhux qed ikollha s-sustanza ....

MR SPEAKER:   Onorevoli, point of explanation, l-Onor. Owen Bonnici.

ONOR. OWEN BONNICI:   Napprezza l-ġentilizza tal-Onor. Mifsud Bonnici.   Xtaqt nagħmel dan il-punt ta’ informazzjoni biss,  diġà għamiltu qabel, forsi l-Onor. Mifsud Bonnici kien impenjat b’xogħol ieħor.  Hawnhekk mhux se jitneħħa capping globali li se jsir huwa dan, li fil-liġi llum hemm żewġ tipi ta’ cappings, hemm cappings b’mod totali però imbagħad hemm capping kemm tista’ tati kull sena onorefiċjenzi lill-persuni.  Li se jiġri huwa li effettivament ħa jinżamm il-capping ta’ kemm tista’ tati onorefiċenzi lil persuni kull sena.  Pereżempju, Ġieħ ir-Repubblika mhux iktar minn tlett persuni kull sentejn.  Jekk naraw il-kumpanji tal-unur, mhux iktar minn tlett persuni fl-istess waqt.  Sekonda ħa nispiċċa.  Fl-oronoviġenzi kollha mhux iktar minn żewġ persuni fis-sena, mhux iktar minn tlett persuni fis-sena.  Jiġifieri l-capping ħa jibqa’.  Li ħa jitneħħa hija r-restrizzjoni li trid tistenna li persuna tiġi nieqsa qabel ma tkun tista’ tati in all effect onorofiċenza oħra.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  U l-capping ġenerali wkoll se jitneħħew.  Jiena nifhem dak li qed tgħid li inti li żżid l-ammont ta’ nies li kull sena tati.  Li ma sarx biżżejjed attenzjoni, jekk tippermettili, huwa li inti trid toqgħod attent li fihom dawn timxi b’attenzjoni kbira, għaliex inti kif tneħħi kompletament dik ir-restrizzjoni tal-mewt, kif inti tneħħi wkoll il-capping tal-limitu, allura l-ħaġa tista’ – jekk ma toqgħodx attent – tiftaħ il-bieb biex tiddeklassa dak li inti għandek!  Naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra m’għandnix dak il-ħsieb għax għandna nżommu għoli l-ħsieb li aħna pajjiż Repubblikan u għandna nżommu għoli wkoll il-fatt li xi ħadd qed jiġi onorat mir-Repubblika ta’ Malta!  Jien niftakar meta sar ir-rikonoxximent tal-għajnuna u tax-xogħol li sar minn Jacques Barreau; li kien Kummissarju għall-Ġustizzja u l-Intern fuq livell ta’ l-Unjoni Ewropea.  Il-Gvern Malti, ta’ dan ix-xogħol irrikonoxxih billi tah onorefiċjenza.  Dan il-fatt lil Jacques Barreau, lill-poplu Franċiż, kien messaġġ ta’ rikonoxximent tagħna tax-xogħol tajjeb li huwa għamel.  Issa jekk inti tgħid lil Jacques Barreau, lil xi ħadd fil-futur li jrid jonora l-Gvern tal-ġurnata jew li ż-żewġ naħat tal-Kamra iridu jonoraw; wieħed jgħidlu iva, din qiegħda għal kulħadd, m’hemmx limitu, m’hemmx restrizzjoni.  B’hekk tnaqqas mill-importanza tagħha!  Din ħadd ma jista’ imeriha!  Jien iktar ngħid li nkwetat fuq din il-liġi għax  ...  Mhux qed ngħid li, mhux se nuża l-kelma saret malajr, għax din il-kelma saret malajr forsi tista’ tweġġa’, però, forsi kienet titlob ftit iktar sħieb, li seta’ jsib mod kif jagħmilha aħjar u seta’ ukoll wieħed isib mekkaniżmu iktar feliċi ta’ kif jistgħu jitneħħew dawn l-onorefiċenzji.  Jien niftakar li meta qamet il-kwestjoni tal-onorefiċjenza li kienet ingħatat lill-President tat-Tuneżija, lil Gaddafi, qamet il-kwestjoni f’mument wara r-revoluzzjonijiet Għarab tal-2011.  Kif se tneħħihilhom lil dawn in-nies?  Hija ftit tqila, peżanti li trid tagħmel resoluzzjoni tal-Parlament Malti biex il-Parlament Malti uffiċjalment ineħħi din l-onorefiċjenza.  Naħseb li hemm – u tajjeb li wieħed jaħseb fiha Onor. Owen Bonnici, jekk inti tippermettili – hi li wieħed isib mekkaniżmu li jkollna wieħed mill-Kumitati li għandna, fejn jiġi dibattuti, jkun hemm qbil fuqhom u l-ħaġa timxi minn hemmhekk.  Naħseb li dik hija ħaġa li timmerita li jkun fiha iktar attenzjoni.  Però, naħseb li l-capping ġenerali ta’ kemm għandu jkollok f’numru minnhom dawn huwa essenzjali biex, kif ngħidu fl-użufrutt, salva rèrum substàntiam, inżommu s-sustanza tagħha!  Minn dak li qed isir hawn, jista’ jkollok l-effett għax inti m’għandekx kontroll.  Il-kontroll ifisser li inti tista’ tipprova tiddeklassa l-ħaġa billi kull min jiġi trid tagħmilha!  Issa jien nippreokkupa ruħi li bħala linja ta’ politika l-Gvern m’għadux iżomm ferm li jkun hemm rasna għolja fuq l-aspett repubblikan.  It-tieni, ninkweta ruħi li bħala prijorità l-Gvern, din hija l-opinjoni tiegħi, iżomm għoli dawn l-affarijiet ta’ kif jista’ jkun, għax il-messaġġ kif joħroġ hemm barra, l-messaġġ qed joħroġ hemm barra li qed nagħmlu din il-liġi biex nakkomodaw lil xi ħadd u lil xi ħadd ieħor!  Irridu nakkomodaw lil dawn in-nies malajr kemm jista’ jkun!  Naħseb li jien qed indaħħal subaja fil-ferita għax dan huwa l-punt; huwa ovvja.  Dik naħseb li ma tagħmilx ġid, lill-ebda naħa ta’ din il-Kamra għaliex inti, min ħaqqu, ħaqqu a bażi ta’ meritu, u trid tkun ġustifikata.  Issa, jiena nippreferi nħares lejn il-Kumitat tan-nomini, lejn kif issir il-proċedura hemmhekk, li wieħed jagħmel ripensament ta’ kif qed jagħmel dawn, ta’ kif iressaq u anke forsi jagħmilha iktar faċli li l-poplu in ġenerali jressaq għal konsiderazzjoni ta’ dan il-kumitat tan-nomini nies li verament ħaqqhom li jingħataw din l-onorefiċjenza.  Sfortunatament wieħed irid jgħid li min ikun qiegħed imexxi fil-Gvern, wara ftit, minħabba ix-xogħol, jiżola ruħu mill-poplu; jinqata’ ftit mill-poplu.  Dak il-proċess jaqtgħu wkoll milli jifhem biżżejjed x’ikun qiegħed jiġri.  Naħseb li għandna nagħmlu mekkaniżmu iktar faċli, iktar user friendly, li xi ħadd mill-poplu jagħmel dawn it-tip ta’ rapreżentazzjonijiet.  Illum għandna vantaġġ ieħor; il-vantaġġ li għandek numru ta’ kunsilli lokali li bnew esperjenza pożittivi li jagħtu ġieħ lil ċittadin jew lil xi ħadd li fil-belt jew raħal tagħhom jew għamel xi ħaġa jew għandu konnessjoni partikolari.  Il-bieraħ jien u l-Onor. Segretarju Parlamentari konna qegħdin nattendu attività tal-Każin tal-Banda tal-Belanda ġoż-Żejtun u tħabbar li s-Surmast Ray Sciberras ingħata ġieħ mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla għax-xogħol li għamel hemmhekk.  Naħseb li dik l-esperjenza fil-kunsilli lokali kollha, li wieħed ipoġġi bil-qegħda u jgħid: isma’, l-kunsilli lokali, x’kriterji użaw biex jagħtu hemmhekk il-ġieħ lil wieħed jew lill-ieħor?  X’kienu l-kriterji?  U anke forsi jibni ġo din il-liġi kriterji apposta, b’avviż legali iktar dettaljat jew iktar attent biex jagħti gwida lil diversi kunsilli lokali biex ma jkollniex affarijiet li m’għandux ikollna.  Naħseb li din il-liġi kienet timmerita li aħna, ż-żewġ naħat tal-Kamra, ngħidu: isma’, din il-liġi, x’inhuma l-punti nevralġiċi tagħha li jimmeritaw verament attenzjoni iktar minn dik?  Jiena, anke l-istil ta’ kif tagħmel l-affarijiet  ...  L-emenda l-ġdida taħt l-Artiklu 3m, subartiklu h, li fih qed ngħidu li l-President ta’ Malta jista’ jagħti l-ħatra ta’ kumpann tal-unur tal-ordni ukoll lil persuna li tkun mietet, li tkun serviet bħala aġent president ta’ Malta għal perijodu ta’ mhux inqas minn sena, li matulu, l-Uffiċju tal-President kien vakanti.  Naħseb li din l-emenda, li tissustanza wieħed jifimha u li fiha sens ukoll.  Però, m’għandix tkun limitata b’mod daqshekk restrittiva: aġent president għal perijodu ta’  ...  mhux għax ma ħaqqux, ma rridx ninftihem li ma ħaqqux, però, tista’ tiġi maqluha ftit u tiġi użata wkoll b’diskrezzjoni u b’attenzjoni wkoll għal persuni oħrajn li l-Istat, il-Gvern tal-ġurnata jħoss li jimmeritah.  X’inhija l-iktar ħaġa importanti però?

