24.3.14

Diskors Parlamentari dwar l-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA – ABBOZZ NRU 19

IT-TNAX-IL PARLAMENT
Il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru 2013


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA – ABBOZZ NRU 19

MR SPEAKER:  Grazzi.  Aktar rimarki?  L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Nirringrazzjak, Sur President, li tajtni l-fakultà li nitkellem f’dan id-dibattitu. Fil-ħajja hemm affarijiet li qatt ma jistgħu jitqiegħdu għall-bejgħ, però l-bniedem fil-kreattività tiegħu jieħu ħsieb li joħloq metodi u mekkaniżmi sabiex dak li m’għandux jinbiegħ, iqiegħdu għall-bejgħ. B’din il-liġi, sfortunatament, qed naraw attentat f’din id-direzzjoni li l-Oppożizzjoni umilment ħadet il-ħin ta’ din il-Kamra biex tipprova twassal messaġġ lin-naħa tal-Gvern li l-mod ta’ kif ġiet formulata din il-liġi huwa żbaljat.  Din il-liġi qiegħda fuq pedament li huwa mill-iktar kontra n-natura umana, kontra s-sentiment uman, għax iċ-ċittadinanza fiha valur, fiha sinifikat li diffiċli li tispjegah, però huwa sinifikat ta’ appartenenza, sinifikat ta’ unur, sinifikat ta’ identità.  U ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna hija ċittadinanza li aħna ħdimna ħafna għaliha, stinkajna għaliha bħala partit biex iċ-ċittadini li joqogħdu f’dan il-pajjiż ikunu kburin li huma għandhom ċittadinanza li abbażi tagħha jistgħu jgħaddu b’rashom mgħollija kullimkien fid-dinja għax huma ċittadini ta’ pajjiż li huwa serju.  

Sfortunatament din il-liġi qiegħda tarmi barra mit-tieqa xi ħaġa li ħdimna ħafna għaliha u qed tarmiha fix-xejn, għaliex il-Gvern qiegħed jorbot din il-kwestjoni taċ-ċittadinanza mhux ma’ xi raġuni ta’ prinċipju, mhux ma’ xi raġuni ta’ valur, imma purament għal raġunijiet materjali, purament għal raġunijiet finanzjarji, u naħseb li dan huwa żball minnu innifsu.  Meta Gvern jibda jqiegħed affarijiet ta’ valur fuq bażi li jistgħu jintremew, fuq bażi li jistgħu jinxtraw, fuq il-bażi li hemm prezz għal kollox, allura tkun qiegħed tibgħat messaġġ żbaljat lill-poplu kollu kemm hu.  Il-poplu Malti jħobb iċ-ċittadinanza tiegħu, u jaraha li hi antipatka li tqiegħed għall-bejgħ ċittadinanza tiegħek għal nies oħrajn li l-poplu Malti ma jafhomx.  Jistgħu jkunu nies li għandhom xi forma ta’ kredtu. Però dawn in-nies li għandhom din il-forma ta’ kredtu, li aħna rridu ninkluduhom magħna bħala ċittadini, għaliex m’għandniex nagħmlu l-affarijiet b’mod iktar miftuħ u mingħajr ma norbtuha ma’ xi ħaġa li hija daqshekk flagrantement marbuta ma’ konċett daqshekk materjalista u ma’ konċett li jarmi ’l barra kwalunkwe valur li ċittadinanza jista’ jkollha?   

