7.3.14

Diskors li jelenka parti minn hidmieti bhala ministru.




L-Erbgħa, 30 ta’ Mejju 2012


Introduzzjoni.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Nirringrazzjak tal-fakultà li ngħatajt li nitkellem li f’dan id-dibattitu u b’serenità se nipprova nindirizza s-suġġetti varji li tqajmu mill-Oppożizzjoni bil-mozzjoni tagħhom.

Ovvjament, dan kien dibattitu pjuttost twil, dibattitu ta’ disa’ seduti, li fih tqajmu diversi punti, uħud marbutin mal-mozzjoni, oħrajn mhumiex. Però naħseb li servew, speċjalment għalija li għandi għal qalbi dan is-suġġett u impenjajt ruħi ħafna fih f’dawn l-erba’ snin, biex nirrifletti fuq dak kollu li sar fl-erba’ snin ta’ qabel, u dak kollu li jista’ jsir iktar ’il quddiem. Ovvjament, il-parti tal-ġustizzja hija dejjem mill-iktar impenjattiva, hija l-iktar waħda diffiċli fid-dekasteri u fil-ministeri li wieħed ikollu f’idejh, u meta tgħaqqad magħha l-intern, wieħed jifhem dejjem iktar kemm huwa diffiċli u ikkumplikat, iktar u iktar din is-sena meta l-isfidi li qed naraw ġejjin quddiemna jitolbu ferm u ferm iktar impenn. M’għandi l-ebda diffikultà ngħid li ħadt pjaċir nisma’ d-diversi diskorsi li saru miż-żewġ naħat tal-Kamra u ħadt nota ta’ dak kollu li ngħad.  B’wiċċi minn quddiem ngħid li mhux se jirnexxili nwieġeb fuq kull punt, però żgur li fil-ħidma tiegħi nittama li nkun nista’ nindirizzahom bil-mod li jixirqilhom. 

Iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan id-dibattitu kienu mill-iktar strambi u li qegħduni f’pożizzjoni mill-iktar antipatika. Punt li tqajjem mill-Onor. Alfred Sant il-bieraħ huwa minnu, li jien ġejt f’ċirkostanza diffiċli li, bħala Kap tal-Kamra, ikolli dawn il-mozzjonijiet quddiemi. Minn naħa waħda rrid insegwi l-aġenda tal-Parlament, min-naħa l-oħra l-pożizzjoni tiegħi fil-pubbliku li tidher li jien għandi xi diffikultà biex niddiskuti dan is-suġġett partikolari. Għalhekk ħadt pjaċir meta fid-dibattitu tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra ġie l-Onor. Tonio Borg, li serva fil-House Business Committee għal ħafna żmien, u qal li għandna niddeċiedu l-ġurnata għal dan id-dibattitu. Nassigura lil kulħadd li ma ddejjaqt xejn b’dak il-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra.  Jien, fl-aħħar mill-aħħar, nibqa’ dejjem serv tal-poplu, serv ta’ din il-Kamra li ġejt elett fiha, kif ukoll serv tal-kariga li ngħatajt mill-Prim Ministru. 

Sur President, matul id-dibatittu rajt ukoll li din il-pożizzjoni qajmet ħafna kritika u frankament nassigura li din il-pożizzjoni ta’ Kap tal-Kamra mhijiex xi waħda minn dawk li nista’ ngħid li nista’ nkompli mmexxi b’ċerta serenità.  Allura, żgur mhux forsi, tul dan id-dibattitu se nittratta suġġetti varji li tqajmu min-naħa l-oħra u niddefendi ruħi.  Però xtaqt nibda billi nitlob lill-Prim Ministru biex jikkonsidra li ma nibqax iktar Kap tal-Kamra u nibqa’ ffokat u kkonċentrat fuq ix-xogħol li jien għandi bħala Ministru tal-Intern, tal-immigrazzjoni u tal-kunsilli lokali.  Jekk hawn xi ħadd fil-Kamra li jaħseb li jien xtaqt inżomm lura xi punti li huwa qajjem għad-dibatittu, nassigurah li ma kelli l-ebda intenzjoni f’dan ir-rigward. Dan is-suġġett dejjem jitlob attenzjoni għax huwa parti mill-qafas fundamentali tal-Istat, u allura huwa importanti dejjem li jkun hemm kemm jista’ jkun persuni li jikkontribwixxu u jagħtu l-ideat u s-suġġeriment tagħhom. 

Irrid ngħid li għalkemm kelli dawn id-disa’ seduti li fihom iddiskutejna fit-tul, dan mhux suġġett li ma tqajjimx diversi drabi.  Anzi, jien kont wieħed minn dawk li ressaqt diversi abbozzi ta’ liġi, xi drabi voluminużi u ċerti drabi inqas voluminużi, apposta biex inkun nista’ nġib is-suġġett għad-dibatittu għax hemmhekk tinduna dak li għandek nieqas fl-affarijiet li inti ma tkunx qed tara jew inkella l-viżjoni differenti li wieħed jista’ jkollu.  Però llum għandna din il-mozzjoni quddiemna, u allura nħoss li b’serenità għandi nersaq biex nibda niddiskuti dak li hawn f’din il-mozzjoni. L-ewwel punt li xtaqt nagħmel - nagħmlu bl-ikbar umiltà - hawnhekk quddiem il-Kamra huwa li nixtieq nifhem sewwa r-raġunijiet - jien bniedem tar-raġuni - għaliex l-Oppożizzjoni ressqet din il-mozzjoni. 

Inkun onest, meta bdejt nisma’ lill-Onor. Michael Falzon u lill-Onor José Herrera rajt li t-tnejn li huma telqu, fl-opinjoni tiegħi, minn pożizzjoni pjuttost apoloġetika.  Fil-fatt qishom it-tnejn li huma ħassew il-bżonn li jiddefendu ruħhom fuq żewġ punti.  L-ewwel, li huma bdew dan l-attakk wara li jien irkuprajt mill-marda li jien kelli, u t-tieni, li din il-mozzjoni mhix qed issir b’opportuniżmu politiku. Ngħid dan għax jien stess irrid nifhem għaliex dawn iż-żewġ persuni li ħdimt tajjeb magħhom tul dawn l-aħħar erba’ snin, li kkonsultajt magħhom ripetutament, f’ħafna ċirkostanzi ġrejt warajhom biex jiġu għandi l-uffiċċju biex inkun nista’ niddiskuti magħhom - kien hemm okkażjonijiet fejn kelli nħassar numru ta’ appuntamenti għax ma setgħux jattendu - li safejn naf jien qatt ma attakajt b’xi mod personali jew b’xi mod żleali, u li terġa’ fil-maġġoranza .......  (Interruzzjonijiet)  Qed ngħid għall-Oppożizzjoni ... 

MR SPEAKER:  M’hemmx interruzzjonijiet, jekk jogħġobkom!  Kompli Ministru!  Mhu se nippermetti l-ebda interruzzjonijiet!

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Ħa tkun ċar, Sur President.  Qed nirreferi b’mod ċar għall-Onor. Michael Falzon u l-Onor. José Herrera.  Fil-maġġoranza tal-proposti u l-liġijiet li ressaqt hawn kien hawn qbil!  Jiġifieri ż-żewġ kelliema tal-Oppożizzjoni qablu ma’ dak kollu li jien għamilt!  Anzi, għadhom jidwu f’widnejja d-diversi drabi li fihom kemm l-Onor. Michael Falzon kif ukoll l-Onor José Herrera faħħru dak li kont qed nagħmel.  Anzi, mhux faħħruh biex sempliċement jinċensawni, imma faħħruh u ġabu r-raġunijiet għaliex qegħdin jaqblu miegħu.  Però onestament, bħala bniedem tar-raġuni, nixtieq nifhem kif f’daqqa waħda, mil-lejl għan-nhar, sibt attakk daqshekk qawwi fil-konfront tiegħi. Qed nitkellem għax l-ewwel nett irrid nifhem għaliex, u t-tieni għax inħoss li jekk kemm-il darba ma nqajjimx dan is-suġġett, u jkun hemm każijiet oħrajn wara tiegħi, li sinċerament nawgura li ma jkunx hemm, nawgura li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejt jien, u se ngħid liema mument partikolari. 

Lili l-kritika qatt ma dejqitni, anzi, nemmen dejjem li l-kritika tgħin biex dak li tkun qed tagħmel tkun tista’ tipperfezzjonah.  Anzi, kelli diversi nies li kellhom opinjonijiet varji u bqajt li kwalunkwe ħaġa li jgħidu nikkonsidraha.  Però għaddejt minn dan il-proċess inġust u mill-qalb nerġa’ nawgura li ħadd ma jgħaddi minnu, għax kienet stramba ħafna kif dawn iż-żewġ persuni, li kont u nittama li nibqa’ nikkonsidra bħala ħbieb, almenu, mhux għedewwa, li proprju waqt li kont qiegħed nistenna li ngħaddi minn operazzjoni medika mill-iktar serja u gravi, insib lili innifsi f’attakk pubbliku mill-iktar serju u gravi.  Ma stajtx u għadni sal-lum ma nistax nifhem għala, fit-30 ta’ Awwissu, preċiż għaxar xhur ilu mil-lum, filgħaxija nsib rapport mogħti importanza kbira mill-Partit Laburisa li jien se niġi mneħħi mill-kariga proprju għax marid u ma niflaħx.  Issa l-Partit Laburista kien jaf li kont rikoverat l-isptar mhux b’kapriċċ, infatti ġew numru ta’ membri u esponenti tal-Partit Laburista jarawni l-isptar - nirringrazzjhom, imma mhux se noqgħod insemmihom - u kienu jafu li l-preżenza tiegħi hemm ma kenitx waħda kapriċċuża. Kelli l-bżonn u kont qed nikkumbatti għal saħħti u kont qiegħed nikkumbatti wkoll għal ħajti. 

Sur President, inkun onest!  Qed nitkellem mhux biex nipprova nħammar wiċċ xi ħadd, mhux biex nipprova ngħajjat għall-iskandlu, imma sempliċement biex nagħmel il-punt li fil-politika m’għandux ikun li f’dan il-mument partikolari, li bniedem ikun l-iktar vulnerabbli, toħroġ stqarrija bħal din.  Nammetti magħkom li għall-ewwel ma tantx tajt kas l-istqarrija, però l-għada bdiet tikolni għax bdejt ngħid:  M’għandix xi ħaġa li jien ħadd ma qalli biha u jafu l-Partit Laburista, għax ovvjament f’dan il-pajjiż kollox huwa xi ftit miftuħ? Imma, anke dik, dik b’xi mod issorvolajtha. Irrid ngħid li t-30 ta’ Awwissu, meta ħarġet din l-istqarrija, kien biss jumejn ’il bogħod mill-operazzjoni tiegħi.  Kont ilni ġimgħat l-isptar nieħu l-kura mill-infezzjoni kbira li jien kelli u nistenna biex nagħmel din l-operazzjoni. Fit-3 ta’ Settembru għamilt l-operazzjoni, però mbagħad, iktar u iktar, ma stajtx nifhem kif – allavolja kienet diġà żleali li inti toħroġ din it-tip ta’ stqarrija - l-għada stess terġa’ ssir konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, immexxija minn kelliem ewlieni tal-Partit Laburista fuq is-sigurtà, fuq kemm l-affarijiet huma ħżiena, meta kien evidentissimu li jien ma kontx qiegħed f’pożizzjoni li nwieġeb.  Ma nafx! 

Onestament, nixtieq li jekk huwa possibbli nitlob - jekk mhux possibbli, ma jkun ġara xejn! Jiġifieri, mhux se nżomm għal ħadd, qatt ma żammejt għal ħadd, anzi nikkumbatti dejjem biex qatt ma inżomm kontra ħadd! Xi forma, mhux ta’ apoliġija għax dik hija sorpassata, mhux se nitlob xi ittra fuqha din, u mhux biex inġib is-simpatija, però ħassejt il-bżonn li nibda d-diskors tiegħi billi nitlob assigurazzjoni li qatt ma ssir din il-ħaġa fil-konfront ta’ xi ħadd minna hawnhekk, jew xi ħadd li qiegħed fil-ħajja pubblika, jiġifieri li ħadd ma jsib lilu nnifsu f’dak kollu li jien sibt lili nnifsi.  Ngħid dan, b’rispett lejn is-sewwa!  Ma rrid deni lil ħadd u nittama li kemm indum hawn qatt ma nagħmel, kif qatt ma għamilt, ħsara lil ħadd!  Naħseb li l-Oppożizzjoni tista’ tgħid li jien dejjem ipprovajt inkun kostruttiv u pożittiv, anke jekk ġejt attakkat hawn diversi drabi, kif jiġi attakkat kulħadd u jiġi ikkritikat kulħadd.  M’għandi l-ebda diffilkultà!  Però nibqa’ naħdem biex ma nagħmel ħsara lil ħadd. 

Issa nagħlaq dan il-kapitlu kompletament u nittama li issa li għedt huwa ssiġillat darba għal dejjem.  Anzi neżentak milli jkollok bżonn tagħti spjegazzjoni fuqha, Onor. Michael Falzon. Irrid ngħid li s-sena l-oħra jien kont fl-iktar mument diffiċli proprju biex, waqt li kellna l-kriżi tal-gwerra ċivili fil-Libja għaddejja, żammejt il-Ministeru għaddej b’impenn kontinwu. Għamilt ħafna xogħol, tlift ħafna ħin ta’ mistrieħ, ittraskurajt ħajti u saħħti, u ġejt f’li ġejt proprju minħabba dak is-sagrifiċċju.  Għamilt dan is-sagrifiċċju mill-qalb għal pajjiżi mingħajr ebda rimors ta’ xejn u ħassejt li kienet okkażjoni unika li, indipendentament mill-istat li jien nista’ ninsab fih, irrid nagħmel ħilti.  Għalhekk sibt lili nnifsi f’din il-pożizzjoni mill-iktar diffiċli. 

Qatt ma ħadt il-linja li nikkonsidra lill-bnedmin bħala oġġetti.

Din ma kenitx l-unika sena li fiha tajt il-ħidma tiegħi għax f’dawn is-snin ħdimt u mexxejt id-dekasteri li kelli taħti sabiex jiġu introdotti numru ta’ riformi u miżuri ġodda li jgħinu u jagħmlu l-ħajja tal-bnedmin f’dawn il-gżejjer tagħna aħjar milli hi jew milli kienet. Żammejt li s-soċjetà li trid tiġi protetta kontra lill-illegalità u kriminalità. Il-prijorità tiegħi kienet dejjem li l-vittma tar-reat, il-protezzjoni ta’ dawk li huma l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà b’mod dirett u partikolarment it-tfal, jingħataw il-mertu li ħaqqhom.  Biss, qatt ma ħadt xi linja żbaljata. Qatt ma ħadt il-linja li nikkonsidra lill-bnedmin bħala oġġetti, u dan f’kull livell; fil-livell tal-immigrazzjoni u fil-livell anke tal-persuni li jispiċċaw ġol-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ma ħassejtx li għandi nieħu l-linja żbaljata li dawn nibagħtuhom ġewwa ċella, insakkruhom hemmhekk u narmu ċ-ċavetta, imma ħassejt li għandi ndaħħal mekkaniżmi li jgħinu sabiex min ixellef difru mal-liġi jkun jista’ jirriforma ruħu, jidħol lura, u jagħmel parti mis-soċjetà bħala ċittadin li qed jaħdem biex ikun onest. 

Fl-opinjoni tiegħi f’din id-direzzjoni għandu jkun xogħol kull ministru tal-ġustizzja u l-intern!  Min jaħseb li l-ministru tal-intern għandu jkun xi persuna żbilanċjata favur il-prosekuzzjoni jew dik tal-ġustizzja żbilanċjata l-kontra għandu, fl-opinjoni tiegħi, mhux bilanċ tajjeb.  Kull ministru fil-Gvern, b’mod partikolari dawk tal-intern u tal-ġustizzja, għandhom fuqhom il-piż li jaraw li l-liġi tiġi rispettata, li l-ġustizzja tiġi amministrata tajjeb, u li fil-pajjiż ikun hemm il-paċi u l-ordni pubbliku sabiex jiżdied il-ġid soċjali u ekonomiku.  Jekk il-liġi ma tiġix imsaħħa, jekk il-liġi ma tiġix obduta minn kulħadd, allura jkun hemm l-anarkija, u aħna bl-ebda mod ma nistgħu naqblu mal-anarkija! 

Elenku tax-xoghol li sar.

Qabel ma nidħol fil-fond tad-dibattitu xtaqt umilment infakkar, għal dawk li forsi insew, li f’dawn il-ftit snin li ilna f’dan is-settur għamilna numru ta’ tibdiliet importanti.  Fost dawn insibu l-introduzzjoni ta’ proċedura tal-ittra uffiċjali eżekuttiva; l-introduzzjoni tal-Qorti tal-Familja; l-issudar taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ; l-introduzzjoni taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni; ir-riforma mill-qiegħ tal-proċeduri tal-mandati eżekuttivi u kawtelatorji; l-introduzzjoni tat-tribunal uniku ta’ reviżjoni amministrattiva; l-Att dwar Ġustizzja Riparatriċi; ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri; l-introduzzjoni tal-liġi fuq l-assigurazzjoni fuq il-ħajja; l-introduzzjoni tal-liġi fuq il-persuna ġuridika, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet; l-emendi li daħħalna biex inħarsu aħjar l-idendità tal-ulied f’kawżi tal-delegata paternità, jiġifieri biex jiġi stabbilit min huwa l-missier bijoloġiku tal-wild b’mod iktar malajr. Għamilna l-liġi li biha neħħenja l-proċedura l-antika ta’ kif tippreżenta kawża fil-qorti, u minn ċitazzjoni morna għar-rikors ġuramentat.

Għamilna diversi emendi għall-Kodiċi Kriminali, fosthom dawk li bihom ħarraxna l-pieni kontra min iwettaq reati marbuta mar-razziżmu.  Daħħalna artikli u pieni ġodda kontra l-abbuż tat-tfal mill-atti tal-pornografija u s-solleċitar fuq l-internet.  Daħħalna emendi ġodda li permezz tagħhom issodajna iktar l-istitut tal-probation u l-emendi li bihom żidna l-ġurisdizzjoni marittima u kif taqbad u tbigħ vapur skont l-iżvilupp legali modern.  Daħħalna numru sewwa ta’ emendi biex nissodaw iktar is-sigurtà fil-kamp tal-piroteknika. Dawn, flimkien ma’ passi oħra, mexxewna ’l quddiem sabiex nistabbilixxu qafas ta’ liġijiet ġodda f’pajjiżna, riformi diretti u verament progressivi li biddlu l-affarijiet. 

Dan apparti mill-ħidma kostanti u diffiċli ħafna marbuta mas-settur tal-immigrazzjoni irregolari li f’dan id-dibatittu rajt mhux tant b’qawwa kbira, kważi ftit.  Dan hu settur xejn faċli li fih xenarju jinbidel jum wara l-ieħor, mingħajr preavviż ta’ xejn. Kull ministru tal-immigrazzjoni jaf li ma’ kull ġurnata, skont ir-riħ, skont il-baħar, skont iċ-ċirkostanzi ġewwa ċ-ċentri, skont kwalunkwe ħaġa oħra li tkun għaddejja fl-Unjoni Ewropea, irid ikun il-ħin kollu on the alert!  Dan apparti min-numru ta’ abbozzi ta’ liġi li huma wkoll ħaduli l-ħin u enerġija sabiex isiru, bħal dawk marbuta mar-riforma tas-settur tad-danni ċivili, l-abbozzi li jemendaw il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u dak li jintroduċi l-protezzjoni għal min jiżvela informazzjoni li tkun protetta.  Sar abbozz voluminuż marbut mas-settur kriminali, fejn qed nintroduċu l-konċett ta’ in-house union għall-Pulizija u l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ kif tista’ tgħin persuni li missew għall-ewwel darba mad-droga.  Għamilna emendi għall-Kodiċi Ċivili li bihom it-teħid tad-DNA sar obbligatorju f’kawżi ta’ delegata paternità. 

Dibattitu li servieni biex  nieħu konjizzjoni ta’ dak kollu li jien għamilt għas-servizz ta’ dan il-poplu.

Huwa impossibbli fiżikament li nelenka dak kollu li għamilt!  Inkun onest magħkom, li għal dan id-dibattitu tlabt lin-nies tal-uffiċċju iġibuli biss il-memos kollha li għamilt lill-Kabinett.  Nassigurakom li sibt u ftakart f’diversi memos li tellajt u li kont insejt, għax tant sar xogħol kontinwu f’dan il-Ministeru li dan id-dibattitu servieni biex almenu nerġa’ nieħu konjizzjoni ta’ dak kollu li jien għamilt għas-servizz ta’ dan il-poplu!  Ma jiddispjaċinix!  Aħna nħallu warajna l-professjoni, inħallu warajna dak kollu li fil-ħajja ta’ kuljum jorbotna, u nintilfu naħdmu għal numru kbir ta’ sigħat biex immexxu ’l quddiem dan il-Ministeru.  Però nittama li nkun nista’ nidħol f’ċertu dettall f’numru ta’ punti u nfakkar f’numru ta’ riformi li saru għall-benefiċċju tas-soċjetà.  Nittama wkoll li, skont x’jippermettili l-ħin, insemmi numru ta’ punti biex min qiegħed jisma’ jifhem aħjar dak li sar u jqabbel bejn id-diskors tal-Oppożizzjoni u l-fatti tal-Gvern! 

Fir-realtà, meta taqbad dak kollu li ngħad fil-konfront tiegħi għal dik li hija l-ħidma tiegħi bħala Ministru tirrealizza li m’hemm xejn verament kontra tiegħi, ħlief nuqqas ta’ qbil fuq meta, kif, u b’liema mod kellhom jiġu implementati numru ta’ miżuri li diġà saru.  Ebda punt minn dawk li tqajmu, fl-opinjoni tiegħi, m’għandu sostenn daqshekk qawwi li għandu jiġġustifika talba għar-riżenja tiegħi.  Fil-fatt, biex setgħet issir din il-mozzjoni ta’ opportuniżmu u mhux tant lealtà, kellha appuntu tiġi bbażata fuq inkorrettezzi, ineżattezzi u, f’ċerti ċirkostanzi wkoll, sfortunatament, tfigħ ta’ tajn u gideb! 



Waħda mill-iktar affarijiet li dejquni f’dan id-dibatitu kien il-punt li tqajjem minn membru tan-naħa l-oħra rigward il-każ tas-Sur Nicholas Azzopardi. Xtaqt nissorvolah mill-ewwel billi ngħid li għall-kuntrarju ta’ dak li nqtal, m’għandi xejn x’naħbi u lanqas kelli.  Dak li ma nqtalx hawn fil-Kamra huwa li fuq dan il-każ - anzi biex inkun korrett, qalu l-Onor. Tonio Borg - saru żewġ rapporti separati, żewġ inkjesti indipendenti u separati, waħda mill-Magistrat li kien qiegħed jieħu ħsieb l-inkjesta min-naħa tal-qorti, imbagħad appuntajt jien lill-Imħallef Albert Manché b’inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti. Dan sar biex ikun hemm żewġ kontrolli ta’ dak kollu li seta’ ġara fil-każ ta’ Nicholas Azzopardi. Għalhekk kien għal kollox żbaljat li wieħed jakkuża lili b’xi forma ta’ involviment jew ħabi tal-affarijiet.