L-iktar ħaġa importanti f’din il-liġi hija l-mertu, il-mertu hu l-iktar importanti, kif tagħmel il-kriterju tal-mertu.   Mhux qed ngħid fuq dan is-subartikolu, qed ngħid in ġenerali u hawnhekk huwa l-preokkupazzjoni fundamentali għal din.  Jekk wieħed jaqra ċ-ċiviltajiet isib li diversi, speċjalment l-imperaturi Rumani taħt il-prinċipat imbagħad taħt id-dominat kienu kapaċissimi biex joħolqu dawn il-ħafna ismijiet ta’ perfettissimu u reverendissimu, dawn l-ismijiet li kienu jużawhom għal skopijiet tagħhom, pero’ wara xi ftit taż-żmien bl-abbuż tagħhom, bl-użu żejjed tagħhom itteklassawhom.  Aħna ma rridux immorru f’din it-triq u naħseb li l-Gvern għandu jagħti widen għall-Oppożizzjoni li jagħmel capping ġenerali.  Intom issa żidtu n-nies li jistgħu jingħataw kull sena, fiha x’tiddibatti.  Għandha tkun daqshekk ammonti ta’ nies?  Għandha tkun inqas?  Għandha tkun iktar?  Inqas ma tkun iktar dak li jkun jirrikonoxxi li dak li qed jieħu fih sens u fih sustanza.  Iktar ma tkabbarha tista’ tixħetha l-baħar.  Pero’ il-capping ġenerali għandu jibqa’ u hija bis-sens li jibqa’, għax inti qiegħed tiġbor grupp ta’ nies u dawk il-grupp ta’ nies qed jibqgħu b’mod permanenti.  Jiena kont f’dibattiti wkoll fuq dan is-suġġett u dan li inti jkollok il-capping hu veru, fih l-odjożità li trid tistenna sakemm xi ħadd isejjaħlu l-Bambin.  Pero’ meta qed tagħmel grupp ta’ nies daqshekk ristrett, inti qed tibgħat il-messaġġ hemm barra li għalik dik l-onorifiċenza hija tant importanti, tant fiha sustanza li n-nies qiegħed tirrestrinġihom.  U naħseb li ngħidu x’ngħidu u  naħsbu x’naħsbu, min jieħu din l-onorifiċenza, min diġa’ ħadha, jew min għada pitgħada se jeħodha għandu jagħtiha u jagħtiha żgur valur fundamentali.  Allura wieħed irid joqgħod u jimxi bi ftit kawtela fuqha din il-liġi, għax inkella dak kollu li bnejna ....   U wieħed irid jgħid – biex inkunu ċari – li din hija waħda mil-liġijiet li hemm kunsens fuqha, hemm kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, fis-sens li l-Kapitolu 251 ma kienx xi liġi ta’ kontroversja, jiġifieri meta saret oriġinarjament kien hemm il-ġbid tas-saqajn fuq il-barunijiet jew il-ġbid tas-saqajn fuq min in-nobbiltà .......  Imma bażikament ladarba l-Partit Nazzjonalista għamel id-deċiżjoni tajba li ngħaqad biex f’dan il-pajjiż ikun hawn Repubblika, allura l-pass l-ieħor kien inevitabbli.  U din il-liġi gawdiet bil-kritika u gawdiet minn  ħafna u ħafna kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra u nixtiequ li dan il-kunsens ma jintilifx, li din il-bażi ma tintilifx u din il-liġi ma ssirx liġi tal-ping pong.  Meta inti tiftaħ se jkollok dejjem l-argument għax dan bħal min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għal qatra.  Mela inti kif tagħmel din ristretta se jkollok min igerger għax ma ħadhiex, pero’ jixtieq jeħodha, meta tiftaħha żżejjed se jkollok iktar tgergir ta’ nies għax jgħidulek:  Għandek tant ċans, tista’ tagħmel tant nies, lili m’għamiltx?  U naħseb wieħed jekk irid juża l-fatt li qiegħed fil-Gvern biex iġib kunsens ta’ natura differenti, din mhijiex il-liġi indikata biex jew iżżid il-voti, jew inkella iġġib il-kunsens ta’ nies li jkollhom ir-raġunijiet partikolari tagħhom.  Naħseb hija liġi li trid tibqa’ mhux konservattiva biex ngħidu baqgħet konservattiva, pero’ hija liġi li titlob li tibqa’ ankra, hija liġi li tibqa’ soda fit-tradizzjoni li hi stabbilit, it-tradizzjoni tagħha hija ħajja u jekk din it-tradizzjoni tneħħiha, tarmi kollox.  Aħna diġa’ ħadna fama mhux proprju eċċellenti f’din il-kwestjoni taċ-ċittadinanza u ngħidu x’ngħidu, noqogħdu nilagħbu bil-ping pong politiku għamlitilna l-ħsara u rridu naraw kif nirkupraw minnha.  Noqogħdu attenti li b’din il-liġi ma nerġgħux nagħmlu forma ta’ colpo di gratia  għal dan il-Kapitolu 251.  Jekk kemm-il darba għandna tabib, professur barra minn Malta li rnexxa f’xi ħaġa partikolari u qegħdin nonorawh, qed nagħtuh waħda mill-unuri li hawn f’dan l-att, irridu noqogħdu attenti li lil dak il-bniedem li se jgħid bi pjaċir fil-komunità fejn jaħdem, fl-isptar fejn qiegħed, fil-pazjenti li għandu, li hu ngħata ġieħ mir-Repubblika Sovrana ta’ dawn il-gżejjer ta’ Malta mhux biċċa karta, imma xi ħaġa ta’ valur u dik aħna għandna d-dmir li nipproteġuha.  U llum nitkellem għax għal dawn id-diversi persuni li jirrikonoxxu, jieħdu pjaċir jiġu rikonoxxuti fix-xogħol li jagħmlu, biex ngħidu hekk għalihom hija kif jgħidu l-Ingliżi, iċ-ċirasa fuq il-cake, li dawn in-nies ma narmuhielhomx din il-ħaġa.  U rridu noqogħdu attenti li nibagħtu b’mod ċar il-messaġġ li ċ-ċaqliq li qed isir hawnhekk mhuwiex ċaqliq li se jarmiha l-liġi u din hija l-biża’ tagħna bħala Oppożizzjoni, hija l-biża’ tagħna li din il-liġi se tarmi  dak li ilna nistabilixxu u hija radikali f’dan, u hija ta’ tibdil u ngħid tibdil li  mhux  ibbażat fuq xi ras iebsa, mhux ibbażat fuq xi koċċutiżmu bla sens, hija bbażata fuq qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra li dan l-ammont ta’ nies ma jisplodix, ma joħroġx  barra minn postu.  U allura naħseb li l-Gvern ikun qiegħed jiżbalja li ma jagħtix widen għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni li tajjeb jew ħażin illum l-Oppożizzjoni tiġi fl-Oppożizzjoni u ġiet fl-Oppożizzjoni b’ħafna esperjenza tal-Gvern u l-esperjenza tal-Gvern nafuha, nafu kif jaħdem il-mekkaniżmu u l-Gvern il-ġdid għandu jagħti widen, issa mbagħad jekk jikkonsidrahiex jew le dik affari tiegħu, pero’ id-dmir tagħna rridu nagħmluh u nibqgħu nagħmluh biex inwasslu li anke din il-ħaġa ta’ Ġie ir-Repubblika ma nkissruhiex, ma nġibuhiex fix-xejn, ejja  nieħdu ħsieb li nippreservawha.  Jekk intom tridu żżidu n-numerus clausus ejja niddiskutuh, imma mhux tagħmlu unlimited għax il-verità hi li kif tagħmlu unlimited jispiċċa li m’hemmx valur iktar fih.  Din hi r-realtà.  Nixtiequ li le.  Jekk inti tgħidli:  Għandna nagħtu dawn il-midalji lil iktar nies?  Ngħidlek:  Oqgħod attent kif tagħmilha u kif ma tagħmilhiex.  Jiena bħala prinċipju, bniedem egwalitarju, jiġifieri tal-ugwaljanza bejn kulħadd u ma jagħmlux biha dawn.  Pero’ dawk id-diversi nies - u għandi quddiemi diversi nies li servew il-pajjiż b’umiltà u b’dinjità -  meta l-istat jirrikonoxxi dak ix-xogħol, għalihom tkun ħaġa li tagħlqilhom il-karriera tagħhom bi pjaċir u  tagħlqilhom is-servizz li għamlu bi pjaċir.  Meta inti dawn tarmilhom dak li diġa’ tajt  lil numru ta’ nies jew lill-oħrajn tgħidilhom din qed nagħtihilkom, pero’ m’għadhiex tas-sustanza tal-oħrajn, jiena ngħid li minflok inkunu qed nagħmlu pass ‘il quddiem, inkunu qegħdin nagħmlu pass lura.  U wieħed joqgħod attent għax id-diversi emendi li aħna għamilna tul l-aħħar 25 sena għal din il-liġi -  għax wieħed irid jgħid li saru emendi fl-1990, fl-1991, fl-1993, imbagħad saru fl-2008 u fl-2011, jiġifieri saru ħames passi minn Gvern Nazzjonalista fl-aħħar 25 sena, - ma kissrux dan il-bażi fundamentali  ta’ liġi, ta’ pedament li hija repubblikana fl-ispirtu li għandha tibqa’ b’saħħitha fir-repubblikaniżmu tagħha.  Nirringrazzjak, Mr Speaker.


