27.3.24

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf tipprova tifli, forsi wkoll, bejn il-basla u qoxritha dak li qed jgħidu u dak li qed iwettqu. Iktar u iktar meta taqra kitbiethom direttament. Imma forsi hija aktar faċli għalija, fuq in-naħa l-oħra, li nifhem lil dawk li għażlu ħajja spiritwali u reliġjuża. Mhux għad-dinja tal-lum, anqas għal dawk li jridu jaffermaw li l-Istat huwa tant sekulari li ma jridx jaċċetta l-passat tiegħu. Ma jridx jiddikjara li ġie fejn ġie huwa proprju għax għandu soċjetà mibnija fuq il-valuri u l-prinċipji etiċi Nsara.

Min jaqbad dik it-triq

2. Biss, huwa minnu li n-Nisrani jibqa’ dak kontra l-kurrent. Jibqa’ dak li ma jaċċettax dak li huwa ħażin u jaħdem għat-tajjeb. Jibqa’ dak li jfittex li jwettaq il-ġid. Jaqra b’saħħa u inizjattiva sabiex dak li jidher irmied imħolli minn nar antik jerġa’ jieħu ħsieb ikebbsu. Jonfoħ fuqu biex jitqabbad mill-ġdid, b’aktar saħħa u determinazzjoni. Hemm ħafna li jifhmu din il-missjoni. Jifhmu din il-preżenza soda u determinata sabiex ma jċedux il-pożizzjoni tagħhom u jibqgħu jinsistu. Dawk li jsiru żerriegħa tal-mustarda. Dawk li jitkellmu u jikkomunikaw b’mod li jinftiehem biex fid-dinja isseħħ is-sewwa. Anzi, dawk il mhumiex irrassenjati li jħallu kollox għaddej fix-xejn tax-xejn.

Proprju f’dan

3. Proprju f’dan iltqajt ma’ ktieb mill-isbaħ. Miktub minn persuna li għamel għażla umana tajba, ċertament, imma li mhux faċli għal ħafna li jifhmuha. Dejjem jekk ma jindenjawx ruħhom jaqrawh. F’dan missejt ma’ dak li kien deher fl-1967 fil-ktieb bit-titolu Lettere Dal Deserto. L-awtur kitbu wara li kien għamel għaxar snin jgħix fid-deżert. Waħdu, ’il bogħod mid-dinja u fi triq li min-novizzjat ħaditu sabiex sar saċerdot. Isegwi l-passi ta’ San Charles de Faucauld (1858-1916). Carlo Carretto, Taljan, iddeċieda li jabbanduna kollox u jmur għar-ramel tad-deżert flimkien mal-bnedmin l-oħra li għexu hemm. Esperjenza unika, li ressqitu aktar viċin il-verità. Aktar viċin dik li hija r-realtà. Mal-bniedem u għall-bniedem, fi proċess iebes, imma li għax tneżża’ minn kull ma seta’ kellu sab kull ma kellu bżonn. Fejn hemm sab il-faqar, iċ-ċaħda, l-umiljazzjoni, il-persekuzzjoni, it-tbatija.

Addattat

4. Din il-kitba ta’ dan il-bniedem sibtha mill-aqwa f’dawn il-jiem tar-Randan. Waqt li, bħal diversi oħra, qiegħed inkompli nfittex it-triq it-tajba. Dik li tfehmni aktar dak li aħna u fejn sejrin. Ħassejt li f’dan għandi nirrakkomandah. Kull paġna hija sabiħa ħafna. Il-kitba mhix tqila, anqas wisq ikkumplikata. Diretta ħafna u tispjega proġett. Tispjega viżjoni. Tmexxik biex inti stess issegwi fejn id-dinja materjalistika u ikkonċentrata fuq l-egoiżmu tal-individwaliżmu ma tridx. Jikteb u jfehmna li ta’ 44 sena wieġeb għal sejħa. Telaq kollox u mar fid-deżert f’El El Abiod Sidi Cheik, Tamanrasset u Assekrem. Abbandun u qtugħ minn kull rabta passata. Miġbur fit-tul fit-talb quddiem is-Sagrament. Waħdu għal jiem, ġimgħat, xhur. Iqum u jorqod fit-talb quddiem is-Sagrament. Iqum u jorqod jaqra l-Vanġelu u jirrifletti. Sejħa unika u verament impressjonanti, iktar għal dawk bħali li jridu jikkomunikaw mal-oħrajn kuljum.

Għaliex?

5. F’dan jislet ħafna ħsibijiet sbieħ u li jċaqilquk, anki jekk ma temminx. Anki jekk taf biss bl-eżistenza tal-Kristjaneżmu, imexxik taħseb dwar il-ħajja, il-valur tagħha u l-eżistenza sħiħa tiegħek. Jistaqsi, u fl-istess ħin janalizza ħajjet Sidna Ġesù Kristu b’sempliċità li tiftaħlek iktar għajnejk. Huwa jgħid hekk: “Perché Gesù non fu scriba? Perché non volle nascere in una di quelle famiglie destinate al comando, alle responsabilità, all’influenza sociale e politica?” (Għaliex Ġesù ma kienx kittieb? Għaliex ma riedx jitwieled f’waħda minn dawk il-familji iddestinati għall-kmand, għar-responsabbiltà, għall-influwenza soċjali u politika?). U jkompli hekk: “Gesù ha talmente cercato l’ultimo posto, che ben diffiċilmente qualcuono potrà strapparglielo.” (Ġesù fittex tant li jkun fl-aħħar post fis-soċjetà li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jirnexxilu jkun inqas minnu.)

Nazzaret

5. Dak li jinbena bil-ħsieb li l-qdusija, il-ħajja eżemplari, jinkiseb b’ħajja ordinarja. Fix-xogħol, fil-ħajja familjari, soċjali, b’ħajja umana sempliċi possibbli u miftuħa għall-bnedmin kollha. Dan aktar u aktar fid-dawl ta’ dak li kiteb il-fundatur tal-ordni li daħal fih. Charles de Faucauld f’dan jikteb iktar dwar kif Sidna għex tletin sena f’dan ir-raħal, ’il bogħod minn kollox. Fis-silenzju u fil-ħidma ordinarja ta’ kull persuna umana. Huwa jgħid hekk: “Nazaret era l’ultimo posto: il posto dei poveri, degli anonimi, di coloro che non contano, della massa degli operai, degli uomini piegati alle dure esigenze della fatica per un pò di pane.” (Nazzaret huwa l-aħħar post: il-post tal-fqar, ta’ dawk mhux magħrufa, ta’ dawk li ma jgħoddux, tal-massa tal-ħaddiema, tal-bnedmin imkissra taħt tbatija kbira biex wieħed jaqla’ l-għixien.)_