Sar tqabbil ma’ każijiet oħrajn li fiċ-ċirkostanzi m’għandhom x’jaqsmu assolutament  xejn!  Li nista’ ngħid huwa li jien, fl-uffiċċju tiegħi, kelli r-rapport tal-Imħallef Albert Manché u l-inkartament, ix-xhieda kollha li nġabret, inkluż it-tapes, il-videos, in-nies kollha li xehdu, kollox miġbur.  Kif kont għedt fl-2008, erba’ snin ilu, dan l-inkartament kien għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd biex min irid jiġi jaqrahom, jiġi jifli dak kollu li kien sar bir-reqqa mill-Imħallef Manché u jerġa’ jaqra dak kollu li nġieb u jifhem il-fatti kollha li hemm f’dan il-każ.  Nista’ ngħid li f’dawn l-erba’ snin ħadd ma ndenja ruħu li jiġi ġewwa l-Uffiċju tiegħi u jara dawn il-karti.  Illum, iktar tard fil-ġurnata, se nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-karti kollha biex dawk il-membri parlamentari li għandhom diffikultà biex isibu fejn huwa l-Ministeru tiegħi, ikollhom aċċessibbli l-inkartament kollu ta’ dan il-każ.  (Onor. Membri:  Hear, hear) 

Ngħid b’wiċċi minn quddiem li kemm-il darba hemm xi fatt ġdid, hemm xi ħaġa li tista’ tixħet xi dawl differenti fuq dan il-każ, ħa tersaq ’il quddiem u ħa ssir l-investigazzjoni kollha li hemm bżonn.  Jien smajt min tkellem fuq l-involvilment tas-CPT f’dan il-każ.  Is-CPT iltaqgħu mal-membri tal-familja, raw dak kollu li ngħad, iltaqgħu ma’ min kellhom bżonn jiltaqgħu.  Anzi, is-CPT, fir-rapport tagħhom, jgħidu li l-Pulizija għamlu xogħolhom sewwa li mill-ewwel daħħlu lill-Maġistrat inkwerenti u ttieħdu l-passi kollha neċessarji biex isir skrutinju sħiħ tal-operat tal-Pulizija.  Dan sar b’mod ċar u rrid inneħħi kull dubju darba għal dejjem. 

Kien hemm ukoll min - mhux bi żlealtà, imma hemm min iħobb jilgħab dan it-tip ta’ logħob taċ-chess - ta intervista f’gazzetta u qal li Carmelo Mifsud Bonnici għandu għalxiex jistħi għax taħtu mietu żewġ persuni, is-Sur Bastjan Borg u s-Sur Nicholas Azzopardi. Fiż-żewġ każijiet sar skrutinju pubbliku indipendenti. Il-Ministru m’għamilx l-iskrutinju hu, ma marx joqgħod jisma’ x-xhieda li nġiebu, la fil-każ tas-Sur Bastjan Borg u lanqas tas-Sur Nicholas Azzopardi!  Però ż-żewġ investigazzjonijiet saru minn istituzzjonijiet indipendenti li għandna fil-pajjiż.  Fiż-żewġ każijiet il-Pulizija ġiet eżonerata, anke fit-tieni wieħed tas-Sur Nicholas Azzopardi, każ li jien qgħadt kemm jista’ jkun attent biex ma ndaħħlu bl-ebda mod fix-xenarju politiku minħabba l-familjari tiegħu u minħabba l-background tiegħu. 

Jien niddejjaq li traġedji personali u traġedji familjari jispiċċaw jintużaw għal skopijiet politiċi.  Qabel kont Ministru kelli nies li ġew l-uffiċċju tiegħi u kellmuni, bħala avukat, dwar kif sabu lilhom infushom bejn il-basla u qoxritha fi ġlidiet politiċi li fl-aħħar mill-aħħar kellhom diffikultà kbira biex ikunu jistgħu jressqu l-vuċi tagħhom ’il quddiem.  Però, għal min akkużani żlealment f’dawn iż-żewġ każi, ngħidlu li ż-żewġ każi mhumiex minnhom.  Hemm żewġ inkjesti li saru indipendentement minni - li jien ma xhedtx fihom u bl-ebda mod ma ersaqt lejn dawn in-nies - għamlu x-xogħol tagħhom legali u t-tnejn qalu li l-Pulizija għamlu x-xogħol tagħhom tajjeb.

Ladarba qed nitkellmu fuq dan jien xtaqt nidħol fuq numru ta’ punti li tqajmu għar-rigward tal-Korp tal-Pulizija. Ħa nsemmi numru ta’ punti li jien inħoss li huma ta’ vantaġġ għall-Korp tal-Pulizija, imbagħad nipprova nidħol fid-diversi punti li tqajmu mill-Onor. Michael Falzon. Illum il-Pulizija f’Malta għandhom numru ta’ kondizzjonijiet li naħseb li huwa mertu ta’ dan il-Gvern li saru.  L-ewwel nett il-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom id-dritt li ta’ 25 sena jirtiraw, u mhux biss li jirtiraw imma li jieħdu din il-pensjoni,  li ħaddieħor kien ħadhielhom  -  l-ewwel għamilhielhom ta’ 55 sena u mbagħad kien hemm ħafna komplikazzjonijiet li jekk jieħdu l-pensjoni u jaħdmu jitilfu l-pensjoni  -  b’rikonoxximent għax-xogħol kbir li jagħmlu.  Allura kull membru tal-Korp tal-Pulizija għandu d-dritt li wara 25 sena jitlaq, imbagħad isib xogħol ieħor u dak li qiegħed jaqla’ mix-xogħol l-ieħor jgħaqqdu ma’ dak tal-pensjoni. 

Illum kull membru tal-Korp tal-Pulizija għandu ġimgħa ta’ 46 siegħa xogħol.  Il-pulizija fl-uffiċini m’għadhomx jaħdmu s-Sibt u meta jsir dan jieħdu l-frank matul il-ġimgħa.  Hemm shifts ġodda għall-pulizija kollha mingħajr ma jiġu mittiefsa.  Illum il-pulizija jaf minn qabel x’se jkollu xogħol minn sena jew kważi sentejn qabel.  Għamilna żieda sostanzjali fl-extra duty għal kull membru tal-Korp.  Ħaġa li ma ssemmietx f’dan id-dibattitu hija li tul din il-leġislatura l-extra duty żidnieha fil-valur għal kull membru tal-pulizija. Għamilna allowances ta’ overtime għal min jaħdem iżjed minn 46 siegħa xogħol fil-ġimgħa, tajna żieda fid-disturbance allowance, minn €46 għal €70 għall-fizzjali meta jaħdmu sigħat żejda, u tajna allowances lil dawk il-membri li ma jgawdux allowances tal-Ħdud. 

Sur President, tneħħew ukoll ċerti restrizzjonijiet li l-pulizija jkun irid jaħdem mill-inqas jumejn biex l-istess membru jkun jista’ jieħu l-frank tiegħu bi dritt.  Illum qed jintbagħat kuljum elettronikament fl-għassa d-detail ta x’se jkollu xogħol kull membru tal-Korp.  Qed jingħataw ċertifikati ta’ mertu lil kull pulizija li jiddistingwi ruħu. Jien kemm-il darba kont preżenti għal dawn it-tip ta’ ċerimonji. Hemm diversi affarijiet oħrajn li saru għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Żdiedu l-pulizija fit-toroq, żdiedu l-patroles bil-vetturi, għamilna qabdiet record tad-drogi, però dawn niġi għalihom biċċa biċċa. 

Issa nitkellmu ftit dwar ir-reklutaġġ tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Bl-għajnuna tal-Gvern tul dawn l-aħħar għaxar snin il-Korp irnexxielu jagħmel reklutaġġ ta’ kull sena fejn ġew ingaġġati 864 rekluta biex jinżamm in-numru ta’ pulizija neċessarju fil-Korp.  Il-Korp jaf li kull sena se jkollu numru ta’ nies li jitilqu mill-Korp minħabba l-vantaġġ li jistgħu jirtiraw wara 25 sena.  Allura huwa dejjem tajjeb li kull sena jinfetaħ kors ta’ reklutaġġ għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Għalhekk aħna ħadna ħsieb li nagħtu attenzjoni rigward l-edukazzjoni, is-saħħa u l-personalità tal-membri li jiġu ngaġġati.  Dan dejjem biex titjieb id-dehra u l-kwalità tal-membru tal-Korp tal-Pulizija billi jkun imħarreġ aħjar. 

Ilbieraħ xi ħadd qalli li kien hemm xi membri tal-Korp tal-Pulizija li qalulu li huma qegħdin bil-bicycle meta ħadd ieħor qiegħed bil-jumbo jet! Nassigurak li l-membri tal-Korp tal-Pulizija qegħdin ferm aktar avvanzati milli qed tingħata l-impressjoni minn xi ħadd fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra.  Ovvjament illum irridu nenfasizzaw li r-rekluta jingħata taħriġ ta’ sena qabel jidħol membru tal-Korp tal-Pulizija u fl-aħħar tar-reklutaġġ isirlu eżami li jekk jgħaddi minnu jsir pulizija, imma jekk jeħel ma jsirx. Naħseb li l-poplu Malti din japprezzaha u japprezza wkoll ix-xogħol li qiegħed isir biex ikollna Korp tal-Pulizija b’saħħtu għall-futur. Mhux biss, imma li l-membri li għandu llum jiġu mħarrġa fl-Akkademja tal-Pulizija. 

Sur President, ilbieraħ ġejt informat li fl-aħħar sejħa għar-reklutaġġ, minkejja d-diskors tad-demotivazzjoni, id-diskors li ħadd ma jrid isir pulizija, daħlu 230 applikazzjoni għal 100 post! Naħseb li dak fih innifsu huwa ċertifikat mill-aktar ċar li għad hawn interess kbir min-nies li jsiru membri tal-Korp tal-Pulzija. Importanti dejjem li tagħżel nies li jaraw ix-xogħol tal-Korp tal-Pulzija bħala vokazzjoni, bħala xi ħaġa li fiha huma għandhom karriera li se jservu n-nies. Il-poplu jippretendi li jiena nieħu ħsieb li fil-Korp tal-Pulizija jkun hemm aktar pulizija, li jkun hemm aktar pulizija li huma mħarrġin tajjeb, li jkun hemm aktar pulizija ppreparati għall-eventwalitajiet kollha, fil-livelli kollha.

Irrid ngħid li ma kenitx deċiżjoni faċli li ħadt, li nagħmel dan il-kors akkademiku fuq sena. Però m’għandix dispjaċir li meta jkolli ċ-ċans - għax is-sena l-oħra ma stajtx, però mar il-Prim Ministru - li mmur nara r-rekluti jieħdu l-ġurament tal-ħatra. U tridu tisimgħu l-kliem ta’ tifħir tal-ġenituri ta’ dawn it-tfal li jgħidulek: Ħadna pjaċir li t-tifel tagħna daħal f’dan il-kors għax kellna biża’ li l-intelliġenza tiegħu tkun moħlija.  Infakkar li llum ir-rekwiżiti biex tidħol membru tal-Korp tal-Pulizija mhumiex ċajta, huma ta’ ċertu piż, ta’ ċerta portata. Il-ġenituri ħadu gost li dawn it-tfal ma żbandawx ruħhom, anzi aħna ppreparajniehom akkademikament biex ikunu imħarrġa għal kull eventwalità.

L-Onor. Falzon semma wkoll li hemm xi ħadd li għandu cushy job fil-Korp tal-Pulizija, u frankament nixtieq inkun naf min hu dan, sakemm m’hemmx xi ħadd li għandu light duties jew inkella xi ħadd li għandu dritt għal xi maternity leave jew xi affarijiet oħra. Ġol-Korp tal-Pulizija, safejn naf jien, ħadd m’għandu dan il-cushy job, kulħadd irid jagħmel ix-xogħol tiegħu, u ovvjament mhux faċli tkun membru tal-Korp tal-Pulizija.  Nixtieq ukoll inserraħ moħħ l-Onor. Falzon li x-xogħol fuq l-Akkademja tal-Pulizija miexi u miexi b’ritmu tajjeb ħafna, kif kien ippjanat.  Wara li ħarġu l-permessi tal-bini tal-Akkademja, għax ovvjament wieħed ried jistenna li joħorġu l-permessi neċessarji mill-MEPA, tlestew u ħarġu tliet tenders.  Waħda minnhom biex jitħaffer u jinbena l-ġibjun li hu maħsub biex jinġabar u jinħażen l-ilma li jaqa’ fuq il-bini tal-akkademja biex ikollu l-ilma kollu hemmhekk għall-bżonnijiet kollha neċessarji. Din it-tender diġà ġiet aġġudikata u x-xogħol tlesta wkoll. 

It-tieni tender hija biex jinbena l-blokk amministrattiv.  Din ukoll ħarġet u bħalissa qed tiġi aġġudikata, u aktar ma tiġi aġġudikata malajr tant aħjar ħalli nkunu nistgħu nlestu dan il-post. It-tender l-oħra biex isir ix-xogħol fuq il-bini tas-servizzi tlestiet u qed tiġi pproċessata quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti.  Allura qegħdin avvanzati.  Peress li f’Sant’Iermu, il-post fejn hemm l-Akkademja preżentement, inbeda x-xogħol ta’ restawr, il-Pulizija ħarġet minn hemm u temporanjament qiegħda tuża ċ-ċentru tad-detenzjoni ġo ta’ Kandja li ovvjament ġie trasformat biex iservi bħala l-post fejn se tkun l-akkademja temporanjament sakemm jitlesta l-bini tal-Akkademja.  M’għandniex xi ngħidu li l-fatt li poġġejt il-ġebla ta’ kommemorazzjoni ta’ meta nbeda x-xogħol fuq il-bini tal-Akkademja fil-11 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet dejjaq ftit lill-ħabib tiegħi!  Il-Pulizija hija ferm attiva f’dan kollu u aktar ma x-xogħol isir malajr tant aħjar, biex inkunu nistgħu naħdmu.

Sur President, ġol-Akkademja għandek it-tagħlim tar-rekluti, it-tagħlim tas-surġenti u s-sena l-oħra kellna t-tagħlim tal-ispetturi, għax wieħed irid jgħid li għamilna intake ta’ spetturi li qatt ma għamilna qabel.  Fir-rigward tat-tagħlim, il-membri tal-Korp kellhom ukoll rikonoxximenti. Il-Foundation for Human Resources and Development tat l-Actavis Learning and Development Award lill-Korp tal-Pulzija minn fost numru kbir ta’ dipartimenti tal-Gvern, ta’ NGOs u korporazzjonijiet, bħalma huma l-HSBC u l-Bank of Valletta.  U issa niġi għaIl-kwestjoni tad-demoralizzazzjoni tal-pulizija.

F’kull leġislatura jkun hemm din il-kritika. Għadda minnha l-Onor. Tonio Borg, għadda minnha l-Onor. Louis Galea, u kull min ikun Ministru tal-Intern ikollu din il-kritika.  Jien frankament nista’ ngħid li l-maġġoranza tal-membri tal-Korp tal-Pulizija jagħmlu xogħolhom tajjeb u nara impenn kbir min-naħa tagħhom, kif jidher mir-riżultati.  Dejjem ikun hemm dak l-individwu li jixtieq jiċċaqlaq minn post għal ieħor, li forsi ġie ttrattat ħażin fuq xi ħaġa jew għandu xi dwejjaq partikolari. Però l-maġġoranza kbira tal-membri tal-Korp minn hawnhekk irrid infaħħarhom għal kemm għandhom moral għoli u jaħdmu kontinwament biex ikunu jistgħu jikkumbattu l-kriminalità.

Sur President, il-Gvern huwa kommess li jagħmel il-Malta Police Association bħala union. M’hemmx diffikultà fuq dan. Diġà ġie ppreżentat abbozz ta’ liġi, li qiegħed hawnhekk biex jarah kulħadd, li ma fiehx linja waħda imma hemm numru ta’ artikoli li mhux biss isemmu l-in-house union, imma wkoll numru ta’ reati, numru ta’ pieni li qed nitolbu li jiżdiedu f’każijiet meta jkollok membri tal-Korp tal-Pulizija li b’xi mod jew ieħor jiġu attakkati. L-Onor. Falzon qajjem il-punt ukoll rigward differenzi li jistgħu jeżistu bejn distrett u ieħor jew il-pulizija li jkun hemm stazzjonati fid-distretti u dawk li hemm stazzjonati fit-taqsimiet speċjalizzati. 

Ovvjament kull distrett u sezzjoni huma importanti u vitali għall-Korp tal-Pulizija.  Però huwa fatt li l-membri li jkunu qegħdin iservu f’sezzjonijiet, kemm jekk ikunu speċjalizzati kif ukoll jekk ikunu distrettwali, dawn huma speċjalizzati fil-qasam li jkunu qegħdin iservu. Jista’ jkun li bejn id-distretti u l-iskwadri speċjalizzati tinħoloq ċerta healthy competition.  Din hija xi ħaġa li dejjem eżistiet fil-Korp, però żġur li mhix intenzjonata biex tkun b’xi mod diskriminatorja. Nirrepeti, kull distrett u kull sezzjoni għandha l-importanza kbira tagħha, mhux kif qed jingħad mill-Oppożizzjoni li għax tkun qed isservi f’distrett tkun qed tiġi ddiskriminat, ippenalizzat, jew inkella qed tiġi kkastigat.

Ħaġa li ħadna ħsieb nagħmlu tul dawn l-erba’ snin kienet li nassiguraw li kemm jista’ jkun ikollna aktar pulizija barra, aktar pulizija on the beat, aktar pulizija fid-distretti, aktar pulizija li jidhru, u aktar pulizija li jkunu qegħdin jaħdmu fil-komunità. Irrid ngħid li f’dan il-perjodu, meta sirt ukoll Ministru tal-Kunsilli Lokali, għamilt enfasi kbira, u se nibqa’ nagħmilha, biex kemm jista’ jkun tiżdied aktar il-koperazzjoni bejn min qiegħed fil-kunsilli lokali u min qiegħed fil-Korp tal-Pulizija.  Diġà l-liġi li kien għamel l-Onor. Tonio Borg tgħid li kull xahar għandhom isiru laqgħat bejn il-kunsilli lokali u s-suprentendent tad-disrett.  Però din trid issir b’aktar attenzjoni u b’aktar żelu. Innotajt li kull fejn il-Kunsilli Lokali jaħdmu id f’id mal-Pulizija, id-delinkwenza tonqos.

Mhux biss, Sur President, imma jkun hemm ġbir ta’ informazzjoni aktar fil-ħin li tgħin biex diversi persuni jinqabdu aktar malajr. Hawnhekk irrid infakkar li filwaqt li żmien ilu l-għassa tal-pulizija kienet iċ-ċentru tal-informazzjoni, ta’ belt jew ta’ raħal, illum dak iċ-ċentru ċċaqlaq mill-għassa tal-pulizija u mar direttament fil-kunsilli lokali.  Allura huwa importanti li jkollna nies fid-distretti. U meta jsiru pulizija jkun siewi li r-rekluti jservu żmien fid-distretti għax hemm jieħdu l-esperjenza ġenerali u neċessarja għax-xogħol li għandu l-Korp tal-Pulizija.  Naħseb li f’dawn l-erba’ snin ir-riżultati juru b’mod ċar li dak li aħna għamilna fil-Korp tal-Pulizija ħadem tajjeb. 

Żgur mhux forsi li l-pulizija ngħataw għodda importanti biex jaħdmu. Jiena diġà weġibt domanda parlamentari dettaljatament fuq numru t’affarijiet li aħna għamilna fil-laboratorji tax-xjenza forensika. Però biex inserraħ moħħ il-ħabib tiegħi l-Onor. Falzon ngħidlu li f’dan id-dipartiment saru investimenti kbar, partikolarment f’dawn l-aħħar snin. Proprju ftit tax-xhur ilu ġie rranġat post ġdid għal din is-sezzjoni li ġie rrestawrat u attrezzat b’għamara kollha ġdida u moderna biex jisbieħ l-ambjent tal-post tax-xogħol ta’ din l-iskwadra, kif jitlob li għandu jkun post bħal dan.  Mhux hekk biss, imma ikkonċentrajna s-sezzjoni forensika kollha f’post wieħed partikolari. Ġie installat makkinarju ġdid, kemm tal-Automated Fingerprint Identification System (AFIS), kif ukoll għall-ewwel darba dak tad-DNA, li t-tnejn huma f’network mal-kumplament tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. 

Dan l-apparat inxtara b’fondi mill-istess Unjoni Ewropea, u b’dan l-apparat il-Pulizija se tkun tista’ tikkompara b’mod komputerizzat l-evidenza li tinġabar minn fuq ix-xena tar-reat mar-records miżmuma għand il-Pulizija Maltija u dik Ewropea. Kuntrarju għal dak li ntqal, dan l-apparat wasal, ġie installat u se jkun fully-operational wara li jkunu saru l-evalwazzjonijiet tiegħu minn membri tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-proċess tal-istallazjoni ta’ dan l-apparat ma kien hemm l-ebda diffikultà teknika, diġà qiegħed jiffunzjona, u l-komunikazzjoni ta’ dan l-apparat ma’ pajjiżi oħra qed taħdem ukoll.  Ġie investit ukoll, b’fondi tal-Unjoni Ewropea, apparat li permezz tiegħu jkunu jistgħu jinkixfu dokumenti u flus foloz. Is-sena li għaddiet sar investiment fi breathalyzers ġodda, apparat li jintuża biex ikejjel l-ammont ta’ alcohol li jkun jista’ jiġi kkonsmat minn individwi. 

Twaqqaf ukoll laboratorju diġitali ġdid fit-taqsima tal-fotografija. B’dan l-apparat il-Pulizija rnexxielha tibdel is-sistema tagħha tal-iżviluppar tar-ritratti għal teknoloġija moderna diġitali. Dan barra milli nxtraw numru ta’ cameras tar-ritratti u seba’ cameras tar-recording diġitali li jiswew €7,000-il waħda, ukoll mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Imbagħad l-Onor. Falzon ikkritikana għax għandna erba’ cameras biss tar-recording u li għandna bżonn nixtru oħra. Dawn l-erba’ cameras jintużaw mit-taqsima tas-Scene of Crime officers fix-xogħol investigattiv tagħhom u t-tlieta l-oħra jintużaw f’xogħol ieħor kif meħtieġ.

Hawn nixtieq insemmi wkoll x’kienet ir-raġuni li l-Korp waqaf milli jagħmel l-analiżi komparattiva. Infakkar li kien hemm sentenza kostituzzjonali tal-Pulizija kontra Longino Aquilina li ngħatat fit-23 ta’ Jannar 1992, fejn hemm ġie ritenut li l-Pulizija m’għandhomx jibqgħu jagħmlu xogħol t’analiżi. Dan għandu jsir minn persuni indipendenti mill-Korp kif fil-fatt qiegħed isir. Se nkompli nirreferi għar-risposta parlamentari li kont tajt.  Kif diġà għedt, f’dawn l-aħħar ħames snin il-Korp tal-Pulizija investa f’ħafna apparat bħal, pereżempju, il-laboratorju diġitali ġdid sabiex isir l-iżviluppar tar-ritratti. 

Dan l-apparat inxtara għas-somma ta’ €187,000 fis-sena 2000, flimkien ma’ somma oħra ta’ €600,000 f’materjal li ġie kkonsmat b’konnessjoni ma’ din it-taqsima. Matul is-sena 2009 sar ukoll investiment ta’ €320,000. Dan kien jinkludi xiri t’apparat sabiex jiġu eżaminati d-dokumenti tal-ivjaġġar, flus u dokumenti oħra foloz. Inxtara wkoll apparat li jiżviluppa impronti diġitali minn fuq diversi materji. Inxtraw numru ta’ cameras diġitali, u fl-2010 erġajna xtrajna apparat diġitali ieħor. Kull sena għamilna investiment f’dan il-qasam.  Illum b’wiċċi minn quddiem ngħid li f’dawn il-ħames snin infaqna €2.6 miljuni fil-laboratorju għax-xjenza forensika tal-Pulizija. Naħseb li hija somma li mhijiex żgħira!

Issemmiet ukoll il-kwestjoni tal-Prosecutions Unit li għandha isem li jista’ jkun ftit misnomer. Però l-Prosecutions Unit saret taħt Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998 li l-ħsieb tagħha kien wieħed, li jkun hemm skwadra mwaqqfa biex tgħin fil-pariri legali u tassisti fejn ikun hemm bżonn fil-prosekuzzjonijiet kollha tal-Pulizija. Dan huwa x-xogħol li kien mistenni minn din il-Unit u li qiegħda tagħmel.  Li kieku min waqqaf il-Prosecutions Unit kellu l-ħsieb li tkun hi li tmur tagħmel il-prosekuzzjonijiet tal-kawżi kollha l-Qorti, kieku għandna bżonn id-doppju tal-ispetturi li għandna.  Issa rrid ngħid li llum l-ispettur tal-Pulizija li jmexxi l-prosekuzzjonijiet ġol-Qorti huwa ppreparat ferm aktar milli kien qabel. 

