20.3.24

M'AĦNIEX OĠĠETTI

1. Ninsabu f’dinja li, f’ħafna, tilfet id-direzzjoni. Sejra naħa jew oħra skont il-burdati u skont ir-reazzjonijiet immedjati li jidħlu fis-seħħ. Dawk li jaġixxu fil-mument sabiex ma jinqabdux u f’dan jikxfu li m’għandhomx ideat, salv li jgħidu l-kontra ta’ dak li jingħad minn oħrajn. Jippruvaw jidhru l-‘ġellieda’ tal-poplu, imma fil-fatt huma dawk li lill-poplu jeħduh fejn m’għandux imur. Dawk li jqajmu kull tip ta’ kwistjoni u punti li m’hemmx bżonn tagħhom, imma li jkomplu fihom sabiex jidhru. Dawk li jgħajtu ħafna fuq dak li huwa żbaljat u sekondarju u jitilfu l-argument kontinwament. Fi proċess fejn m’hemmx wisq rispetti, imma biss l-impersonali li jrid jibdel lill-bnedmin f’oġġetti.

Jittieħdu

2. Il-bnedmin jittieħdu, iktar u iktar dawk li m’għandhomx xi forma ta’ kultura politika. Dawk li jaħsbu li huma tant ‘ġodda’ jew ‘bravi’ li jistgħu jimxu mingħajr programm politiku, mingħajr ideoloġija li tmexxi u tiggwida. Fejn jispiċċaw jiġu influwenzati minn dawk li għaddejja fit-triq imħawda li The Economist jidentifikahom bħala “national conservatives”. Dawk li flok huma attenti għall-poteri li jiġu fdati lill-Gvern jaħsbu li aktar ċentralizzazzjoni hija s-soluzzjoni. L-editorjal ta’ ftit ġimgħat ilu jitkellem proprju fuq dawn il-perikli. Jgħid hekk: “Rather than being sceptical of big government, national conservatives think ordinary people are beset by impersonal global forces and that the State is their saviour.” (Flok huma xettiċi dwar iktar poter lill-Gvern, il-konservattivi nazzjonali jaħsbu li l-bnedmin komuni huma mhedda minn forzi globali impersonali u li l-Istat huwa s-salvatur tagħhom.)

Personali

3. Dawn huma dawk li qabdu din it-triq biex ma jkunux parti mill-ideoloġiji li għalihom jidhru passati mentri, fil-verità, għadhom rilevanti. Dawk li qed iħarsu lejn l-oċċident li aħna parti minnu bħala li hu fi stat ta’ dekadenza u li wasal għall-kollass, mentri fil-fatt dan mhu minnu xejn. Il-problema llum hija li l-ideoloġija inkoerenti li qed jiżviluppaw fil-preżent turi li m’għadhomx fil-kuntatt mal-bnedmin. Jitilqu billi jridu jirreaġixxu għal dak li huwa anti-uman, imma minflok jispiċċaw bl-ideat tagħhom jaċċettaw dak li hemm. Soċjetà li qed issir iktar impersonali fl-aspetti soċjali, ekonomiċi u kulturali. M’hemmx biżżejjed rabtiet u l-iktar talbiet leġittimi tal-elettorat, tal-bnedmin normali, mhumiex u la jinstemgħu u lanqas jittieħdu bis-serjetà li ħaqqhom. Politiċi li f’isem l-ordni qed jintroduċu iktar diżordni. Politiċi li qed jassiguraw li l-bnedmin jiġu aktar u aktar użati, mhux rispettati.

Dawk li fil-fatt ma ħasbuhiex sewwa

4. Ninsabu iktar f’żona politika kulturali li trid tagħti mertu lil dawk li jużaw lill-oħrajn u jarmuhom. Jibdew billi jagħsruhom qishom lumi u larinġ. Ma jiġux rispettati, imma sfruttati. Għad dan hemm dejjem iktar reazzjoni li ma tridx tkun parti minn dan l-aġir ħażin. Il-pajjiż qiegħed, proprju minħabba dan, jara parti mill-elettorat li ma jridx ikollu sehem u jiddikjara li jrid jastjeni mill-vot. Dan għax jara li hemm il-falsità, fejn is-sewwa jiġi mmeri. Dan għax jiddejjaq li jara lil min jipprova japprofitta ruħu politikament fuq dak li m’għandux.