Fl-ordinarju

6. De Faucauld hekk imexxi lill-aħwa sabiex jgħixu mill-ġdid fl-imitazzjoni ta’ Nazzaret fl-iktar mod fidil tiegħu. U hekk Carretto, li wara għaxar snin fid-deżert mar jgħix lura fl-Italja fi Spello u minn hemm uża dik l-esperjenza unika biex jibni huwa stess komunità hemm. Esperjenzi uniċi, differenti minn tal-oħrajn. Imma mingħajr ma trid bihom tifhem li hemm ħajja iktar qawwija f’dawk li ma jintrabtux mal-ħwejjeġ tad-dinja. Kemm għandna bnedmin li għexu u li qed jgħixu għall-oħrajn. Mingħajr ipokrezija, imma b’awtentiċità u oriġinalità. Determinati li jkunu ż-żerriegħa t-tajba. Jifhem, anzi, ferm iktar tul din il-Ġimgħa Mqaddsa kemm Sidna Ġesù Kristu ipprattika u wettaq dak kollu li qal, u għalhekk ta’ ġid li jiġi imitat.

MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLJIET PUBBLIĊI - BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17202. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni fil-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet  li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

 

Seduta  224

25/03/2024

ĦAL TARXIEN – PROĠETT TA’ RIĠENERAZZJONI TAL-PJAZZA U Z-ZUNTIER QUDDIEM IL-KNISJA PARROKKJALI

17201. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9428 jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet għar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Ħal Tarxien humiex lesti u meta huwa previst li ser jinbeda x-xogħol?

 

08/03/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tad-disinn tal-proġett qed jiġu finalizzati u qed jiġi ppreparat il-pakkett għas-sejħa għall-offerti u huwa ippjanat li din tiġi ppubblikata fix-xhur li ġejjin.

 

Seduta  224

25/03/2024

ĦAL GĦAXAQ – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17200. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti f’Ħal Għaxaq? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huwa kif qed jidher fit-tabella t’hawn taħt.

 

Lokalità

 Irġiel

 Nisa

 Total

ĦAL GHAXAQ

19

57

76

 

Seduta  224

25/03/2024

MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA - BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17199. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni li jokkupaw kariga fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.

 

Seduta  224

25/03/2024

ĊIMITERJU TAL-ADDOLORATA – ŻAMMA TAL-OQBRA

17198. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15638 jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm oqbra li huma uffiċjalment issiġillati? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkonsidrax li tinbidel il-linja amministrattiva li ttieħdet u l-istat tal-oqbra u l-post jiġu miżmuma aħjar?

 

08/03/2024

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Ninsab infurmat li ma tinżamm l-ebda statistika ta’ oqbra li huma ssiġillati b’testment għax din l-informazzjoni tinżamm biss fid-dokumenti relatati mal-qabar speċifiku.

 

Dawn l-oqbra huma meqjusa bħala propjetà privata u jibqgħu hekk anke jekk dan jiġi ddikjarat issiġillat b’testment jew ordni tal-qorti jew b’mod legali ieħor u għalhekk ma jistax jintmess mingħajr il-kunsens tas-sid.

 

F'każijiet fejn waqt spezzjoni jew ilmenti isir magħruf li hemm xi periklu, s-sidien jew werrieta jiġu kkuntattjati biex titranġa s-sitwazzjoni. Jekk l-ebda nformazzjoni ma tkun disponibbli allura l-periklu jitneħħa mill-kumpanija li tmexxi ċ-ċimiterju tal-Addolorata wara konsultazzjoni mal-Uffiċċju Regolatorju tad-Dfin.

 

Ir-responsabbiltà taż-żamma taċ-ċimiterju tinvolvi wkoll knis u qtugħ regolari tal-ħaxix ħażin fil-passaġġi u madwar oqbra kemm privati kif ukoll komuni.

 

Seduta  224

25/03/2024

MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI – BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17197. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru m’hemmx appuntati Segretarji Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni.

 

Seduta  224

25/03/2024

25.3.24

INFITTXU JIEM TA' PAĊI

1. F’dawn l-aħħar xhur mimlija nkwiet u kumplikazzjonijiet varji, wieħed jibda jistaqsi b’aktar saħħa mis-soltu: fejn verament sejrin? Fejn ser nieqfu naraw, jum wara jum, aħbarijiet ħżiena li jsewwdulna iktar qalbna. Kważi drajna naraw bnedmin jinqatlu u bini jitfarrak trab fix-xenarju li għaddej bl-użu ta’ armi moderni u sofistikati. Armi ta’ distruzzjoni kbira. Kapaċi jwaqqgħu f’daqqa waħda dak li kien ħa s-snin, sekli biex inbena. Feriti fil-qalb, fil-moħħ, u fil-memorja kollettiva tagħna.

Nistaqsu iktar

2. F’dan għandna wkoll id-dritt leġittimu li nistaqsu meta dan kollu sejjer jieqaf. Jew inkella wasalna biex nieqfu naħsbu għax fuq in-naħa l-oħra tant qed naraw li issa nistgħu nħossuna rassenjati li xejn m’hu ser iwaqqaf dan il-proċess inevitabbli għad-distruzzjoni totali. Min ħaddan il-gwerra bħala għodda politika ġieb dan kollu. Daħal, u daħħal lilu nnifsu fi sqaq, fejn jaħseb biss li jista’ jirbħu jekk iwaqqa’ l-ħajt li hemm quddiemu u mhux li jmur lura minn ħsiebu. Proċess li beda fuq sieq u issa żviluppa f’oħra, li propju għalhekk, għadu għaddej.

Produzzjoni

3. M’hemm xejn li qiegħed juri xi linja politika differenti. Hemm biss il-ħsieb li issa ħaġa waħda hija importanti: l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni għat-tkattir tal-armamenti. Fejn teknoloġija sofistikata trid tlaħħaq mal-volum ta’ oħrajn inqas tajba. Fejn m’hemmx linja li trid tinġibed. Il-Federazzjoni Russa żiedet fl-armamenti. Naqqset mill-investiment soċjali u rat iktar kif tista’ tirbaħ il-battalja li hija bdiet b’aktar attakki b’armi bħal dawn. Fil-kontinent Ewropew il-prijorità m’għadhiex iktar il-bniedem, imma l-gwerra.

Inevitabbli

4. F’dan, iktar ikkumplikat hemm il-ħsieb ta’ xi wħud li dan huwa proċess inevitabbli. Xejn ma jista’ jżommu lura milli jġib tmiem l-oċċident. Tmiem il-kultura, l-ideat u l-progress li dan il-kontinent irrappreżenta għal ħafna sekli. Xejn ma jidher li f’irjus xi wħud qed jiċċaqlaq il-ħsieb li hemm bżonn li wieħed jittama, kontra kull tama, u jaħdem għall-paċi. Il-vuċijiet favur il-paċi naqsu, u minflok hemm silenzju li jimmarka aktar li għal uħud dan huwa inevitabbli. Ma nemminx li huwa. Nemmen biss li wieħed irid ikompli jipprova u jibqa’ jinsisti sabiex dak li llum jidher ikkumplikat u diffiċli ħafna għada jsir kapaċi jaqbad it-triq għas-sewwa.