Għandek żewġ caption areas ta’ nies, jew dawk li huma membri fil-Korp tal-Pulizija jew inkella dawk li ġejjin minn barra.  Dawn it-tnejn jattendu għall-kors universitarju fil-liġi u t-tnejn li huma jieħdu kors akkademiku ppreparat apposta biex ikunu preparati bil-liġijiet u x’għandhom jagħmlu meta huma jsiru spetturi. Allura l-Prosecutions Unit ġol-Korp tal-Pulizija kienet u għadha intenzjonata bħala back-up għax-xogħol li qegħdin jagħmlu l-ispetturi. Naħseb li lkoll nammettu li n-nies li huma prosekuturi għandhom ukoll ikunu nies li jafu sewwa l-fatti tal-każ, għax meta spettur ikun jaf sewwa l-każ ikun jista’ jmexxih ferm aħjar minn ħaddieħor.

Issemmew il-karrozzi tal-Pulizija l-ġodda li qishom dejqu ħafna nies li ġew.  Kien hemm min qisu qed jixtieq mhux tant ġid u jittama li dawn il-karozzi tal-Pulizija …..  Jien  ma ċempiltx lil tal-Ford u għedtlu biex jibgħatli numru ta’ karozzi, imma hemm il-proċess tat-tender li, kif tafu intom, isir billi tinħareġ sejħa taħt proċedura Ewropea wkoll. Wara li ssir l-aġġudikazzjoni kollha, wara li min irid jappella jista’ jappella, wara li min irid iqajjem il-kwistjonijiet kollha li jrid iqajjem, dawn il-karozzi fl-aħħar ġew. Mhux biss ġew, imma ovvjament kien hemm perjodu li fih inbidlet l-immaġini tagħhom.  Kulħadd japprezza li tul dawn l-erba’ snin il-karozzi tal-Pulizija nbidlu fuq bażi regolari u kontinwa, u jien bħala Ministru ħadt ħsieb li l-karozzi tal-Pulizija jinbidlu skont il-bżonn, speċjalment tal-mobile unit, li l-ħin kollu jduru ma’ Malta u l-ħin kollu jkunu on the place.  Ilkoll nisimgħu bis-suċċess li kellhom.  Infakkar biss fil-każ tal-HSBC kif kienu mill-ewwel fuq il-post.  Dan hu x-xogħol tajjeb! 


Il-karozzi l-ġodda huma parti minn din l-istrateġija. Din ma waqgħetx mis-sema u, bir-rispett kollu, jekk kemm-il darba taħsbu li għax tagħmlu l-mozzjonijiet se jiġu dawn l-affarijiet, allura nibda nagħtikom minn qabel dak li qed nitlob jien mill-Finanzi biex tagħmlu l-mozzjonijiet fuqu!  Imma l-verità hija li hemm proċess li jrid isir.  Bejn dak li jien inkun nixtieq għall-membri tal-Korp tal-Pulizija u dak li l-qafas ekonomiku tal-pajjiż għandu, hija xi ħaġa oħra.  Però żgur, mhux forsi, agħtu kredtu ta’ dak, u jekk jogħġobkom tkunux għajjurin għal ħaġa daqshekk sabiħa, għax huwa ta’ ġid għaż-żewġ naħat tal-Kamra li jkollok membri tal-Mobile Squad attrezzati tajjeb. Wara kollox, dawn mhumiex ta’ partit wieħed!

Irrid ngħid li kemm ilni Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija jiena ħadt ħsieb dejjem li ma jkun hemm ebda preferenzi ta’ xejn, li kull persuna li ħaqqha mertu, dan jingħatalha. Ġibuli lil min tridu quddiemi, lest li naffrontah, għax kull persuna li kien ħaqqha mxiet ’il quddiem, kull persuna li ma kienx ħaqqha jew fadlilha ż-żmien biex timmatura baqgħet fejn kienet. Però m’għandi xejn x’naħbi, bl-ebda mod!  Anzi ħa ngħid ħaġa oħra. Jien il-Ministru li ltqajt kemm flaħt ma’ nies tal-Pulizija. Jiena niltaqa’ mal-uffiċjali għolja tal-Pulizija, mal-assistenti kummissarji, iltqajt mas-suprentendenti diversi drabi u ltqajt ukoll mal-ispetturi, għax inħoss li għandna nibagħtu l-messaġġ li hemm bżonn li nikkonsidraw lil kull persuna f’Malta bħala importanti. Għalija kull tikka reat huwa importanti. 

Is-sena l-oħra kellna madwar 2,000 persuna li rrapportat li nsterqilha l-mobile.  Fi żmien erba’ snin, minn 380 telgħu għal 2,000 u dawn għollew ’il fuq l-istatistika b’mod u manjiera li jekk tneħħi dawn l-2000 każ, l-istatistika tinżel għal qabel ma daħħalna l-Police Incident Reporting System (PIRS).  Jien bħala Ministru rrid nibgħat il-messaġġ lil kull membru tal-Korp li kull ċittadin fil-pajjiż huwa importanti, li kull każ ta’ kull persuna huwa importanti u li għandna nagħtu feedback għal kollox. Ħriġt ftit barra mis-suġġett, però nappella lill-kollega tan-naħa l-oħra li fil-kwestjoni tal-vetturi għandu jagħtina l-kredtu tal-istrateġija. Anzi agħtina l-kredtu li ġibna mhux biss karozzi għall-Mobile Unit, imma għal sezzjonijiet oħra wkoll taħt il-vot tal-External Border Funds li minnu pajjiżna bbenefika minn €115-il miljun.  Imma dawk huma pleasures yet to come!

Dwar it-Taqsima tal-Klieb - għax ladarba ssemmew il-klieb nitkellmu fuq il-klieb - kuntrarju għal dak li ntqal mill-ħabib tiegħi, mhux veru li l-klieb huma kollha morda.  Il-Korp bħalissa għandu 27 kelb, u ħlief għal sebgħa minnhom, il-klieb huma kollha f’kondizzjoni ta’ saħħa eċċellenti. Tlieta minn dawn is-sebat iklieb imsemmija bħalissa qed jieħdu kura medika, però xorta waħda għadhom jiġu wżati fix-xogħol tal-Pulizija. L-erbat iklieb l-oħra ġew irtirati mix-xogħol minħabba l-età tagħhom.  M’għandhomx il-pensjoni tal-25 sena, serraħ moħħok!  Però wieħed minn dawn l-erbat iklieb imsemmija se jitraqqad fuq parir tal-veterinarju. Il-klieb li għandu l-Korp huma mħarrġa fid-dixxiplini kif se ngħid. Tmienja huma mħarrġa fix-xamma tal-isplussivi, sebgħa oħra huma mħarrġa fix-xamma tad-droga, u sitta oħra huma mħarrġa fil-protezzjoni. 

Il-Korp imbagħad għandu żewġt iklieb oħra li jintużaw fid-displays li jingħataw lill-membri tal-pubbliku.  Irrid ngħid li disgħa minn dawn il-klieb inxtraw f’Jannar tal-2010 mill-Ingilterra taħt skema li jgħidulha semi-trained. Għalhekk kien inġieb trainer mill-Ingilterra għall-ewwel tliet xhur tas-sena 2010 biex jgħallem lil dawn il-klieb u d-dog handlers Maltin kif għandhom ikomplu jgħallmu lil dawn il-klieb. Jiġifieri għandek informazzjoni ħażina, Onorevoli, li ġibna l-klieb ta’ malajr għax kien ġej il-Papa!  L-ewwel nett il-Papa nilqgħuh u ma kellniex bżonn inġibu l-klieb biex inżommuh milli jinżel!  Jiġifieri l-klieb inġiebu għax kienet ħarġet l-offerta qabel sew, u wara li saret is-sejħa għat-tender ġew aġġudikati u ġew disat iklieb, mhux tnejn. 

Irrid ngħid ukoll - u dan mertu wkoll għal din it-Taqsima tal-Klieb għax ladarba qegħdin fuq il-klieb allura ħa nkomplu nitkellmu fuqhom – li l-Korp għandu biex jiftaħar b’din it-taqsima għax għamlet xogħol siewi immens.  Matul iż-żmien u b’mod regolari l-pulizija li jservu fit-taqsima attendew u jattendu għal korsijiet ta’ taħriġ f’diversi pajjiżi Ewropej.  B’sodifazzjoni kbir ngħid li l-membri minn din l-iskwadra ġew anke mistiedna biex jattendu u jassistu lill-pulizija Ċiprijotta biex jibnu l-iswadra tal-klieb tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dixxiplina, tagħlim u displays, liema talba ġiet milqugħha bl-ispejjeż kollha mħallsa mill-Pulizija Ċiprijotta. 

Qed ngħid dan għax f’xi dibattitu dwar il-budget xi ħadd mill-Oppożizzjoni qalilna li f’Ċipru jagħmlu l-affarijiet aħjar minna! Irrid ngħid li wara l-vista tal-Papa hawn Malta fejn kollox irnexxa - u rrid nirringrazzja lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati li taw sehemhom - bil-mod ta’ kif ġiet organizzata mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu lill-Maltin biex imorru jassistuhom fl-organizzazzjoni tas-sigurtà tal-Papa waqt iż-żjara tiegħu f’Ċipru.  Dawn huma kollha sinjali ta’ nies li huma demotivati, li ma jridu jafu xejn aktar bil-pulizija, li moħħhom biex jaslu sal-25 sena u jitilqu!  (Onor. Membri:  Hear, hear)

Sur President, saret il-kritika li r-radios tal-pulizija huma fqar minkejja li llum il-Korp għandu biex jiftaħar bis-sistema tar-radios, li jagħti radio lil kull pulizija immedjatament li jibda jservi fil-Korp. Hija ħaġa tajba, ħaġa moderna, ħaġa importanti, u lill-pulizija tagħtih saħħa ikbar għax ma jkunx iżolat, imma jista’ jitlob lil tal-Mobile Squad biex jagħtuh l-għajnuna. Hemm kordinazzjoni tajba.  Il-Korp għamel investiment kbir f’dan il-qasam għax jemmen li r-radio huwa għodda importanti fix-xogħol tiegħu.  Is-sena li għaddiet il-Korp investa f’200 radio diġitali ġdid tal-għamla Kenwood li jiswew €68,000.  In-network tar-radio tal-Pulizija li nbniet kważi mix-xejn hija waħda effiċjenti, kuntrarju għal dak li qal l-Onor. Membru tal-Oppożizzjoni.  Il-Korp huwa dispost li jkompli jinvesti f’dan il-qasam tat-teknoloġija moderna fejn  illum għandna 13-il repeater. Allura r-radio mhux talli mhuwiex antikwat talli għadhom kif inxtraw 200 ġodda li huma għad-dispożizzjoni tal-pulizija.

L-Onor. Falzon ikkritika wkoll il-kwestjoni tal-infurzar tal-pulizija ġewwa Paceville.  Kulħadd jaf li matul il-weekends u fis-sajf Paceville huwa post iffrekwentat ħafna, ħafna aktar minn postijiet oħra.  Kull sena, fl-ewwel tliet xhur jien niltaqa’ mas-senior police biex norganizzaw il-pulizija mhux biss f’Paceville imma anke f’postijiet oħra.  Paceville hija importanti ħafna, imma Buġibba hija importanti, Wied il-Għajn huwa importanti, il-Qawra hija importanti, Tas-Sliema hija importanti, u hemm postijiet f’Għawdex ukoll li huma importanti. Jien inkun irrid li f’dawn il-postijiet tad-divertiment, ta’ frekwenza tan-nies, ikun hemm il-preżenza tal-pulizija kif fil-fatt ikun hemm. 

Il-pulizija żżid il-preżenza tagħha meta u fejn ikun hemm bżonn. Ir-riżorsi tal-Korp ma jippermettux li jkun hemm ħela ta’ riżorsi u għalhekk iħaddem ir-riżorsi tiegħu b’mod flessibbli fejn ikun meħtieġ. Għalhekk, man-numru tal-pulizija stazzjonati b’mod permanenti fid-distrett ta’ San Ġiljan, li nsellmilhom minn hawnhekk għax-xogħol li jagħmlu matul il-weekends fix-xitwa jew ta’ kull ġimgħa matul l-istaġun tas-sajf, ir-riżorsi f’dan id-sistrett jiżdiedu b’mod konsiderevoli biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz. Mhux veru li l-pulizija li huma stazzjonati f’dan id-distrett qegħdin hemm b’kastiġ. Il-back-up tal-pulizija f’San Ġiljan jiġi mit-taqsima tal-SAG, mid-distretti l-oħra, filwaqt li membri mit-taqsimiet tal-vizzji u dawk tal-ALE jassistu f’din il-lokalità b’mod pajżan, in plain clothes

Id-distrett ta’ San Ġiljan għandu x-xogħol u l-karatteristiċi tiegħu bħal kull distrett ieħor. Jekk wieħed iħares lejn il-Ħamrun dan għandu x-xogħol partikolari tiegħu, però f’kull post ikun hemm il-membri tal-Korp tal-Pulizija. Ovvjament ikun hemm ukoll diversi appuntamenti matul is-sajf, fosthom il-festi, fejn ikun hemm il-membri tal-Korp tal-Pulizija il-Ħamis, il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd. F’Santa Marija jkun hemm seba’ festi f’daqqa!  Apparti l-festi jkun hemm il-logħob tal-futbol, il-logħob tal-waterpolo u attivitajiet pubbliċi oħrajn. Jiġifieri l-Korp tal-Pulizija jkun qiegħed barra jagħmel ix-xogħol tiegħu, u jagħmlu to the best of its abilities.

Għandi diversi punti oħrajn, però ma nistax nidħol fihom kollha.  Fis-seduta tal-bieraħ il-kelliem tal-Oppożizzjoni qajjem ukoll il-każ tas-Sur Stephen Spiteri.  Irrid ngħid li mhu minnu xejn dak li ntqal, li lill-familjari tas-Sur Stephen Spiteri ma kellimhom ħadd.  Intom informati ħażin.  Il-Pulizija dejjem tkellmet mal-familjari tas-Sur Spiteri kull meta kien hemm il-ħtieġa li jsir dan jew kull meta ġew mitluba mill-istess familjari biex dan isir. Fil-fatt din is-sena stess kien hemm tliet laqgħat bejn il-familjari ta’ Spiteri u l-Pulizija.  Għandi hawnhekk ukoll id-dati ta’ meta saru dawn il-laqgħat.  Dan il-każ qiegħed jingħata l-importanza li jimmerita.  Infakkar li hemm investigazzjoni għaddejja daparti tal-Pulizija, u hemm ukoll inkjesta maġisterjali għaddejja fuqu.  Skont ir-riżultati li joħorġu fuq dan il-każ aħna nieħdu l-passi kollha neċessarji.  Però ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li dan il-każ ġie traskurat jew ġie mogħti inqas importanza milli għandu jingħata.

Irrid ukoll nagħti kredtu lill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, għax isir ħafna diskors fuq il-problema tad-droga, u għalhekk tlabt in-nies tiegħi jelenkaw kemm kien hemm qabdiet tad-droga.  Mhux se nitkellem fuq kemm tressqu nies il-Qorti, għax tressqu numru kbir ta’ nies fuq traffikar tad-droga, u ta’ dan ħaqqha mertu l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Però f’dawn l-erba’ snin kellna qabdiet ta’ 185.4kg kokaina, 26 kg eroina, 194 kg cannabis resin, 461 kg cannabis grass, kwantitajiet kbar ta’ cannabis seed u cannabis plants u madwar 60,000 pillola ecstasy

Tqajmet ukoll il-kwestjoni tat-traffikar tal-persuni li aħna ħadnieha dejjem b’serjetà kbira, u nixtieq nelenka l-ħidma li l-Ministeru tiegħi wettaq f’dan is-settur matul dawn l-aħħar sentejn fejn saru żviluppi sostanzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni.  Irrid infakkar hawnhekk li f’dan l-Abbozz ta’ liġi li ppreżentajt hemm numru t’artikoli intenzjonati biex jgħollu l-pieni fil-każijiet tat-traffikar tal-persuni. Fis-sena 2001 il-Prim Ministru appunta kordinatur responsabbli għal dan il-qasam u twaqqaf kumitat ta’ moniteraġġ dwar it-traffikar ta’ persuni, bil-membri jkunu appuntati mill-istess uffiċċju.  Dan il-Kumitat huwa magħmul minn diversi uffiċjali, fosthom il-Kordinatur, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru responsabbli għall-Intern. Fih għamilna approach ġenerali dirett għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. 

Irrid ngħid li f’dan il-qasam sar ukoll ħafna xogħol mal-aġenzija Appoġġ u taħriġ ta’ persuni biex ikunu preparati.  Mhux biss, imma fil-Korp tal-Pulizija llum għandna sezzjoni apposta speċjalizzata f’din id-direzzjoni. Saru wkoll numru ta’ seminars mal-International Organisation for Migration.  Tgħallimna ferm aktar dwar kif wieħed jista’ jidentifika dawn it-tipi ta’ każijiet, il-vittmi tar-reat u x’inhuwa jiġri.  Ktibt fuqha wkoll fil-gazzetti aktar minn darba biex inżomm in-nies infurmati dwar x’inhu jiġri f’din id-direzzjoni. Allura l-Korp tal-Pulizija anke f’din il-linja għamel ħafna xogħol bi preparazzjoni għal dak kollu li hemm bżonn u dejjem f’kordinazzjoni ma’ dak li l-Istati Uniti tirrakkmanda u dak li aħna naraw li hemm bżonn fil-lokal.

Sur President, irrid ngħid li l-Korp tal-Pulizija, minkejja is-suppost demotivazzjoni u s-suppost nuqqas ta’ apprezzament tal-poplu, minkejja l-kritika kollha li jsibu l-membri tal-Korp tal-Pulizija fil-gazzetti u li xi drabi jkunu verament mhux bilanċjati, ħalli ma ngħidx kelma oħra, fl-aħħar survey li sar mill-Eurobarometer tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Pulizija ġew klassifikati bħala t-tieni l-aktar dipartiment li jgawdi fiduċja tal-poplu Malti. Naħseb li dan fih innifsu huwa ċertifikat għall-Korp tal-Pulizija meta qed jiġi klassifikat qabel istituzjonijiet oħrajn, fosthom il-Parlament, l-istampa, il-unions u l-partiti politiċi.  Naħseb li meta tikkonsidra dan kollu ma tistax ma tgħidx li dan huwa pass kbir ’il quddiem.

Issemma l-bżonn tal-għodod legali għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Irrid infakkar li saru diversi liġijiet kollha intenzjonati biex wieħed ikun jista’ jċaqlaq aħjar is-sistema mill-aspett tal-kriminal f’pajjiżna.  Jien xtaqt infakkar numru ta’ punti li forsi llum huma minsija. Kemm ilni fil-gvern ressaqna numru ta’ proposti li ġew approvati u daħlu fil- liġi. Jien u l-Ministru Tonio Borg konna għamilna White Paper li ġġib l-isem “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” li llum inqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra li fiha konna ressaqna numru ta’ proposti li ġew diġà fis-seħħ u qed jitħaddmu. 

Fosthom ressaqna proposta għall-użu aħjar ta’ proċeduri ċivili u penali biex innaqqsu mill-kawżi li ħafna drabi jsiru waħda wara l-oħra, jiġifieri l-ewwel issir kawża kriminali imbagħad waħda ċivili.  Dan sar billi għamilna emenda għal artikolu 85 tal-Kodiċi Kriminali fejn daħħalna subartikolu li jagħti l-fakultà lill-Qorti Kriminali li tordna li l-persuna li nstabet ħatja, li twettaq spoll, terġa’ tieħu kollox lura kif kien qabel.  Fil-kawżi ċivili ta’ spoll daħħalna li x-xhieda li tkun inġabret fil-kawża kriminali tista’ tiġi preżentata mill-ewwel fil-kawża ċivili mingħajr il-bżonn li kien hemm qabel li wieħed jitlob il-permess. 

Daħħalna wkoll, u fl-opinjoni tiegħi dan kien pass importanti ħafna li ma nafx kemm qed jiġi użat, però diversi drabi nitkellem dwaru, li fil-kawża kriminali meta l-Qorti ssib ħtija, għandha hi wkoll il-possibbiltà li tordna l-ħlas tad-danni għall-persuna li tkun il-vittma tar-reat.  Għamilna diversi emendi legali, kif semma tajjeb l-Onor. Tonio Borg, biex nagħtu saħħa ferm ikbar lill-vittma tar-reat. Naqqasna l-ħin tar-rinviju u għamilna emendi għax-xhieda tal-minuri.  Irrid infakkar li minuri taħt is-16-il sena, għall-ewwel darba fil-pajjiż, jixhdu darba waħda biss f’seduta fejn jiġu eżaminati u kontro-eżaminati. Mhux biss, imma x-xhieda tagħhom tiġi reġistrata b’mezzi awdjoviżivi, liema reġistrazzjoni għandha tagħmel parti mill-prova. 

Dan ifisser li meta t-tfal ikunu qegħdin parti mir-reat jixhdu darba waħda biss u ssir ir-reġistrazzjoni tagħhom biex ma jkollhomx dik it-trawma li jiġu l-Qorti.  Irrid ngħid li bis-saħħa tax-xogħol li għamilna bil-video conferencing tul dawn is-snin għamilna użu minnu għal 170 darba. Għamilna emenda fil-proċessi verbali.  Biddilna s-sistema tal-ġurati u llum il-ġurati jiġu magħżula b’sistema li hija komputerizzata u daħħalna l-fakultà li ssir ir-rikuża tal-ġurat kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża billi wieħed ikun jista’ jistaqsi d-domandi lill-ġurat qabel jidħol fis-sedja sabiex wieħed jistabbilixxi jekk kemm-il darba għandux preġudizzju jew le. 

Għamilna wkoll emendi rigward il-kumpens għall-vittmi tar-reat. Għamilna emendi biex tkun tista’ tittieħed lura l-proprjetà ta’ terzi persuni li jkunu qegħdin involuti f’każijiet fejn oġġett jiġi esebit fil-Qorti.  Saru wkoll emendi fl-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni li fiha kien hemm sitwazzjoni interessanti fejn jekk persuna minn Malta tintbagħat f’pajjiż ieħor għal skop ta’ traffikar, ta’ prostituzzjoni, huwa reat, però jekk tinġieb persuna minn pajjiż ieħor għal pajjiżna dak mhuwiex reat. Daħħalna wkoll numru ta’ reati marbuta mas-sentimenti anti-razzjali, fosthom definizzjoni aħjar ta’ “vjolenza jew mibegħda razzjali”, bħal xi tfisser vjolenza jew mibegħda kontra grupp ta’ persuni f’Malta definiti bir-riferenza għall-kulur, għar-razza, reliġjon, dixxendenza, nazzjonalità, inkluż iċ-ċittadinanza, jew oriġini etnika jew nazzjonali jew kontra xi membru ta’ dak il-grupp. 

Daħħalna bħala delitt ġdid kontra min jiċħad jew jiskuża pubblikament jew itaffi b’mod grossolan xi ġenoċidju, delitt kontra l-umanità u delitt tal-gwerra u dawk li jiċħdu x-Shoah. Daħħalna wkoll l-artikolu 83 li jistabbilixxi b’mod ċar li l-piena dwar xi reat fil-Kodiċi, hu x’inhu, għandha tiżdied minn grad jew żewġ gradi meta r-reat ikun aggravat għar-raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mar-razza, reliġjon jew ikun motivat b’xi mod parzjali jew totali f’xenofobija. Daħħalna wkoll il-kundanna kontra atti ta’ piraterija u emendajna s-subartikolu 338(2) biex inkludejna bħala parti mill-kontravenzjonijiet in-nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment anke għal dawk li mhumiex miżżewġa, però għandhom l-obbligu li jħallsu l-manteniment ta’ wliedhom. 

Għamilna wkoll numru ta’ emendi oħra għall-Kodiċi Kriminali kollha intenzjonati biex ġibna lilna nfusna konformi ma’ numru ta’ konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali, fosthom il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-Protezzjoni tat-Tfal Kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, il-Protokoll tal-Ġnus Magħquda fuq id-Drittijiet tat-Tfal, il-bejgħ tat-tfal, prostituzzjoni permezz tat-tfal u pornografija permezz tat-tfal, it-Tieni Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assistenza reċiproka f’materji kriminali, il-Konvenzjoni li tirrigwardja l-projbizzjoni ta’ azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni tal-agħar forom ta’ child labour, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għas-soppressjoni tal-atti marbuta mat-terroriżmu nukleari, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-ħasil, tfittxija, konfiska, u teħid ta’ assi minn delitti u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u oħrajn bħal dawn. 