Diskors Parlamentari dwar l-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA – ABBOZZ NRU 19

IT-TNAX-IL PARLAMENT
Il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru 2013


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA – ABBOZZ NRU 19

MR SPEAKER:  Grazzi.  Aktar rimarki?  L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Nirringrazzjak, Sur President, li tajtni l-fakultà li nitkellem f’dan id-dibattitu. Fil-ħajja hemm affarijiet li qatt ma jistgħu jitqiegħdu għall-bejgħ, però l-bniedem fil-kreattività tiegħu jieħu ħsieb li joħloq metodi u mekkaniżmi sabiex dak li m’għandux jinbiegħ, iqiegħdu għall-bejgħ. B’din il-liġi, sfortunatament, qed naraw attentat f’din id-direzzjoni li l-Oppożizzjoni umilment ħadet il-ħin ta’ din il-Kamra biex tipprova twassal messaġġ lin-naħa tal-Gvern li l-mod ta’ kif ġiet formulata din il-liġi huwa żbaljat.  Din il-liġi qiegħda fuq pedament li huwa mill-iktar kontra n-natura umana, kontra s-sentiment uman, għax iċ-ċittadinanza fiha valur, fiha sinifikat li diffiċli li tispjegah, però huwa sinifikat ta’ appartenenza, sinifikat ta’ unur, sinifikat ta’ identità.  U ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna hija ċittadinanza li aħna ħdimna ħafna għaliha, stinkajna għaliha bħala partit biex iċ-ċittadini li joqogħdu f’dan il-pajjiż ikunu kburin li huma għandhom ċittadinanza li abbażi tagħha jistgħu jgħaddu b’rashom mgħollija kullimkien fid-dinja għax huma ċittadini ta’ pajjiż li huwa serju.  

Sfortunatament din il-liġi qiegħda tarmi barra mit-tieqa xi ħaġa li ħdimna ħafna għaliha u qed tarmiha fix-xejn, għaliex il-Gvern qiegħed jorbot din il-kwestjoni taċ-ċittadinanza mhux ma’ xi raġuni ta’ prinċipju, mhux ma’ xi raġuni ta’ valur, imma purament għal raġunijiet materjali, purament għal raġunijiet finanzjarji, u naħseb li dan huwa żball minnu innifsu.  Meta Gvern jibda jqiegħed affarijiet ta’ valur fuq bażi li jistgħu jintremew, fuq bażi li jistgħu jinxtraw, fuq il-bażi li hemm prezz għal kollox, allura tkun qiegħed tibgħat messaġġ żbaljat lill-poplu kollu kemm hu.  Il-poplu Malti jħobb iċ-ċittadinanza tiegħu, u jaraha li hi antipatka li tqiegħed għall-bejgħ ċittadinanza tiegħek għal nies oħrajn li l-poplu Malti ma jafhomx.  Jistgħu jkunu nies li għandhom xi forma ta’ kredtu. Però dawn in-nies li għandhom din il-forma ta’ kredtu, li aħna rridu ninkluduhom magħna bħala ċittadini, għaliex m’għandniex nagħmlu l-affarijiet b’mod iktar miftuħ u mingħajr ma norbtuha ma’ xi ħaġa li hija daqshekk flagrantement marbuta ma’ konċett daqshekk materjalista u ma’ konċett li jarmi ’l barra kwalunkwe valur li ċittadinanza jista’ jkollha?   

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie kkritikat min-naħa l-oħra, però l-kritika tan-naħa l-oħra ma setgħetx taħrab mil-linja prinċipali li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu, meta qal li fil-ħajja hemm affarijiet li ma jistgħux jinxtraw bil-flus. Iċ-ċittadinanza tagħna hija waħda minnhom u, ngħidu x’ngħidu, niddiskutu x’niddiskutu, dan huwa punt tant fundamentali li ebda argument kuntrarju, għax ir-raġuni ma tridx forza, ma jista’ jinġieb fuqha din. L-iskema li qed tiġi varata hija skema tant tad-daqqiet ta’ ħarta, tant magħmula b’mod żbaljat, li flok se tagħmel il-ġid lil pajjiżna se tagħmillu il-ħsara.  Jien ngħid li tagħmel ukoll il-ħsara lil dawk in-nies li jridu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija għax meta inti qed tarmi ċittadinanza b’dan il-mod qed tnaqqsilha mill-valur tagħha.  Aħna bħala pajjiż, bħala poplu, m’għandniex bżonn dan kollu. Possibbli li l-istat tal-finanzi tal-pajjiż tagħna qiegħed f’din is-sitwazzjoni tant prekarja li għandna bżonn bilfors inbigħu dawn il-passaporti!? 

Anke fil-kwestjoni tal-bejgħ tal-passaporti, bir-rispett kollu lejn il-Gvern, qed jintbagħtu messaġġi kompletament differenti. Mela fl-estimi nsibu li l-Gvern qed jipprevedi li se jdaħħal €15-il miljun, jiġifieri, jekk jien għadni tajjeb fil-matematika, skont l-iskema li se tagħmlu, se tbigħu 23 passaport. Bil-biża’ ta’ din, matul il-jum, rajna uffiċjal ta’ din il-kumpanija jgħidilna li tista’ tkun bejn 200 u 300 fis-sena, jiġifieri biex itella’ l-aspettattiva li jista’ jkun li f’dan il-pajjiż ikollna €130 miljun sa €200 miljun minn dawn iċ-ċittadinanzi. Dan huwa wkoll żbaljat, għax qed tipprova tixtri n-nies bil-ħsieb li jarmu d-dinjità tagħhom, l-aqwa li se jidħlu l-flus fil-pajjiż. 

Jien ma nemminx li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż hija daqshekk prekarja u drastika li titlob li ndaħħlu din l-iskema b’dan il-mod. Il-fatt biss li aħna qegħdin nippromwovuha, il-fatt biss li aħna qegħdin nikkontemplawha, fl-opinjoni tiegħi, tagħmlilna wkoll ħsara mal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ barra. Għax il-verità hija li dawn huma miżuri li jirrikorru għalihom pajjiżi li ċ-ċittadinanza tagħhom ma fihiex il-valur taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. Allura għaliex aħna għandna nieħdu miżura li biha, mingħajr ma nafu, qegħdin nidhru li aħna qegħdin daqshekk iddisprati jew daharna mal-ħajt f’din is-sitwazzjoni partikolari tal-istorja ta’ pajjiżna?  