Jista’ jieħu aktar

5. Vladimir Putin jista’ jirbaħ aktar kilometri ta’ art Ukrena. Jista’ jipprova jipperswadi lid-dinja li rebaħ elezzjoni demokratika. Jista’ jaħseb li l-gwerra li beda, u li ilu fiha sentejn, ser jirbaħha. Dan kollu jista’ jagħmlu, imma fuq in-naħa l-oħra hemm li mhuwiex għal dejjem. Hemm ir-regoli tal-ħajja li jaħkmu. Fil-frattemp mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkattar xi ġid. Irid, anzi, ikompli jkun parti mill-familja tad-dittaturi li f’mumenti jidhru invinċibbli u f’oħrajn jitkaxkru mill-irjiħat tal-bidla. Illum jew għada ser ikun tellief mal-mewt u warajh mhux glorja ser iħalli, imma mrar.

Riżentiment

6. Dak li hu għaddej huwa parti ikbar mill-proċess ta’ riżentiment li baqa’ nieżel mis-snin passati. Dak li għaddej qiegħed ikompli jiżra’ ż-żerriegħa qerrieda li jridu jgħaddu ġenerazzjonijiet twal biex jintesa. Fejn forsi jitqegħdu fuq wara l-atroċitajiet li twettqu u li bħalissa qed jitwettqu. Qisna m’aħniex naraw li f’dan kollu ħadd m’huwa rebbieħ. Kull parti titlef, u ser tkompli. Kumbattimenti li minnhom ma jistax joħroġ ħlief ferm u ferm iktar deni. Jekk però ma jkunx hemm sforzi lejn il-paċi, min aggredixxa ser jispiċċa jieħu vantaġġi li ma ħaqqux.

Fix-xibka tal-avversarju

7. Waqt li għaddej iktar dan kollu, l-Ewropa trid toqgħod attenta li ma tidħolx f’din ix-xibka f’dak li kuljum qed nitolbu bħalissa. Waqt li l-Ewropa għadha tħares lejn it-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-popli tagħha, fuq l-oħra hemm dik ta’ iktar ekonomija militari. Iktar armi biex inkomplu nużawhom fi ġlieda li t-tmexxija preżenti Russa ma jaqblilhiex li twaqqaf. L-Ukrajna ħadet daqqiet sew. Biss jekk ikun hemm il-paċi kapaċi tirpilja, tikber u tiżviluppa b’ferm iktar veloċità minn min irid jibdel id-direzzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni. Issib aktar is-sostenn Ewropew u fl-aħħar tinbena fil-pajjiż li kapaċi jsir, fil-kuntrasti ta’ dak li ma rnexxilux mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin sallum.

Nikkultivaw

8. Anki jekk għal xi wħud nistgħu nidhru li m’aħniex id f’id mar-realtà, xorta rridu ninsistu u nikkultivaw proċess ta’ djalogu. Proċess li jwassal, b’xi mod, lejn il-paċi. Ħadd ma jrid iċedi, ċertament, u m’għandhiex bżonn tkun xi forma ta’ prekondizzjoni. Imma ċert li fuq iż-żewġ naħat, f’dożi differenti fil-kalatura qed naraw li hemm limitu, u li qegħdin jixbgħu minn dan kollu. Hemm wisq familji li tilfu membri għeżież tagħhom li ħadd m’hu ser iġib lura. Dawk huma feriti li ma jingħalqux. Dawk huma sitwazzjonijiet li ħadd ma jista’ jiġġustifika, iktar u iktar fil-kamp tal-Federazzjoni.

Tul din il-ġimgħa

9. Waqt li nibdew din il-Ġimgħa Mqaddsa mimlija rabtiet, b’dawl spiritwali u b’ideat huwa ċertament tajjeb li nittamaw, naħdmu u nitolbu għall-paċi. Mill-gwerra li għaddejja u minn kull waħda oħra ħadd ma jirbaħ. Jitlef biss. Proprju f’dawn ir-riflessjonijiet u fl-għarfien li kull bniedem huwa importanti u li ġie maħluq bi skop għandna iktar nagħrfu li l-paċi hija possibbli u li trid tiġi attivament ikkultivata. Il-paċi possibbli, imma trid issib aktar bnedmin li jaqbżu għaliha. Iktar u iktar għalina, li nafu direttament il-futilità qerrieda tal-gwerra. Fit-tama li dawn il-jiem iġibu magħhom għandna naħdmu ferm iktar għas-sewwa.


WIED IL-GĦAJN – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17196. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti f’Wied il-Għajn? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huma skont it-tabella ta’ hawn taħt.

Lokalità

Irġiel

Nisa

Total

Wied il-Għajn

63

138

201

 

Seduta  223

20/03/2024

MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGĦOL - BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17195. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, hemm is-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru li sservi skont il-liġijiet rispettivi bħala ex ufficio fil-Kunsill dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni u fil-Kunsill dwar il-Protezzjoni Ċivili. F’tal-aħħar iservi wkoll bħala membru ex ufficio s-Segretarju Permanenti għal Għawdex u l-Ippjanar.

 

Seduta  223

20/03/2024

MARSAXLOKK – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17194. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti f’Marsaxlokk? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huma skont it-tabella ta’ hawn taħt.

Lokalità

Irġiel

Nisa

Total

MARSAXLOKK

12

23

35

 

Seduta  223

20/03/2024

 

ĦAL TARXIEN – SKOLA PRIMARJA L-QADIMA – XOGĦLIJIET

17193. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16571 jista’ l-Ministru jgħid x’esiġenzi qiegħed jara li l-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien jippresta ruħha għalihom?

 

08/03/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-iskola mesmmija qed tintuża bħala skola ta’ kontinġenza.

 

Seduta  223

20/03/2024

MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI – BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17192. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMANinforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

 

Seduta  223  

20/03/2024

ŻEJTUN – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17191. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti fiż-Żejtun? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor Interpellant li, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huma skont it-tabella ta’ hawn taħt.