Sur President, issudajna wkoll l-artikoli 119, 121 u 188 tal-Kodiċi Kriminali marbuta mal-interdizzjoni, mal-abbużi minn kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi u mad-dħul ta’ reati għall-użu ta’ dikjarazzjonijiet privati li huma ħżiena.  Żidna l-pieni sabiex nipproteġu lil uliedna minn atti ta’ pornografija, kontra min iġiegħel lit-tfal jieħdu sehem f’dawn l-atti, kif ukoll għal persuni li jkollhom f’idejhom materjal indiċenti ta’ tfal taħt l-età.  Ġiet definita aħjar x’nifhmu bil-liġi bħala “materjal indiċenti” fil-konfront tat-tfal.  Daħħalna artikoli ġodda marbuta mas-solleċitar tat-tfal taħt l-età minn min juża l-mezzi tat-teknoloġija moderna biex jiltaqa’ magħhom u mar-riklamar marbut ma’ dak li hu komunement imsejjaħ bħala sexual tourism.  Żidna r-raġunijiet tal-aggravju u ħadna ħsieb ukoll li nagħtu poter lill-Qorti li fis-sentenza tagħha tista’ tordna li persuni misjuba ħatja ta’ dawn ir-reati ma jitħallewx iktar jeżerċitaw ħidma f’linja partikolari. Mhux biss, imma l-Qorti tista’ tordna li dan jidħol fil-fedina penali kif ukoll li nistgħu ndaħħlu dawk imwettqa barra mill-pajjiż. 

Żidna l-piena bi grad jew tnejn fejn isir delitt fuq persuna li tkun qed twettaq dmirha bħala gwardjan lokali. Daħħalna emendi oħrajn fl-omiċidji involontarji, reati ġodda dwar l-isfruttament tat-tfal u skjavitù u  reat ġdid għal min jipprova jġib il-kunsens ta’ persuna għall-adozzjoni b’mezzi improprji.  Daħħalna reat fil-każ li jkun hemm serqa akkompanjata minn feriti ta’ natura serji. Żidna l-artikoli marbuta ma’ reati fejn persuni jużaw materjal radjoattiv u pprojbixxejna l-użu tal-gas kilns.  Fil-proċedura tal-kwerela neħħejna l-bżonn li l-kwerelant ikun preżenti għal kull seduta.  Daħħalna artikolu ġdid kontra min jabbanduna l-annimali. Fil-qasam tat-traffiku għamilna wkoll numru ta’ emendi, fosthom fejn żidna l-pieni marbuta mal-influwenza tax-xorb.  Biddilna u għamilna liġi ferm iktar flessibbli bl-introduzzjoni tal-użu ta’ makkinarju modern  u daħħalna dispożizzjonijiet ġodda sabiex ikunu jistgħu jsiru joint patrols mal-Unjoni Ewropea. 

Irrid insemmi wkoll li għamilna l-liġi dwar il-gwardjani privati u lokali li permezz tagħha, għall-ewwel darba, daħħalna r-regolamentazzjoni tal-bouncers. Għalhekk ġie stabbilit, għall-ewwel darba, li persuni debitament liċenzjati f’postijiet ta’ divertiment wara li jsirilhom kors, ikollhom il-poter li jżommu persuni milli jidħlu f’dawn il-postijiet meta jkunu magħrufa li ddisturbaw jew li aġixxew b’mod vjolenti jew li mmolestaw, kif ukoll meta persuna li qiegħda fil-post tkun qed iġġib ruħha ħażin b’aġir vjolenti, dak il-gwardjan għandu d-dritt li jikkontrolla lil dik il-persuna u jżommha sakemm tiġi l-pulizija li għandhom jiġu informati mill-ewwel. 

Mhux biss, imma f’każijiet ta’ molestja l-persuna tkun tista’ tinħareġ mill-post fi tliet istanzi. L-ewwel nett, l-użu tal-forza għandu jkun kemm jista’ jkun minimu, u t-tieni, li persuni li għandhom f’idejhom is-sigurtà ta’ postijiet fejn hemm il-flus, ta’ oġġetti ta’ valur, li qed jittrasportawhom jistgħu huma wkoll .......  Tajna l-poteri lilhom ukoll.  Żidna żewġ artikoli ġodda li huma marbutin ma’ meta l-gwardjani f’dawn il-kategoriji jabbużaw.  Daħħalna wkoll, għall-ewwel darba, it-tribunal ta’ reviżjoni amministrattiva meta xi ħadd irid jappella minn rifjut ta’ liċenzja.  Naħseb li dawn huma passi u miżuri tajbin.

Sur President, introduċejna Att dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzarji għall-komunitajiet Ewropej fejn erġajna żidna l-protezzjoni  bir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar is-cyber crime u r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar is-soppressjoni ta’ atti ta’ terroriżmu nukleari. Daħal fis-seħħ ukoll l-Att dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri fejn irrid infakkar li hawnhekk ħadna l-pass importanti, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, li fis-sistema ġudizzjarja tagħna daħħalna reġistru li mhuwiex marbut biss ma’ jew limitat għal reati ta’ xejra sesswali, imma morna għal reati li, fl-opinjoni tagħna, jolqtu lill-minuri b’mod iktar gravi. Għalhekk fir-reġistru jistgħu jidħlu reati ta’ persuni li jkunu nstabu ħatja li biegħu jew ittraffikaw id-droga f’distanza ta’ inqas minn 100 metru f’postijiet frekwentati minn minuri. 

Għamilna wkoll reġistru li mhuwiex liberament aċċessibbli għal kulħadd bħalma għandek f’ċerti stati fl-Istati Uniti, iżda huwa miftuħ għall-entitajiet rilevanti li għandhom fuqhom l-obbligu legali li jitolbu l-informazzjoni neċessarja sabiex jassiguraw li ma jimpjegawx magħhom persuni li isimhom ikun fuq ir-reġistru.  Id-dħul fir-reġistru la huwa awtomatiku u lanqas limitat. Għalhekk, l-ordni li xi ħadd jiġi mdaħħal fir-reġistru tagħtiha l-Qorti  li għandha d-dritt li ddaħħal fir-reġistru ismijiet ta’ persuni li nstabu ħatja ta’ reati li anke jekk mhux fl-elenku tal-liġi, il-Qorti tista’ tħoss li għandha tordna li jiġi mdaħħal, tenut iċ-ċirkostanzi. 

Stabbilejna wkoll li m’hemmx lok għal reġistru li huwa barra mill-ambitu ġudizzjarju, imma għandu jkun fil-kontroll tal-Qorti. Għalhekk dan sar fir-reġistru tas-sezzjoni volontarja tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Minn hemm tidħol l-informazzjoni u minn hemm toħroġ għal min għandu interess li jitlobha skont il-liġi.  Iddaħħal ukoll l-obbligu legali espress fuq l-entitajiet relevanti li jitolbu l-informazzjoni neċessarja mir-reġistru.  Għalhekk, kull min ikun se jimpjega lil xi ħadd jew jinkariga volontier f’post fejn ikun hemm l-edukazzjoni, il-kura, il-kustodja u t-trobbija tat-tfal għandu jitlob din l-informazzjoni mir-reġistru.  Daħal ukoll l-obbligu fuq min imexxi dawn l-entitajiet li fejn isir jaf li saru jew twettqu delitti ta’ natura stabbilita f’dan ir-reġistru, għandu jieħu ħsieb jirrapporta dan l-aġir lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-informazzjoni m’għandhiex tiġi miżmuma iżda trid tiġi mgħoddija taħt piena ta’ reat. Għamilna numru ta’ emendi marbuta ma’ dan is-settur u wkoll Abbozz ta’ Liġi li jieħu ħsieb jindirizza numru kbir ta’ problemi li qamu tul is-sena li għaddiet marbuta ma’ dan is-settur. 

Sur President, anke fil-piroteknika għamilna passi ’l quddiem, u hawnhekk sibt il-kollaborazzjoni tal-Onor. Michael Falzon li huwa iktar intiż minni f’dan is-suġġett, u dħalna għal rifromi importanti li, fl-opinjoni tiegħi, qegħdin iħallu l-frott għalkemm nistgħu navvanzaw ferm iktar. Fl-istess ġurnata meta ħadt il-ġurament tiegħi ta’ Ministru kien hemm l-inċident tan-Naxxar li fih mietu numru ta’ persuni. L-ewwel liġi li għamilt bħala Ministru kienet dik b’reazzjoni għall-inċident ikrah li kien ġara fin-Naxxar fit-8 ta’ Marzu 2008.  Fil-post privat kien hemm ħażna ta’ materjal pirotekniku illegali u f’dik il-ġurnata mietu n-nies, u tajjeb li niftakru f’kemm persuni jiġu nieqsa f’dan is-settur.  Nieħu l-okkażjoni biex minn qalbi nappella għall-attenzjoni tul din is-sena fl-istaġun li ġej tal-festi. 

B’dawn l-emendi fl-Ordinanza dwar l-Isplussivi introduċejna pieni iktar iebsa f’diversi dispożizzjonijiet antiki. Introduċejna delitti ġodda, poteri aqwa u iktar effettivi lill-Qorti, inkluż is-sospensjoni tal-liċenzja matul il-kawża, irtirar definittiv, ordni ta’ ħlas ta’ danni ċivili lill-vittma u l-konfiska tal-proprjetà lil min iwettaq ir-reat. Dan l-ewwel darba li ddaħħal. Fl-artikolu 27 għedna li min idaħħal, jiftaħ jew iżomm, jaħdem splussivi f’post mhux liċenzjat, il-piena minn €76 sa €465 telgħet għal €2,500 sa €25,000 u minn sitt xhur sa sentejn ħabs telgħet għal ħames snin ħabs. Fl-artikolu 29 qed ngħidu li min iżomm fid-dar tiegħu jew f’post ieħor jaħdem, jaħżen, ibigħ, joffri għall-bejgħ jew jikkonsenja materjal splussiv lill-persuni mhux awtorizzati, għandha tiżdiedlu l-piena. Minn minimu ta’ sitt xhur ħabs jew multa massima ta’ €450 tellajnieha għal sentejn ħabs jew multa ta’ €15,000. 

Daħħalna wkoll il-konċett li meta xi ħadd jagħmel ħaġa bħal din jista’ jkollu l-proprjetà privata tiegħu konfiskata.  Mhux biss, imma l-ħati jista’ jkun ikkundannat li jħallas id-danni ċivili fis-sentenza li semmejt.  Imbagħad għamilna numru ta’ emendi fl-avviż legali li permezz tiegħu daħħalna r-regolamenti neċessarji għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi.  Infakkar li jiġi ħafna materjal ta’ piroteknika minn diversi postijiet fid-dinja u għamilna r-regoli neċessarji biex nikkontrollaw dan is-settur, u għall-ewwel darba daħħalna l-ispettorat.  Dan kien qed jaħdem fuq bażi amministrattiva, però fuq din il-bażi amministrattiva daħħalna poteri iktar qawwija fil-liġi. L-ispettorat jagħti diversi pariri, qed jaħdem tajjeb u rnexxielu jtella’ l-livell tas-sigurtà tal-kmamar tan-nar. Jien kont preżenti għal diversi laqgħat mal-ispettorat u kont preżenti wkoll f’laqgħa bejn l-ispettorat u l-kumitat tal-piroteknika. 

Ħadna wkoll numru ta’ passi li bihom il-kmamar tan-nar qed jiġu awto-kontrollati aħjar x’jagħmlu bil-materjal tagħhom. Daħħalna l-material safety data sheet, iffissajna l-użu tal-potassium chlorate għal ċertu ammont, ikkontrollajna aħjar kif issir il-bomba, meta tiġi sparata, u kemm hu d-daqs tagħha.  Introduċejna distanzi iqsar għal numru limitat ta’ tipi ta’ sparar u daħħalna regolamenti ġodda ta’ kif isiru l-isparaturi tal-murtali.  Għamilna wkoll emendi oħrajn marbuta mal-liċenzja A, B u C.  Irrid infakkar li f’dawn is-sentejn sar b’suċċess l-eżami fuq liċenzja A, u issa wasal biex joħroġ, jekk ma ħariġx diġà, ir-riżultat ta’ liċenzja B.  Sar ukoll kontroll f’dak li għandu x’jaqsam maċ-Chinese crackers. L-aħħar pass kien l-introduzzjoni tal-liċenzja temporanja għal min jiġi minn barra.  Hawnhekk ukoll għamilna numru ta’ passi ’l quddiem li naħseb li huma tajbin. 

Pass ieħor siewi li ma kien faċli xejn kien dak marbut mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Fuq dan is-suġġett sar ħafna xogħol sabiex nippreparaw it-triq ħalli l-ġustizzja reparatriċi tkun tista’ taħdem.  Din il-mira mhijiex faċli li tintlaħaq.  Ħadd hawn ġew f’din il-Kamra ma jista’ jfaqqa’ subgħajh u s-sistema tal-ġustizzja riparattriċi ssir f’ħakka t’għajn!  Din hija sistema li titlob ħafna attenzjoni u ħafna xogħol, kif fil-fatt ħadet.  Bħala linja ġenerali iddeċidejna li l-ewwel nistabbilixxu mekkaniżmi interni biex nibdlu l-kultura u nippreparaw għal dak li ġej.  It-tieni, ippubblikajna White Paper għall-konsultazzjoni pubblika, u se nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar fuq dan is-suġġett.  It-tielet, ippreparajna qafas legali li minnu ħarġet din il-liġi li hija pass kbir ’il quddiem fis-sistema legali.  Infakkar li din l-Amministrazzjoni kienet eletta, fost l-oħrajn, fuq il-wegħda politika li tiġi ntrodotta l-parole

Nista’ ngħid li kważi l-affarijiet kollha li kellhom isiru taħt il-manifest elettorali tal-Partit jien għamilthom.  Jonqosni waħda li hija marbuta mal-electronic tagging li, jekk kollox imur tajjeb, lejn l-aħħar ta’ din is-sena jew il-bidu tas-sena li ġejja nkunu nistgħu nibdew inħaddmuha wkoll. Imma dik ukoll titlob ħafna xogħol u attenzjoni għax hemm ħafna kwestjonijiet legali, amministrattivi u finanzjarji involuti.  Għalhekk, mill-bidu ta’ din il-leġislazzjoni bdejna naħdmu fuq din il-linja.  Irrid ngħid ukoll li waqt li bdejna l-proċess tal-konsultazzjoni permezz tal-White Paper fl-2008, kont inkarigajt biex issir inkjesta fil-Faċilità Korrettiva.

Dik l-inkjesta ġiet konkluża, sar ir-rapport, ġew ippubblikati r-riżultati, u ħtarna kumitat biex jimplimenta dak li kienet qed tirrikmanda l-inkjesta. Mhux biss, imma ikkonsidrajna l-pariri li kien qed tagħtina l-European Convention for the Prevention of Torture (ECPT). Aħna mhux biss nippubblikaw ir-rapport tal-kumitat tal-ECPT, imma nippubblikaw ukoll dak li qed nimpenjaw ruħna li nagħmlu mal-ECPT. Tul dawn l-aħħar erba’ snin fil-Faċilità Korretiva l-ewwel kellna jaħdem il-grupp marbut mal-preparazzjoni għall-ġustizzja riparatriċi u mbagħad biex ikun hemm it-tħejjija għall-implimentazzjoni. 

Sur President, għall-kuntrarju ta’ dak kollu li seta’ deher fil-media, il-passi fil-konfront tas-Sinjura Bickle li ma rridx ngħid iżżejjed dwarha għax il-kawża tagħha għadha pendenti l-Qorti, ħarġu proprju mir-riżultat ta’ dan ir-rapport. Mill-investigazzjoni li semmejt tas-sezzjoni tal-Pulizija tal-Iskwadra Kontra d-Droga ttieħdu l-passi kontra tagħha. Kont jien li ħadt il-passi neċessarji sabiex kull forma ta’ abbuż li kien hemm fis-sena 2000 ma jitkompliex u kull min abbuża b’xi mod ġie investigat mill-Pulizija u ttieħdu l-passi kriminali kontra tagħhom. Għalhekk sar il-ġuri kontra tagħha, għalhekk instabet ħatja in prim’istanza, u issa qed tistenna l-appell. 

Però l-istess sentenza tas-Sur Imħallef, li għandi rispett lejh, ġiet żgwidata minn ċifra li dehret erronjament f’rapport tal-Kumissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga, Alkoħol u Dipendenza fejn ingħad li kien hemm 41% tal-persuni fil-Faċilità li huma dipendenti fuq id-droga. Fir-realtà din il-figura kienet żbaljata fuq żewġ binarji, l-ewwel li dik il-figura kienet ta’ persuni li se jidħlu fil-Faċilità ta’ Kordin u mhux li qegħdin attwalment jieħdu d-droga fil-Faċilità ta’ Kordin.  Il-figura kienet ta’ 30% tal-persuni li jidħlu fil-Faċilità kull sena.  It-tieni, li tindika li l-persuni li kellhom traċċi tad-droga kienu dejjem dawk li daħlu qabel fil-Faċilità, u l-Kummissjoni stess ħarġet stqarrija fejn qalet: 

It is not saying that people who entered the prison drug free developed a habit during their stay there.”.

Din hija dikjarazzjoni mill-iktar ċara mill-istess Kummissjoni, anzi n-“Not” hija kapitali!  Irrid ngħid ukoll li jien ikkonfortat f’dan minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, saritli domanda parlamentari min-naħa l-oħra dwar kemm persuni fil-Faċilità ġew ikkundannati b’reati relatati mad-droga f’dawn l-aħħar erba’ snin u kemm minnhom daħlu lura. Sibna li daħlu 450 persuna u minn dawn reġgħu daħlu lura 14-il persuna fil-Faċilità li fiha suppost hemm użu liberali tad-droga kif, sfortunatament, ħaddieħor qed jipprova jagħti l-impressjoni.  Nappella mill-qalb biex ma nkissrux ix-xogħol kollu li qed isir biex nikkumbattu d-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. F’kull faċilità korrettiva fid-dinja għandek element ta’ droga li jidħol, però f’kull faċilità jittieħdu l-passi neċessarji u jkun hemm strateġija, imma l-istrateġija trid tinżamm u tinbidel skont iċ-ċirkostanzi u skont iż-żmien. Wieħed irid joqgħod attent għax kif wieħed jgħid x’inhi l-linja normali ta’ kif tagħmel is-searches, min hemm ġew ikollu intenzjonijiet mhux tajbin ikun jista’ jobsor x’inhi s-sistema u allura jżomm l-affarijiet milli jsiru. 

Sur President, jgħiduli biex nagħmel random tests. Mhux random tests isiru, imma regular testsRandom tests isiru fuq nies li la qatt kellhom id-droga fuqhom, la qatt ħadu droga u wisq inqas se jieħdu d-droga, imma regular tests isiru fuq in-nies li meta jidħlu fil-Faċilità jkunu detected li ħadu jew il-kannabis, jew l-eroina, jew il-kokaina, jew ikollhom traċċi tat-tnejn jew ikollhom traċċi ta’ tlieta. Fuq dawk trid issir konċentrazzjoni. F’dawn l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena saru numru ta’ tfittxijiet fiċ-ċelel. Niftakar f’ġurnata minnhom l-Onor. Membru għamel ħafna kapital politku rigward xi ħadd li kien qed ikabbar xi pjanta fil-Faċilità. 

Infakkru li ma kienx hemm pjanta. Minn dak li spjegawli, kulma kien hemm kien spuntar ta’ qanneb jew affarijiet li jiġu mal-iskalora, u n-nies tal-ħabs, fix-xogħol normali tagħhom tas-searches, indunaw biha, u mill-ewwel ressquh il-Qorti.  Jiġifieri ma kienx hemm xi pjanta ta’ xi tliet pulzieri jew xi pjanta li tista’ toqgħod taħtha għad-dell!  Kien hemm l-ispuntar ta’ din il-ħaġa, jiġifieri dik indikazzjoni mill-iktar ċara li fil-Faċilità jsiru tfittxijiet fiċ-ċelel u jsiru wkoll dawn ir-regular urine tests.  Tul din is-sena diġà saru 430 regular urine tests fejn irriżulta li 8% minnhom instabu li kellhom xi ħaġa.  Il-bqija, ix-xogħol marbut mal-ħabs irid jibqa’ jsir kontinwament. 

Ġejt ikkritikat ukoll fuq l-appuntament tad-direttur tal-Faċilità. Dan ġie appuntat bi proċess. Fl-2008 id-direttur kien għadu spettur, wara ġie maħtur bħala suprentendent, għamel perjodu acting director, u għamilnieh acting director apposta biex il-bord li konna waqqafna, li kien magħmul minn tliet diretturi min-naħa taċ-Ċivil u tliet diretturi minn barra ċ-Ċivil, jagħtuna r-rakkmandazzjoni tagħhom ta’ kif għandha ssir l-istruttura tal-management tal-ħabs. Fir-rapport tagħhom qalulna li għandu jerġa’ jkun hemm id-direttur tal-ħabs, u allura minn hemmhekk imxejna biex saret talba liċ-Ċivil biex tista’ toħroġ is-sejħa għal direttur tal-ħabs.  Saret is-sejħa, u ġie magħżul u appuntat is-Sur Abraham Zammit. 

Saret kritika fuq il-bord tad-dixxiplina, minkejja li sad-9 ta’ Mejju ta’ din is-sena m’għandu ebda każ pendenti. Sar diskors anke fuq il-blocking tat-telefonati fil-Faċilità Korrettiva. Jien ma nifhimx fl-apparat, imma ġejt informat li meta tagħmlu jispiċċa jimblokka mhux biss it-telefonati tal-Faċilità imma jasal ukoll barra mill-Faċilità, Raħal Ġdid u f’ċerti każijiet anke ’l bogħod, anke sa Santa Venera.  L-Onor. Falzon qajjem il-kwestjoni ta’ individwu li ġie aggredit fil-Faċilità. Ninformah li dan il-bniedem ma ġiex aggredit waqt li kien fid-division imma ġie aggredit fil-yard, u se jittieħdu passi kriminali kontra l-persuni li aggredewh. 

Hemm ħafna aspetti pożittivi fil-ħabs li mhumiex qegħdin joħorġu barra u nappella sinċerament lin-naħa l-oħra tal-Kamra li, għalkemm jien il-bersall politiku tagħhom fuq affarijiet oħra, però l-affarijiet it-tajbin fil-ħabs għandhom jagħtuhom mertu, u hemm bżonn jagħtuhom mertu ħalli jkomplu jiġu ssodati. Il-ġustizzja riparatriċi, li nidħol fiha iktar ’il quddiem, tiddependi fuq hekk. Waħda mill-miri tagħna kienet li nissodaw l-edukazzjoni fil-Faċilità, u dan għamilnieh. Illum fil-Faċilità għandna 84 persuna li għandhom livell ta’ edukazzjoni primarja u 283 persuna ta’ edukazzjoni sekondarja. Għandna ħamsa li għandhom edukazzjoni terzjarja, imbagħad għandna 45 persuna li huma kompletament illitterati. 

Dan fisser li fil-Faċilità biddilna l-istruttura tal-edukazzjoni. Illum hemm lezzjonijiet fil-Malti, fl-Ingliż, fit-Taljan, fil-Franċiż, fl-Ispanjol, fil-matematika, fil-filosofija, fl-istudji soċjali u fl-accounts, apparti li hemm korsijiet ta’ ċertifikat ta’ electrician licence A, tal-freight and shipping, il-mużika, computer awareness, ECDL, microsoft digital literacy, u għandna nisa li qed jagħmlu kors ta’ beauty technician. Apparti minn hekk, għandna numru ta’ priġunieri li qegħdin joħorġu barra mill-Faċilità biex imorru jagħmlu courses fl-ETC, fl-ITS, fl-MCAST u anke fl-Università fejn għandna persuna li qed tieħu kors fl-antropoloġija. 