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie kkritikat min-naħa l-oħra, però l-kritika tan-naħa l-oħra ma setgħetx taħrab mil-linja prinċipali li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu, meta qal li fil-ħajja hemm affarijiet li ma jistgħux jinxtraw bil-flus. Iċ-ċittadinanza tagħna hija waħda minnhom u, ngħidu x’ngħidu, niddiskutu x’niddiskutu, dan huwa punt tant fundamentali li ebda argument kuntrarju, għax ir-raġuni ma tridx forza, ma jista’ jinġieb fuqha din. L-iskema li qed tiġi varata hija skema tant tad-daqqiet ta’ ħarta, tant magħmula b’mod żbaljat, li flok se tagħmel il-ġid lil pajjiżna se tagħmillu il-ħsara.  Jien ngħid li tagħmel ukoll il-ħsara lil dawk in-nies li jridu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija għax meta inti qed tarmi ċittadinanza b’dan il-mod qed tnaqqsilha mill-valur tagħha.  Aħna bħala pajjiż, bħala poplu, m’għandniex bżonn dan kollu. Possibbli li l-istat tal-finanzi tal-pajjiż tagħna qiegħed f’din is-sitwazzjoni tant prekarja li għandna bżonn bilfors inbigħu dawn il-passaporti!? 

Anke fil-kwestjoni tal-bejgħ tal-passaporti, bir-rispett kollu lejn il-Gvern, qed jintbagħtu messaġġi kompletament differenti. Mela fl-estimi nsibu li l-Gvern qed jipprevedi li se jdaħħal €15-il miljun, jiġifieri, jekk jien għadni tajjeb fil-matematika, skont l-iskema li se tagħmlu, se tbigħu 23 passaport. Bil-biża’ ta’ din, matul il-jum, rajna uffiċjal ta’ din il-kumpanija jgħidilna li tista’ tkun bejn 200 u 300 fis-sena, jiġifieri biex itella’ l-aspettattiva li jista’ jkun li f’dan il-pajjiż ikollna €130 miljun sa €200 miljun minn dawn iċ-ċittadinanzi. Dan huwa wkoll żbaljat, għax qed tipprova tixtri n-nies bil-ħsieb li jarmu d-dinjità tagħhom, l-aqwa li se jidħlu l-flus fil-pajjiż. 

Jien ma nemminx li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż hija daqshekk prekarja u drastika li titlob li ndaħħlu din l-iskema b’dan il-mod. Il-fatt biss li aħna qegħdin nippromwovuha, il-fatt biss li aħna qegħdin nikkontemplawha, fl-opinjoni tiegħi, tagħmlilna wkoll ħsara mal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ barra. Għax il-verità hija li dawn huma miżuri li jirrikorru għalihom pajjiżi li ċ-ċittadinanza tagħhom ma fihiex il-valur taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. Allura għaliex aħna għandna nieħdu miżura li biha, mingħajr ma nafu, qegħdin nidhru li aħna qegħdin daqshekk iddisprati jew daharna mal-ħajt f’din is-sitwazzjoni partikolari tal-istorja ta’ pajjiżna?  

Jien ngħid li hija żbaljata anke din l-idea li tagħmel din iċ-ċittadinanza b’mod li ma fihiex trasparenza biżżejjed. Anke l-kwestjoni ta’ kif issir l-għażla tan-nies, il-Gvern qatt m’għandu jħalliha f’idejn ħaddieħor, fl-ebda stadju. L-iskrutinju ta’ min jidħol bħala ċittadin Malti għandu jibqa’ kompletament f’idejn il-Gvern u f’idejn min għandu r-responsabbiltà li jiddeċiedi jekk persuna tistax tiġi naturalizzata.  Dan huwa żball kif inhu żball ukoll li lanqas l-ismijiet tan-nies li se jsiru ċittadini ta’ pajjiżna ma jiġu pubblikati.  Kif dan il-pajjiż li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku, li jgħid li huwa stat modern u Ewropew, se jdaħħal konċett daqshekk kontra forma fundamentali ta’ trasparenza u ta’ kontabbiltà?! Dan x’jiġifieri f’dan il-pajjiż se nħallu li jkollna sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin jiġi naturalizzat, però ma jiġix ippubblikat ismu fil-Gazzetta tal-Gvern?