 

Lokalità

Irġiel

Nisa

Total

ŻEJTUN

29

139

168

 

Seduta  223

20/03/2024

20.3.24

ILLUM SAN ĠUŻEPP

1. Pajjiżna għandu diversi merti u vantaġġi. Il-pożizzjoni, il-bnedmin li jgħixu fih, l-ambjent sħiħ u l-kultura li rnexxilu jiġbor fis-sekli. Art mimlija bi tradizzjonijiet, ideat, għeruq storiċi li saru mhux b’kumbinazzjoni imma b’għażliet fis-snin. Ta’ qabilna kienu jafu x’qegħdin jagħmlu u ħallewlna ħafna iktar minn dak li nibża’ li m’aħniex aħna stess kapaċi ngħaddu lil ta’ warajna. Saru ħafna sforzi, sagrifiċċji, li biddlu dak li aħna lejn fid-direzzjoni lejn it-toroq tas-sewwa. Imma fl-affluwenza li wħud igawdu llum, qed flok tagħti valur għall-altruwiżmu trid minflok teħodna lejn iktar individwaliżmu u egoiżmu. Ċertament li f’dan kollu, l-għażliet ta’ missirijietna kienu mhux b’kumbinazzjoni imma intenzjonati. Preċiżi, u fl-istess ħin determinati biex issir affermazzjoni ta’ ideat u siġill ċar tal-appartenenza.

Proprju għalhekk

2. F’dan iktar nara, waqt li naqra dwarna, li xejn ma kien skont il-wiċċ jew il-ġejjen. Dawk li għexu qabilna bnew rabtiet varji ma’ San Ġużepp għax riedu verament dan. Ninnota dejjem li l-bnedmin hawn f’dawn il-gżejjer jafu jisimgħu ħafna priedki, però wara huma huma li jiddeċiedu. Jiddixxernu, u f’dan kapaċi jaffermaw dak kollu li huma jħossu li jridu jintrabtu miegħu. F’dan, propjru għalhekk li llum insibu diversi parroċċi f’pajjiżna li jiċċelebraw bil-ferħ il-jum dedikat lilu. Hawn varjetà ta’ pitturi mill-isbaħ iddedikati lil San Ġużepp. Daqshekk ieħor statwi li juru mhux biss devozzjoni imma ammirazzjoni kbira. Ħafna jmorru għall-funzjonijiet li jsiru u oħrajn jaraw li jgħaddu fil-knejjes tagħna, fil-purċissjonijiet li jsiru biex ikunu parti minn dan kollu. Hemm appartenenza u identità kulturali unika li ma ssibx f’postijiet oħra fid-dinja. Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis kbir hija nazzjonali.

Gwida varja

3. F’dan kollu ħassejtu iktar f’dawn il-jiem. Dan għax qiegħed naqra l-ktieb ta’ Carlo Carretto (1910-1988) bit-titlu Lettere dal Deserto (1967). Ktieb mill-isbaħ u mimli b’wirt spiritwali kbir. Taqrah u ma tkunx trid tieqaf. Paġna tridek taqra ta’ warajha u fl-istess ħin iddur lura għal dak li tkun diġà qrajt. Osservazzjonijiet mill-iktar fondi, mgħoddija lil min jaqrah b’sempliċità mill-iktar diretta u ċara ħafna. Ktieb li nittama li aktar ’il quddiem nikteb artiklu dwaru. Fih huwa jgħid sew li Sidna Ġesù Kristu kien jgħix fil-faqar u li kien ħaddiem li għamel din l-għażla. Kliemu, waqt li jiċċita lil San Charles de Foucauld huma dawn: “Gesù è un povero e un operaio.” Ħadd ma jista’ jikkontradixxi dan il-fatt. Fl-għażliet li seta’ jagħmel għażel dawn fil-ġenituri li wkoll ried li jrabbuh u jieħdu kura tiegħu.

Konsagrazzjoni lil San Ġużepp

4. San Ġużepp għandu diversi kotba ddedikati għalih. Hemm ukoll biċċiet li wieħed jista’ jislet minn kotba oħra. F’dan tibqa’ skantat li ħafna jixħtu dawl varju fuq ħidmietu. Fost dawk li sa issa qrajt sibt minjiera ta’ għerf u osservazzjonijiet fil-ktieb ta’ awtur Amerikan. Donald H. Calloway (1972), saċerdot Kattoliku u parti mill-Congregation of Marian Fathers of the Immaculate Conception of the Most Blessed Virgin Mary, fl-2020 ippubblika l-ktieb Consecration to St Joseph. The Wonders of Our Spiritual Father. Ktieb mill-isbaħ għal min irid isir jaf ferm iktar dwar il-qaddis. Wieħed li jrid ħafna attenzjoni u li tajjeb li ma jinqarax f’daqqa, imma biċċa biċċa. Kif kelli x-xorti li nagħmel fil-ħin li kelli tul il-pandemija li għaddejna minna. Tgħallimt ħafna, u fhimt iktar dak li kont ilni niltaqa’ miegħu mingħajr ma kelli spjegazzjoni sħiħa għalih.

Proċess

5. Xtaqt nagħmel dan il-punt illum sabiex inħajjar li wieħed jimxi fil-proċess ħalli jifhem iktar għala huwa importanti li niċċelebraw lil dan il-qaddis. Fil-fatt dan il-ktieb, li ma nieqafx nirrakkomanda, jibda bil-kliem tal-Franċiż San Pietru Julian Eymard (1811-1868). Hemm ħafna estratti ta’ kotba varji li huma mill-isbaħ, imma hu jibda b’din: “Devotion to St Joseph is one of the choicest graces that God can give to a soul, for it is tantamount to revealing the entire treasury of our Lord’s graces. When God wishes to raise a soul to greater heights, he unites it to St Joseph by giving it a strong love for the good saint.” (Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija waħda mill-aqwa grazzji li l-Ħallieq tagħna jagħżel li jagħti lil ruħ, għax dan ifisser li qed jingħaddulha t-teżori sħaħ tal-grazzji tiegħU. Meta l-Ħallieq jagħżel li jgħolli ruħ ’il fuq, jgħaqqadha ma’ San Ġużepp billi jagħtiha imħabba b’saħħitha għal dan il-qaddis twajjeb.) Id-devozzjoni hija tajba, imma tikber u titjieb meta wieħed jimxi iktar ’il quddiem f’din it-triq, f’dan il-proċess twil imma sabiħ.

Intom tafu

6. F’dan, ftit iktar waqt li tkun qiegħed taqrah, tinduna wkoll kemm bnedmin li aħna nagħrfu li għexu ħajja ta’ qdusija kitbu verament kliem mill-isbaħ dwar San Ġużepp. Ċertament kienu ispirati, imma ngħid ukoll li ħafna oħrajn kitbu wara li ġarrbu. Setgħu iktar għax għaddew minn ħafna u talbuh. Waħda minnhom, li kellha fiduċja totali u li qabel oħrajn iddedikat kunventi għalih kienet Santa Tereża ta’ Avila (1515-1582). Fost il-varjetà ta’ kitbiet uniċi tagħha, hija tgħid hekk: “The Lord wants us to understand that just as he was subject to St Joseph on earth – for since bearing the title of father being the Lord’s tutor, Joseph could give the child commands – so in heaven God does whatever he commands.” (Sidna Ġesù Kristu jridna nifhmu li bħalma kien suġġett taħt San Ġużepp fid-dinja – u dan billi kellu t-titlu ta’ missier u tutur tiegħu, Ġużeppi seta’ jagħti kmand lilu – għalhekk fil-ġenna l-Ħallieq tagħna jwettaq dak li huwa jikkmanda.)