Illum il-post qed jitħaddem sew, inkluż is-Sibt, u s’issa diġà daħlu 363 persuna f’dawn il-korsijiet. Kellna diversi persuni li ggradwaw fi branki differenti. Il-ħin tal-ftuħ tal-librerija tal-Faċilità żdied. Mhux biss, imma għandna wkoll numru kbir ta’ nies li issa qed jagħmlu użu mill-opportunità li tajniehom li jisselfu kotba mil-Librerija Pubblika. Fil-fatt illum għandna 30 resident li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz fejn il-Librerija Pubblika qiegħda twassal kotba direttament ġol-Faċilità.  Bdejna wkoll id-diskussjoni biex nippreparaw numru minn dawn ir-residenti ħalli meta joħorġu minn hemm, jekk diġà jkunu qed jaħdmu tajjeb fil-ħabs, jagħmlu koperativa.  Diġà bdejna mexjin fuq dak il-binarju. 

Niġi issa għall-IT, Sur President.  Mertu tal-Ministru Austin Gatt ingħataw numru ta’ computers li bihom il-Faċilità Korrettiva introduċiet l-informatika għall-ewwel darba fil-ħajja ta’ ħafna residenti. Jien kont preżenti meta s-Sur Ray Abela tal-kumpanija TCTC ippreżenta numru ta’ kotba lill-Faċilità u staqsa lir-residenti x’qed jagħmlu, u meta ħareġ minn hemm qalli li kien impressjonat bil-livell li rnexxielna nilħqu.  Tkomplux, jekk jogħġobkom, tmaqdru x-xogħol tal-ħabs! Hemm bżonn li intom tingħaqdu magħna.  Meta ġejt bil-liġi tal-ġustizzja riparatriċi tlabtek biex tingħaqad magħna u minflok trid tibqa’ tattakka għal skopijiet politiċi!  Kemm hija ħaġa żbaljata! 

Nixtieq ngħid li ntroduċejna l-informatika għall-ewwel darba fil-ħajja tar-residenti, għalkemm ħafna mir-residenti taħt it-30 sena ma kenux totalment ġodda għall-użu tal-computer, imma l-esperjenza tagħhom, fil-parti l-kbira, kienet limitata għal-logħob u l-użu tal-internet. Permezz tal-kors tal-computer awareness, minn mindu ġie varat il-proġett, madwar 70 resident qabdu t-triq biex isiru litterati fl-użu tal-computer.  Minbarra dan, isir il-kors komplut tal-ECDL. Sar ftehim mal-ETC biex l-iskola fil-Faċilità ssir satellite centre tal-ETC u permezz ta’ dan jiġu solvuti problemi loġistiċi b’residenti jagħmlu testijiet f’Ħal Far.  Din il-fakultà qed turi li qajmet ħafna interess u għandna numru ta’ persuni li qed jaħdmu. Ħadna ħsieb ukoll .... (Interruzzjonijiet)  Jekk trid nelenkahomlok! 

Fil-Faċilità Korrettiva għall-ewwel darba lestejna postijiet fejn in-nies jistgħu jaħlu l-enerġija, u ta’ dan ma ngħatajna kredtu ta’ xejn!  Veru li kulma għamilt meta ftaħna l-ground tal-football kien li ġibt tad-DOI. Ma ġibtx lil Malta kollha, forsi għandi tort jien!  Però llum intom tafu li hemm ground sintetiku tal-football li l-ħin kollu jiġi użat, u jiġu teams minn barra wkoll. Fil-Faċilità hemm ground tal-volleyball, erba’ gyms, kif ukoll gym għall-gwardjani. Ftaħna medical infirmary room li inti maqdart għax qiegħda fis-sular ta’ fuq u mhux fis-sular ta’ taħt, imma wara kollox wieħed jagħmel użu minn dak li għandu. F’din il-medical infirmary room hemm reception area, spiżerija, nursing area kif ukoll kamra għad-dentistrija bl-istess faċilitajiet li għandu kull dentist modern.  Illum m’għandix bżonn nibqa’ noħroġ in-nies mill-Faċilità.  Meta sirt Ministru sibt li mill-Faċilità kull sena joħorġu madwar 290 priġunier biex imorru Mater Dei minħabba problemi ta’ dentistrija. Illum għandna dentist li jiġi hemmhekk u għandu l-attrezzamenti kollha moderni. 

Sur President, fil-Young Offenders Unit Rehabilitation System (YOURS) ukoll għamilna ħafna xogħol biex nippreparaw in-nies u nagħtuhom ħafna taħriġ.  Riċentement saret reċta f’St. James Cavalier - nirringrazzja lil St James Cavalier li offrieha b’xejn – li kienet mimlija għal erba’ darbiet. Dik saret iktar għal dawk li huma English speaking jew għall-Maltin li jafu jitkellmu bl-Ingliż, jew inkella barranin li qegħdin hemmhekk għax sfortunatament għandna numru ta’ żgħażagħ taħt il-21 sena li qegħdin jiskontaw sentenza tal-ħabs. Issa fil-YOURS se nibdew nagħmlu xi ħaġa oħra għall-priġunieri l-oħrajn. Se jkollna nies protagonisti fil-palk Malti, bħal Joe Quattromani, li offrew li jagħmlu l-istess ħaġa għall-Maltin.  Fil-Faċilità nnifisha - ma nafx jekk int attendejtx - għamlu r-reċta “Għotja”.  Meta mort il-ħabs sibthom qegħdin jippreparaw oħra ġdida, u tinnota li l-grupp oriġinali qed jiżdied bi grupp ieħor ta’ nies.  Dawn huma kollha passi ’l quddiem. Jien qatt ma ppretendejt li f’ħakka t’għajn fil-ħabs se nirriformaw kollox, imma almenu wieħed irid jagħti mertu tax-xogħol li sar. 

Il-liġi tal-ġustizzja riparatriċi is a major step għax trid tibdel kompletament il-kultura tan-nies hemm ġew. Jekk għandek gwardjani tal-ħabs, diretturi, managers li mdorrijin b’sistema differenti, sakemm iċċaqlaq is-sistema u sakemm tbiddel il-kultura, din tieħu ż-żmien tagħha.  Mhux biss, imma trid iddaħħal il-liġi b’mod li l-affarijiet ikunu ppreparati tajjeb, ħaġa wara l-oħra. Ma tistax iddaħħal kollox f’daqqa, għax jekk iddaħħal kollox f’daqqa s-sistema taqagħlek. Jien, li deċiż li din is-sistema taħdem għax qiegħda għal qalbi peress li wellidtha jien,  għandi interess li ssir, u llum diġà twaqqaf l-Offender Assessment Board.  Dan il-Board qed jara li d-diversi persuni li għandhom il-possibbiltà li japplikaw u li jkunu eliġibbli - mhux neċessarjament li jingħataw - jippreparalhom u japprovalhom il-care plan li jridu jidħlu għaliha.  Infakkar, għax kultant nibda nistaqsi lil nnifsi jekk aħniex qegħdin fuq l-istess pjaneta, li l-konċett kollu huwa li kull persuna li tidħol fil-Faċilità hija ambizzjuża ħafna.  Jekk ma tkunx ambizzjuż, x’tagħmel!? 

F’din il-ħaġa konna mhux biss progressivi, imma ultra-progressivi!  Agħtina mertu li konna progressivi!  (Interruzzjonijiet)  U x’moderati! Mhux biss daħħalna l-parole, imma daħħalna wkoll il-victim offender mediation. Napprezza d-diffikultà li fiha l-victim offender mediation u naf ukoll id-diffikultà li tagħmel ir-remission li mhijiex ibbażata iktar fuq sistema awtomatika. Jien infakkar il-polemika kollha li kienet inqalgħet fis-sajf meta jien kont qiegħed nistenna l-operazzjoni. Qam riefnu kbir!  X’jiġifieri ċertu sinjur ħareġ barra bir-remission awtomatika!  Qed infakkar għax issa intesiet. Però ħalli nagħlqu l-kapitlu! 

Infakkar li kellna sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li kienet tgħid li persuna li qiegħda fil-Faċilità u li tagħmel delitt ieħor ma tistax tieħu passi dixxiplinarji kontra tagħha, imma trid tagħżel jew li tieħu passi dixxiplinarji kontra tagħha billi tnaqqsilha mir-remission jew inkella tipproċedi b’kawża l-Qorti. L-Onor. Tonio Borg, ġustament, kien għamel emenda fil-liġi fejn qal li meta tkun fil-Faċilità u tikkommetti reat allura r-reat tiegħek jiżdiedlek b’żewġ gradi jew tliet gradi.  Allura xi ħadd – u dik hija l-linja li hu ħa u jiena sostnejt – li jagħmel delitt hemm ġew jitressaq mill-ewwel il-Qorti, u meta jitressaq il-Qorti jieħu piena iktar kbira minn reat normali.  Hemhekk trid tagħżel, jew tnaqqaslu r-remission fiż-żmien l-antik jew le. 

Infakkar li meta kellna d-diskussjoni fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - u kien tajjeb li għamilna d-dibattitu u li ħallejna l-ilma joqgħod għax ħarġu ħafna ideat oħrajn fil-perkors - kien hemm Membri tal-Oppożizzjoni li qaluli:  X’jiġifieri r-remission se ġġibha kondizzjonata? Ir-remissjoni ħalliha awtomatika! Il-kollega tiegħi jiftakar li fuq dan il-punt kien qabel miegħi li r-remissjoni ma tkunx awtomatika imma tkun kondizzjonata.  U hekk għandu jkun!  Kif nista’ nħajjar lil xi ħadd li qiegħed fil-Faċilità li jgħidli:  Jien għandi seba’ snin hawn, se noqgħod nistenna, ma rrid nagħmel xejn, fil-ħażen kont u fil-ħażen irrid nibqa’. Kif nista’ nħajjar lil dan il-bniedem biex jidħol f’xi triq li tmexxih lejn it-tajjeb?
Kull individwu li jidħol fil-Faċilità u li s-soċjetà terġa’ tirbħu lura għalija jfisser tnaqqis fid-delinkwenza u tnaqqis fil-kriminalità. Huwa tajjeb li xi ħadd jgħaddi mill-esperjenza tal-ħabs, anke bħala deterrent, però mhuwiex biżżejjed. Hemm bżonn nagħmlu iktar minn hekk. Hawn ħadna l-linja li konna qbilna fuqha, u nittama li għadek taqbel miegħi, li lil dak li jkun nfasslulu l-programm x’irid jagħmel, forsi jrid jibda jħallas il-kumpens lill-vittma tar-reat, jew irid jieħu programm ta’ anger management, jew irid jieħu programm biex joħroġ mill-problema tad-droga. Issa nitkellem fuq iż-żewġ affarijiet importanti li qed nagħmlu fuq il-programm tad-droga ġol-Faċilità.  Lil dak li jkun tgħidlu li kemm għar-remissjoni u kemm għall-parole irid jgħaddi mill-istess triq u mhux jagħżel!  Inkella jagħżilli remissjoni biex ma jagħmel xejn!  B’dan il-mod ma nkunx responsabbli quddiem il-poplu Malti meta qed nipprova nagħmel dan iċ-ċaqliq.

Jien nirringrazzja lin-nies kollha li ħadu sehem għax ma kenitx faċli.  Waqt il-kriżi tal-Libja s-sena l-oħra xorta waħda ġbart l-istakeholders kollha - in-nies tal-Ministeru, il-Qorti, il-Pulizija, il-probation officers, in-nies tal-Faċilità, kull min b’xi mod jista’ jkun involut fil-ġustizzja riparatriċi - u ltqtajna almenu kull ġimagħtejn, dorna l-liġi biċċa biċċa, rajna dak li mhux tajjeb, żidna magħha dak li jista’ jidħol biex inkun ċert li meta nidbew il-proċess tagħha, li huwa ambizzjuż - kollha għandna naċċettaw li huwa ambizzjuż - kemm jista’ jkun ma jkollniex problemi u jgħiduli li kien imissni għamilt dik emenda jew l-oħra. Tul il-perjodu tal-gwerra tal-Libja xorta waħda bqajt inżomm l-attenzjoni tiegħi fuq din.  U mnalla, għax ħarġu diversi punti li qabel ma kenux ħarġu!  Hija ħaġa naturali li l-ewwel tagħmel white paper, taħseb fuqha u taqraha.  Jien ma qabbadtx lil xi ħadd jitkibli din il-White Paper, imma erġajt qgħadt naqraha linja linja bl-Ingliż u bil-Malti, biex inkun ċert x’fiha u x’ma fihiex!  Mhux biss!  Anke l-liġi dħalt fiha biċċa biċċa biex inkun ċert minn dak li qed isir. 

Sa llum għamilna żewġ passi importanti, u issa qegħdin nimxu pass ieħor. ’Il quddiem nagħmlu r-Remission Board u dalwaqt nagħmlu wkoll il-Parole Board.  Però biex il-Parole Board ikollu x-xogħol, l-ewwel nett l-Offender Assessment Board irid jipprepara x-xogħol! Għalxejn nagħmel il-Parole Board meta jien m’għandix l-Offender Assessment Board. Dan mhux se jmur xi ħadd iħabbat il-bieb u jgħidlu jagħtih il-parole ħalli joħroġ!  Irid ikun hemm il-preparamenti!  Importanti ħafna li s-sistema tkun doppjamnent u tripplament garantita! Il-liġi tgħid li jekk xi ħadd li jingħata l-parole jagħmel reat, jerġa’ jidħol lura. Però dak il-każ wieħed taf kif jispiċċa front page fil-gazzetti! 

U mbagħad, fl-opinjoni pubblika, is-sistema kollha li ilna naħdmu tant fuqha tintrema, għax hemm min għandu interess, ħabib!  Ifhmuha din!  Fil-kriminalità hemm min għandu interess li s-sistema ma taħdimx!  U bid-diskors tagħkom, ivolontarjament, intom tgħinuh!  Din hi l-ġlieda kbira!  Anke fil-liġijiet li għamilt, jien naf kif trid issir il-ġlieda kontra d-delinkwenza u kontra l-kriminalità!  U żgur li ħadd minnkom ma seta’ jgħid li jien b’xi mod imċappas!  U ma nkunx imċappas!  Qatt ma nkun imċappas!  (Onor. Membri:  Hear, hear)  Naf jien, mela le!  Hawn min għandu interess jeħodha kontra tiegħi! M’għandix problema!  Il-ġlieda għas-sewwa trid tibqa’ ssir, u nagħmilha bil-qalb kollha! 

Hawn ukoll nappellalkom biex ma tagħmlux il-ġustizzja riparatriċi l-ħaruf tas-sagrifiċċju.  Il-ġustizzja riparatriċi ħalluha tkompli timxi ’il quddiem.  Anke l-Unit għall-appoġġ tal-vittma tar-reat.  Issa ħa nimxu pass ieħor!  Għamilna d-Dipartiment tal-Probational Parole.  Agħtuni dan il-kredtu li għamilt il-probational parole!  Għamilt żewġ affarijiet li intom tafu bihom! Infakkar li l-ewwel kont għamilt emendi biex nissoda l-probation.  Jien, li m’għamilt xejn  -  jien li m’għamilt xejn  - ħsibt minn qabel biex nissoda l-liġi tal-probation f’żewġ direzzjonijiet importanti, l-ewwel nett fil-kwestjoni tar-rapporti tal-probation officers.  Dawn in-nies jistgħu jgħidulek li ltqajt magħhom diversi drabi, nies li jagħmlu xogħol tajjeb u ta’ mertu kbir. 

Il-probation officers jagħmlu ħafna xogħol ma’ nies iddrogati li mhux dejjem jobdu dak li jgħidulhom u fil-Qorti, sfortunatament, kien hemm is-sistema li tagħmel id-denunzja quddiem il-Maġistrat. Issa aħna nafu li kien hemm maġistrati li jimxu b’veloċità A u kien hemm maġistrati b’veloċità B.  Dawk b’veloċità A jaqbdu jsejħuha u jagħmluha, imma dawk b’veloċità B, sfortunatament, iħalluha hemm.  Allura min ikun probation officer isib lilu nnifsu fil-pożizzjoni fejn m’għandux snien biex jigdem!  Minħabba s-sitwazzjoni kif inhi jiġri li meta tagħmel denunzja kontra xi ħadd għax mhux qed jobdi l-ordnijiet tiegħek bħala probation officer, issib li dak jiskapriċċak. 

Għalhekk l-ewwel emenda li għamilna - u ma kenitx faċli għax l-Onor. Herrera ħa ċertu żmien biex jiġi konvint, però fortunatament ikkonvinċa ruħu – kienet li d-denunzja issir quddiem il-Qorti kriminali. Għamilna wkoll żmien li fih trid tiġi appuntata d-denunzja! Illum nikkonferma quddiemkom li din is-sistema ħadmet!  Mertu tal-imħallfin fil-Qorti Kriminali din is-sistema ħadmet!  Allura meta l-probation officer isib lilu innifsu f’ċirkostanzi fejn l-individwu li għandu f’idejh mhux qiegħed jobdi, iressqu quddiem il-Qorti. Fortunatament il-Qorti tressaqhom mill-ewwel, u apparti minn hekk, hemm is-snien tal-Qorti li mill-ewwel tapplika l-provvedimenti neċessarji. Din serviet biex min kien jieħu atteġġjament ta’ x’jimpurtani jerġa’ jiġi fil-linja. 

Ħadna wkoll il-linja li nżidu l-ordni tas-servizz fil-komunità bħala preparazzjoni għall-ġustizzja riparatriċi. Minn fejn se nġib l-esperjenza ta’ kif tħaddem lin-nies fil-komunità?  Marru diversi probation officers jistudjaw barra minn Malta, marru għal-seminars, kellna nies mill-Ministeru li marru l-Amerika u f’pajjiżi oħrajn biex jaraw kif taħdem il-parole, kif taħdem is-sistema tal-probation l-iktar riċenti.  Imma meta tiġi hawn u trid tapplikaha, kif se taqbad tagħmilha? Mhux billi tiġbor l-esperjenza?  Allura daħħalna din is-sistema tal-ordni tas-servizz fil-komunità f’żewġ direzzjonijiet. 

L-ewwel nett żidna il-perjodu tas-sigħat, u minn 240 siegħa tellajniehom għal 480 siegħa.  Issa rrid infakkarkom li dawn l-480 siegħa ma jsirux f’ġurnata waħda imma  jkunu mifruxin fuq sena,  jiġifieri tagħmel erba’ sigħat kull ġimgħa ma’ xi ħadd.  Illum għandi s-sodisfazzjon ngħid li għandi lista ta’ NGOs u ta’ kunsilli lokali li pprovdew xogħol fil-komunità għal dawn in-nies flimkien mal-probation officers biex nies li wettqu delitti jagħtu riparazzjoni lura lis-soċjetà! Xi trid iktar bħala preparazzjoni għall-ġustizzja riparatriċi?  Din ħadmet, u l-Onor. Membru jaf li saru diversi ordnijiet ta’ servizzi fil-komunità u li żdiedu s-sigħat li kien hemm qabel. 

Inżid ngħid ukoll li għamilna Dipartiment tal-Probation and Parole li fih daħħalna staff ġdid. Għamilna d-direttur, li qabel ma kellniex, qlajnieh barra mill-Faċilità, daħħalna erba’ probation officers ġodda, u hemm sejħa għal tliet probation officers oħra.  Barra minn hekk, fuq l-istess binarju, għandna l-ġustizzja riparatriċi fuq in-naħa l-oħra fejn irridu nagħmlu sejħa għal iktar nies, fosthom il-parole clerk, in-nies fil-psikoloġija, in-nies li qed nipprovaw indaħħlu fil-middle management, senior correctional officers u supervisors. Dawn kollha se jidħlu fl-istruttura tal-Faċilità taħt il-managers involuti.  Int ikkritikajtni fuq is-Sur Toni Schembri, però lkoll kemm aħna ......  (Interruzzjonijiet)  Iva, iva, skużani. Ma ridtx.....

MR SPEAKER:  L-Onor. Michael Falzon, on a point of order.

ONOR. MICHAEL FALZON: Nixtieq nippreċiża quddiem din il-Kamra li jien ma semmejt ebda isem ta’ ħadd.  Mhuwiex l-istil tiegħi!  Qatt ma kien, u nitlob lil Alla li qatt ma jkun li jien nattakka lil xi ħadd b’mod personali, lanqas jekk inkun nemmen fil-fond ta’ qalbi u fil-kuxjenza tiegħi li dak ix-xi ħadd huwa żbaljat. Nixtieq niċċaraha din!

MR SPEAKER:  Grazzi.  L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Veru,  naf li ma semmejtux!  Qabżitli, jien semmejt ismu, però fil-Faċilità kulħadd jaf min huwa u min mhuwiex!  Dan il-bniedem ta servizz tajjeb, għandu ħafna esperjenza hemm ġew, u deherli li dik l-esperjenza m’għandix nitlifha, speċjalment f’din il-parti partikolari li fiha se terġa’ toħroġ is-sejħa għal xi ħadd biex jidħol floku.  Irrid ngħid li n-nies involuti biex jagħmlu dan il-care plan ilhom jiltaqgħu għal dawn l-aħħar xahrejn, tliet xhur, fil-Faċilità.  Mhux hekk biss!  Hemm diġà grupp apposta immexxi mis-Sur Natalino Attard li kull ġimgħa - ma ngħidx mill-ġimgħa li ġejja, minħabba l-mozzjoni tiegħek, irrid inħalli spazju ta’ żmien għax inkella nibqa’ nagħtik il-fuel li tgħid li kulma qed nagħmel huwa mertu tal-mozzjoni tiegħek – se jibdew jiltaqgħu biex abbażi ta’ din l-esperjenza jaraw x’għandna nagħmlu, fejn għandna nimxu ’l quddiem, x’għandna nikkorreġu, u x’nistgħu nagħmlu iktar fiha.  Taħseb li kienu faċli l-miri kollha li pprovajna nilħqu fil-parole u fir-remission

Ħaġa waħda u nagħlaq fuq dan is-suġġett.  Naf li qajjimt punti oħrajn, però xtaqt nidħol fuq dan. Jekk jogħġbok, din il-ġustizzja riparatriċi nsostnuha irridu, u n-nies ta’ hemm ġew m’għandniex nibagħtulhom il-messaġġi, la volontarjament u lanqas involantarjament, li din hija xi sistema li meta jispiċċa Carmelo Mifsud Bonnici, se tispiċċa! Dak ikun l-ikbar żball! Jien kburi li għamilt din is-sistema ta’ ġustizzja riparatriċi!  Daħħalt ħafna affarijiet ġodda u b’kuraġġ indaħħalhom!  Però, imbagħad, irridu lkoll kemm aħna nagħmlu l-parti importanti tagħna.

Ġejt ikkritikat ukoll fuq il-konflitt bejn l-Eżekuttiv u l-Ġudikatura. Hawn irrid ngħid b’mod mill-iktar ċar li kemm domt Ministru ħadt ħsieb li nassigura iktar l-indipendenza tal-Ġudikatura billi kemm jista’ jkun inneħħi kwalunkwe residwu ta’ suspett li seta’ kien hemm li l-Eżekuttiv seta’ japplika xi forma ta’ leverage jew jeżerċita xi tip ta’ influwenza fuq in-nies t’hemm ġew.  Infakkar li jien kont ipproponejt l-Att VII tal-2007 li dejjaq ħafna lill-Onor. Herrera għax daħħal f’rasu skorrettement, u kkritikani skorrettement diversi drabi, li jien b’xi mod kelli xi influwenza fl-għażla ta’ x’kien jagħmel il-Prim Imħallef. Jien nista’ niddikjara quddiem Alla li kulma għamlu l-prim imħallfin dejjem ġie aċċettat!  Hekk għandu jkun! 

Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li m’għandux ikun hekk!  Hekk għandu jkun!  Anzi, infakkar li meta għamilna l-White Paper dwar il-ġustizzja riparatriċi l-ewwel ħaġa li pprovajna nagħmlu jien u l-Onor. Tonio Borg, aħna li aħna nies tar-raġuni, moderati, però nies ta’ kuraġġ, kienet li għamilna numru ta’ punti fuq kif tissaħħaħ il-Kummissjoni għall-Ammistrazzjoni tal-Ġustizzja. Nixtieq għandi l-ħin naqrahom!  Issa nippreżentah dan il-White Paper biex nuri kemm konna lunġimeranti fiha!  Però meta ġejna biex nagħmluha din, kienet qamet għagħa kbira!  Jien u Tonio Borg ġejna attakkati kważi minn kulħadd għax ridna li jkun hemm sistema, speċi ta’ name and shame, jekk xi ħadd ma joqgħodx għall-ordni tal-Kummissjoni. 