Jien ngħid li hija żbaljata anke din l-idea li tagħmel din iċ-ċittadinanza b’mod li ma fihiex trasparenza biżżejjed. Anke l-kwestjoni ta’ kif issir l-għażla tan-nies, il-Gvern qatt m’għandu jħalliha f’idejn ħaddieħor, fl-ebda stadju. L-iskrutinju ta’ min jidħol bħala ċittadin Malti għandu jibqa’ kompletament f’idejn il-Gvern u f’idejn min għandu r-responsabbiltà li jiddeċiedi jekk persuna tistax tiġi naturalizzata.  Dan huwa żball kif inhu żball ukoll li lanqas l-ismijiet tan-nies li se jsiru ċittadini ta’ pajjiżna ma jiġu pubblikati.  Kif dan il-pajjiż li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku, li jgħid li huwa stat modern u Ewropew, se jdaħħal konċett daqshekk kontra forma fundamentali ta’ trasparenza u ta’ kontabbiltà?! Dan x’jiġifieri f’dan il-pajjiż se nħallu li jkollna sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin jiġi naturalizzat, però ma jiġix ippubblikat ismu fil-Gazzetta tal-Gvern?

Allura kif se niskopru min huma u mhumiex dawn in-nies?  Kif il-poplu Malti se jkollu moħħu mistrieħ li verament iċ-checks and balances, li l-Gvern huwa sodisfatt bihom u li aħna m’aħniex sodisfatti bihom, verament qegħdin jaħdmu? Jien nista’ ngħid ħaġa waħda, l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra.  Ministri ta’ pajjiżi oħrajn sabu diffikultà fi skemi ferm aqwa minn dawn, u kien hemm dejjem l-arja li hemm xi ħaġa li ma tgħoddx, li hemm riħa ta’ korruzzjoni, riħa ta’ affarijiet li jimbarazzaw lill-gvern.  Kien hemm diversi gvernijiet fl-Ewropa li sabu lilhom infushom fil-pożizzjoni fejn kellhom jordnaw inkjesti jew inkella jagħmlu audit indipendenti biex jaraw jekk xi ħadd li ġie naturalizzat kienx verament ħaqqu jiġi naturalizzat. 
Allura din il-linja hija kompletament żbaljata, u żball ikbar li qiegħed jagħmel il-Gvern huwa li jaħseb li billi jgħidilna ċerti affarijiet allura aħna għandna nibilgħuhom. L-agħar li nibilgħu affarijiet li jgħidulna nies li huma barranin u li mhux neċessarjament għandhom għal qalbhom l-imħabba li aħna għandna għal dan il-pajjiż. Jien ngħid li b’din il-liġi qegħdin nesponu lilna nfusna għal sitwazzjoni fejn ħaddieħor jista’ jużaha kontra tagħna, jista’ jnaqqsilna mid-dinjità tagħna, jista’ anke jgħid:  Ara x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż! Ara dan il-pajjiż kemm ġie f’sitwazzjoni vulnerabbli!  U din tmissna f’affarijiet iktar fundamentali, speċjalment fis-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ċar anke fuq il-kwestjoni tal-visa. Jekk qegħdin immissu mal-visa, il-Gvern għandu jagħti l-garanziji ta’ kif taħdem ma’ 160 pajjiż ieħor. Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fortunatament għandna l-vantaġġ kbir li s-sitwazzjoni tal-visa, biex tgħaddi minn pajjiż għall-ieħor, huwa faċli. Nittama li qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex ma nġibux sitwazzjoni drastika f’din il-visa.  Iċ-ċittadinanza tagħna baqgħet b’saħħitha għax hija fundamentalment marbuta mad-demm. Il-konċett huwa jus sanguinis mhux jus soli, u din hija xi ħaġa li importanti ħafna li tibqa’ tinżamm kemm jista’ jkun. Pajjiżna daħħal ukoll il-konċett ta’ naturalizzazzjoni limitatament għal skrutinju rigoruż ta’ nies li għamlu perjodu twil jgħixu f’pajjiżna, li għamlu investiment f’pajjiżna, li huma attivi f’pajjiżna, li saru wkoll iħobbu lil pajjiżna kważi iktar mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom. 

Issa f’daqqa waħda se nitilqu kompletament minn dan l-għaqal, minn din il-kawtela ta’ żmien, minn din il-protezzjoni ta’ żmien.  Ħaġa fiha valur skont kemm tikkuraha.  Meta xi ħaġa ma tikkurahiex allura dik tispiċċa u tintrema, u dak hu li l-Gvern qiegħed jgħaddina minnu, qed jipperikola li xi ħaġa li hija ta’ valur tintrema mar-riħ!  Naħseb li f’dan il-Parlament għandu jkun hemm il-miżuri kollha kontra sabiex nipproteġu din iċ-ċittadinanza, mhux narmuha u nitilfu kwalunkwe forma ta’ dinjità li għandha.  Ċittadinanza hija tant b’saħħitha li kien hemm diversi opinjonijiet legali u sentenzi li jgħidu li n-nazzjonalità ta’ individwu mwieled f’pajjiż hija marbuta miegħu, ma tistax titneħħielu arbitrarjament.  Imma dik hija waħda mid-drittijiet fundamentali ta’ xi ħadd li twieled f’pajjiż, ta’ xi ħadd li għandu dritt għal ċittadinanza.  Però f’sitwazzjonijiet ta’ skemi bħal dawn inti f’daqqa waħda qed tarmi kollox, u qed tarmihom bl-iktar mod flagranti, ċar. Ħadd min-naħa l-oħra tal-Kamra ma jista’ jgħidilna li hemm xi prinċipju li se jiġi stabbilit, jekk mhux prinċipju ħażin, u dan il-prinċipju ħażin qed ikisser il-valur sħiħ tagħna bħala pajjiż. 

Sur President, jien nemmen verament li fuq din għandu jkun hemm ripensament, għandna noqogħdu ftit lura. M’għandniex niġru bil-mod ta’ kif qed niġru. Jien ninkwieta ruħi meta nara dawn l-uffiċjali ta’ dawn il-kumpaniji l-kbar barranin li jiġu fuqna biex jiddettawlna kif jimxu l-affarijiet.  Ħalli ma nużax il-kelma “jiddettaw”, imma li jipprovaw jgħidulna huma kif inhuma l-affarijiet.  Dik hija xi ħaġa żbaljata. Aħna għandna dejjem nżommu l-mazz f’idejna u niddeċiedu aħna fuq l-affarijiet u  ma jiġix ħaddieħor jipprova jużana għal skopijiet oħra kompletament differenti. Kumpanija privata għandha l-miri tagħha, kumpanija privata li intom qed iġġibuha fil-livell, jekk mhux assolut, kważi assolut, ta’ regolatur u operatur.  Il-poter li qed tagħtuha huwa parti mill-poter li għandu jżomm f’idejh l-Istat u għandu jżommu fis-sħiħ l-Istat.  Din mhijiex kwestjoni ta’ public-private partnership. Allaħares qatt aħna nidħlu f’dawn it-tipi ta’ konċetti f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet!  

Għaldaqstant wieħed jappella lill-Gvern biex jaħsibha mill-ġdid u jagħmel konċett kompletament differenti, konċett li finalment jaħdem u jżomm ir-reputazzjoni għolja taċ-ċittadinanza Maltija.  Però, bir-rispett kollu, din il-liġi qiegħda tolqot waħda mill-kordi l-iktar qawwija għall-Partit Nazzjonalista li kien il-partit, li minn meta ġie mwaqqaf, kellu żewġ ideali:  il-patrija u r-reliġjon.  Il-patrija, li inti tiddefendi l-patrija fid-dimensjonijiet tagħha kollha, li tiddefendiha fl-iktar mumenti tajbin ta’ nazzjonalizmu, u mhux nazzjonaliżmu tal-lemin estrem imma nazzjonaliżmu moderat li jrid is-sewwa lil pajjiżna.  Aħna l-partit li tul iż-żmenijiet kollha ħadna ħsieb li ngħollu ’l fuq l-konċett tan-nazzjonaliżmu, u b’dan qegħdin tattakkaw waħda mill-iktar affarijiet fundamentali tagħna. Jien ma rridx nġib l-eżempju ta’ Salamun, ta’ dawk iż-żewġ nisa, billi ngħid li aħna għandna għal qalbna ċ-ċittadinanza u intom m’għandkomx daqshekk għal qalbkom iċ-ċittadinanza. 