Niċċelebraw

7. Għalhekk illum niċċelebraw din il-festa qaddisa u sabiħa. Nagħmlu dan fil-ferħ li ġġib magħha u fl-għarfien li hija mimlija b’sens u sustanza. Festa li tfakkarna fit-tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali li nħaddnu. Waħda li tibgħatilna l-messaġġ li rridu nkunu protetturi tagħha. Inkunu dawk li nassiguraw li, bħal ta’ qabilna, ngħadduha lil ta’ warajna. Illum San Ġużepp – ġurnata speċjali għalina wkoll. Nosservawha fl-ġieħ li tagħtina u li titlob minna.

ĊELEBRITAJIET INTERNAZZJONALI MIĠJUBA F’PAJJIŻNA - NEFQA

17190. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16573 jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista taċ-ċelebritajiet u attivitajiet kollha li saru mill-2017 sal-aħħar tas-sena 2023?

 

08/03/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-mistoqsija hija suġġettiva, nerġa’ nirreferih għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16573.

 

Seduta  222

18/03/2024

MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA – BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17189. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li le m’hemmx Segretarji Permanenti jew is-Segretarju Permanenti Ewlieni fuq xi bord li jaqa’ taħt il-Ministeru.

 

Seduta  222

18/03/2024

IL-GUDJA – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17188. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti fil-Gudja? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024


ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huma skont it-tabella ta’ hawn taħt.

Lokalità

Irgiel

Nisa

Total

GUDJA

7

14

21

 

Seduta  222

18/03/2024

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR – BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17187. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma għandu l-ebda membri appuntati f’bordijiet li jokkupaw il-karigi imsemmija.

 

Seduta  222

18/03/2024

ĦAL TARXIEN – PERSUNI JIRĊIEVU L-GĦAJNUNA SOĊJALI

17186. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali tul is-sena 2023 li huma residenti Ħal Tarxien? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

 

08/03/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali matul Diċembru 2023 fil-lokalità msemmija huma skont it-tabella t’hawn taħt.

 

Lokalità

Irgiel

Nisa

Total

TARXIEN

33

87

120

 

Seduta  222

18/03/2024

MALTA U GĦAWDEX – SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

17185. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16574 jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding (MoU) iffirmat mal-Koperattiva Produtturi taż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm siġar taż-żebbuġ reġistrati fir-Reġistru tas-Siġar taż-Żebbuġ u x’inhi l-proċedura tar-reġistrazzjoni?

 

08/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reġistrazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ issir bis-saħħa tar-Regolament 7 tal-Liġi Sussidjarja 117.34 li jistipula li ebda persuna m’għandha tkabbar iż-żebbuġ għall-produzzjoni kummerċjali taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żebbuġ għall-ikel, sakemm dik il-persuna ma tkunx imniżżla fir-Reġistru tal-Koltivaturi taż-Żebbuġ. Sabiex persuna tirreġistra tista’ tmur f’uffiċċju tal-AgriConnect u tagħti d-dettalji mitluba, fosthom: varjetà, ammont ta’ siġar, u tip ta’ produzzjoni. Bħalissa hemm 49,378-il siġra reġistrata.

 

Seduta  222

18/03/2024

MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI – BORDIJIET TA’ ENTITAJIET, AĠENZIJI U AWTORITAJIET – MEMBRI

17184. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

 

08/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li  tiegħu jiena responsabbli.


Seduta  221


14/03/2024

WIED IL-GĦAJN - PALM

16937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Wied il-Għajn matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  221

14/03/2024

ĦAL GĦAXAQ - PALM

16936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Ħal Għaxaq matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  221

14/03/2024

MARSAXLOKK - PALM

16935. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Marsaxlokk matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  221

14/03/2024

ŻEJTUN - PALM

16934. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm fiż-Żejtun matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  221

14/03/2024

SANTA LUĊIJA - PALM

16933. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Santa Luċija matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  221

14/03/2024

M'AĦNIEX OĠĠETTI

1. Ninsabu f’dinja li, f’ħafna, tilfet id-direzzjoni. Sejra naħa jew oħra skont il-burdati u skont ir-reazzjonijiet immedjati li jidħlu fis-seħħ. Dawk li jaġixxu fil-mument sabiex ma jinqabdux u f’dan jikxfu li m’għandhomx ideat, salv li jgħidu l-kontra ta’ dak li jingħad minn oħrajn. Jippruvaw jidhru l-‘ġellieda’ tal-poplu, imma fil-fatt huma dawk li lill-poplu jeħduh fejn m’għandux imur. Dawk li jqajmu kull tip ta’ kwistjoni u punti li m’hemmx bżonn tagħhom, imma li jkomplu fihom sabiex jidhru. Dawk li jgħajtu ħafna fuq dak li huwa żbaljat u sekondarju u jitilfu l-argument kontinwament. Fi proċess fejn m’hemmx wisq rispetti, imma biss l-impersonali li jrid jibdel lill-bnedmin f’oġġetti.

Jittieħdu

2. Il-bnedmin jittieħdu, iktar u iktar dawk li m’għandhomx xi forma ta’ kultura politika. Dawk li jaħsbu li huma tant ‘ġodda’ jew ‘bravi’ li jistgħu jimxu mingħajr programm politiku, mingħajr ideoloġija li tmexxi u tiggwida. Fejn jispiċċaw jiġu influwenzati minn dawk li għaddejja fit-triq imħawda li The Economist jidentifikahom bħala “national conservatives”. Dawk li flok huma attenti għall-poteri li jiġu fdati lill-Gvern jaħsbu li aktar ċentralizzazzjoni hija s-soluzzjoni. L-editorjal ta’ ftit ġimgħat ilu jitkellem proprju fuq dawn il-perikli. Jgħid hekk: “Rather than being sceptical of big government, national conservatives think ordinary people are beset by impersonal global forces and that the State is their saviour.” (Flok huma xettiċi dwar iktar poter lill-Gvern, il-konservattivi nazzjonali jaħsbu li l-bnedmin komuni huma mhedda minn forzi globali impersonali u li l-Istat huwa s-salvatur tagħhom.)

