27.3.24

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf tipprova tifli, forsi wkoll, bejn il-basla u qoxritha dak li qed jgħidu u dak li qed iwettqu. Iktar u iktar meta taqra kitbiethom direttament. Imma forsi hija aktar faċli għalija, fuq in-naħa l-oħra, li nifhem lil dawk li għażlu ħajja spiritwali u reliġjuża. Mhux għad-dinja tal-lum, anqas għal dawk li jridu jaffermaw li l-Istat huwa tant sekulari li ma jridx jaċċetta l-passat tiegħu. Ma jridx jiddikjara li ġie fejn ġie huwa proprju għax għandu soċjetà mibnija fuq il-valuri u l-prinċipji etiċi Nsara.

Min jaqbad dik it-triq

2. Biss, huwa minnu li n-Nisrani jibqa’ dak kontra l-kurrent. Jibqa’ dak li ma jaċċettax dak li huwa ħażin u jaħdem għat-tajjeb. Jibqa’ dak li jfittex li jwettaq il-ġid. Jaqra b’saħħa u inizjattiva sabiex dak li jidher irmied imħolli minn nar antik jerġa’ jieħu ħsieb ikebbsu. Jonfoħ fuqu biex jitqabbad mill-ġdid, b’aktar saħħa u determinazzjoni. Hemm ħafna li jifhmu din il-missjoni. Jifhmu din il-preżenza soda u determinata sabiex ma jċedux il-pożizzjoni tagħhom u jibqgħu jinsistu. Dawk li jsiru żerriegħa tal-mustarda. Dawk li jitkellmu u jikkomunikaw b’mod li jinftiehem biex fid-dinja isseħħ is-sewwa. Anzi, dawk il mhumiex irrassenjati li jħallu kollox għaddej fix-xejn tax-xejn.

Proprju f’dan

3. Proprju f’dan iltqajt ma’ ktieb mill-isbaħ. Miktub minn persuna li għamel għażla umana tajba, ċertament, imma li mhux faċli għal ħafna li jifhmuha. Dejjem jekk ma jindenjawx ruħhom jaqrawh. F’dan missejt ma’ dak li kien deher fl-1967 fil-ktieb bit-titolu Lettere Dal Deserto. L-awtur kitbu wara li kien għamel għaxar snin jgħix fid-deżert. Waħdu, ’il bogħod mid-dinja u fi triq li min-novizzjat ħaditu sabiex sar saċerdot. Isegwi l-passi ta’ San Charles de Faucauld (1858-1916). Carlo Carretto, Taljan, iddeċieda li jabbanduna kollox u jmur għar-ramel tad-deżert flimkien mal-bnedmin l-oħra li għexu hemm. Esperjenza unika, li ressqitu aktar viċin il-verità. Aktar viċin dik li hija r-realtà. Mal-bniedem u għall-bniedem, fi proċess iebes, imma li għax tneżża’ minn kull ma seta’ kellu sab kull ma kellu bżonn. Fejn hemm sab il-faqar, iċ-ċaħda, l-umiljazzjoni, il-persekuzzjoni, it-tbatija.

Addattat

4. Din il-kitba ta’ dan il-bniedem sibtha mill-aqwa f’dawn il-jiem tar-Randan. Waqt li, bħal diversi oħra, qiegħed inkompli nfittex it-triq it-tajba. Dik li tfehmni aktar dak li aħna u fejn sejrin. Ħassejt li f’dan għandi nirrakkomandah. Kull paġna hija sabiħa ħafna. Il-kitba mhix tqila, anqas wisq ikkumplikata. Diretta ħafna u tispjega proġett. Tispjega viżjoni. Tmexxik biex inti stess issegwi fejn id-dinja materjalistika u ikkonċentrata fuq l-egoiżmu tal-individwaliżmu ma tridx. Jikteb u jfehmna li ta’ 44 sena wieġeb għal sejħa. Telaq kollox u mar fid-deżert f’El El Abiod Sidi Cheik, Tamanrasset u Assekrem. Abbandun u qtugħ minn kull rabta passata. Miġbur fit-tul fit-talb quddiem is-Sagrament. Waħdu għal jiem, ġimgħat, xhur. Iqum u jorqod fit-talb quddiem is-Sagrament. Iqum u jorqod jaqra l-Vanġelu u jirrifletti. Sejħa unika u verament impressjonanti, iktar għal dawk bħali li jridu jikkomunikaw mal-oħrajn kuljum.