Nittama li wara li l-Oppożizzjoni qagħdet tagħmel dawn is-sigħat sħaħ tiddibatti hawn fil-Parlament biex tipprova twassal messaġġ lill-Gvern, il-Gvern jifhem li għandu jiċċaqlaq minn din il-pożizzjoni, li m’għandux jibqa’ jwebbes rasu fuqha u jassigura skema li finalment iġġiblu l-flus li huwa jrid, però ma tarmix iċ-ċittadinanza daqshekk prezzjuża u daqshekk qawwija għalina.  Ma tistgħux tlumuna li aħna ngħidu li għada pitgħada aħna nieħdu l-miżuri li jidhrilna li għandna nieħdu għax dak huwa fl-opinjoni tagħna mod ta’ kif tibqa’ żżomm fl-għoli ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.  Nittama li l-Gvern jifhem u mhux jgħaddi minn fuq l-Oppożizzjoni.  Nirringrazzjak, Sur President.


Diskors Parlamentari dwar l-Abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar il‑funzjonijiet tal‑Membri Parlamentari – Abbozz Nru. 9

IT-TNAX-IL PARLAMENT


It-Tnejn, 15 ta’ Lulju, 2013

Abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar il‑funzjonijiet tal‑Membri Parlamentari  – Abbozz Nru. 9

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, nammetti li ammirajt lis-Segretarju Parlamentari għad-diskors li għamel, diskors mimli b’ħafna sustanza legali għal liġi li ma fiha ebda forma ta’ sustanza legali!  Nammetti li ammirajtu għax irnexxielu jagħmel wrapper verament tajba għal liġi li ma fiha assolutament xejn. Ammirajtu wkoll meta kkwota lil MontesquieuMontesquieu kien bniedem li ppronunzja b’saħħa kbira s-separazzjoni bejn il-poteri u għamel hekk proprju għax kien jgħix fi żmien meta kien hemm taħlit fis-separazzjonijiet u allura kiteb sabiex ma jkunx hemm taħlit bejn bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura imma jkun hemm kompartamenti li jkunu separati u maqtugħa minn xulxin.  Kien għalhekk li jien bqajt skantat kif ġie kkwotat Montesquieu – bniedem li ried li jkun hemm is-separazzjoni tal-poteri u advokahom kontra kull kurrent f’liġi li qed tmur kontra ta’ dak li ried jagħmel hu. Jiena nista’ nimmaġina kemm Montesquieu qed idawwar wiċċu minn dak li qed isir f’dan il-Parlament.  Hawnhekk il-Gvern beħsiebu jġib sistema fejn il-membri tal-leġiżlatura jsiru membri tal-eżekuttiv u la jkunu ministri u lanqas segretarji parlamentari.  Qed jara kif lil dawn se jsibilhom post li huwa importanti. 

Għall-Gvern din il-liġi hija importanti tant li tellagħha fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tiegħu u għandu raġun għax għandu bżonn li jkollu membri parlamentari fuq il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Bord tal-Koperattivi, il-Kunsill Malti għall-Isport, il-Malta Enterprise, il-Kunsill Malti għall-Ilsien Malti, il-Kummissjoni Ċinematografika u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika. Jekk din il-liġi ma tgħaddix kemm jista’ jkun malajr, allura se jkollna kriżi kostituzzjonali u l-pajjiż imur lura. Veru li l-Oppożizzjoni kkritikat din il-liġi u l-Onor. de Marco pereżempju kkritikaha fuq diversi punti li jagħmlu sustanza, però hu diffiċli li wieħed jifhem kif din il-liġi qed titressaq b’daqshekk għaġla u mbagħad jingħad li mhux veru qed issir biex xi membri jieħdu xi post fuq dawn il-kunsilli u bordijiet.  U onestament għandi kurżità kbira biex inkun naf liema membri tal-Gvern se jkunu magħżula. 

Għandu kurżità biex inkun naf min hu dak il-membru parlamentari fil-Gvern li tant hu istruwit fuq l-ilsien Malti li se jkun kapaċi jpoġġi fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u jibda jgħin fid-deċiżjonijiet dwar kif jinkiteb il-Malti u pereżempju jekk “skont” għandhiex tinkiteb bid-“d” jew bit-“t”.  Tiġini aktar kurżità mbagħad dwar min se jkun dak il-membru min-naħa tal-Gvern li se jifforma parti mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jew mill-Bord tal-Koperattivi jew mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika.

Sur President, naħseb li din il-liġi tant hija nieqsa mis-sustanza u tant tersaq viċin is-sitwazzjoni fejn ħadd ma jemmen li qed issir għax verament hija neċessarja jew għax għandha skop li nkunu qegħdin nidħku b’xulxin jekk kemm-il darba ma ngħidux x’inhu iswed u x’inhu abjad.  Din il-liġi żgur qiegħda ssir biex xi nies li qegħdin fuq il-bankijiet tal-Gvern jingħataw ċerti pożizzjonijiet u naħseb li l-poplu fehmu dan.

Għalkemm il-Gvern qed jagħti l-impressjoni li din il-liġi jrid jeħlisha kemm jista’ jkun malajr naħseb li jagħmel tajjeb li jaħseb ftit dwarha għax verament fiha x’wieħed jifhem.  Għaldaqstant nistaqsi:  Din il-liġi hija riżultat tad-diskussjonijiet u d-djalogi li qed jagħmel il-Gvern? Aħna diġà għandna ħafna ministri imma jekk forsi hemm nies fil-backbench tal-Gvern li għandhom ċerti kwalitajiet u abbiltajiet u huma daqshekk kapaċi allura nistgħu nagħmlu Ministru għall-artiġjanat, Ministru għall-ilsien Malti eċċ. però bir-rispett kollu, bqajt skantat kif din il-liġi tant telgħet ’il fuq li nsiet il-programm elettorali, insiet li għall-ewwel darba għandna Ministru li parti mid-dekasteru tiegħu għandu t-twettiq tal-programm elettorali.  Dan il-Ministru, minkejja li għandu ħafna pressjoni biex iwettaq il-programm elettorali u huwa wkoll il-Kap tal-Kamra xorta ħass li din il-liġi għandha taqbeż kwalunkwe liġijiet oħra u kwalunkwe konsiderazzjonijiet oħra biex l-għajta tal-poplu – li aħna ma nafux biha u għadna ma smajniex biha – tinstema’. 

Mid-diskorsi li saru mill-membri tal-Gvern jidher li huma qed jippretendu li din il-liġi se tagħmel qabża kbira ta’ kwalità għax se jirnexxilha toħroġ ’il barra membri tas-soċjetà ċivili.  Meta l-Ewropa u l-bqija tad-dinja qed idaħħlu s-soċjetà ċivili fid-diversi kumitati biex ikollhom rappreżentanza f’diversi għaqdiet mhux governattivi u fuq dawn it-tipi ta’ bordijiet, f’Malta qed ninsistu li nnaqqsu n-nies tas-soċjetà ċivili minn ġo diversi kumitati. Meta nara dan m’għandix għax ma nemminx li din il-liġi se ġġib qabża kbira ta’ kwalità, anzi tant se tkun kbira din il-qabża ta’ kwalità li diversi awturi tal-kotba kostituzzjonali, li ċert li s-Segretarju Parlamentari studja fuqhom, se jkollhom joħorġu edizzjonijiet ġodda tal-kotba tagħhom biex idaħħlu paragrafu sħiħ fuq kif din il-liġi qiegħda tbiddel il-viżjoni tad-dritt kostituzzjonali Malti, Ewropew u mondjali. 

Ovvjament jien kont nippretendi ftit aktar sustanza f’din il-liġi u kont nippretendi li jkun hemm ftit aktar ġustifikazzjoni. Hemm sitwazzjonijiet fejn tajjeb li membru parlamentari jkun qiegħed f’ċerti kumitati bħal pereżempju l-kumitat tal-MEPA li għad-dnubiet ta’ dawk il-membri parlamentari li jiġu magħżula min-naħa u minn oħra tal-Kamra, dan għandu funzjoni leġiżlattiva. Ftit jafu li l-MEPA għandha l-funzjoni li toħroġ Avviżi Legali li la jiġu skrutinizzati mill-Kabinett u lanqas minn xi awtorità oħra imma direttament isiru liġi.  Għalkemm dan m’għandux funzjoni leġiżlattiva totali xorta wieħed jifhem għalfejn għandu jkun hemm membru miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Tajjeb ngħid li ħafna drabi dawn isibu lilhom infushom bejn il-basla u qoxritha fuq permessi u fuq żviluppi għax ikun hemm nies li jridu ħaġa u nies li jridu ħaġa oħra u jridu jkunu verament intelliġenti biex f’dan il-kumitat tal-MEPA jitkellmu b’mod li jintgħoġbu ma’ kulħadd u ma jintbagħdu ma’ ħadd. 

