29.6.08

Nibqgħu Mpenjati Fuq Triqitna


1. Id-dinjità tal-bniedem tfisser u tittraduċi ruħha fil-bżonn li nipproteġuh fi drittijietu. Inkabbruh fl-eżistenza, fil-potenzjal li jista’ jikseb permezz ta’ strutturi u mekkaniżmi li bihom nassiguraw li jikber iktar. Japprezza dak li qiegħed fih u jifhem li jista’ jimxi ’l quddiem. Dan il-Partit Nazzjonalista żamm ruħu ankrat mal-ħsieb li huwa dmir ta’ l-Istat li jgħin lil min qiegħed minn taħt. Anzi, forsi l-kelma t-tajba hija li jagħti dik l-“imbuttatura” lil min l-aktar għandu bżonn sabiex jonqsu l-inugwaljanzi.

Illum ghandna gudikatura dejjem iktar indipendenti2. Il-ħsieb tagħna kien u għadu li aħna għandna nikkonċentraw il-ħidma politika tagħna sabiex mhux biss nirregolaw is-soċjetà, iżda li ngħollu ’l fuq lil min huwa minn taħt. Ma nħalux is-soċjetà statika, però anqas ma nniżżlu lil ħaddieħor ’l isfel. Din hija sistema li ħadmet. Kunċett li bih wieħed jassigura l-ġustizzja soċjali bi prinċipji ispirati mill-kunċett politiku demokratiku nisrani. Għalhekk irnexxielna nneħħu ħafna barrieri u niftħu orizzonti li qabel il-poplu Malti ma kellux.

3. Fil-politika hemm min iħares fil-qosor u hemm min fit-tul. Fortunatament ħaddimna l-iktar it-tieni. Dan għax ħassejna li hemm bżonn li nagħtu lill-komunità tagħna pedamenti, ideat u miżuri li jibnu. Kunċetti ta’ Stat li sa ftit tas-snin ilu stajna ngħidu li kienu ħolma, mentri llum huma realtà. Għax il-politiku t-tajjeb jagħraf li huwa strument f’żewġ direzzjonijiet: waħda li jwettaq hu direttament u l-oħra li jwitti t-triq għal min jiġi warajh u jifhem l-opportunitajiet li ħaddieħor tah.

4. Illum il-ġurnata għandna demokrazija ħajja u mhux mejta. Għandna d-drittijiet fundamentali rispettati. Għandna struttura soċjali statali b’saħħitha li l-ħin kollu tespandi. Għandna ekonomija ħajja li l-ħin kollu tiddiversifika. Għandna leġislatura b’saħħitha, Ġudikatura dejjem iktar indipendenti. Għandna l-paċi u l-istabilità li qatt qabel ma kellna. Dawn huma passi kbar ’il quddiem. Bħal ma huma wkoll l-effetti ta’ dan. Għax il-membri tas-soċjetà kibru fil-ġid soċjali u ekonomiku. Hawn iktar nies li qed jaħdmu fis-settur privat milli qatt kellna, iktar persuni li huma sidien ta’ djarhom, iktar bnedmin dedikati għall-ħidma sabiex nimxu ’l quddiem bħala bnedmin, iktar persuni li edukaw ruħhom u ggradwaw fl-istituzzjonijiet tagħna.

5. Il-bżonn tal-progress soċjali ġej mill-għarfien li ma għandniex nibqgħu lura u nassiguraw li min qiegħed minn taħt jingħata kemm jista’ jkun attenzjoni. F’dinja fejn il-ħin kollu għandna kurrenti ġejjin li jibdlu x-xenarju ekonomiku rridu nassiguraw li, filwaqt li nipproteġu, ma nġibux lin-nies dipendenti. Il-libertà tal-persuna fil-ħidma tagħha ta’ kuljum trid tiġi assigurata bi proċess kontinwu ta’ ġustizzja soċjali. Proċess li jiffaċċja l-verità u li jneħħi dak li flok li jassigura l-ġid, irendi ruħu f’deni lis-soċjetà. Din il-linja politika ser tibqa’ tiġi sostnuta. Sostnuta fil-ħidma ta’ kuljum. Inkella ma nibqgħux fit-triq it-tajba.

24.6.08

Ħriġna minn żmien però bqajna ma dħalniex f’ieħor?


