17.9.19

Iż-żmien jgħaddi. L-isfidi jibqgħu l-istess.




1.   Illum nieqfu biex niċċelebraw jum nazzjonali.  Jum solenni, wieħed qaddis, wieħed mimli patrijottiżmu.  Fl-istorja ta’ pajjiżna dan il-jum kellu, għal diversi drabi, rikorrenza ta’ liberazzjoni.  Huwa minnu li diversi ser iġibu quddiemhom l-eventi li wasslu għat-tmiem tal-Assedju l-Kbir.  Dak li seħħ fl-1565, xejn inqas minn erba’ mija u erbgħa u ħamsin sena ilu.  Kif, bil-wasla ta’ 8,300 suldat ta’ forza ta’ liberazzjoni żbarkaw fil-Mellieħa t-Torok, li kienu għaddejjin f’assedju, ħarbu.  L-istorja tfakkarna li mietu madwar 3,000 Malti u Għawdxi u 20,000 Tork, fost ħerba sħiħa.

Il-Monument tal-Assedju

2.   Illum ukoll ningħaqdu quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir.  Dak li sar tant sabiħ minn iben denju ta’ dan il-poplu, Antonio Sciortino.  Wieħed li kellu jgħaddi ż-żmien biex isir u b’ċertu diffikultà.  Kien nannuwi, Il-Gross, Carmelo Mifsud Bonnici, li kif ġie elett deputat beda jinsisti li għandu jinbena b’numru ta’ domandi parlamentari.  Kienu hu li, aktar tard, bħala ministru ta’ dan il-pajjiż, ħa d-deċiżjoni li jsir u li jiġi magħżul proprju dan li għandna, u li ngawdu, fl-1927.  Minn dak iż-żmien sallum, għalkemm inbidlitlu l-pożizzjoni, it-tlett figuri tiegħu hemm baqgħu.  Baqgħu t-tlieta ma’ xulxin, mhux mifruda, f’daqqa.  Ir-reżistenza tagħna, flimkien maċ-ċiviltà u r-reliġjon Nisranija baqgħu ħaġa waħda. Wara mijiet ta’ snin taħt ħakmiet oħra, malli kien hemm Parlament tal-Maltin, ħarġet naturali din l-għażla li kienet ilha misrura fina s-snin.  Ħadd, la l-Kavallieri, la l-Franċiżi u lanqas l-Ingliżi ma ħassew dan il-bżonn li ħassejna aħna.

Patrija dmir tagħna

3.   Niġu, xi drabi kkritikati, jew imqegħda f’dawl mhux tant tajjeb, meta aħna fil-Partit Nazzjonalista nitkellmu dwar il-Patrija.  Nifhmu.  Imma l-patrijottiżmu tagħna m’għandux x’jaqsam ma’ dak żbaljat li ċerti partiti fuq il-lemin estrem iħaddnu.  Il-linja tagħna hija waħda bażata fuq ir-raġuni, il-fidi u s-sens nazzjonali.  Kien il-Qaddis Ġwanni Pawlu II li kien spjega tant tajjeb dan il-kunċett, meta qal hekk: “Patriottismo significa amore per tutto ciò che fa parte della patria: la sua storia, le sue tradizioni, la sua lingua, la sua stessa conformazione naturale.  È un amore che si estende anche alle opere dei connazionali e ai frutti del loro genio.  Ogni pericolo che minaccia il bene comune della patria diventa occasione per una verifica di questo amore.”  U iktar ukoll il-quddiem jgħid ukoll: “La patria è il bene comune di tutti i cittadini e come tale è anche un grande dovere.”[1]

Sitta u sebgħin sena ilu

4.   Dan il-jum huwa marbut ukoll ma’ dak li seħħ fl-1943, meta l-Italja ċediet u l-flotta tagħha daħlet fl-ibħra tagħna għall-irdoss.  Dak li seħħ 76 sena ilu jista’ jidher huwa wkoll il-bgħid, imma fir-realtà huwa viċin ħafna tagħna.  Għal min jaqra, jagħraf li dak il-mument ġiet fit-tmiemha l-gwerra għalina.  Is-sagrifiċċji umani u materjali li għaddew minnhom missirijietna kienu determinanti.  Kien hemm, bħal ma rajna qabel, għażla li saret.  Ippreferew il-libertà u d-drittijiet nazzjonali tagħna għal kull ħaġa oħra.  Fis-sekli, il-bnedmin hawn ħassew li l-prinċipju jitlob minnhom li ma jċedux.  Jibqgħu jassiguraw id-dinjità tagħhom, anke jekk kien hemm prezz li jrid jitħallas.  Quddiem il-prezz ta’ telf ta’ ħajjet ħafna, ta’ ħsara fil-wirt u l-proprjetà tagħna ma ċedewx, ma nxtrawx, imma fiċ-ċokon tagħhom ikkumbattew.

Illum ukoll

5.   F’dan, ċertament għandna niftakru li dak li seħħ qabel huwa wirt għalina.  Wieħed li m’għandniex ninsew.  Wieħed li jitlob mingħandna d-dmir li niftakru, u fl-istess ħin inġeddu ġewwa fina.  Il-prinċipji tagħna sawruna f’dak li aħna.  Il-valuri tagħna żammewna f’dak li aħna.  Il-kultura tagħna, il-fidi Nisranija u l-imħabba lejn pajjiżna.  Dawn huma l-prinċipji, pedestalli li għandna nibqgħu nżommu.  Il-linji ta’ ħsieb li ġabuna nifhmu li m’għandniex nintelqu.  Anqas ma għandna ninxtraw, imma nżommu l-pożizzjonijiet tagħna.  F’dan il-jum nifktakru f’ta’ qabilna, u fl-istess ħin nifhmu d-dmir u r-responsabbiltà kbira tagħna li dak li għandna nżommuh.  Għax iż-żmien jgħaddi, imma l-isfidi l-istess jibqgħu.





[1] Memoria e Identità, Giovanni Paolo II, Rizzoli, paġna 84.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...