Allura kif se niskopru min huma u mhumiex dawn in-nies?  Kif il-poplu Malti se jkollu moħħu mistrieħ li verament iċ-checks and balances, li l-Gvern huwa sodisfatt bihom u li aħna m’aħniex sodisfatti bihom, verament qegħdin jaħdmu? Jien nista’ ngħid ħaġa waħda, l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra.  Ministri ta’ pajjiżi oħrajn sabu diffikultà fi skemi ferm aqwa minn dawn, u kien hemm dejjem l-arja li hemm xi ħaġa li ma tgħoddx, li hemm riħa ta’ korruzzjoni, riħa ta’ affarijiet li jimbarazzaw lill-gvern.  Kien hemm diversi gvernijiet fl-Ewropa li sabu lilhom infushom fil-pożizzjoni fejn kellhom jordnaw inkjesti jew inkella jagħmlu audit indipendenti biex jaraw jekk xi ħadd li ġie naturalizzat kienx verament ħaqqu jiġi naturalizzat. 
Allura din il-linja hija kompletament żbaljata, u żball ikbar li qiegħed jagħmel il-Gvern huwa li jaħseb li billi jgħidilna ċerti affarijiet allura aħna għandna nibilgħuhom. L-agħar li nibilgħu affarijiet li jgħidulna nies li huma barranin u li mhux neċessarjament għandhom għal qalbhom l-imħabba li aħna għandna għal dan il-pajjiż. Jien ngħid li b’din il-liġi qegħdin nesponu lilna nfusna għal sitwazzjoni fejn ħaddieħor jista’ jużaha kontra tagħna, jista’ jnaqqsilna mid-dinjità tagħna, jista’ anke jgħid:  Ara x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż! Ara dan il-pajjiż kemm ġie f’sitwazzjoni vulnerabbli!  U din tmissna f’affarijiet iktar fundamentali, speċjalment fis-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ċar anke fuq il-kwestjoni tal-visa. Jekk qegħdin immissu mal-visa, il-Gvern għandu jagħti l-garanziji ta’ kif taħdem ma’ 160 pajjiż ieħor. Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fortunatament għandna l-vantaġġ kbir li s-sitwazzjoni tal-visa, biex tgħaddi minn pajjiż għall-ieħor, huwa faċli. Nittama li qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex ma nġibux sitwazzjoni drastika f’din il-visa.  Iċ-ċittadinanza tagħna baqgħet b’saħħitha għax hija fundamentalment marbuta mad-demm. Il-konċett huwa jus sanguinis mhux jus soli, u din hija xi ħaġa li importanti ħafna li tibqa’ tinżamm kemm jista’ jkun. Pajjiżna daħħal ukoll il-konċett ta’ naturalizzazzjoni limitatament għal skrutinju rigoruż ta’ nies li għamlu perjodu twil jgħixu f’pajjiżna, li għamlu investiment f’pajjiżna, li huma attivi f’pajjiżna, li saru wkoll iħobbu lil pajjiżna kważi iktar mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom. 

Issa f’daqqa waħda se nitilqu kompletament minn dan l-għaqal, minn din il-kawtela ta’ żmien, minn din il-protezzjoni ta’ żmien.  Ħaġa fiha valur skont kemm tikkuraha.  Meta xi ħaġa ma tikkurahiex allura dik tispiċċa u tintrema, u dak hu li l-Gvern qiegħed jgħaddina minnu, qed jipperikola li xi ħaġa li hija ta’ valur tintrema mar-riħ!  Naħseb li f’dan il-Parlament għandu jkun hemm il-miżuri kollha kontra sabiex nipproteġu din iċ-ċittadinanza, mhux narmuha u nitilfu kwalunkwe forma ta’ dinjità li għandha.  Ċittadinanza hija tant b’saħħitha li kien hemm diversi opinjonijiet legali u sentenzi li jgħidu li n-nazzjonalità ta’ individwu mwieled f’pajjiż hija marbuta miegħu, ma tistax titneħħielu arbitrarjament.  Imma dik hija waħda mid-drittijiet fundamentali ta’ xi ħadd li twieled f’pajjiż, ta’ xi ħadd li għandu dritt għal ċittadinanza.  Però f’sitwazzjonijiet ta’ skemi bħal dawn inti f’daqqa waħda qed tarmi kollox, u qed tarmihom bl-iktar mod flagranti, ċar. Ħadd min-naħa l-oħra tal-Kamra ma jista’ jgħidilna li hemm xi prinċipju li se jiġi stabbilit, jekk mhux prinċipju ħażin, u dan il-prinċipju ħażin qed ikisser il-valur sħiħ tagħna bħala pajjiż. 

