11.3.14

L-ekonomija Maltija mhix iżżomm ir-ritmu meħtieġ.



Ix-xejriet ekonomiċi negattivi li kkaratterizzaw partijiet sostanzjali tat-tieni nofs tal-2013 jidher li qegħdin ikomplu fl-2014 ukoll. Dan għaliex illum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma li għar-raba’ xahar konsekuttiv pajjiżna ra tnaqqis fil-produzzjoni industrijali – kejl importanti tar-rendiment tal-fabbriki f’pajjiżna, li huma sors importanti ta’ postijiet tax-xogħol.

Dawn iċ-ċifri qed jiġu ppubblikati ftit jiem biss wara li l-NSO kkonferma żieda sostanzjali fil-qgħad f’pajjiżna, li issa qed javviċina t-8,000 persuna mingħajr xogħol. Fl-istess jiem, l-aġenzija Eurostat uriet ukoll li Malta u d-Danimarka kienu l-uniċi pajjiżi mit-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li kellhom tnaqqis mill-bejgħ fil-ħwienet.

Dan kollu jkompli jikkonferma t-tħassib tal-Partit Nazzjonalista u tal-familji Maltin u Għawdxin li, lil hinn mill-kliem sabiħ tal-Prim Ministru Muscat u tal-Ministri tiegħu, qed jaraw jum wara l-ieħor il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna titlef ir-rankatura tagħha, b’mod partikolari fejn jikkonċerna investiment mill-privat, li huwa l-mutur tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Filwaqt li l-politika tal-Gvern li jimplimenta inizjattivi biex jattira aktar nies lejn is-suq tax-xogħol hija waħda li l-Partit Nazzjonalista jaqbel kompletament magħha, din trid timxi id f’id ma’ strateġija li tiżgura opportunitajiet tax-xogħol għal dawk li jridu jaħdmu. Sfortunatament, l-indikaturi kollha qed juru li dawn l-opportunitajiet mhux talli mhumiex jiżdiedu, talli qed jonqsu jum wara l-ieħor.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...