Hemm bżonn li l-għan ta’ dan l-abbozz ta’ liġi wieħed janalizzah ftit aktar fil-fond u jipprova jsib għalfejn issa qegħdin indaħħlu membri parlamentari f’dawn id-diversi kunsilli. Fl-opinjoni tiegħi dawn qed indaħħluhom f’post fejn ma jesagħhomx!  Membru parlamentari m’għandux jidħol f’diversi kumitati u m’għandux ikun preżenti f’ċerti dikussjonijiet, la jekk ikun membru tal-Gvern waħdu, la jekk ikun membru tal-Oppożizzjoni waħdu u wisq inqas jekk ikun hemm membru minn kull naħa tal-Kamra.

Sur President, allaħares id-diskussjoni li jkun hawn hawnhekk, bejn teżi jew anti-teżi, insibuha wkoll pereżempju fil-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jew fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.  Għandhom għalfejn isiru miniatures ta’ dan il-Parlament? Jien naħseb li qed noħroġu binarju kompletament żbaljat li mhux leġiżlattiv meta l-membru parlamentari l-ewwel hu leġiżlattiv u mbagħad wara hu affarijiet oħra. 

Is-segretarji parlamentari u l-ministri għandhom rwol diffiċli għax għandhom rwol doppju.  Hemm pajjiżi fejn il-ministri jew is-segretarji parlamentari jew il-viċi prim ministru ma jibqgħux iżommu s-siġġu tagħhom bħala membri fil-leġiżlattiv, jidħol membru ieħor minn fuq il-lista u sakemm ikunu ministru jissostitwixxihom, imbagħad, meta jispiċċaw minn ministri, jidħlu lura u dak il-membru joħroġ ’il barra. Sistemi ġuridiċi fl-Ewropa marru għal dik il-linja imma aħna qed immorru ’l kontra!  Naħseb li qed inħalltu ħaġa ma’ oħra. 

Din il-liġi aktar ma tgħarbilha u aktar ma tanalizzaha aktar issib li fiha affarijiet li ma jagħmlux sens.  Anke din tal-Leader of the House.  Kif taf, Sur President, jien għamilt ħames xhur Leader of the House u kont l-ewwel Leader of the House li ma kienx Viċi Prim Ministru. Tgħallimt ħafna u nista’ ngħid li l-Leader of the House bilfors irid ikollu vuċi fil-Kabinett biex jara x’inhi sewwa sew l-aġenda li trid tiġi ffurmata u x’inhuma l-prijoritajiet ta’ dak li jrid jiġi ffurmat.  Skont l-emenda li qed titressaq issa l-Leader of the House jista’ jkun anke membru tal-Kamra u allura nistaqsi: Hawnhekk qegħdin indaħħlu wkoll il-kunċett li l-Leader of the House jista’ jkun anke membru tal-Oppożizzjoni?  Diġà hija diffiċli li membru parlamentari jirċievi istruzzjonijiet min-naħa tal-Kabinett fuq x’għandu jkun hemm fuq l-aġenda aħseb u ara.  Li kieku hawn xi żvilupp jew xi mekkaniżmu ġdid jew xi ħaġa li m’aħniex naraw kollox sew, imma meta tanalizza biċċa biċċa ssib li dan huwa biss pretest għal xi ħaġa li ma teżistix! 

Is-Segretarju Parlamentari għamel tajjeb li ġie hawnhekk u ressaq dan l-abbozz ta’ liġi, u ppreżentah tajjeb ukoll, però fis-sustanza dan ma fih assolutament xejn.  Din hija biss liġi li qed tipprova tixħet il-bżar fl-għajnejn dwar dak li verament irid isir.  U dan huwa żball. Ejja nkunu skjetti u ċari ma’ xulxin u ngħidu x’qegħdin verament nagħmlu hawnhekk. Ħadd mill-backbenchers tal-Gvern m’għandu jieħu għalih għax aħna qed nikkritikaw din il-liġi u qed ngħidu li qed issir biex tipprova takkomoda l-pretensjonijiet ta’ xi ħadd jew il-pretensjonijiet ta’ xi ħaddieħor.  Aħna konna fil-Gvern, nafu x’inhu l-Gvern u llum nafu wkoll x’inhi l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, naħseb li tajjeb li l-Gvern jgħid eżattament x’inhi din il-liġi u għalfejn qed issir.

Sur President, nittama li l-Gvern jifhem li din il-liġi hija żbaljata, li m’għandhiex issir u jerġa’ jirriformulaha u se mai, iġib hawnhekk sitwazzjonijiet fejn il-membru parlamentari mhuwiex se jitlef mill-elementi li għalihom ġie elett fosthom li jkun membru tal-leġiżlatura u li jagħmel l-iskrutinju t’hawn ġew, kemm jekk ikun fil-Gvern bħala backbencher, kemm jekk ikun fl-Oppożizzjoni bħala membru parlamentari, kif ukoll fid-diversi aspetti tal-liġijiet u fid-diversi affarijiet li kull membru parlamentari ħa l-ġurament tiegħu.  Nibża’ li b’din il-liġi qegħdin niċċaqilqu ’l bogħod minnhom.  Nirringrazzjak.

MR SPEAKER:  Se tibqa’ in possession?

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Le.

MR SPEAKER:  Nirringrazzjak. Sar il-ħin.


Diskors Parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur – Abbozz Nru. 12

IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru. 46

It-Tnejn, 8 ta’ Lulju , 2013

Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur – Abbozz Nru. 12


ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, b’sodisfazzjon ninnota li madwar 90% ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi bażikament ittieħed mill-Abbozz ta’ Liġi li konna ppreparajna aħna u li sfortunatament ma kienx għadda minn dan il-Parlament.  Ninnota wkoll li ma sarx l-iżball li jpoġġu dispożizzjoni fil-liġi li tgħid li min jirrapporta l-ewwel xi delitt u jkun involut, jiġi eżentat b’mod awtomatiku minn kwalunkwe forma ta’ reat kriminali kif kien qed jingħad tul il-kampanja elettorali.  Jiġifieri hija ħaġa tajba li din il-liġi mhux qed isservi ta’ washing machine sabiex persuna li tkun għamlet delitt tieħu amnestija awtomatika billi tkun l-ewwel persuna li tmur tirrapporta dan l-istess delitt.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa importanti għax jagħti saħħa kbira lill-ħaddiema.  L-impostazzjoni u l-viżjoni tiegħi rigward il-whistleblower – kif naraw fl-aktar liġijiet avvanzati li hawn fid-dinja – prinċiparjament huma li jkollna mekkaniżmu li permezz tiegħu l-ħaddiem ikollu l-protezzjoni u l-attenzjoni tal-liġi biex jara li fuq il-post tax-xogħol ma jkunux qed isiru ħmerijiet.

Aħna konna ħadna d-deċiżjoni kuraġġjuża li fil-Whistleblower Act indaħħlu kemm lis-settur pubbliku, kemm lis-settur privat kif ukoll lis-settur tal-forzi dixxiplinarji u qed nieħu gost li mxew ma’ din id-deċiżjoni.  Mhux f’kull whistleblower act insibu dan; hemm uħud li jħarsu biss lejn is-settur pubbliku, oħrajn li jħarsu lejn is-settur privat u s-settur pubbliku u hemm oħrajn li jdaħħlu wkoll lill-armata, il-pulizija, il-membri tad-detenzjoni u l-membri li jifformaw parti mis-servizz tas-sigurtà. 

Dan l-Abbozz ta’ Liġi joffri protezzjoni kontra dawk li jissejħu prattiċi mhux xierqa u qed nieħdu gost li d-dritt li wieħed jirrapporta prattiċi mhux xierqa li jkunu qed isiru fil-post
tax-xogħol tiegħu l-ewwel fil-kumpanija stess u jekk din ma tagħmel xejn dwarhom imbagħad lil hinn minnha, baqa’ l-istess.  Inżid ngħid li l-abbozz ta’ liġi jgħid hekk:

"prattiċi mhux xierqa" tfisser azzjoni jew serje ta’ azzjonijiet
meta:

(a) persuna naqset, qiegħda tonqos jew x’aktarx ser tonqos milli tħares kull obbligu legali li tkun soġġetta għalih; jew

(b) s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull individwu kienet, qiegħda jew x’aktarx ser tkun fil-periklu; jew

(ċ) l-ambjent kellu, għandu jew x’aktarx ser ikollu ħsara; jew

(d) twettqet jew x’aktarx titwettaq jew x’aktarx twettqet att ta’ korruzzjoni; jew

(e) reat kriminali li seħħ, qiegħed iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ; jew

(f) nuqqas ta’ ġustizzja li seħħet, qiegħda sseħħ jew x’aktarx ser isseħħ; jew

(g) tixħim li seħħ, qiegħed iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ;

Waqt li kont qed nerġa’ naqra l-abbozz ta’ liġi biex nipprepara ruħi għal-lum ftakart f’dak kollu li konna għaddejna minnu u fid-deċiżjonijiet li kont ħadt bħala Ministru biex indaħħal ċertu affarijiet biex inkun ultra ċert li l-ħaddiema jkunu protetti.  Għaldaqstant nixtieq li s-Segretarju Parlamentari jispjegali eżatt xi tfisser din ir-regola li nsibu fl-Abbozz ta’ Liġi:

“iżda fl-interpretazzjoni ta’ dan it-tifsira għandha tiġi meqjusa r-regola de minimis sabiex kwistjonijiet vera żgħar jew mhux ta’ importanza ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att.”