1. Tħares lura u tara li d-dinja għaddiet minn fażijiet ta’ bidla morali u soċjali qawwija. Naraw il-fatti u neħduhom bħala li huma effetti mingħajr kawżi nkella, agħar, inħawdu waħda ma’ oħra. Meta ma naqrawx biżżejjed minn dak li għaddew minnu missirijietna, ma nistgħux napprezzaw dak li kienu qed iġarrbu u fejn riedu jaslu. Uħud jaħsbu fi spirtu ta’ stramberija, ta’ superjorità, li qabel ma kienux jafu x’qed jagħmlu u dak li ġara mmaterjalizza bix-xorti, b’varjabbli, b’waħda fil-mija.

2. Meta tmur lura tara sew li l-bniedem kien b’mod evidenti ferm iktar determinat sabiex mis-sempliċità tiegħu jibdel lejn l-aħjar. Is-seklu tmintax, ħafna drabi jiġi deklassat fi żmien ta’ ħolm li ma setax jiġi fis-seħħ. Imma l-verità hija proprju l-kontra. Dan għax il-bnedmin ta’ dawk is-snin daħħlu lilhom infushom fi proġett ta’ formazzjoni li minnha ssawru livelli għolja ta’ għarfien tal-bżonn tal-valuri fis-soċjetà. Kif rawha ħassew li s-soċjetà timxi b’diversi fatturi, imma meta ħafna bnedmin ġewwa fiha jkunu huma xprun ta’ ħidma determinata, allura l-affarijiet verament jimxu ’l quddiem.

3. Il-kitba ta’ dawk iż-żminijiet ħierġa proprju minn fost bnedmin li kienu altruwisti. F’dan emmnu li mingħajr impenn wieħed ma jistax ikun xhieda u eżempju ta’ kif il-persuna li trid il-ġid lis-soċjetà għandha taġixxi. Is-sens ta’ responsabbiltà, awto-dixxiplina u komportament intern u estern favur ħaddieħor twieldu b’sens ġdid. Il-persuna umana sabet direttament mezz apparentement mejjet li però, fir-realtà, huwa ħaj. Mimli biċ-ċirkolazzjoni tad-demm għax ħares fir-realtà ta’ kull ġurnata li kull bniedem għandu quddiemu linja ta’ gwida ċara li fiha nistgħu nsawru strumenti ġodda ta’ bidla permanenti.

4. Dan hu li mexxa ’l quddiem lis-soċjetà. Għax il-liġijiet u l-linja politika żviluppaw għax kien hemm preparazzjoni kbira. Waħda mhux elitista iżda li minnha tista’ tmexxi ħafna sabiex jedukaw irwieħhom il-bnedmin fil-konfront tal-problemi li kull nazzjon jaffronta. Il-ġabra ta’ ħsibijiet, ta’ riflessjonijiet, kotba, dokumenti, jservu bħala xprun u repożitorju ta’ ideat u formazzjoni. Dak li għaddejjin minnu llum f’ħafna sens huwa l-frott tal-bieraħ, anzi aħjar, tal-kultura letterarja, akkademika, li trid, li nġabret fl-aħħar ħamsin sena.

5. Min kien qed jikteb seklu u nofs ilu ma ġiex sostitwit b’oħrajn. Ċerti ħsibijiet, prinċipalment indirizzati lejn il-bżonn li l-bniedem jibdel lili nnifsu l-ewwel, u dan mingħajr ma neċessarjament kien hemm dan it-tir, irrenda wkoll awtomatikament il-bidla esterna. Il-problema llum hija li l-ħsieb ta’ formazzjoni kulturali kollettiva ġiet abbandunata u qegħda biss fuq livell individwali, personali. Ma hemmx l-għarfien tan-neċessità tagħna lkoll fl-utilità u l-pedament sod li jirnexxilha tibni. Għandna, bħala politiċi, piż fuqna li niffurmaw irwieħna u nkunu ta’ sustanza għax hekk inċaqilqu ’l quddiem.

6. In-nuqqas ta’ dan l-għarfien iwassal għal deklassazzjoni fil-politika. Ninżlu f’kategorija inferjuri proprju għax nibdew niddisprezzaw lill-poplu, lill-politika u lilna nfusna meta naħsbu li l-immaġini hija kollox – il-perċezzjoni u mhux is-sustanza. Dan huwa żball li rridu nassiguraw li nikkoreġu. Inġibu d-dibattitu fuq livell iktar fond ta’ ideat u ħsibijiet. Ħaġa li seħħet f’sekli oħra. Għalhekk ħriġna minn żmien però bqajna ma dħalniex f’ieħor, meta faċilment nistgħu.