Mhux għall-ordni tiegħi jew ta’ Tonio Borg! Mela jien għandi l-poter legali li noqgħod niddixxiplina lill-imħallfin jew lill-maġistrati? Xi ħadd jippretendi li jien immur il-Qorti jew il-Ministru tal-Ġustizzja Chris Said joqgħod imur il-Qorti u joqgħod jiċċekkja x’ħin ħareġ u x’ħin daħal maġistrat!? Żgur li le! Imma aħna ridna nissodaw iktar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Hemm bżonn li jkun hemm għarfien fuqha din.  Nieħu pjaċir nara ferm iktar persuni li llum huma konvinti minn din il-pożizzjoni.  Kieku għamilnieha seba’ snin ilu, kieku llum għandna xi ħaġa aħjar.  Għax m’għandux ikun?  Għaliex xi ħadd għandu jieħu għalih jekk kemm-il darba jkun hemm l-ordni?  L-ordni żżomm lil kulħadd!  Id-dixxiplina hija ħaġa tajba għal kulħadd! 

Qed nara hawnhekk lill-Onor. Herrera li qal li l-Maġistrat Anzjan kont nagħżlu jien.  U x’nagħżlu jien! Dejjem il-Prim Imħallef għażlu, kif jgħid l-Att VII tal-2007!  (Interruzzjonijiet)  Iva, hekk għedtli.  Ħa ngħidlek x’għedtli!  Ippermettili!  Taf x’għedtli Onor. Herrera?  Ħa ngħidlek.  (Interruzzjonijiet)  Iva, ismagħni!  Inti kont tgħidli li tant nagħmel liġijiet jien li lilek nagħtik l-opportunità li tidher ħafna!  Agħtihuli dak il-mertu inti!  Però fl-aħħar diskors tiegħek taf x’għedlti? Għedt:  “Mhux dak li joqgħod jgħajjat, dak li jagħmel influwenza sottili!”  Jien nixtieq inkun naf fejn għamilt din? Jiġifieri l-fatt biss li jien kont preżenti hemm, kont nagħmel dan l-effett daqshekk radjuattiv, daqshekk qawwi?  Nixtieq .....

MR SPEAKER:  L-Onor. José Herrera, on a point of order.

ONOR. JOSÉ HERRERA: Jien dejjem esprimejt ir-riżervi tiegħi - u ġejt ikkritikat fuqha wkoll jien - mhux li l-assenjament tax-xogħol isir mill-prim imħallef; dik naqbel perfettament magħha għax dik ma tħallix li jsiru musical chairs, u hija ħaġa tajba.  Kienet saret emenda fit-tmeninijiet u kienet ħaġa tajba li l-prim imħallef jassenja x-xogħol. Jien kont esprimejt ir-riżervi tiegħi dwar li l-ħatriet, li huwa xogħol tal-Eżekuttiv, jiġifieri li jien nappunta lil xi ħadd, m’għandhomx ikunu f’idejn il-prim imħallef. Għaliex? Għax inkella aħna, bħala Oppożizzjoni, niġu f’pożizzjoni li ma nistgħux nivversaw kritika. Allura qed jerġa’ jagħmilhieli. Jien nerġa’ nagħmel il-kritika, il-persuna politikament responsabbli għad-dekasteru huwa l-ministru, u allura inti ma tistax tiżvesti lilek innisfek minn ċertu poter, imbagħad niġi hawn jien u ma nistax nivversa kritika! 

MR SPEAKER:  Grazzi.  Iktar point of explanation milli point of order.  (Interruzzjonijiet)

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, le, m’għandix diffikultà.  (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER:  Imma issa mhux se nagħmlu speech, Onor. Herrera, għax diġà għamilt il-punt tiegħek!  (Interruzzjonijiet)  L-Onor. Herrera.

ONOR. JOSÉ HERRERA:  … persuni oħra f’din it-tip ta’ kritika.  Ma jistax!
MR SPEAKER:  Grazzi.  Ikompli l-Ministru.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Skużani!  Inti għandek il-funzjoni leġislattiva, u m’għandux ikollok diffikultà biex tikkritika l-Ġudikatura.  X’inhi d-diffikultà kbira biex niġġudikaw? Tista’!  Għaliex m’għandekx? Tista’, għandek id-dritt li tagħmilha!  Imma le, tippreferi tattakka lili fuqha llum!  (Interruzzjonijiet)  Agħtini ċans żgħir!  Ismagħni ftit, Onor. Herrera!  Fuq din ma qbilniex u jien ma avvanzajtx fuqha għax ma konniex naqblu.  Il-viżjoni tiegħi tal-Qorti hija ferm iktar ’il bogħod minn tiegħek - u se ngħidlek għaliex - għax jien nara li l-imħallfin għandhom jamministraw il-Qorti huma, kif isir f’postijiet oħrajn. 

F’postijiet oħrajn il-Ġudikatura tamministra l-Qorti u hi toqgħod attenta.  Kull imħallef, l-awla tiegħu …..  (Interruzzjonijiet)  U le, le, le!  Mhux l-appuntar!  Mhux l-appuntar!  Il-mod ta’ kif tamministra l-Qorti!  Illum, barra minn Malta, kull imħallef, għandu l-budget partikolari tal-awla tiegħu, u għaldaqstant irid joqgħod attent kemm-il seduta jagħmel, kif jagħmilha u x’xhieda jġib, li x-xhieda ikunu verament rilevanti, mhux kif ikollna ċerti drabi, li jitla’ xi ħadd u jgħidlu biex jgħid dak kollu li jaf u jħallih għaddej fuq it-tape!  Imbagħad mhux jittajpjaw!  Bir-rispett kollu, il-Ġudikatura timxi ’l quddiem jekk immexxuha ’l quddiem! 

Aħna mexxejnieha ’l quddiem b’diversi emendi li għamilna hawnhekk. X’inhuma dawn l-emendi li għamilna? Tajna iktar poter lill-prim imħallef. Hawn ma naqbilx miegħek! Lill-prim imħallef m’għandekx terġa’ tirrelegah bħalma kien fi żmien ieħor.  Il-prim imħallef irid ikun il-bniedem li jkollu l-poteri f’idejh biex ikun jista’ jamministra sewwa l-Qorti, ikun jista’ jġib dixxiplina ġewwa l-Qorti u jassenja x-xogħol lill-imħallfin. Jien neħħejt kollox minn idejja!  Jien u l-Onor. Tonio Borg qbilna li għal surrogi u għal kwalunkwe ħaġa oħra .....  X’jiġifieri jien, Ministru tal-Ġustizzja, eks-prattikanti, jiġi quddiemi file biex niffirma fuq surroga ta’ kawża li jien kont fiha? 

X’għarukaża din!? (Interruzzjonijiet)  Le! Ħallini ħa nitkellem! Allura intom ikkritikajtuni fuq l-indipendenza tal-Ġudikatura. Ħalli ngħidlek ħaġa oħra. Jien ma’ kull prim imħallef kelli l-kelma tal-irġulija li ma niltaqax ma’ ġudikant jekk qabel ma nitlobx il-permess tiegħu! L-ewwel nitlob il-permess tiegħu, imbagħad niltaqa’ mal-ġudikant. Dejjem, dejjem, dejjem, biex nassigura dejjem iktar!  Inti tista’ tressaqli kwalunkwe ġurament u ngħidlek jien x’għamilt u x’ma għamiltx, u qgħadt attentissimu biex nissoda l-Ġudikatura. Anzi, in-nies li saru hemm ġew illum huma nies li jasserixxu din l-indipendenza bl-iktar mod qawwi.
Infakkar ukoll li bl-emendi li għamilna fl-2007 issodajna l-Bord li jagħmel ir-regoli tax-xogħol tal-Qorti taħt l-artikolu 29. Iktar minn hekk, fil-bidu ta’ din il-leġislatura ħareġ l-avviż legali li fih kien hemm kif isiru l-kawżi, ir-regoli tal-qrati u t-tmexxija tagħhom.  Għalija sar pass kbir ’il quddiem dwar kif għandha ssir il-kawża fil-Qorti. Tajna poter iktar b’saħħtu lill-Ġudikatura biex tirregola lilha nnifisha. Imma mbagħad il-Ġudikatura - u ħadd m’għandu jieħu għalih – hi stess trid tobdi r-regoli li għamlet hija stess!  Dawn mhux qed nimponihom jien!  Dawn huma jridu joqogħdu għalihom.  Din saret ukoll taħt din il-leġislatura. 

Infakkar ukoll x’għamilna fuq id-dewmien tal-proċedura li dwaru l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tgħid hekk:

“TINNOTA wkoll in-nuqqas tal-Gvern li jindirizza b’mod adegwat il-problema tad-dewmien tal-proċeduri fejn naraw li hemm quddiem il-Qrati tagħna kawżi li ilhom pendenti għal bosta snin ......”.

Din veru tajba!! Jien tant għamilt riformi, tant għamilt xogħol, li kienu jsibuni avukati u jgħiduli biex nieqaf nagħmel l-emendi għax ma jistgħux ilaħħqu miegħi!  Hemm fhimt li ġol-Qorti inti għandek ċerti passi li tista’ tieħu biex tbiddel il-liġi u biex in-nies li hemm hemm ġew iħaddmulek il-liġi. Jien niftakar meta, Alla jagħtih il-ġenna, Dr Joe Fenech għamel l-ewwel pass kbir ’il quddiem tar-riforma fl-1995. Huwa għamel diversi emendi innovattivi ħafna fuq suġġetti differenti. Meta ġejna għall-Qorti, kien hemm differenza bejn dak li kien għamel u dak li l-imħallfin u l-avukati kienu ppreparati li jipprattikaw, għax ċerti affarijiet ma kenux jaddottawhom. Il-liġi tgħid ħaġa u fil-prattika tkun oħra! 

Dik hija eye-opener!  L-Onor. Austin Gatt ukoll għamel diversi tibdiliet, però ġol-Qorti l-affarijiet jinżlu qatra qatra! Huwa żbaljat min jimmaġina li inti tista’ tqum filgħodu b’bakketta maġika u f’daqqa waħda tbiddel lil kulħadd, u f’daqqa waħda kulħadd isir effiċjenti!  Jien u l-Onor. José Herrera konna flimkien fl-Università meta l-Professur Ganado kien jgħallimna li l-liġi hija perfetta, imma l-umani huma imperfetti!  Il-liġi hija perfetta!  Imma l-verità hija li l-liġi trid tibqa’ tiġi aġġornata, imma  b’pass li n-nies ilaħħqu miegħu. Issa rrid nagħmel elenku tad-diversi miżuri li jien ħadt biex il-kawżi jonqsu,  u mbagħad niġi ftit għar-riżultati. 

L-ewwel nett illum il-kambjali ta’ kwalunkwe valur naqsu għax l-ittra uffiċjali fuq il-kambjala llum saret mezz eżekuttiv, il-ħlas isir mill-ewwel, u qtajna ħafna mill-ispejjeż tan-nies.  B’€27 għal notifika waħda, għax jekk ikollok iktar minn notifika waħda żżid xi €5 għal kull notifika, fi żmien tletin ġurnata li tirċievi l-ittra uffiċjali, din issir titolu eżekuttiv. U agħtina kredtu Ii t-titolu eżekuttiv, biex ikun iktar b’saħħtu, konna għamilnieh li l-ewwel nett joħorġu l-mandati eżekuttivi kollha, u t-tieni li jista’ jiġi iskritt bħala ipoteka ġudizzjarja. Jiġifieri qabel kien hemm il-ħtieġa ta’ sentenza tal-Qorti biex tista’ tagħmel ipoteka fuq proprjetà immobbli, mentri bl-ittra uffiċjali eżekuttiva tal-kambjala llum tista’ tagħmilha. 

Wara ħafna ġlied, beraq u sajjetti u nkwiet hawn ġew, wara li ma nafx kemm ġew nies jgħajruni u wara kemm għajruni avukati, għamilna din l-ittra uffiċjali eżekuttiva fuq l-ammont ta’ €5,000, imbagħad tellajnieha taħt l-€10,000!  Lanqas taf kemm ġejt mgħajjar! Qaluli li se nfaqqarhom, li se nneħħilhom xogħolhom, u ma nafx x’ma qalux fuq din l-ittra uffiċjali!  Fortunatament ħadmet. Ġew ippreżentati 25,000 ittra uffiċjali.  Issa veru li mhux kollha jsiru titolu eżekuttiv, hemm min iħallas u hemm min jispiċċa mhux notifikat, però qed titkellem fuq 25,000 persuna! Il-fatt li ġew ippreżentati 25,000 ittra uffiċjali tal-kambjala jfisser li ma sarux 25,000 kawża, u allura dawk ma waħħlux il-perkors tal-Qorti. 

Jien niftakar li kelli kawża fuq kambjala li għamlet erba’ snin għas-sentenza u l-klijent dejjem jiġġieled miegħi, u jekk ma nkunx il-Qorti, xi ħadd jgħidlu:  Għax l-avukat ma kienx qiegħed miegħek meta ssejħet il-kawża! Imbagħad jiġi filgħaxija u joqgħod jiġġieled miegħi fuq din l-imbierka kawża fuq il-kambjala! Mela ħalli ngħid lin-nies, biex dawk li ilhom jisimgħu li jien ilni ma nagħmel xejn, almenu jibdew jisimgħu ftit x’għamilt hawnhekk ukoll!  Meta ittra uffiċjali tiġi ppreżentata l-Qorti, jekk fi żmien tletin ġurnata li tiġi notifikata il-parti l-oħra ma tweġibx – wieħed jista’ iwieġeb billi jgħid li ma jaqbilx u l-kwestjoni tmut hemm, jista’ jgħid li jaqbel inparti, u jista’ jgħid li jaqbel għax tnaqqaslu fl-ispejjeż legali tiegħu – din l-ittra uffiċjali ssir titolu eżekuttiv.  Dawk it-titoli eżekuttivi kellhom impatt f’diversi direzzjonijiet billi naqqsu l-kawżi quddiem it-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar, naqqsu l-kawżi quddiem il-maġistrati, u naqqsu l-kawżi anke quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Din ħadmet tajjeb u ngħid għaliex.

Wieħed mill-punti li inti, Onor. Herrera, trid tikkonvinċi ruħek dwaru u tgħin lill-Ministru tal-Ġustizzja fih huwa t-tneħħija ta’ ċerti kontravenzjonijiet mill-Kriminal biex jintbagħtu quddiem it-Tribunali tal-Kummissarji għall-Ġustizzja. Naf li inti ma taqbilx għax tridhom kollha lura ċċentralizzati ġol-Qorti.  Imma dak ikun żball!  Jekk joħorġu kontravenzjonijiet kriminali, bħal kawżi fejn xi ħadd xeħet l-ilma barra, jew xi ħadd tgħajjar lil ħaddieħor, u jmorru quddiem il-Kummissarji għall-Ġustizzja .....  (Interruzzjonijiet)  Insomma, mela fhimt ħażin!  Ma jimpurtax!  Aħjar!  Wittejtlu t-triq! Hemm jerġa’ jonqos ix-xogħol żejjed u bla sens. 

Qed ngħid dan għax il-konċett huwa li l-Qorti tutilizza aħjar l-imħallfin, l-avukati u l-amminstrazzjoni, għax bniedem li tgħallem il-liġi trid tagħtih affarijiet li bihom jagħmel użu aħjar ta’ moħħu. Dawn il-kawżi tad-debitu ta’ sitt ħabbiet u tal-kambjali għandna nneħħuhom ħalli imħallef, maġistrat, jikkonċentra fuq xogħol ieħor iktar serju!  Inti taf li l-backlog naqas, u inparti naqas proprju minħabba l-ittra uffiċjali eżekuttiva. Anke fuq il-kwestjoni tal-arbitraġġ għamilt gwerra qaddisa inti! Kullimkien, fid-dinja progressiva - għax aħna rigressivi u intom progressivi - l-arbitraġġ, il-mandat u l-medjazzjoni …..

ONOR. JOSÉ HERRERA:  Ipproponejtlek emendi ….

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Iva, ħadt ħafna mill-emendi, ħafna.  (Interruzzjonijiet)  Imma mhux li tkissirha!  Issa f’idejn l-Onor. Chris Said.

MR SPEAKER:  Jekk jogħġobkom, m’hemmx interruzzjonijiet.  Imxejna tajjeb. Inkomplu nimxu hekk!

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Fuq l-arbitraġġ inti għamilt gwerra qaddisa u ktibt li … (Interruzzjonijiet)  Stenna ħa ngħidlek.  Ktibt li hija traġedja fil-ġustizzja …
MR SPEAKER:  Onorevoli, nitolbok tagħlaq dan il-punt għax sar il-ħin, biex inkunu nistgħu inkomplu iktar tard.  Onor. Carmelo Mifsud Bonnici se tibqa’ in possession?

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Iva. 

MR SPEAKER:  Sar il-ħin.

IL-ĦDAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru. 485

L-Erbgħa, 30 ta’ Mejju 2012



ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

 

MOZZJONI TAL-ONOR. MICHAEL FALZON U L-ONOR. JOSE’ HERRERA DWAR RIFORMI FL-OQSMA

TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN


(Tkompli mit-30 ta’ Mejju, 2012)

MR SPEAKER:  Il-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici, li huwa in possession.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, qabel aġġornajna kont qed nitkellem fuq iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u xtaqt ngħid b’mod ċar x’inhu l-punt tal-kostituzzjonalità o meno tal-arbitraġġ sabiex kulħadd ikun jaf sewwa sew dwar xiex qegħdin nitkellmu. 

Il-Qorti qatt ma kellha sentenza li fiha ddikjarat b’mod espress li l-arbitraġġ mandatarju huwa dritt kostituzzjonali ħlief fit-28 ta’ Mejju tal-2009.  F’sentenza li kienet ingħatat mill-prim’awla tal-Qorti Ċivili bl-ismijiet Joseph Muscat kontra l-Prim Ministru, il-Qorti ddikjarat arbitraġġ antikostituzzjonali.  Jien abbażi ta’ dan wara li ġibt l-approvazzjoni tal-Kabinett mill-ewwel ressaqt quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi li jindirizza d-diversi punti li dik il-qorti in prima istanza kienet iddikjarat bħala li huma antikostituzzjonali.  Dawn ġew diskussi u ġew approvati però ma ġibthomx fis-seħħ għar-raġuni li l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Vincent de Gaetano, fis-6 ta’ Settembru 2010, allura sena wara, - jiġifieri fi żmien sena wara li ngħatat is-sentenza in prima istanza jien ippreparajt il-liġi, ippreżentajtha, ġiet approvata però ma stajtx inġibha fis-seħħ - iddeċidiet li mhuwiex antikostituzzjonali. Huwa kostituzzjonali.  Allura mis-6 ta’ Settembru ’l quddiem din kienet is-sitwazzjoni pronunzjata bl-aktar mod ċar mill-ogħla Qorti ta’ Malta. 

Min kien involut f’din il-kawża mbagħad tela’ biha quddiem il-Qorti Ewropea ta’ Strasburgu, liema qorti ddeċidiet ukoll li m’hemmx bażi ta’ antikostituzzjonalità f’din il-kawża.  M’hemmx leżjoni tad-drittijiet fondamentali.  Madankollu, waqt li din ġiet deċiża, ftit wara f’Settembru tal-2011 - jiġifieri qed nitkellmu jerġa’ sena wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell - qorti tal-appell kostituzzjonali oħra magħmula minn tlett imħallfin differenti ddeċidiet il-kontra.  Meta sibt lili nnifsi f’din il-pożizzjoni - dan ix-xenarju huwa kompletament differenti - daħħalt fis-seħħ dawk l-emendi li kienu ġew ifformulati qabel u li fuqhom l-istess Qorti tal-Appell fit-tieni kompożizzjoni kienet qablet. Ġew fis-seħħ u allura l-liġi tagħna bħalissa hija konformi ma’ dak li qed tgħid il-Qorti Kostituzzjonali. 

Sur President, hawn irrid ngħid li kuntrarjament għal dak li jingħad fil-mozzjoni, kull darba li ngħatat sentenza kostituzzjonali wara li qisna l-affarijiet dejjem tajna rimedju.  U fl-elenku hemm tliet sentenzi li jirrigwardawni.  Hemm waħda ta’ Lorry Gatt li diġà indirizzajnieha fl-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi u hemm l-oħra, li kienet f’idejja, ta’ Joanne Cassar li kienet taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi u li għadha quddiem il-Qorti tal-Appell.  Allura - dan huwa l-vantaġġ kbir tal-arbitraġġ - daħħlu fiċ-ċentru tal-arbitraġġ 2,998 każ.  Minn dawn illum hemm diġà deċiżi 75%.  Huma biss 25% tal-każijiet li huma pendenti iżda fil-maġġoranza tagħhom ilhom inqas minn sena u nofs pendenti. 

Aktar minn hekk, mertu ta’ dawn l-emendi li għamilna biex issodajna ċ-ċentru tal-arbitraġġ, għall-ewwel darba f’pajjiżna kellna numru ta’ arbitraġġi internazzjonali.  Fil-fatt minn dawk l-emendi sal-lum sar 15-il arbitraġġ ta’ natura internazzjonali.  Għamilna diversi emendi fil-liġi biex komplejna nissodaw iċ-ċentru tal-arbitraġġ u għamilna wkoll riforma kbira f’dak li għandu x’jaqsam mal-mandati eżekuttivi jew kawtelatorji.  Ħafna drabi fil-qorti n-nies ikollhom diffikultà biex jieħdu sentenza u mbagħad wara jkollhom diffikultà biex dik is-sentenza jsarrfuha, jiġifieri biex dak li għandhom jieħdu jeħduh.  Għaldaqstant dħalna f’riforma enormi li ġiet fis-seħħ fl-2009.  Permezz tagħha għamilna numru kbir ta’ emendi li bidlu ta’ taħt fuq il-mandati eżekuttivi u kawtelatorji.  U nista’ nagħmel elenku tagħhom fil-qosor għax ma tantx għandi ħin. 

L-ewwel għamilna sistema aktar faċli ta’ kif tikkontesta mandat eżekuttiv.  Qabel stajt tikkontesta mandat eżekuttiv billi tagħmel kawża.  Aħna għamilna emendi fil-liġi li permezz tagħhom tista’ tagħmel dan permezz ta’ sempliċi rikors.  Mhux biss, imma fil-liġi ffissajna wkoll terminu ta’ żmien li fih wieħed ikun irid jiddeċiedi dawn it-tipi ta’ kawżi.  Għamilna wkoll emendi li biddlu kompletament is-sistema tal-mandat ta’ qbid eżekuttiv ta’ affarijiet mobbli bħal karozzi, speed boats, għamara u televisions.  Għamilna sistema aktar veloċi, aktar faċli biex issir, inqas fiha spejjeż u aktar diretta biex tkun tista’ tiġi esegwita.  Però dan mhux biss,  għamilna wkoll tibdil fis-subbasti tal-immobbli.  Pereżempju għamilna benchmark li kull proprjetà ma tistax tinbiegħ fis-subbasta jekk almenu ma ġġibx 60% tal-valur tagħha.  Infakkar li qabel ma għamilna din l-emenda, fil-qorti kienu jinbiegħu proprjetajiet bix-xejn li jiswew ħafna flus u hemm barra kien hemm l-għajta li wieħed jista’ jmur is-subbasta għax il-proprjetà mhi se ġġib xejn.  Mentri aħna għamilna din l-emenda, li kienet diffiċli ħafna biex tinżel però li qed taħdem, biex il-proprjetà li ngħatat lil xi istituzzjoni ta’ kreditu li jew lil xi bank minn debitur li sfortunatament mar ħażin fin-negozju ma tinbiegħx bix-xejn imma tinbiegħ żgur b’60% tal-valur li tkun ġiet stmata. 