Personali

3. Dawn huma dawk li qabdu din it-triq biex ma jkunux parti mill-ideoloġiji li għalihom jidhru passati mentri, fil-verità, għadhom rilevanti. Dawk li qed iħarsu lejn l-oċċident li aħna parti minnu bħala li hu fi stat ta’ dekadenza u li wasal għall-kollass, mentri fil-fatt dan mhu minnu xejn. Il-problema llum hija li l-ideoloġija inkoerenti li qed jiżviluppaw fil-preżent turi li m’għadhomx fil-kuntatt mal-bnedmin. Jitilqu billi jridu jirreaġixxu għal dak li huwa anti-uman, imma minflok jispiċċaw bl-ideat tagħhom jaċċettaw dak li hemm. Soċjetà li qed issir iktar impersonali fl-aspetti soċjali, ekonomiċi u kulturali. M’hemmx biżżejjed rabtiet u l-iktar talbiet leġittimi tal-elettorat, tal-bnedmin normali, mhumiex u la jinstemgħu u lanqas jittieħdu bis-serjetà li ħaqqhom. Politiċi li f’isem l-ordni qed jintroduċu iktar diżordni. Politiċi li qed jassiguraw li l-bnedmin jiġu aktar u aktar użati, mhux rispettati.

Dawk li fil-fatt ma ħasbuhiex sewwa

4. Ninsabu iktar f’żona politika kulturali li trid tagħti mertu lil dawk li jużaw lill-oħrajn u jarmuhom. Jibdew billi jagħsruhom qishom lumi u larinġ. Ma jiġux rispettati, imma sfruttati. Għad dan hemm dejjem iktar reazzjoni li ma tridx tkun parti minn dan l-aġir ħażin. Il-pajjiż qiegħed, proprju minħabba dan, jara parti mill-elettorat li ma jridx ikollu sehem u jiddikjara li jrid jastjeni mill-vot. Dan għax jara li hemm il-falsità, fejn is-sewwa jiġi mmeri. Dan għax jiddejjaq li jara lil min jipprova japprofitta ruħu politikament fuq dak li m’għandux.

Ġustizzja u le


5. Il-punt tal-inġustizzja għandu dejjem isir, imma meta jaqbeż dik il-linja allura jkun hemm stmerrija. Meta jaqbeż il-limitu u jiġi ripetut inutilment, meta jkun diġà sar, ikun hemm ħafna li jqarrsu wiċċhom. Għax l-argument politiku jriduh isir, imma mhux meta bih il-bnedmin jiġu strumentalizzati. Fejn il-punt isir abbażi tal-prinċipju, mhux tal-konvenjenza. Kull persuna ħaqqu d-dinjità u din titlob li tiġi rispettata fuq kollox fis-sensittività li l-politika attiva titlob. Ma nafx kif ħadd qisu ma jrid jinduna li qed nitilfu, mhux nirbħu. F’dan nibqa’ nammira lil dawk li jagħżlu speċifikament li jibqgħu lura milli jidħu fit-toroq tal-‘uża u armi’, anki jekk f’dak il-mument jistgħu jidhru li huma “assenti”.

Hemm ħlas u premju

6. Hemm il-politika tas-sewwa u hemm dik tal-konvenjenza. Ħafna jaħsbu li jaqbillek b’tat-tieni. Tagħmel biss dak li taħseb li ser tieħu gwadann minnu u ma tarax l-istampa sħiħa. Ma tħarsix jekk f’dak li qiegħed tagħmel intix strument ta’ bidla soċjali jew intix ostaklu ta’ dekadenza għal dak li hemm bżonn li jsir. Wisq drabi, pajjiżna wkoll, huwa maħkum minn dan il-ħsieb li twettaq biss dak li taħseb li huwa ta’ vantaġġ politiku għalik. Din il-linja tneħħi mill-pjaċir u l-isbuħija tal-politika. Ma tħallihiex kif għandha tkun: strument għall-ġid tal-oħrajn, imma biss għall-ġid tiegħek innifsek. Iżda f’dan, il-poplu qiegħed jagħraf kollox. Qiegħed jinduna iktar u ma jridx din it-tip ta’ politika. Il-kriżi politika ta’ pajjiżna ġejja minn din il-mentalità u mhux minn jekk hemmx: l-ewwel, bnedmin li lesti li jieħdu sehem, iservu fiha; u t-tieni, ta’ dawk li lesti jiddedikaw iktar minn ħinhom biex ikunu strumenti ta’ bidla vera, mhux effimera.

Lumi, larinġ u żebbuġ


7. Hemm telqiet nazzjonali f’dan. Għax politika li tħares lejn il-ġid tal-bnedmin fis-soċjetà trid tibni l-kultura tad-dettall. Bħalissa hawn wisq telqiet u hawn ukoll wirt nazzjonali fir-riżorsi tiegħu li huma ttraskurati, abbandunati. Hawn ħela li qed timmarka soċjetà li ma taċċettax li l-ikel jiġi mormi, fl-affluwenza apparenti li hawn. Iddur fejn iddur, dan tarah. Flok attenzjoni u mpenn biex niġbru li għandna hemm il-ħsieb li fil-politika hemm iktar affarijiet importanti milli tagħti każ dak li diġà għandna fl-idejn. Ninnota dejjem iktar kemm anqas m’għandna t-tingiż tal-kuxjenza biex niġbru u naħżnu dak li n-natura jogħġobha tagħtina. Sirna iktar ippreparati naħlu u narmu.

Tisħiħ tad-demokrazija

8. Fiċ-ċiviltà umana, is-soċjetajiet jaqbdu t-tmiem tagħhom meta jaslu f’dawn il-pożizzjonijiet. Meta l-ideat politiċi jieqfu u jsiru biss reazzjonijiet tal-mument. Meta l-viżjonijiet u l-pjani veri lejn il-futur jonqsu u jsiru biss ripetizzjoni ta’ dak li ngħad minn oħrajn u li ma jistax iseħħ. Id-demokrazija tagħna tissaħħaħ f’dan meta jkollha lil min hu kapaċi jifhem li dawn huma l-argumenti li huma importanti. Meta jifhem li ma jirbaħ xejn bil-ħdura u bil-mibgħeda li tiġi espressa fid-diskors politiku. Meta jifhem li mhuwiex ġustifikat li jinżel fil-baxx ta’ dak li mhux mistenni minnu. Inħares ’il quddiem u nibqa’ nittama f’politika aħjar. Politika vera, mhux apparenti, u li fuq kollox tkun waħda li tirrikonoxxi li għandna d-dinjità, u m’aħniex oġġetti.

13.3.24

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq ix-xatt tat-Triq id-Dawret ix-Xatt, ix-Xgħajra billi dawn ilhom ġimgħat skorruti?

 

22/02/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  219

12/03/2024

IX-XGĦAJRA – XOGĦLIJIET FUQ IR-RAILING TAX-XATT

16624. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq ir-railing tax-Xatt tax-Xgħajra?