Għaliex?

5. F’dan jislet ħafna ħsibijiet sbieħ u li jċaqilquk, anki jekk ma temminx. Anki jekk taf biss bl-eżistenza tal-Kristjaneżmu, imexxik taħseb dwar il-ħajja, il-valur tagħha u l-eżistenza sħiħa tiegħek. Jistaqsi, u fl-istess ħin janalizza ħajjet Sidna Ġesù Kristu b’sempliċità li tiftaħlek iktar għajnejk. Huwa jgħid hekk: “Perché Gesù non fu scriba? Perché non volle nascere in una di quelle famiglie destinate al comando, alle responsabilità, all’influenza sociale e politica?” (Għaliex Ġesù ma kienx kittieb? Għaliex ma riedx jitwieled f’waħda minn dawk il-familji iddestinati għall-kmand, għar-responsabbiltà, għall-influwenza soċjali u politika?). U jkompli hekk: “Gesù ha talmente cercato l’ultimo posto, che ben diffiċilmente qualcuono potrà strapparglielo.” (Ġesù fittex tant li jkun fl-aħħar post fis-soċjetà li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jirnexxilu jkun inqas minnu.)

Nazzaret

5. Dak li jinbena bil-ħsieb li l-qdusija, il-ħajja eżemplari, jinkiseb b’ħajja ordinarja. Fix-xogħol, fil-ħajja familjari, soċjali, b’ħajja umana sempliċi possibbli u miftuħa għall-bnedmin kollha. Dan aktar u aktar fid-dawl ta’ dak li kiteb il-fundatur tal-ordni li daħal fih. Charles de Faucauld f’dan jikteb iktar dwar kif Sidna għex tletin sena f’dan ir-raħal, ’il bogħod minn kollox. Fis-silenzju u fil-ħidma ordinarja ta’ kull persuna umana. Huwa jgħid hekk: “Nazaret era l’ultimo posto: il posto dei poveri, degli anonimi, di coloro che non contano, della massa degli operai, degli uomini piegati alle dure esigenze della fatica per un pò di pane.” (Nazzaret huwa l-aħħar post: il-post tal-fqar, ta’ dawk mhux magħrufa, ta’ dawk li ma jgħoddux, tal-massa tal-ħaddiema, tal-bnedmin imkissra taħt tbatija kbira biex wieħed jaqla’ l-għixien.)_

Fl-ordinarju

6. De Faucauld hekk imexxi lill-aħwa sabiex jgħixu mill-ġdid fl-imitazzjoni ta’ Nazzaret fl-iktar mod fidil tiegħu. U hekk Carretto, li wara għaxar snin fid-deżert mar jgħix lura fl-Italja fi Spello u minn hemm uża dik l-esperjenza unika biex jibni huwa stess komunità hemm. Esperjenzi uniċi, differenti minn tal-oħrajn. Imma mingħajr ma trid bihom tifhem li hemm ħajja iktar qawwija f’dawk li ma jintrabtux mal-ħwejjeġ tad-dinja. Kemm għandna bnedmin li għexu u li qed jgħixu għall-oħrajn. Mingħajr ipokrezija, imma b’awtentiċità u oriġinalità. Determinati li jkunu ż-żerriegħa t-tajba. Jifhem, anzi, ferm iktar tul din il-Ġimgħa Mqaddsa kemm Sidna Ġesù Kristu ipprattika u wettaq dak kollu li qal, u għalhekk ta’ ġid li jiġi imitat.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...