L-uffiċjal li jirċievi l-informazzjoni m’għandux jiddiskrimina u b’xi mod jagħżel liema affarijiet għandu jagħti kas u liema affarijiet m’għandux jagħti kas.  Kultant affarijiet kbar jinqabdu b’affarijiet żgħar.  Barra minn hekk naħseb li għalkemm il-konċett ta’ de minimis non curat praetor huwa wieħed li kompletament jidħol fil-liġi, hawnhekk mhuwiex il-post addattat.

Fil-Whistleblower Act aħna konna daħħalna xi dispożizzjonijiet rigward il-Forzi Armati u n-nies tas-sigurtà u għedna li l-liġi tibda tgħodd minn meta l-Ministru tal-Ġustizzja joħroġ avviż legali biex ikun jista’ jirregola kif issir il-proċedura tal-whistleblowing fis-setturi varji.  Issa qed nara li qed jiddaħħlu xi affarijiet ġodda dwar impjegati fis-servizz barrani, konsulari u diplomatiċi tal-Gvern u għaldaqstant tajjeb li xi ħadd jispjega għaliex dawn iddaħħlu.

Żgur u mhux forsi l-artiklu 22 ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, li jagħti l-possibiltà ta’ eżenzjoni kompleta mill-Att, jista’ jiġi fformolat aħjar.  Dan jgħid hekk:

“Il-Ministru jista’ b’avviż fil-Gazzetta jeżenta xi persuna jew klassi ta’ persuni mingħajr effett retrospettiv minn kull dispożizzjoni jew xi dispożizzjoni ta’ dan l-Att fuq kull bażi li jidhirlu suffiċenti”.

Naħseb li l-frażi “fuq kull bażi li jidhirlu suffiċenti” trid tiġi mlaħħma u se ngħid għaliex.  Dan huwa abbozz ta’ liġi li jidħol f’kullana ta’ abbozzi ta’ liġi oħrajn li tressqu minn Gvern Nazzjonalista u ħafna drabi kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwarhom u fihom daħħalna ħafna mekkaniżmi ta’ protezzjoni kontra l-korruzzjoni u kull forma ta’ illegalità u kriminalità.  Mhuwiex faċli li wieħed jersaq ’il quddiem u jiżvela ċerta informazzjoni u għalhekk irridu nippremjaw lil dawk iċ-ċittadini u ħaddiema li jagħmlu dan u naċċertawhom li l-liġi mhux se tiċċaqlaq u mhux se jkun hemm xi forma ta’ eżenzjonijiet li permezz tagħhom jistgħu jispiċċaw barra minn posthom.

Kif diġà għedt fil-kampanja elettorali sar ħafna diskors fuq l-amnestija awtomatika u nnotajt li bejn wieħed u ieħor qed jipprovaw isibu t-triq tan-nofs bl-artiklu 5 u bl-artiklu 6.  Bażikament li qed jagħmlu huwa dak li diġà qed jiġri fil-Qorti meta persuna li tkun kompliċi f’reat tikkollabora mal-Pulizija, tikxef l-affarijiet, isirilha l-proċess qabel u allura tingħata piena inqas sabiex tixhed kontra l-prinċipal.  Madankollu rridu noqogħdu attenti għaliex f’dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jingħad li l-piena tonqos bi grad jew tnejn u aħna ma rridux li ndaħħlu konċett li ma jippermettix li l-Qorti tinżel taħt ċerti minimi.  Jien nifhem l-intenzjoni tagħhom u li l-ħsieb prinċipali huwa dwar l-atti tal-korruzzjoni taħt il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni però l-improper practices act tant hu wiesa’ li jdaħħal kwalunkwe forma ta’ ksur tal-liġi.  Imbagħad irridu noqogħdu attenti wkoll li l-persuna li tibbenefika minn dan id-dispożittiv ma jkollhiex sehem prinċipali fir-reat iżda jkollha sehem minuri.

Sur President, jien rajt li s-subartiklu (4) tal-artiklu 5 huwa ftit top heavy għaliex qegħdin ngħidu li l-Avukat Ġenerali qabel ma joħroġ l-eżenzjoni jrid jikkonsulta “mal-Kummissarju tal-Pulizija u ma’ imħallef tal-qrati superjuri, li f’dak iż-żmien tal-konsultazzjoni ma jkunx imħallef assenjat biex ikollu konjizzjoni ta’ każijiet kriminali.”  Fil-liġi dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandna l-artiklu 19 li jagħti lill-Avukat Ġenerali l-possibbiltà li joħroġ din l-eżenzjoni waħdu.  Issa f’dan l-Abbozz ta’ Liġi qisu qed ngħidu li l-Avukat Ġenerali se jagħti eżenzjoni kompletament differenti mill-King’s pardon u naħseb li hawnhekk jista’ jkun li qed nagħmlu xi ħaġa li hija top heavy u li finalment ma taħdimx. 

Bla ma noffendi lil ħadd irrid ngħid li bid-dispożizzjoni li nsibu fl-artiklu 5 u fl-artiklu 6 qegħdin jammettu li l-liġi diġà tipprevedi li jekk xi ħadd li huwa involut f’reat u jikxef dak ir-reat jingħata l-proklama u li l-liġi diġà qed tagħtih protezzjoni għax il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni qiegħda tagħti l-eżenzjoni mir-reat u mbagħad għandek l-Att dwar il-Pulizija li jagħti l-possibbiltà ... Jien ma rridx inċekken l-emenda li għamlu però din qed tirrepeti dak li hemm fis-sustanza tal-liġi.  Fil-fatt subartiklu 78(2) tal-Att dwar il-Pulizija jagħti lill-Ministru l-possibbiltà li joħroġ diversi direttivi sabiex ikun jista’ jipproteġi u jagħmel dak kollu li hemm involut fl-artiklu 90A li ħolqu huma.  Mela qegħdin jirrepetu dak li hemm fuq iż-żewġ binarji u f’ċertu sens dan juri li kelli raġun. 

L-effett prinċipali ta’ dak li għamilna aħna fil-liġi huwa li jiġi protett dak il-ħaddiem li jikxef l-affarijiet.  Infakkar li aħna daħħalna għall-ewwel darba l-possibbiltà li jekk ħaddiem jiġi diskriminat, jew jitlef l-overtime, jew jiġrilu xi ħaġa fuq il-post tax-xogħol, jew inkella jiġi demoted jew jitlef l-impjieg tiegħu, dan għandu dritt ifittex lil min iħaddmu mhux biss għad-dannu ċivili, jiġifieri bħala flus, imma anke għad-danni morali.  U għamilna speċifikament il-kliem “danni morali” biex nifirduhom minn non-pecuniary damages li mbagħad daħħalna fil-liġi dwar id-danni ta’ inċidenti stradali jew inċidenti fuq il-post tax-xogħol. 

Aktar minn hekk b’dik il-liġi daħħalna li impjegat jista’ joħroġ mandat ta’ inibizzjoni kontra min iħaddmu sabiex hu ma jiġix demoted jew ma jiġrilu xejn, daħħalna li dak il-mandat ta’ inibizzjoni m’għandux bżonn jiġi segwit b’kawża imma jibqa’ hemmhekk b’mod perpetwu u daħħalna wkoll li dak il-ħaddiem lanqas biss għandu bżonn joħroġ id-dritt tar-reġistru biex jippreżenta dak il-mandat ta’ inibizzjoni.  Għaldaqstant qed nieħu gost li dan ġie segwit f’dan l-Abbozz ta’ Liġi għax jagħti l-protezzjoni li f’sistemi ġudizzjarji oħra ma teżistix.