Ġustizzja u le


5. Il-punt tal-inġustizzja għandu dejjem isir, imma meta jaqbeż dik il-linja allura jkun hemm stmerrija. Meta jaqbeż il-limitu u jiġi ripetut inutilment, meta jkun diġà sar, ikun hemm ħafna li jqarrsu wiċċhom. Għax l-argument politiku jriduh isir, imma mhux meta bih il-bnedmin jiġu strumentalizzati. Fejn il-punt isir abbażi tal-prinċipju, mhux tal-konvenjenza. Kull persuna ħaqqu d-dinjità u din titlob li tiġi rispettata fuq kollox fis-sensittività li l-politika attiva titlob. Ma nafx kif ħadd qisu ma jrid jinduna li qed nitilfu, mhux nirbħu. F’dan nibqa’ nammira lil dawk li jagħżlu speċifikament li jibqgħu lura milli jidħu fit-toroq tal-‘uża u armi’, anki jekk f’dak il-mument jistgħu jidhru li huma “assenti”.

Hemm ħlas u premju

6. Hemm il-politika tas-sewwa u hemm dik tal-konvenjenza. Ħafna jaħsbu li jaqbillek b’tat-tieni. Tagħmel biss dak li taħseb li ser tieħu gwadann minnu u ma tarax l-istampa sħiħa. Ma tħarsix jekk f’dak li qiegħed tagħmel intix strument ta’ bidla soċjali jew intix ostaklu ta’ dekadenza għal dak li hemm bżonn li jsir. Wisq drabi, pajjiżna wkoll, huwa maħkum minn dan il-ħsieb li twettaq biss dak li taħseb li huwa ta’ vantaġġ politiku għalik. Din il-linja tneħħi mill-pjaċir u l-isbuħija tal-politika. Ma tħallihiex kif għandha tkun: strument għall-ġid tal-oħrajn, imma biss għall-ġid tiegħek innifsek. Iżda f’dan, il-poplu qiegħed jagħraf kollox. Qiegħed jinduna iktar u ma jridx din it-tip ta’ politika. Il-kriżi politika ta’ pajjiżna ġejja minn din il-mentalità u mhux minn jekk hemmx: l-ewwel, bnedmin li lesti li jieħdu sehem, iservu fiha; u t-tieni, ta’ dawk li lesti jiddedikaw iktar minn ħinhom biex ikunu strumenti ta’ bidla vera, mhux effimera.

Lumi, larinġ u żebbuġ


7. Hemm telqiet nazzjonali f’dan. Għax politika li tħares lejn il-ġid tal-bnedmin fis-soċjetà trid tibni l-kultura tad-dettall. Bħalissa hawn wisq telqiet u hawn ukoll wirt nazzjonali fir-riżorsi tiegħu li huma ttraskurati, abbandunati. Hawn ħela li qed timmarka soċjetà li ma taċċettax li l-ikel jiġi mormi, fl-affluwenza apparenti li hawn. Iddur fejn iddur, dan tarah. Flok attenzjoni u mpenn biex niġbru li għandna hemm il-ħsieb li fil-politika hemm iktar affarijiet importanti milli tagħti każ dak li diġà għandna fl-idejn. Ninnota dejjem iktar kemm anqas m’għandna t-tingiż tal-kuxjenza biex niġbru u naħżnu dak li n-natura jogħġobha tagħtina. Sirna iktar ippreparati naħlu u narmu.

Tisħiħ tad-demokrazija

8. Fiċ-ċiviltà umana, is-soċjetajiet jaqbdu t-tmiem tagħhom meta jaslu f’dawn il-pożizzjonijiet. Meta l-ideat politiċi jieqfu u jsiru biss reazzjonijiet tal-mument. Meta l-viżjonijiet u l-pjani veri lejn il-futur jonqsu u jsiru biss ripetizzjoni ta’ dak li ngħad minn oħrajn u li ma jistax iseħħ. Id-demokrazija tagħna tissaħħaħ f’dan meta jkollha lil min hu kapaċi jifhem li dawn huma l-argumenti li huma importanti. Meta jifhem li ma jirbaħ xejn bil-ħdura u bil-mibgħeda li tiġi espressa fid-diskors politiku. Meta jifhem li mhuwiex ġustifikat li jinżel fil-baxx ta’ dak li mhux mistenni minnu. Inħares ’il quddiem u nibqa’ nittama f’politika aħjar. Politika vera, mhux apparenti, u li fuq kollox tkun waħda li tirrikonoxxi li għandna d-dinjità, u m’aħniex oġġetti.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...