 

22/02/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa hemm 120 metru railing li ġie maħdum ġdid jew li saritlu manutenzjoni, fil-waqt li qed jitwaħħlu 48 metru ta’ railing li saritlu manutenzjoni.  Fl-istess ħin, fil-workshop tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jiġu mmanifatturati 200 metru railing ġdid. Wara, dan jintbagħat għall-iggalvanizzar u l-powder coating, u jitwaħħal fil-post.

 

Bħalissa wkoll qed tiġi preparata sejħa għall-offerti biex jinbidlu l-400 metru railing li jifdal max-xatt tax-Xgħajra u t-300 metru li hemm bejn iż-żewg livelli ta’ Dawret ix-Xatt.

 

Seduta  219

12/03/2024

GĦAJN DWIELI – ZUNTIER TAL-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN - XOGĦLIJIET

16623. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi:

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq iz-Zuntier tal-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli?

 

22/02/2024


ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tlesta l-bini tal-ħajt u tqiegħed is-sottobank tal-ġebel, beda x-xogħol tal-manifattura tas-soprabank. Wara jibdew jitqiegħdu l-pedestalli, il-balavostri u s-soprabank.

 

Seduta  219

12/03/2024

FURJANA – FUNTANA TAL-ILJUN - XOGĦLIJIET

16622. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq il-Funtana tal-Iljun fil-Furjana?

 

22/02/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fuq il-Funtana tal-Iljun, inkluż dak fuq l-iskultura nnifisha, jinsab fi stadju avvanzat. Barra min hekk, fil-ġranet li ġejjin ser tinbeda l-installazzjoni ta’ tagħmir ġdid wara li saru t-tħejjijiet neċessarji.

 

Seduta  219

12/03/2024

 

RAĦAL ĠDID - TRIQ VALLETTA - XOGĦLIJIET

16621. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11559 u 11560 fir-rigward ta’ Triq Valletta Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid għaliex wara dawn ix-xhur kollha x-xogħlijiet għadhom mhumiex lesti, biex il-ġirien ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi?

 

22/02/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  219

12/03/2024 

RAĦAL ĠDID - TRIQ VALLETTA - XOGĦLIJIET

16620. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi:

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11559 u 11560 fir-rigward ta’ Triq Valletta Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid għaliex wara dawn ix-xhur kollha x-xogħlijiet għadhom mhumiex lesti, biex il-ġirien ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi?

 

22/02/2024


ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Belt Valletta, Raħal Ġdid, huma lesti u jonqos biss iż-żebgħa tar- Road Marking. Ix-xogħlijiet proposti f’din it-triq kienu l-konnessjonijiet għad-djar, bini u tibdil ta’ tappieri tad-drenaġġ, trinek u tqegħid ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni, tibdil ta’ bankini fuq iż-żewġ naħat, skavar u bini tat-triq.

Matul ix-xogħlijiet infrastrutturali ġie nnutat li l-kundizzjoni tal-materjal eżistenti tat-triq kien ta’ kwalità’ inferjuri u dan wassal għal iktar attenzjoni fix-xogħol, kif ukoll xi tibdil ta’ servizzi eżistenti minħabba riżultat li parti mit-triq kienet ċediet. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni li jsiru xogħlijiet oħra, inkluż xogħlijiet ta’ trinek u tqegħid ta’ servizzi ta’ Enemalta u tal-ilma.

 

Seduta  219

12/03/2024

VUĊI BIS-SENS

1. Kemm huwa diffiċli li ssib bnedmin li jitkellmu u jressqu ideat u argumenti tajba. Dawk li, trid jew ma tridx, tispiċċa tieqaf tisma’ għax taf li fihom hemm x’tifhem. Hemm dak li tħoss li fil-fatt għandek bżonn tagħhom. Dawk li jmexxuk ’il quddiem u jagħtuk ferm iktar skop. Anzi aħjar, jiggwidawk bl-aħjar mod fid-direzzjoni li trid taqbad, jew aqwa, li inti msejjaħ li tieħu. Ftit huma dawn, u fid-dinja mħawda iktar mis-soltu tallum anqas fuq il-ponot ta’ subgħajk ma tgħoddhom. Jum wara jum tisma’ dak li ma tixtieqx u tara dak li kont tittama li ma tarax. Mexxejja vvutati bl-eluf, u f’każijiet bil-miljuni, jgħidu kliem li mhux talli ma jkunx hemm sens fih imma iktar issibu mimli bil-kontra. Nuqqas ta’ għerf, nuqqas ta’ direzzjoni, nuqqas ta’ kultura, u fuq kollox, nuqqas ta’ għarfien tal-lezzjonijiet li l-istorja tagħti.

Il-minoranza

2. F’dan kollu, f’din il-klima sħiħa hemm vuċi differenti u li tmexxi ’l quddiem. Hemm dik Nisranija. Dik li tul is-sekli kkumbattiet sabiex tagħti melħ san lil ħajjitna. Dik li fil-verità kienet dejjem kontra l-kurrent f’dinja materjalista, fil-minoranza, anki jekk impinġija bħala forza dominanti li mhijiex. Fil-ktieb tiegħu The Movement of World Revolution (1959), l-istoriku Ingliż Christopher Dawson (1889-1970) jikteb ċar dwar dan. Huwa jgħid hekk: “At the same time we must not forget that the Catholic revival of the 19th century was rendered possible by the survival of the living Christian tradition among the masses, whereas today secularism has penetrated deeply into popular consciousness. Our position is more like that of the Christians under the Roman Empire, when the Church had on the one hand to convert pagan masses in the great Mediterranean cities, Antioch and Ephesus and Rome, and at the same time to defend its bare right to exist against the crushing weight of an all-powerful world state which recognised no limits to its authority.

Din hija l-pożizzjoni

3. Dak li nkiteb sittin sena ilu għadu, f’ħafna, jgħodd illum ukoll. Il-vuċi Nisranija tibqa’fil-minoranza, imma dan ma jċekkinx l-awtorità morali tas-sustanza ta’ kliemha. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien f’dawn is-snin rajna, fuq in-naħa l-oħra, il-konfort ta’ għażliet ta’ bnedmin li għarfu jmexxuha tajjeb. B’mod partikolari u oġġettiv id-diversi papiet li messew ma’ dan il-perjodu u sal-preżent kienu u għadhom dawl li jiftħu l-imħuħ tal-bnedmin ta’ rieda tajba. Huwa minnu li ma jingħatawx l-importanza li ħaqqhom mid-dinja sekularizzata u anti-Kristjana. Minn dik li tibbaża ruħha biss fuq l-użu esklussiv tar-raġuni tagħha fl-ateiżmu proklamat. Fil-bniedem li jaħseb li waħdu kapaċi jibdel u jimxi ’l quddiem billi jassigura li ma jikkonformax jew ma jsegwix il-pariri t-tajba li diversi bnedmin li okkupaw il-kariga ta’ Papa taw. Bnedmin li sejrin dejjem il-kontra tas-sens komun biex jerġgħu jgħaddu ’l-popli tagħhom minn dak li għaddew b’imrar kbir lil oħrajn.