Sur President, għamilna diversi affarijiet.  Daħħalna l-irkantatur pubbliku.  Għamilna sistema ta’ periti arkitetti li huma fuq sistema ta’ rotazzjoni.  Biddilna s-sistema tal-pubbliċità.  Illum tista’ tidħol fl-internet u mid-dar tara l-proprjetà li qiegħda għas-subbasta, tara l-pjanti tal-proprjetà kif ukoll tara l-valutazzjoni tal-proprjetà.  Però mhux biss,  għamilna wkoll sistema aħjar ta’ żgumbrament, jiġifieri li meta inti jkollok sentenza li fiha ngħatajt id-dritt għax xtrajt proprjetà u min qiegħed fiha m’għandu ebda titlu legali inti within four months tista’ tagħmel mandat ta’ żgumbrament mingħajr ma jkollok bżonn tagħmel kawża oħra.  U b’hekk wieħed jista’ jaqbad u jiżgumbraha. 

Biddilna s-sistema tal-anime compensandi.  Din kienet sistema li kull min għandu jieħu qabel jibda l-bejgħ bis-subbasta l-ewwel ried jagħmel rikors u kulħadd ried jiġi notifikat u aċċettat.  Din kienet tieħu ħafna ħin kif ukoll ittellef il-bejgħ fis-subbasta.  Kienet tiġi ffissata ġurnata u mbagħad titħassar għax dak mhux notifikat eċċ.  Għalhekk biddilna s-sistema kompletament u għedna qabel tibda s-subbasta wieħed irid jirreġistra ruħu.  Dan għaliex jista’ jkun hemm 20 ruħ li jgħidu:  Għandna nieħdu minn dik il-proprjetà u allura ladarba għandna nieħdu minn dik il-proprjetà u qegħdin noffru fil-bejgħ bis-subbasta, parti mill-flus ma noħorġuhomx għax għandna neħduhom u mbagħad nagħtu l-oħrajn.  Għalhekk għedna li wieħed minflok jagħmel dan minn qabel jagħmlu fl-aħħar u b’hekk l-qorti ffrankat ukoll ħafna spejjeż u dewmien għax kollox jiġi deċiż fl-aħħar. 

Biddilna wkoll is-sistema tal-konkors tal-kredituri. Qabel, jekk kemm-il darba jiġu depożitati l-flus il-qorti u jkun hemm aktar minn persuna waħda trid tieħu l-flus, il-qorti kienet tgħidlek biex tgħamel kawża oħra u f’dik il-kawża l-oħra terġa’ tibda l-proċeduri u f’dawk il-proċeduri terġa’ tibda tagħmel l-affarijiet.  Aħna għamilna emenda li tgħid lill-qorti li appena l-flus jiġu depożitati u jkun hemm aktar minn persuna waħda li għandha tieħu, f’dawk il-proċeduri stess jibda jsir it-tqassim tal-flus. 

Daħħalna mandat ta’ qbid ta’ ażjenda kummerċjali.  Qatt ma kellna fil-kodiċi qabel.  U din saret apposta biex nipproteġu ażjendi kummerċjali li qabel kienu jitwaqqfu milli jkomplu joperaw jew b’mandat ta’ qbid jew b’mandat ta’ sekwestru eċċ.  Dan billi fil-liġi daħħalna l-kunċett li ażjenda ta’ xi ħadd li għadu jibda minflok xi ħadd jagħmillu mandat ta’ sekwestru u jwaqqfu, il-qorti tordna li l-assi tiegħu ma jinbiegħux però s-soċjetà tibqa’ taħdem, tibqa’ tixtri u tibqa’ tbiegħ.  Provdejna wkoll biex il-qorti tkun tista’ tappuntalek amministratur u ġġiblek lil xi ħaddieħor miegħek. 

Għamilna tibdil fil-mandat ta’ sekwestru.  Illum fil-mandat ta’ sekwestru għandek sistema li hija kompletament differenti.  L-ewwel ħaġa għamilna sistema aktar ċerta.  M’għadhiex bħal qabel meta xi ħadd jagħmillek mandat ta’ sekwestru u jkun hemm il-flus depożitati għand xi ħadd jew għand il-bank.  Qabel il-bank jgħidlek li għandu l-flus u mbagħad inti jkollok pereżempju ċans xahar u jekk f’dak ix-xahar tinsa u ma tiktibx lill-bank imur id-debitur, jeħodlok il-flus u jinqalgħu ħafna problemi.  Issa aħna l-ewwel nett għamilna li jekk kemm-il darba hemm il-flus, il-flus jiġu depożitati l-qorti u allura kulħadd huwa ċert minn dak li għandu.  It-tieni għamilna pass ta’ ġustizzja soċjali għaliex għedna li l-home loans ma jaqgħux bl-ebda mod taħt il-mandat ta’ sekwestru.  Qabel kellna sistema fejn pereżempju koppja li għandha tagħti fuq il-bibien għax m’għamilhomlhiex tajjeb jew għal xi raġuni oħra, dan jagħmlilhom mandat ta’ sekwestru, jieqaf il-home loan u ma jkunux jistgħu jkomplu jagħmlu affarijiet oħra bħalma hu plumbing eċċ.  Allura aħna għedna li mandat ta’ sekwestru ma jistax imiss home loan.  U mhux biss għax għamilna wkoll l-istess eżenzjoni fuq l-overdraft facilities għax ħafna drabi meta inti jkollok nies fil-kummerċ ikollhom overdraft facilities u allura l-overdraft facility tgħinek biex inti tibqa’ għaddej fin-negozju u ma tippermettix lil xi kompetitur tiegħek aktar b’saħħtu minnek jew lil xi ħadd li jrid jivvintalek xi raġuni biex iwaqqaflek in-negozju tiegħek. 
Sur President, daħħalna wkoll mandat ġdid, il-mandat in procinctu.  Sfortunatament ġol-qorti fil-passat kien ikun hemm sentenzi li kienu b’intenzjonijiet tajba però kif jiġu mogħtija ma jkunux esegwibbli. Jiġifieri jkollok sentenza li inti ma tista’ tieħu xejn minnha għax m’għandekx strument legali li permezz tiegħu tista’ tieħu dak li hemm fis-sentenza u għalhekk aħna daħħalna il-mandat li sejjaħnielu in procinctu, li permezz tiegħu l-qorti meta tara li m’hemmx possibbiltà ta’ mandati oħrajn tippermetti li joħroġ dan il-mandat. 

Rajna mandati kawtelatorji jiġu trasformati f’eżekuttivi.  Din kienet qabża oħra.  Qabel kienet li meta jkollok mandat kawtelatorju - mandat kawtelatorju jfisser meta tinqatagħlek is-sentenza u allura dan tkun għamiltu matul il-kawża - li matul il-kawża waqqaf xi ħaġa, pereżempju żamm xi flus, meta tinqata’ s-sentenza trid terġa’ tagħmel mandat eżekuttiv ieħor ġdid biex iżżomm l-istess affarijiet li l-mandat kawtelatorju ta’ qabel kien qed iżomm.  Aħna li għamilna kien li l-istess mandat kawtelatorju jittrasforma ruħu f’wieħed eżekuttiv.  Mhux biss,  imma dak il-mandat tista’ wkoll iddaħħal fih l-ispejjeż tal-kawża, l-imgħax, tista’ tnaqqas l-ammont ta’ flus li għandek tieħu u anke żżidu. 

Għamilna wkoll avvanz kbir fil-mandati tal-bċejjeċ tal-baħar.  Żidna fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Maltin f’dak li jirrigwarda affarijiet marittimi.  Imbagħad daħħalna l-court approved sales u għamilna wkoll qabża f’dak li għandu x’jaqsam mat-tariffa tal-qorti għar-rigward tal-periti.  Qabel kellek diversi sitwazzjonijiet fejn is-subbasti jew inkella l-valutazzjonijiet li jsiru f’kawżi tas-separazzjoni bl-ispejjeż tal-periti arkitetti kienu jiġu eżorbitanti. Hawnhekk għamilna capping fee ta’ €2,000 u mbagħad għamilna sistema faċli li fiha inti tista’ tagħmel additions però li ma jkollokx spejjeż ta’ barra minn hawn.

Nitkellem issa dwar iċ-ċentru tal-medjazzjoni. Dan huwa wkoll pass ieħor ’il quddiem, Sur President.  Il-proċess tal-medjazzjoni barra minn Malta qabad ħafna.  Ġo pajjiżna għadu ma qabadx. Jien sostenitur kbir tal-medjazzjoni.  Naqbel fuqu anke għaliex jirnexxilu jnaqqaslek mill-ispejjeż, inaqqas mill-attrit, kulħadd ikun jaf fuq xiex qiegħed jiftiehem, x’għandu jgħid u safejn għandu jasal biex ikun jista’ jiffranka l-ispejjeż tal-kawża.  U f’dan ir-rigward għamilna diversi passi ’l quddiem.  Saru korsijiet universitarji għall-medjazzjoni.  Fl-2010 daħħalna waħda mill-aħħar emendi biex meta inti jkollok agreement ta’ medjazzjoni, il-persuni involuti fil-kawża minflok ikomplu jiġġieldu quddiem il-qorti jmorru quddiem medjatur – xi ħadd li huwa inkarigat miċ-ċentru tal-medjazzjoni – u jekk dan iwassalhom għal ftehim, appena jiffirmawh, il-ftehim isir titolu eżekuttiv.  Allura hawnhekk il-parti li għandha tieħu tista’ tmur il-qorti u tista’ toħroġ mandati ta’ sekwestru kontra l-persuna involuta. 

Il-medjazzjoni daħħalnieha wkoll ġol-Qorti tal-Familja.  F’dan ir-rigward hawn kritika pjuttost stramba fil-konfront tiegħi.  Il-Qorti tal-Familja għamlet qabżiet kbar ’il quddiem għax permezz tal-medjazzjoni rnexxielha ġġib ’il quddiem li l-kunċett tal-medjatur, liema medjatur huwa mħallas mill-Istat.  Qabel il-koppji kien ikollhom biss seduta waħda quddiem il-qorti fejn quddiem l-imħallef kien jiġi deċiż kollox u jekk l-avukat ma kienx ikun preżenti għal xi raġuni jew oħra kien ikun hemm problemi kbar.

Sur President, jien infurmat li l-ewwel nett ingħataw madwar 50,000 siegħa ta’ medjazzjoni b’xejn mill-Istat.  It-tieni, il-proċedura tibda b’ittra sempliċi li ma tħallasx flus għaliha. It-tielet, imbagħad tidher quddiem il-medjatur li l-ewwel jipprova jirrikonċiljak iżda jekk jara li ma jistax allura jipprova jgħinek biex tasal fi ftehim ta’ kuntratt ta’ separazzjoni bonarja.  Il-figuri tal-istatistika huma inkredibbli.  Tul dawn is-snin kellna 700 koppja li waslu għal ftehim ta’ rikonċiljazzjoni u kellna madwar 5,000 koppja li waslu għal kuntratt ta’ separazzjoni bonarja.  Naħseb li din hija qabża oħra għad-diversi nies li fi snin oħra kienu jsibu lilhom infushom fil-limbu fejn meta jagħmlu kawża biex ikunu jistgħu jsostnu d-digriet mogħti mis-sekond’awla – dak iż-żmien tal-Qorti Ċivili – u l-kawża tagħhom tibqa’ l-qorti, huma jibqgħu jitilgħu.  B’hekk jakkumulaw il-kawżi ta’ separazzjoni u ta’ manteniment ġol-qorti mingħajr ma jiġu deċiżi.  Għall-kuntrarju, permezz ta’ dawn l-emendi li aħna għamilna, ġol-Qorti tal-Familja daħħalna l-kunċett tal-avukat tat-tfal u daħħalna l-kunċett li wieħed irid joqgħod attent kif jingħataw u ma jingħatawx id-digrieti. 

Sur President, jien nibqa’ skantat li ġejt kritikat fuq id-digrieti li jdumu.  Kull imħallef fil-Qorti tal-Familja kull sena jagħti medja ta’ mill-inqas 3,000 digriet fuq kwestjonijiet bejn il-partijiet.  Jingħataw digrieti fuq il-manteniment, fuq il-kura u l-kustodja tat-tfal, fuq l-edukazzjoni u fuq kwalunkwe ħaġa minn kull imħallef.  Hemm imħallfin li f’sena minnhom taw sa 5,000 digriet fuq rikorsi u mbagħad hawnhekk niġu kkritikati għax xi rikors jew digriet partikolari dam biex jingħata. Jien nifhem li l-qorti trid tkun prudenti.  Mela jekk kemm-il darba l-qorti ddegredat manteniment mogħti u aċċess mogħti llum, l-għada jekk tagħmlilha rikors ieħor biex tbiddilulha se taqbad u tbiddlu mil-lum għal għada?  Mhux tħalli ż-żmien!  U allura għax dak ir-rikors idum għax il-qorti qed tuża l-prudenza tagħha biex tagħmel l-affarijiet huwa tort tal-Ministru? 

Fl-opinjoni tiegħi d-diversi affarijiet li saru ġol-qorti mexxew ’il quddiem l-affarijiet.  Jien dwar il-Qorti tal-Familja kien irnexxieli nagħmel seminar intern ġol-Ministeru u fih konna identifikajna numru ta’ punti li jien xtaqt li nagħmel emendi dwarhom.  Sfortunatament ġie d-dibattitu dwar id-divorzju u ovvjament ma kienx il-mument propizju li wieħed iressaqhom għax wieħed seta’ jaħseb li qed inressaqhom ’il quddiem biex ma jidħolx id-divorzju f’Malta.  Madankollu dawn għadhom hemmhekk u wieħed ikun jista’ jimxi ’l quddiem fuqhom, speċjalment fuq ir-rapport li jingħata mill-avukat tat-tfal lill-qorti.  Ir-rapport tal-avukat tat-tfal, fl-opinjoni tiegħi, għandu jibqa’ wieħed kunfidenzjali bejnu u bejn il-qorti.

Irrid ngħid ukoll – u nieqaf fuq dan is-suġġett – li waħda mill-affarijiet kbar li għamilna kienet li dħalna fi proċess ta’ audit tal-qorti permezz ta’ The European Commission for the Efficiency of Justice (CEPEJ).  Għall-ewwel darba fil-Kunsill tal-Ewropa saret talba minn stat membru biex isir l-audit tal-qorti.  Dan għamiltu jien flimkien mal-Prim Imħallef Dr Vincent de Gaetano fejn tlabna lis-CEPEJ jiġi Malta.  Is-CEPEJ għamlu numru ta’ osservazzjonijiet, dawk l-osservazzjonijiet iddiskutejniehom, reġgħu marru lura bihom u kellhom jerġgħu jiġu lura biex inkunu nistgħu nagħmlu passi oħrajn.  Nittama li tul din is-sena nkunu qegħdin nagħmlu dawn l-affarijiet ukoll. 

Hemm diversi affarijiet li rnexxielna nilħqu ġol-qorti u żgur u mhux forsi li rnexxielna nżidu x-xogħol ġudizzjarju.  Il-kawżi baqgħu jidħlu fil-qorti, baqa’ jkollna l-ittra uffiċjali eżekuttiva, il-kawżi quddiem iċ-ċentru tal-arbitraġġ, imbagħad kellna wkoll id-diversi każijiet li qegħdin jidħlu biċċa biċċa fit-tribunal tar-reviżjoni amministrattiva.  Meta wieħed jara x’kien jidħol fil-qorti fis-sena 2003 u x’daħal is-sena li għaddiet isib li bejn wieħed u ieħor l-ammont ta’ xogħol irdoppja.  Mhux talli ma marx lura talli rdoppja.  U allura l-qorti naħseb li għamlet passi ’l quddiem.  U hemm diversi riżultati ta’ statistika oħra li nista’ noqgħod naqra dwar kemm naqsu l-kawżi u kemm naqas il-backlog

Sur President, ma naqasx biss il-backlog iżda aktar importanti minn hekk naqset ukoll id-duration tal-kawżi fil-qorti.  Aħna fl-2004 konna għamilna l-pass importanti li fuq il-website tal-Ministeru jkun hemm mhux biss id-diversi kawżi li hemm quddiem kull qorti imma wkoll l-age analysis.  Din issir darba kull sitt xhur u jkun hemm analiżi ta’ kull ġudikant u kull qorti dwar kemm għandhom kawżi li ilhom hemm sena, jew tliet snin, jew ħames snin, jew sitt snin, jew seba’ snin jew għaxar snin eċċ.  Hawnhekk wieħed isib mhux biss l-ammonti imma anke l-persentaġġi.  L-aktar figura impressjonanti fost dawn hija li l-backlog tal-kawżi fil-Qorti ta’ Għawdex naqas b’50%.  Però mhux biss fil-Qorti ta’ Għawdex kellna tnaqqis.  Kellna tnaqqis anke fil-Qrati ta’ Malta speċjalment fid-duration tal-kawżi tagħhom.  Sa Settembru tal-2011 60% tal-kawżi kienu sa taħt it-tliet snin u din hija d-differenza bejn dak li kien hemm fl-2003 u dak li hemm illum. 

Għamilna wkoll pass ’il quddiem f’dak li huwa t-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva.  Hawnhekk ċaqlaqna dak li kien qiegħed isir qabel u minflok ħallejna l-ġustizzja amministrattiva imxerrda f’diversi tribunali bdejna niġbruha taħt umbrella waħda.  Nieħu gost ngħid li sar avvanz ulterjuri u llum taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva għandna għall-ewwel darba tribunal amministrattiv li waqgħu taħtu diversi tribunali oħra li qabel kienu mxerrdin fosthom fuq it-taxxa tal-income, fuq id-dazju tal-importazzjoni, fuq testijiet tal-vetturi, fuq ġarr tal-merkanzija, eżenzjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, fuq l-airport ground handling services, fuq il-gwardjan privat u fuq l-esportazzjoni.  Għandek kwantitajiet kbar ta’ tribunali li llum qegħdin hemmhekk.  Għall-ewwel darba wkoll ġibna xogħol ġdid fil-qorti li hu marbut mal-ġustizzja amministrattiva.  Jiġifieri llum għandek it-triq imwittija biex għada pitgħada jkollok qorti amministrattiva li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jagħmel passi oħra ’l quddiem. 

Sur President, għamilna wkoll passi oħrajn fir-rigward ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.  Kelli l-opportunità li nsemmi l-liġi li saret biex daħħalna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.  Qabel ma saru dawn l-emendi, fil-kodiċi tagħna ma kellniex life insurance law mentri permezz ta’ dawk l-emendi issa għandna numru kbir ta’ vantaġġi għal min irid jagħmel polza ta’ assigurazzjoni. Pereżempju meta tnejn min-nies qegħdin fin-negozju jistgħu jassiguraw il-ħajja ta’ xulxin jew pereżempju jien għandi ristorant u għandi kok tajjeb ħafna u allura nista’ nassiguralu ħajtu u jekk jiġrilu xi ħaġa jien nitħallas kumpens.  U mhux biss.  Għandek ukoll il-faċilità tal-mekkaniżmu ta’ kif taħdem life insurance policy li inti bħala persuna tista’ tiddeċiedi inti stess mingħajr ma tidħol anke fil-kwestjoni tal-komplikazzjonijiet tal-komunjoni tal-akkwisti.  Allura s-survivorship policy u anke l-group policy.  Għamilna qabżiet kbar hawnhekk fl-assigurazzjoni fuq il-ħajja u  nittama li qed isir użu tagħhom. 

Għamilna wkoll numru ta’ emendi fir-rigward tal-Kodiċi Ċivili.  Pereżempju kellna l-kwestjoni tal-ftehim bonarju li qabel fil-qorti kien ikkonsidrat bħala digriet.  Sibna li meta ċittadini Maltin jipprovaw jagħmlu eżekuzzjoni ta’ dak id-digriet f’qorti oħra kellhom diffikultà għax ma kenitx sentenza tal-qorti.  Għalhekk dak id-digriet tellajnieh biex ikun sentenza tal-qorti.  Daħħalna wkoll artiklu għar-rigward l-arrekkiment in debitu.  Daħħalna wkoll il-kunċett tal-ipoteka ta’ mobbli.  Daħħalna wkoll privileġġi fuq il-fornitura għal każijiet ta’ mewt.  Sfortunatament is-sistema qabel kienet li meta xi ħadd jiġi nieqes, il-familjari setgħu jitolbu skont il-bżonn tagħhom mhux aktar minn xahrejn ikel u dik il-qorti kienet tikkomputah għal Lm60.  Bl-emendi li għamilna tellajna din bi dritt għal €3,495.  Apparti dan l-armla jew id-dipendenti, fejn qabel kienu jingħataw biss l-ammont tal-funeral, illum qed jingħataw bi dritt €5,800.  Jiġifieri qabel jitħallas kwalunkwe debitu, qabel it-taxxa, qabel kollox dawn jittieħdu kollha kemm huma mill-persuni involuti. 

Għamilna diversi emendi fir-rigward tal-persuna ġuridika. Hawnhekk biddilna s-sistema kompletament.  Għamilna l-fondazzjonijiet fejn qabel ma kellniex sistema.  Illum mhux talli għandna sistema talli għandna wkoll numru ta’ reġistrazzjonijiet li saru fir-reġistru pubbliku.  Għamilna l-assoċjazzjonijiet.  Għamilna wkoll mekkaniżmu ta’ kif taħdem il-persuna ġuridika.  Għamilna wkoll diversi emendi marbuta mad-delegata paternità, jiġifieri ta’ kif wieħed jista’ jagħmel kawżi biex ikun jista’ jiddikjara li xi ħadd huwa t-tifel jew it-tifla ta’ persuna oħra.  Neħħejna l-odjożità li kellna qabel fejn dak li tgħid mara ġo kawża ma jkunx ikkonsidrat bħala importanti f’kawżi ta’ delegata paternità.  Issa għandna wkoll Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu qegħdin ngħidu wkoll li meta inti jkollok xi ħadd li għandu kawża ta’ delegata paternità dak jista’ jiġi mġiegħel mill-qorti jagħti samples tad-DNA tiegħu.  Naħseb li hawn għamilna numru ta’ passi ’l quddiem però ovvjament imbagħad jiddependi minn kemm qegħdin jiġu użati.

Għandna wkoll l-abbozz ta’ liġi rigward id-danni morali u allura rigward kif wieħed jikkomputa d-dannu.  Għamilna avviż legali apposta biex inti tipprova li ma jkollokx aktar l-inċertezza li għandek illum fejn espert tal-qorti jagħti persentaġġ ta’ diżabilità u espert tal-qorti jagħti persentaġġ ta’ diżabilità kompletament differenti.  Barra minn hekk għall-ewwel darba f’dan l-abbozz ta’ liġi daħħalna li meta xi ħadd isofri diżabilità gravi, apparti d-danni normali li jieħu jista’ jagħmel ukoll talba separata għall-bżonn ta’ trattament ta’ spejjeż mediċi futuri.  Sur President, dan hu kollu xogħol li nassigurak li ma ħax sena jew tnejn biex sar.

Hemm imbagħad l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta, cioè l-Whistleblower Act.  Hemm diversi affarijiet x’wieħed jiddiskuti dwar dan l-abbozz ta’ liġi u forsi meta niġu biex niddiskutuh f’dan il-Parlament ikolli l-pjaċir li nipparteċipa.  Però ddiskutejna wkoll l-Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.  U dan kien pass ieħor ’il quddiem anke għaliex fih daħħalna prosekutur speċjali biex jieħu ħsieb l-affarijiet.

Irrid insemmi wkoll ix-xogħol li għamilna b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari.  Ix-xogħol tal-immigrazzjoni irregolari huwa wieħed mill-aktar impenjattiv li Ministru responsabbli minn dan il-qasam irid jiffaċċja għax ovvjament l-immigrazzjoni l-ħin kollu tinbidel u tibdel ix-xenarju tagħha.  Madankollu b’dan ix-xenarju xorta għamilna numru ta’ tibdiliet, kemm legali kif ukoll tibdiliet li huma marbuta ma’ passi ’il quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif jiġi trattat dan is-suġġett. L-ewwel nett għamilna tibdil kbir fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, fiċ-ċentri miftuħa, fl-infrastruttura u fil-proċess ta’ kif jiġu deċiżi dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet. Apparti dawn għandna wkoll ir-Refugee Commissioner.  Illum dan tant għandu expertise u tant mexxa l-affarijiet ’il quddiem li għandu l-possibbiltà li dawk id-diversi applikazzjonijiet li jsiru għall-ażil – 98% tal-persuni li jiġu Malta jagħmlu talba għall-ażil – jeħlishom fi tliet xhur, massimu ta’ sitt xhur.  Għalhekk wieħed jista’ jkun jaf mill-ewwel jekk ħaqqux status ta’ refuġjat, jekk ħaqqux status umanitarju jew inkella jekk ħaqqux xi status differenti. 