Sur President, jien nemmen verament li fuq din għandu jkun hemm ripensament, għandna noqogħdu ftit lura. M’għandniex niġru bil-mod ta’ kif qed niġru. Jien ninkwieta ruħi meta nara dawn l-uffiċjali ta’ dawn il-kumpaniji l-kbar barranin li jiġu fuqna biex jiddettawlna kif jimxu l-affarijiet.  Ħalli ma nużax il-kelma “jiddettaw”, imma li jipprovaw jgħidulna huma kif inhuma l-affarijiet.  Dik hija xi ħaġa żbaljata. Aħna għandna dejjem nżommu l-mazz f’idejna u niddeċiedu aħna fuq l-affarijiet u  ma jiġix ħaddieħor jipprova jużana għal skopijiet oħra kompletament differenti. Kumpanija privata għandha l-miri tagħha, kumpanija privata li intom qed iġġibuha fil-livell, jekk mhux assolut, kważi assolut, ta’ regolatur u operatur.  Il-poter li qed tagħtuha huwa parti mill-poter li għandu jżomm f’idejh l-Istat u għandu jżommu fis-sħiħ l-Istat.  Din mhijiex kwestjoni ta’ public-private partnership. Allaħares qatt aħna nidħlu f’dawn it-tipi ta’ konċetti f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet!  

Għaldaqstant wieħed jappella lill-Gvern biex jaħsibha mill-ġdid u jagħmel konċett kompletament differenti, konċett li finalment jaħdem u jżomm ir-reputazzjoni għolja taċ-ċittadinanza Maltija.  Però, bir-rispett kollu, din il-liġi qiegħda tolqot waħda mill-kordi l-iktar qawwija għall-Partit Nazzjonalista li kien il-partit, li minn meta ġie mwaqqaf, kellu żewġ ideali:  il-patrija u r-reliġjon.  Il-patrija, li inti tiddefendi l-patrija fid-dimensjonijiet tagħha kollha, li tiddefendiha fl-iktar mumenti tajbin ta’ nazzjonalizmu, u mhux nazzjonaliżmu tal-lemin estrem imma nazzjonaliżmu moderat li jrid is-sewwa lil pajjiżna.  Aħna l-partit li tul iż-żmenijiet kollha ħadna ħsieb li ngħollu ’l fuq l-konċett tan-nazzjonaliżmu, u b’dan qegħdin tattakkaw waħda mill-iktar affarijiet fundamentali tagħna. Jien ma rridx nġib l-eżempju ta’ Salamun, ta’ dawk iż-żewġ nisa, billi ngħid li aħna għandna għal qalbna ċ-ċittadinanza u intom m’għandkomx daqshekk għal qalbkom iċ-ċittadinanza. 

Nittama li wara li l-Oppożizzjoni qagħdet tagħmel dawn is-sigħat sħaħ tiddibatti hawn fil-Parlament biex tipprova twassal messaġġ lill-Gvern, il-Gvern jifhem li għandu jiċċaqlaq minn din il-pożizzjoni, li m’għandux jibqa’ jwebbes rasu fuqha u jassigura skema li finalment iġġiblu l-flus li huwa jrid, però ma tarmix iċ-ċittadinanza daqshekk prezzjuża u daqshekk qawwija għalina.  Ma tistgħux tlumuna li aħna ngħidu li għada pitgħada aħna nieħdu l-miżuri li jidhrilna li għandna nieħdu għax dak huwa fl-opinjoni tagħna mod ta’ kif tibqa’ żżomm fl-għoli ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.  Nittama li l-Gvern jifhem u mhux jgħaddi minn fuq l-Oppożizzjoni.  Nirringrazzjak, Sur President.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...