F’dawn il-jiem

4. Tul din il-ġimgħa, b’mod partikolari għada l-Erbgħa 13 ta’ Marzu, niftakru li hija l-ġurnata li fiha, fl-2013, kien hemm l-aħbar sabiħa li ġie elett Papa Jorge Mario Bergoglio (1936). Bniedem li d-dinja ma kinitx taf wisq dwaru. Bniedem li daħal fl-esperjenza tal-Pontifikat ta’ Benedittu XVI li, għad-differenza ta’ ħatriet preċedenti, kien irriżenja u mhux imsejjaħ lura għand il-Ħallieq tagħna. Bergoglio sab ruħu jrid jimla l-post ta’ bniedem li kien għadu ħaj. Wieħed li d-dinja saret tafu iktar fid-diversi kitbiet li ħalla. Persuna li ma kellux renju twil, imma li fih iltaqa’ ma’ diversi diffikultajiet li kienu qed jistennew li joħorġu. Bniedem li ħalla issa warajh lista twila ta’ kotba li jimmeritaw dejjem li jinqraw u jinqraw mill-ġdid.

Vuċi fid-deżert

5. Fuq in-naħa l-oħra, f’dawn il-ħdax-il sena tal-Pontifikat ta’ Franġisku (Benedittu XVI għamel tmien snin) għandna esperjenza unika wkoll. Meta taqra kitbietu, li issa qegħdin isiru aktar voluminużi, tifhem. Meta tqis l-enċikliċi li ħargu, kif ukoll il-messaġġi varji tiegħu, trid taċċetta li jaf jitkellem u jmiss direttament il-qalb tal-bniedem. Dan għax ma joqgħodx lura milli jidħol u jaffronta l-problemi u l-isfidi veri tal-ħajja. Il-linja franka, miftuħa u diretta ġiebet ħafna iktar kunsens milli kien hemm qabel. Ġieb proċess sabiex ikun hemm eżami mill-ġdid ta’ dak kollu li l-Knisja hi u dak li tirrappreżenta. Jitkellem fuq ħafna. M’hemmx suġġett li b’xi mod ħarab minnu. Biss, fil-fatt irridu naċċettaw li diversi drabi kien u għadu jkun vuċi fid-deżert uman. Isejjaħ għas-sewwa lil dawk li ma jridux jimxu lejha. Jgħajjat bi kliem mimli sens u sustanza li jidħlu f’moħħ il-bnedmin.

Vuċi favur il-Paċi

6. F’dan, ċertament, għandu l-ammirazzjoni ta’ diversi. Jgħid dak li għandu jingħad f’dinja li tikkuntenta titfi l-kuxjenza tagħha biex tgħix tistenna l-eventi jinbidlu mingħajr ma tibdilhom hija stess. Kliemu huma meqjusa, imma wkoll jolqtu fejn hemm bżonn. F’dan ix-xenarju xejn sabiħ, li ħafna qed jilludu ruħhom li ser isolvi ruħu waħdu, imma li mhuwiex. Dħalna fit-tieni sena tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna u qbiżna l-ħames xahar tal-attakki li għaddejjin bejn il-Ħamas u l-Istat ta’ Iżrael. Flok hemm sforzi kbar u ikbar mis-soltu sabiex il-partijiet jieqfu u jiġu madwar mejda, qed nibgħatu iktar armamenti. Qed naħsbu, żbaljatament, li hemm xi forma ta’ ġustifikazzjoni li bil-mewt innoċenti ta’ diversi ser tkun tista’ tibni xi ħaġa aħjar. Id-diżastri umani, soċjali u ekonomiċi jibqgħu dak li huma u jħallu warajhom riżentimenti u jiżirgħu aktar fil-fond il-mibgħeda.

Vuċi determinata


7. Imma Papa Franġisku jibqa’ dik il-vuċi determinata li ssejjaħ sabiex dawn il-kunflitti jieqfu. Huwa l-bniedem li għadu jiftaħ għajnejna sabiex nagħrfu li b’dan il-pass id-dinja Ewropea ser tidħol fi gwerra ikbar. Waħda li taf ikollha konsegwenzi ta’ devastazzjoni akbar. Tmiem li faċli jseħħ. Bl-armi nukleari li hawn u bil-Federazzjoni Russa f’mument daqshekk perikoluż ma hemmx wisq alternattivi. Għadu dak li jsejjaħ sabiex nifhmu li hemm bżonn proċess qawwi ta’ paċi. Mhux biss fl-Ukrajna imma wkoll f’Gaża. Sejjaħ b’saħħa u responsabbiltà lill-mexxejja rispettivi ‘irresponsabbli’. Il-qtil li hu għaddej fil-proċess sħiħ u komplessiv jimmira lejn direzzjoni ċara li jekk jitħalla għaddej mingħajr vuċijiet determinanti għall-paċi l-futur ma tantx ser ikun wisq sabiħ. Proprju għalhekk, aktar minn qabel, għandna nibqgħu nappoġġjaw u fl-istess ħin nittamaw fil-vuċi bis-sens li Papa Franġisku qiegħed jesprimi jum wara jum.

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI

16619. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-frott li hemm fuq is-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Aligheri l-Furjana mhuwiex jinqata’? Jista’ jgħid ukoll meta ġew miżbura l-aħħar?

 

22/02/2024

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  218

11/03/2024

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI

16618. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-frott li hemm fuq is-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Aligheri l-Furjana mhuwiex jinqata’? Tista’ tgħid ukoll meta ġew miżbura l-aħħar?

 

22/02/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  218

11/03/2024

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI

16617. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-frott li hemm fuq is-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Aligheri l-Furjana mhuwiex jinqata’? Jista’ jgħid ukoll meta ġew miżbura l-aħħar?

 

22/02/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li l-frott tas-siġar taċ-ċitru li jinsabu fi Ġnien Dante Aligheri inqata’ s-sena li għaddiet minn entità non-governattiva li talbet lill-Kunsill biex tagħmel dan, li iżda mbagħad ikkonfermaw ma kienx tajjeb biex jittiekel.

 

Intant infurmat mill-Kunsill Lokali rispettiv ukoll illi dawn is-siġar ġew miżbura l-aħħar meta l-ġnien kien responsabbiltà tal-ELC, iżda fil-ġranet li ġejjin ser ikun qed jiġi ffirmat kuntratt ġdid mill-Kunsill ma’ kuntrattur li ser jieħu ħsieb iż-żamma tal-ġonna, inkluż dawk li kienu responsabbiltà tal-ELC.

 

Seduta  218

11/03/2024

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...