23.6.08

Għal dawk li jistgħu jgawdu


1. Hemm sakra stramba fil-kamp politiku li ma għandha x’taqsam xejn ma’ dak li għaddejja minnu s-soċjetà tagħna. Ngħid dan għax filwaqt li aħna mitlufin fil-parlament inressqu l-abbozzi u nwieġbu d-domandi, l-bqija tal-bnedmin normali qed jaraw il-logħob tal-ballun. Il-politika mhux dejjem tirrispetta lil dawk li jsawruha u jagħmluha – il-politiċi. Anzi, qisha kalamita egoista – iktar ma tiddedikalha ħin, iktar trid mingħandek. Flok infittxu l-ħin tal-libertà, nsibu proprju l-kontra. Flok naraw partita nisimgħu xi diskors.

2. Sirna wisq serji li ma hemmx li nippruvaw insibu ftit iktar mumenti meta nistgħu ngħarfu kemm għaddej fid-dinja mingħajrna. Ir-realtà li ma naċċettawx hi li l-ħajja soċjali ma hemmx il-ħin kollu l-bżonn tal-politika fiha. Fit-tajjeb tagħna bħala poplu nfittxu dejjem iktar spazji ġodda, mumenti meta nistgħu ngħixu verament. Għalhekk huwa sabiħ li aħna għandna din l-imħabba, kważi fissazzjoni totali, lejn il-logħob tal-ballun. Anzi, qisu hemm kriterji ta’ elementi fin-natura nazzjonali li ma tridx tħallina iżda tkompli tirranka fis-saħħa.

3. Aktar interessanti għalina però huwa dan it-trasferiment ta’ lealtà lejn pajjiżi oħra u mhux tagħna. Mingħajr ma trid, tipprova ssib spjegazzjoni għall-mod daqshekk dedikat u passjonali li għandna. Kważi fanatiżmu li huwa biss fatt li ħafna għandhom, però mhux faċli li tifhem. F’ċerti mumenti qisni nifhem ferm iktar dak is-sens ta’ “suspense”. L-istejjer mill-isbaħ li, l-isbejħa Sheherazade nisġet sabiex tikkumbatti għal ħajjitha fasslu t-triq li tajjeb nirriflettu fuqha. Fasslu lezzjoni li l-bniedem, kull bniedem, irid isegwi storja. Iħares ’il quddiem u jgħaddi mill-pjaċir li filwaqt li qed isegwi qiegħed jimmaġina t-tmiem tagħha.

4. U għax għadu jista’ jimmaġina għadu jista’ jaħseb li r-riżultat jista’ jersaq lejn dak li jrid hu. Dik il-kundizzjoni tad-dubju fuq dak li ser iseħħ iżommna għaddejjin attenti, miġbura, konċentrati. Ma hemmx dubbju li l-istejjer orjentali jirrispettaw bżonn fil-ħajja tagħna, dak li nkunu aljenati b’dak li jista’ jseħħ. Hekk nara dawk il-folol b’rashom u b’qalbhom marbutin ma’ dak li jixtiequ li jseħħ u li qed jarawh jiżvolġi quddiemhom. Hemm tama fit-tama u kważi kontra kull tama li kull partita naraw tiżviluppa f’rebħa għal dawk li nżommu magħhom.

5. Is-suspense u l-ballun huma ħaġa waħda, speċjalment fil-kampjonati Ewropej u Mondjali, li aħna lkoll insegwu. Tifhem aktar u aktar f’dan kemm però din l-imbierka “suspense” ħarġet kompletament mill-aġenda politika. Ma għadniex naraw mossi u kontro-mossi ta’ żmien ieħor, iżda komplejna fis-serjetà. Kollox anzi jsir b’dikjarazzjonijiet ċari, konsistenti u mingħajr biża’ ta’ varjazzjonijiet. L-aqwa tal-politika meta verament tingħaqad mat-tensjoni li mbagħad jaqbżu għal kollox insibuhom biss f’dawk il-ġranet li jwasslu għall-vot u b’volum qawwi fil-jum għall-għadd tagħhom. Dawk ġranet ta’ “suspense” li ħadd ma jinsa.

6. Però hemm bżonn induru lura lejn il-ballun u naċċettaw li hemm ħafna normali magħna li jqattgħu l-ħin isegwu, jifhmu, janalizzaw il-mossi kontra mossi ta’ pajjiż kontra ieħor. Ma hawnx aħjar minnhom. Huma jżommu t-tessut soċjali tagħna għaddej. Huma dawk li jassiguraw li ma nagħqux fil-bruda u l-medjokrità. Nifhem dejjem iktar x’pajjiż għandna. Wieħed kapaċi jifhem u jgawdi mal-ballun. Nittama li nkomplu ngawduh.

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...