Sur President, sfortunatament, din il-liġi ġiet hijacked politikament u waqt il-kampanja elettorali ġiet mogħtija d-daqqiet tas-sikkina għax ġiet tfisser xi ħaġa kompletament differenti minn dak li hi.  Fir-realtà din hija liġi li tagħti l-opportunità lill-ħaddiema li jitkellmu jekk jaraw xi ħaġa ħażina fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex jipproteġu xogħolhom u lill-kumpanija stess.

MR SPEAKER:  Onor. Mifsud Bonnici, se tikkonkludi?

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, kien hemm qbil li ningħata ħames minuti wara d-9.00 p.m. 

MR SPEAKER:  L-Onor. Carmelo Abela.

ONOR. CARMELO ABELA:  Iva, Sur President, aħna l-wegħdiet inżommuhom u se nħalluh jitkellem ħames minuti oħra.

MR SPEAKER:  Kollox sew, mela għandek ħames minuti oħra Onor. Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Grazzi, Sur President.  Din il-liġi titlob li jkun hemm tibdil fil-kultura biex il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol ikollu l-kuraġġ li jikxef l-affarijiet ħżiena li jkun qed jara.

Rajt li biddlu l-artiklu rigward l-ittri anonimi.  Kien sar ħafna dibattitu dwar kif dan l-artiklu għandu jiġi impostat u naħseb li l-mod li ntgħażel issa qed joħroġ mill-intenzjonijiet li għandna lkoll.  Bil-mod kif ktibna dan l-artiklu aħna konna għedna li ittra anonima ma tistax tiġi traskurata u min jirċievi ittra anonima jrid jinvesitgaha daqslikieku rċeva informazzjoni mingħand whistleblower.  Konna għedna li l-iżvantaġġ ta’ ittra anonima mbagħad huwa li min jiktibha wara ma jistax imur u jgħid li kitibha hu għax that will lead to abuse.  Jekk wieħed irid jieħu l-benefiċċji tal-liġi allura jrid jersaq mill-ewwel u jiddikjara l-affarijiet.  Issa intom bil-mod kif biddiltu l-artiklu dwar l-ittri anonimi donnkom ġejtu qiskom qed tissuspettaw mill-ewwel li ittra anonima jkun fiha informazzjoni biex tagħmel ħsara lil ħaddieħor għax qed jingħad hekk:

“Iżda meta uffiċjal li jirrapporta dwar min jiżvela informazzjoni protetta jew l-Unità dwar rapporti ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, wara li jkunu ġew meqjusa ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, jiġi konsidrat illi l-informazzjoni anonima li jkunu irċevew hija x’aktarx tinġurja jew tkun libelluża, din l-informazzjoni ma għandhiex titqies aktar.”.

Naħseb li jkun żball li nagħtu l-possibbiltà li uffiċjal ta’ kumpanija li jirċievi ittra anonima jista’ jaqbad u jarmiha, anke għax ikun fiha affarijiet li ma jogħġbuhx.  Naħseb li l-Ministri preżenti jirċievu diversi ittri anonimi bħalma kont nirċievi jien però jien ma kontx nixħethom fix-shredder imma kont nibgħathom jew lill-Kummissarju tal-Pulizija, jew lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni jew lil min kien imiss għax jista’ jkun li dik tkun intbagħtet minn xi ħadd li mhux neċessarjament ikun irid id-deni lil ħaddieħor imma minn xi ħadd li jkun qed jibża’ għax ovvjament hawnhekk hawn bidla fil-kultura.  Hija sfortuna kbira li matul il-kampanja elettorali ż-żewġ partiti politiċi litteralment qatluha din il-liġi minħabba l-fatt li spiċċat biss fuq il-korruzzjoni.  Din il-liġi hija intenzjonata li tagħti l-possibbiltà lill-ħaddiem li jiddefendi ruħu fuq il-post tax-xogħol.

Subartiklu (3) tal-artiklu 13 jgħid hekk:

“Fl-eventwalità li żvelar ta’ informazzjoni protetta taħt din it-Taqsima twassal biex tiġi skoperta prattika mhux xierqa li tikkostitwixxi reat kriminali jew kontravvenzjoni taħt xi liġi applikabbli, l-uffiċjal li jirrapporta dwar min jiżvela informazzjoni protetta jista’ jgħaddi r-rapport li jkun irċeva lill-pulizija sabiex issir investigazzjoni fuqu.”.

Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq l-iżvelar intern mhux fuq l-iżvelar estern, jiġifieri meta impjegat ta’ kumpanija jkollu l-kuraġġ u jirrapporta lill-kumpanija stess dwar xi ħadd li jkun ikkometta reat jew ikun qiegħed jikkommetti reat jew inkella jkun qiegħed fit-triq biex jikkommetti reat.  Jiġifieri hawnhekk qed nagħtu l-possibbiltà li ma jagħmilx rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija u għaldaqstant naħseb li f’dan il-każ partikolari hemm bżonn indaħħlu l-kelma “shall” minflok il-kelma “may” ħalli ma nħallux dan għad-diskrezzjoni tal-kumpanija. 

Hawnhekk qed nitkellmu fuq affarijiet li huma kriminali u għaldaqstant irridu noqogħdu attenti għax f’ċerti partijiet tal-liġi qed inkunu ebsin iżżejjed.  Irridu nimxu bir-riga għax inkella ħaddiem qatt mhu se jkollu l-kuraġġ biex jersaq ’il quddiem u jiżvela ċerta informazzjoni.  Din il-liġi hija rivoluzzjonarja fis-sens li issa se nagħmlu kuraġġ lil kull ħaddiem biex mhux biss jersaq ’il quddiem u jitkellem iżda anke jagħmel rapporti.  Kemm-il darba nisimgħu b’kumpaniji li f’daqqa waħda kkrollaw għax jew ma jkunux ħallsu l-VAT, jew ma jkunux ħallsu l-income tax, jew ma jkunux għamlu l-accounts tagħhom b’mod tajjeb.   Huwa normali li jsiru dawn l-affarijiet imma llum fil-Parlament se nagħtu l-possibbiltà li ħaddiem jikxef tali informazzjoni u għax jikxef dik l-informazzjoni jsalva lill-kumpanija tiegħu u allura jżomm il-post tax-xogħol tiegħu.  Nafu li għandna problema b’numru ta’ nies li jkunu ilhom jaħdmu f’kumpanija għal ċertu żmien, jaslu fl-età ta’ 40 sena jew 50 sena u jitilfu kwalunkwe forma ta’ kuraġġ biex jersqu ’l quddiem u jiżvelaw xi informazzjoni.

Sur President, qed nieħu pjaċir li din il-liġi qiegħda ssir u li ttieħed ħafna minn dak li konna ktibna aħna.  Madankollu rrid ngħid li għall-ewwel darba issa qed tingħata definizzjoni tal-kelma “whistleblower” u filwaqt li fil-liġi li konna għamilna aħna f’diversi artikli kien jissemma l-impjegat, issa qegħdin ineħħu l-kelma “impjegat” u minflokha daħħlu l-kelma “whistleblower” u b’hekk jista’ jkun li qegħdin nitlfu mill-impatt tal-liġi għax l-impjegat huwa persuna li qiegħda fil-kumpanija mentri l-whistleblower qisu aktar persuna inġenerali.  Jista’ jkun li għandi żball però meta konna ddiskutejna jekk għandniex nagħmlu din id-definizzjoni jew le, konna ddeċidejna li ma nagħmluhiex biex nagħtu aktar saħħa lill-ħaddiem. 


Sur President, se nagħlaq billi l-ewwel nett nuri s-sodisfazzjon tiegħi dwar il-fatt li l-parti l-kbira ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi ttieħdet minn dak li konna ppreparajna aħna.  It-tieni rrid ngħid li fortunatament ma saritx id-dispożizzjoni li fiha kien se jidħol artiklu li jagħti eżenzjoni awtomatika.  It-tielet nappella lill-Gvern biex meta jasal għall-istadju ta’ Kumitat jieħu inkonsiderazzjoni s-suġġerimenti umli li għamilt jien għax wara kollox kont jien illi ktibt il-liġi ta’ qabel bit-tajjeb u l-ħażin tagħha.  Jien m’iniex perfett u qatt ma ppretendejt li nkun perfett però dik kienet tastiera importanti fil-liġi tagħna li permezz tagħha għaqqadnieha ma’ liġijiet oħrajn.  Fl-aħħar nett nappella mill-ġdid sabiex jgħaqqdu l-liġi dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, iżidu li jridu jżidu però l-emendi fuq il-prosekutur speċjali jagħmluhom.  Nirringrazzjak.


MR SPEAKER:  Grazzi.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...