Irrid ngħid ukoll li hawnhekk mertu tax-xogħol li għamilna fl-Unjoni Ewropea u mertu wkoll tar-rappreżentant permanenti tagħna, is-Sur Richard Cachia Caruana, fl-2008 taħt il-Presidenza Franċiża rnexxielna ndaħħlu l-klawsola tal-burden sharing.  Jien inħoss li jkun aħjar li wieħed isejjaħilha l-klawsola tas-solidarjeta.  Permezz tagħha daħħalna għall-ewwel darba l-kunċett li meta inti għandek pajjiż bħal tagħna li għandu diffikultajiet għax huwa żgħir u għandu ħafna nies joqogħdu fih pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea jridu jaraw kif jgħinuh. U dan kif se jagħmluh?  Billi jieħdu mingħandu persuni biex jiġu rilokati f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Tul is-snin kellna medja ta’ madwar 500 persuna li ġiet rilokata, jew qiegħda fil-fażi li tiġi rilokata, f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u anke barra mill-Unjoni Ewropea.  Fosthom hemm il-Portugall, Spanja, il-Ġermanja, Franza, l-Ingilterra, l-Olanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein, id-Danimarka u l-Istati Uniti fejn proprju llum intbagħat 1,000 immigrant biex jingħata futur f’dan il-pajjiż.  Hemm kwantitajiet kbar ta’ pajjiżi li llum daħlu f’dan il-proċess u għamlu biċċa xogħol kbira għax ħadu persuni minn pajjiżna.  Dan sar mertu tax-xogħol li għamilna mis-sena 2007 ’l hawn u għaldaqstant filwaqt li nirringrazzja lil dawn il-varji pajjiżi nassigurakom li ma kenitx faċli li nottjenu ħaġa bħal din.  Jiġifieri f’dawn is-snin mhux talli ma qgħadniex lura talli rnexxielna nagħtu futur lil dawk il-persuni li huma l-aktar vulnerabbli, u anke familji, f’pajjiżi oħrajn.  Nagħmlu x’nagħmlu pajjiżna huwa żgħir u għandu diffikultajiet kbar biex jagħti futur lil dawn in-nies.  Fil-fatt innutajna li minkejja li nagħmlu ħilitna kollha biex nassistuhom u nippruvaw ngħallmuhom il-lingwa biex nagħtuhom futur f’pajjiżna, mal-ewwel opportunità li jkollhom jitilqu minn pajjiżna.

Irrid ngħid ukoll li hawnhekk sibt ħafna u ħafna assistenza miż-żewġ kummissarji li kien hemm qabel u li għandna llum, jiġifieri Jacques Barrot u Cecilia Malmström.  It-tnejn għenuni f’diversi pożizzjonijiet kemm biex tawna fondi kif ukoll fil-lobbying neċessarju biex wieħed ikun jista’ jottjeni din il-ħaġa.  Huwa pass kbir ’il quddiem li bħala pajjiż tal-Unjoni Ewropea rnexxielna nwasslu biex pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea wkoll jaċċettaw li jieħdu nies minn pajjiżna.  U nixtieq li kulħadd jifhem li dak huwa pass kbir ’il quddiem. Nista’ nassigura li biex din il-ħaġa għaddiet ma kenitx faċli.  Jien mort f’diversi bliet kapitali Ewropej biex nitkellem ma’ diversi ministri u nipperswadihom ħalli jbiddlu l-opinjoni oriġinali tagħhom. 

Sur President, bħalma rnexxielna nbiddlu l-opinjoni ta’ dawn il-pajjjiżi rnexxielna nġibu wkoll il-kunsens ta’ diversi stati biex il-European Asylum Support Office jitqiegħed f’pajjiżna.  Dan l-Uffiċċju għalija huwa wieħed mill-aktar passi kbar li għamel pajjiżna fid-direzzjoni tas-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea.  Qed ngħid dan għax il-European Asylum Support Office huwa uffiċċju tal-Unjoni Ewropea li jimpjega n-nies bis-salarji tal-Unjoni Ewropea, hemm kwantità kbira ta’ flus ivvutati għalih ġo Unjoni Ewropea u dan qiegħed jopera minn hawn Malta.  Ta’ kull xahar – u kważi kull ġimgħa – numru kbir ta’ nies jiġu Malta u jitilqu f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea biex jagħtu t-taħriġ u jagħmlu diskussjoniet fuq dan is-suġġett li hu l-aktar suġġett diffiċli fir-rigward tal-Unjoni Ewropea.  Wieħed irid jgħid ukoll li llum mertu tax-xogħol li aħna għamilna anke taħt il-Presidenza Daniża rnexxielna nagħmlu pass kbir ’il quddiem; pass li huwa marbut mas-solidarjetà.  Qabel is-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea kienet xi ħaġa diffiċli u kienet xi ħaġa li ma kenitx aċċettata, però llum saret parti minn dak kollu li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel.

Sur President, f’dawn ix-xhur li ġejjin żgur li se jkollna impenn ieħor diffiċli u sitwazzjoni oħra kkomplikata għax sakemm il-Libja tieħu saħħitha se naraw numru ta’ nies li jippruvaw jittantaw xortihom li jmorru jew lejn l-Italja jew lejn pajjiżna.  Ovvjament din hija sitwazzjoni fluwida u dejjem likwida fejn wieħed irid joqgħod attent il-ħin kollu.  Pajjiżna għandu obbligi internazzjonali li jrid jirrispetta u rrid ngħid li tul dan iż-żmien pajjiżna dejjem irrispetta dawn l-obbligi, u dan għamlu fuq livell għoli ħafna.  Pajjiżna ma qagħadx lura milli jagħmel l-obbligi internazzjonali tiegħu. Saru diversi allegazzjonijiet u diversi diskussjonijiet imma minn kwalunkwe rapport li sar minn kwalunkwe kummissjoni, pajjiżna dejjem instab li għamel dan ix-xogħol u għamel dan ix-xogħol tajjeb. 

Aħna rnexxielna, mertu tal-pożizzjoni tagħna fl-Unjoni Ewropea, inżommu l-pożizzjoni tagħna.  Għaldaqstant infakkar li diversi drabi kellna s-sitwazzjonijiet fejn bqajna nżommu l-pożizzjoni tagħna dwar ir-responsabbiltà u fuq x’għandu jagħmel pajjiż u x’ma għandux jagħmel pajjiż ieħor anke ma’ pajjiżi li huma ferm akbar minna.  Allura l-European Asylum Support Office huwa żgur pass kbir ’il quddiem u kien ta’ unur kbir għalija li fid-19 ta’ Ġunju, 2011 inkun preżenti u niffirma l-ftehim biex pajjiżna jospita lil din l-aġenzija.  Irrid ukoll nagħti mertu tax-xogħol kbir li sar fir-rigward tar-ripatriju ta’ persuni li ġew hawn Malta u m’għandhom ebda status ta’ xejn, jiġifieri persuna li mhijiex refjuġata, li m’għandhiex status umanitarju u lanqas status sussidjarju.  Aħna għandna l-obbligu li lil dawn il-persuni nerġgħu nibagħtuhom lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.  Nassigurakom li din hija waħda mill-akbar sfidi li pajjiżna qed jaffronta. 

Fortunatament bix-xogħol li sar tul dawn l-aħħar snin żidna ħafna aktar l-abbiltajiet tagħna u rnexxielna nġibu wkoll l-użu tal-Frontex biex b’hekk għandna għad-dispożizzjoni tagħna fondi speċjali li permezz tagħhom pajjiżna jkun jista’ jġib diversi uffiċjali u rappreżentanti minn pajjiżi tal-oriġini għal hawn Malta.  Imbagħad permezz ta’ dawn noħorġu d-dokumenti, il-passaporti u l-laissez-passer li bihom nistgħu nibagħtu persuni lura lejn pajjiżhom.  Ovvjament irrid ngħid ukoll li s-sena li għaddiet ħadna d-deċiżjoni li ma nagħmlux operazzjoni Frontex.  Dan għal diversi raġunijiet.  Is-sena l-oħra kellna l-kwestjoni tal-Libja – issa niġi għaliha din il-kwestjoni u nipprova nsemmi xi ftit mix-xogħol tant tajjeb li għamlet il-Protezzjoni Ċivili – u għalhekk ħassejna li m’għandniex nagħmlu operazzjoni Frontex sakemm ma jkunx hemm ċerti kundizzjonjiet.  Dawn il-kundizzjonijiet kienu li pajjiżna jingħata mhux sempliċement ir-rapid deployment imma jingħata pakkett akbar ta’ affarijiet li permezz tagħhom persuni li konna qed nipprevedu li se jiġu f’pajjiżna jkunu jistgħu jiġu rilokati f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea mill-ewwel.  Ovvjament dak li konna qegħdin naħsbu fortunatament ma seħħx. 

Sur President, irrid nagħti mertu u kreditu lil diversi nies li ħadmu madwari rigward il-kwestjoni tal-kriżi tal-Libja.  Din ma kenitx kwestjoni faċli.  Assolutament le.  Kienet kwestjoni mill-aktar impenjattiva, interessanti iżda anke ta’ ħafna komplikazzjonijiet.  Madankollu fiha stajt nara direttament il-mod tajjeb ta’ kif il-forzi tagħna – il-Forzi Armati, il-Pulizija, in-nies marbutin mas-servizzi tas-sigurtà u n-nies tal-Protezzjoni Ċivili – ippreparaw ruħhom għal kwalunkwe eventwalità.  Bħal dan iż-żmien sena kellna l-biża’ li madwar 100,000 persuna se taqsam lejn pajjiżna biex taħrab il-gwerra ċivili tal-Libja.  Dan kien anke previst mill-IOM u mill-UNHCR.  Fortunatament dan l-ammont ta’ nies ma mmaterjalizzax ruħu però f’pajjiżna xorta waħda ġew 1,500 immigrant. 

Fil-frattemp inbnew diversi stutturi interni bi preparazzjoni għal dak li kellu jsir.  U hawnhekk irrid nagħti kreditu lin-nies tagħna li ħadu ħsieb li jkollna freephone number.  Oriġinarjament il-ħsieb tagħna kien li nagħtu freephone number lin-nies Maltin, ħaddiema u familji, li kienu ġewwa l-Libja biex ikunu jistgħu joħorġu.  Nassigurakhom li aħna rajna lil kull Malti u Maltija li kien hemm ġol-Libja, u li riedu jiġu, rajniehom deħlin wieħed wieħed lura hawn Malta.  U dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina.  (Onor. Membri: Hear, hear)  Imbagħad xi ħaġa li ma konniex qed nipprevedu imma li ssarrfet fi kreditu kbir kienet li permezz ta’ dak il-freephone number li ħloqna ġew f’pajjiżna numru ta’ ċittadini oħra minn diversi pajjiżi Ewropej kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea.  B’hekk pajjiżna sar ċentru umanitarju ġol-Mediterran li permezz tiegħu madwar 15,000 ruħ ġew salvati mil-Libja u marru lura lejn pajjiżhom. 

Irrid nagħti kreditu lill-Pulizija u lill-Protezzjoni Ċivili għal mod mill-aktar effiċjenti u effikaċi li ħadmu bih.  Permezz tagħhom in-nies iċċaqilqu minn post għall-ieħor.  Irid ngħid ukoll li l-Gvern kostantement baqa’ jinvesti fil-Protezzjoni Ċivili.  Kull sena investejna numru ta’ flus f’ilbies protettiv, f’tagħmir varju, f’mekkaniżmu ġdid, f’underwater cameras u f’diving suits.  Inxtraw ukoll xi klieb li jintużaw fl-eventwalità li jaqa’ xi post biex isibu lin-nies li jinqabdu taħt id-debris.  Ġibna wkoll apparat kompletament ġdid minn barra li jippermetti li ssir ċerta tip ta’ riċerka għall-bnedmin taħt il-baħar anke jekk ikun imqalleb, eċċ. Għalhekk minn hawnhekk irrid nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili tax-xogħol kbir li jagħmlu u talli jibqgħu jżommu lilhom infushom il-ħin kollu attenti għall-eventwalitajiet kollha.  S’issa li nista’ ngħid huwa li kull darba li kellna bżonnhom dejjem sibniehom u dejjem għamlu xogħolhom kif għandu jkun.


Għamilna wkoll diversi passi ’l quddiem mill-aspett legali tal-immigrazzjoni.  Daħħalna numru ta’ mekkaniżmi ġodda.  Issudajna l-AWAS.  Issudajna l-Uffiċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati.  Issudajna lilna nfusna internament.  Issudajna wkoll id-diversi tribunali li hemm fosthom it-tribunal dwar l-immigrazzjoni u l-Appeals Board tar-refuġjati.  Dan kollu għamilnieh biex nindirizzaw lil dawk il-persuni li hawn hawn Malta u naraw li jingħataw dak kollu li huwa possibbli. 

Sur President, l-immigrazzjoni irregolari tibqa’ sfida kbira u tibqa’ sfida kontinwa biex wieħed jara kif isib soluzzjonijiet ġodda.  Dan mhux faċli.  Jien, fl-Unjoni Ewropea dejjem ngħid li wieħed irid jifhem li l-problema tal-immigrazzjoni irregolari mhix problema ta’ pajjiż partikolari imma hija problema tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.  U mhux biss, l-Unjoni Ewropea trid tifhem ukoll li jekk kemm il-darba ma tassigurax li f’kull pajjiż ikun hemm mekkaniżmi li fihom jiġu identifikati malajr dawk li ħaqqhom l-istatus ta’ refuġjat minn dawk li ma ħaqqhomx biex dawk li ħaqqhom - dawk li huma veru asylum seekers - l-ażil jingħatalhom malajr bil-protezzjoni li għandhom bżonn.  Fl-istess ħin il-persuni l-oħrajn kollha li ma ħaqqhomx, jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini. 

Huwa importanti ħafna li dan il-messaġġ isir.  Sfortunament fl-Unjoni Ewropea rajna ċerti partiti tal-lemin estrem javvanzaw u jirkbu fuq id-diffikultà li għal ċerti stati l-asylum seeker u xi ħadd li verament huwa intitolat għall-ażil jarawhom l-istess.  Hemmhekk qed isir ħafna xogħol u wieħed jittama li bil-EASO, il-Frontex, il-Kummissjoni u bil-parteċipazzjoni tagħna fil-politika nkunu nistgħu nċaqilqu l-affarijiet ’il quddiem. 

Il-ġimgħa li ġejja hemm laqgħa importanti oħra fl-Unjoni Ewropea.  Nittama li f’dik il-laqgħa jerġa’ jitqajjem ukoll il-fenomenu li hawn f’pajjiżna u dak li qegħdin naraw jiżviluppa f’dawn il-jiem.  Ovvjament aħna se nibqgħu nżommu lilna infusna attenti għal dak kollu li huwa għaddej għax għalina huwa importanti ħafna li nibqgħu nagħmlu x-xogħol tagħna tajjeb, li min hemm bżonn li jiġi salvat jiġi salvat u wkoll li jirnexxilna ngħinu lill-pajjiż ġar tagħna, il-Libja, biex ikun jista’ jikkontrolla l-fruntieri tiegħu aħjar speċjalment jekk ikollu fuq it-territorju tiegħu l-operat ta’ organizzazzjonijiet kriminali u illegali li jisfruttaw lil dawn il-persuni billi jeħdulhom il-flus u jqegħduhom fuq dgħajsa jew ċattra bla saħħa ta’ xejn.  Aħna se niqbgħu naraw ukoll li nassistu lill-UNHCR biex ikollha aktar saħħa biex topera fl-Istat Libjan u tkun tista’ tisma’ u tilqa’ d-diversi talbiet għall-ażil li jsiru minn dawn il-persuni mingħajr ma jkollhom il-bżonn li joqogħdu jissograw ħajjithom u jiġu Malta.  U rrid ngħid li l-fenomenu li qegħdin naraw f’dan il-perjodu mhuwiex il-fenomenu l-antik ta’ dawk li ngħidulhom single males – ta’ rġiel waħedhom – imma qegħdin naraw anke nisa, tfal u nisa li qegħdin jistennew li jwelldu.  Ovvjament dan kull darba jitlob attenzjoni partikolari.

Sur President, nittama li fl-aħħar tal-ġimgħa li ġejja jkollna hawn Malta l-Ministru tal-Intern tal-Libja biex forsi jkollna l-opportunità li niddiskutu din is-sitwazzjoni miegħu u nittama li jkollna wkoll il-Kap tal-UNHCR, António Guterres, li meta mort Geneva ftit tas-snin ilu kelli l-opportunità li niltaqà u niddiskuti miegħu kif jista’ jgħin iżjed lil pajjiżna u kif jista’ jagħmel aktar xogħol fil-Libja.  Irrid ngħid b’ċerta sodisfazzjon li wara dik il-laqgħa l-UNHCR f’Malta għandhom uffiċċju ferm aktar b’saħħtu, għandhom aktar impjegati, għandhom impenn ferm akbar u għandna rapport ferm u ferm aħjar mal-UNHCR. 

Il-mira tiegħi hi – però ma nafx jekk hijiex possibbli – li sal-aħħar ta’ Ġunju f’pajjiżna nkunu għamilna laqgħa bejn il-Ministri tal-Intern u tal-Immigrazzjoni tal-baċil tal-Mediterran fuq żewġ affarijiet li huma jew tal-“5+5” jew inkella tas-sitt pajjiżi li huma fil-Mediterran u li huma membri fl-Unjoni Ewropea, speċjalment in vista tal-fatt li fl-1 ta’ Lulju Ċipru se jidħol u se jkollu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea.  Għalhekk huwa importanti ħafna li dawn il-problemi li qegħdin niffaċċjaw u li se jiġu ffaċċjati fuq livell ta’ Unjoni Ewropea jkun hemm preparazzjoni għalihom.  Nittama li f’dawn il-laqgħat ikollna wkoll il-preżenza ta’ Cecilia Malmström u li magħha nkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet b’mod kemm jista’ jkun tajjeb.

Sur President, irrid ukoll nerġa’ nirringrazzja n-nies kollha li taw sehem fil-kwestjoni tal-Libja.  Hawnhekk sar xogħol kbir mill-Maltin bil-konsegwenza li llum għandna isem tajjeb mal-pajjiż ġarr tagħna.  Barra minn hekk b’mertu tad-diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Prim Ministru f’dik il-kwestjoni pajjiżna rnexxielu jieħu vantaġġi kbar kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fil-baċil tal-Meditteran.  Jidhirli li dak il-vantaġġ qed jiġi msarraf u jista’ jkompli jiġi msarraf mhux biss f’termini ta’ immigrazzjoni irregolari imma fit-termini varji tiegħu.  Fil-fatt qed ninnota li hemm diversi inizjattivi ġodda li qegħdin jittieħdu ma’ dan il-pajjiż fejn fortunament spiċċa r-reġim dittatorjali u beda l-proċess tad-demokrazija.  Il-proċess tad-demokrazija li qed isir fil-Libja huwa proċess verament importanti l-istess bħalma hu importanti l-proċess li qed isir ġot-Tuneżija u ġol-Eġittu. 

Sur President, wasalt lejn l-aħħar tad-diskors tiegħi.  Għandi numru ta’ punti oħra li xtaqt nagħmel però ovvjament jitlobu ferm aktar ħin biex wieħed ikun jista’ jiżviluppahom.  Għaldaqstant nibda nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu taħti kemm ili Ministru tal-Ġustizzja u anke meta kont Ministru tal-Intern ukoll fid-diversi problemi li ltqajna magħhom.  Li nista’ ngħid huwa li min-naħa taċ-Ċivil u min-naħa tal-persuni li huma involuti direttament fid-diversi affarijiet bħad-detention services u l-open centres rajt professjonalità kbira u rajt nies jaħdmu b’dedikazzjoni kbira.  Ovvjament dan sar b’ħafna xogħol, b’ħafna attenzjoni u ħinijiet twal.  Irrid nirringrazzja b’mod partikolari lid-diversi persuni min-naħa tal-istaff tiegħi għax ma kienx hemm Sibt u Ħadd li ma dħalniex naħdmu allavolja wieħed kien jippretendi mod ieħor però l-gwerra tal-Libja ma kenitx tippermetti li aħna nħallu l-affarijiet lura u allura rrid nirringrazzja verament mill-qalb lil kull min ħadem miegħi b’umilità, b’dedikazzjoni u b’perseveranza. 

Nasħeb li r-riżultati llum dehru ferm aktar milli kienu qegħdin jidhru fi żmenijiet oħrajn.  Hemm diversi affarijiet oħrajn li saru fil-Ministeru però naħseb li għandi l-unur ngħid li f’dawn is-snin ħdimt u ħdimt tajjeb u għamilt il-parti tiegħi biex jien inkun nista’ mmexxi ’l quddiem dan il-Ministeru xejn faċli b’diffikultà.  Kull min b’xi mod imiss mal-intern, mal-ġustizzja jew mal-immigrazzjoni għandu kuljum ġurnata ta’ baħar mqalleb.  M’hemmx ġurnata waħda li fiha l-baħar ikun kalm.  U anke meta l-baħar ikun kalm madwar Malta l-Ministru li jkollu f’idejh l-immigrazzjoni rrid jinkwieta.  Anke meta jkun hawn il-festi f’pajjiżna l-Ministru tal-Intern irid jinkwieta għal dak li jista’ jinqala’ fil-piroteknika u fl-inkwiet li huwa marbut mal-festi.  Ministru tal-intern, ministru tal-ġustizzja u ministru tal-immigrazzjoni dejjem qiegħed fuq dgħajsa b’riħ qawwi f’baħar dejjem imqalleb. 

Fis-snin li ili f’din il-kariga ta’ Ministru m’għaddietx ġurnata waħda li ma kienx fiha xi nkwiet jew xi ħaġa ta’ diffikultà jew li tordna inkjesta jew inkella li trid tieħu ċerta miżuri.  Fil-fatt kont ninkwieta meta tasal l-aħħar tal-ġurnata u ħadd ma jkun qalli li hemm xi problema jew xi ħaġa ta’ inkwiet.  Meta kienu jsiru xi 8.30 p.m. – għax lanqas tara ż-żmien għaddej fil-ġurnata – tgħid:  Saru t-8.30 p.m. u allura kif ma ġabulix xi ħaġa ta’ nkwiet?  Bilfors li ġara xi ħaġa ta’ nkwiet f’xi wieħed mid-dipartimenti u ħadd ma ġie jinfurmani.  Dan huwa x-xenarju li l-ministru tal-intern u ministru tal-ġustizzja għandu.  Jien qatt ma ninsa l-kunċett li ministru f’dan id-dekasteru għandu ħafna responsabbiltà però m’għandux poteri.  Għandu ħafna responsabbiltà għall-aġir ta’ diversi persuni li hawn fis-setturi varji però dan huwa kollu ta’ pjaċir u ta’ xogħol li wieħed jaħdem fih.  

Sur President, jien b’sodisfazzjon ngħid li għamilt ħafna xogħol.  Dan għamiltu minn qalbi.  Għamiltu għall-poplu Malti u ma kelli ebda diffikultà.  Ma ppruvajtx nieħu xi gwadann ta’ vana gloria.  Ma ppruvajtx nieħu xi mertu esternament.  Kulma għamilt għamiltu minn qalbi biex nara li dan il-poplu jimxi ’l quddiem skont il-ġurament li jien ħadt meta ġejt magħżul mill-Prim Ministru bħala ministru.  Minn qalbi nirringrazzja lil kull min ħa sehem f’dan id-dibattitu u lil kull min qagħad jismagħni u tani s-sapport u l-appoġġ tiegħu f’dawn ix-xhur xejn faċli.  Nirringrazzjak.  (Onor. Membri: Hear, hear)


MR SPEAKER:  Grazzi.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...