24.6.08

Ħriġna minn żmien però bqajna ma dħalniex f’ieħor?


1. Tħares lura u tara li d-dinja għaddiet minn fażijiet ta’ bidla morali u soċjali qawwija. Naraw il-fatti u neħduhom bħala li huma effetti mingħajr kawżi nkella, agħar, inħawdu waħda ma’ oħra. Meta ma naqrawx biżżejjed minn dak li għaddew minnu missirijietna, ma nistgħux napprezzaw dak li kienu qed iġarrbu u fejn riedu jaslu. Uħud jaħsbu fi spirtu ta’ stramberija, ta’ superjorità, li qabel ma kienux jafu x’qed jagħmlu u dak li ġara mmaterjalizza bix-xorti, b’varjabbli, b’waħda fil-mija.

2. Meta tmur lura tara sew li l-bniedem kien b’mod evidenti ferm iktar determinat sabiex mis-sempliċità tiegħu jibdel lejn l-aħjar. Is-seklu tmintax, ħafna drabi jiġi deklassat fi żmien ta’ ħolm li ma setax jiġi fis-seħħ. Imma l-verità hija proprju l-kontra. Dan għax il-bnedmin ta’ dawk is-snin daħħlu lilhom infushom fi proġett ta’ formazzjoni li minnha ssawru livelli għolja ta’ għarfien tal-bżonn tal-valuri fis-soċjetà. Kif rawha ħassew li s-soċjetà timxi b’diversi fatturi, imma meta ħafna bnedmin ġewwa fiha jkunu huma xprun ta’ ħidma determinata, allura l-affarijiet verament jimxu ’l quddiem.

3. Il-kitba ta’ dawk iż-żminijiet ħierġa proprju minn fost bnedmin li kienu altruwisti. F’dan emmnu li mingħajr impenn wieħed ma jistax ikun xhieda u eżempju ta’ kif il-persuna li trid il-ġid lis-soċjetà għandha taġixxi. Is-sens ta’ responsabbiltà, awto-dixxiplina u komportament intern u estern favur ħaddieħor twieldu b’sens ġdid. Il-persuna umana sabet direttament mezz apparentement mejjet li però, fir-realtà, huwa ħaj. Mimli biċ-ċirkolazzjoni tad-demm għax ħares fir-realtà ta’ kull ġurnata li kull bniedem għandu quddiemu linja ta’ gwida ċara li fiha nistgħu nsawru strumenti ġodda ta’ bidla permanenti.

4. Dan hu li mexxa ’l quddiem lis-soċjetà. Għax il-liġijiet u l-linja politika żviluppaw għax kien hemm preparazzjoni kbira. Waħda mhux elitista iżda li minnha tista’ tmexxi ħafna sabiex jedukaw irwieħhom il-bnedmin fil-konfront tal-problemi li kull nazzjon jaffronta. Il-ġabra ta’ ħsibijiet, ta’ riflessjonijiet, kotba, dokumenti, jservu bħala xprun u repożitorju ta’ ideat u formazzjoni. Dak li għaddejjin minnu llum f’ħafna sens huwa l-frott tal-bieraħ, anzi aħjar, tal-kultura letterarja, akkademika, li trid, li nġabret fl-aħħar ħamsin sena.

5. Min kien qed jikteb seklu u nofs ilu ma ġiex sostitwit b’oħrajn. Ċerti ħsibijiet, prinċipalment indirizzati lejn il-bżonn li l-bniedem jibdel lili nnifsu l-ewwel, u dan mingħajr ma neċessarjament kien hemm dan it-tir, irrenda wkoll awtomatikament il-bidla esterna. Il-problema llum hija li l-ħsieb ta’ formazzjoni kulturali kollettiva ġiet abbandunata u qegħda biss fuq livell individwali, personali. Ma hemmx l-għarfien tan-neċessità tagħna lkoll fl-utilità u l-pedament sod li jirnexxilha tibni. Għandna, bħala politiċi, piż fuqna li niffurmaw irwieħna u nkunu ta’ sustanza għax hekk inċaqilqu ’l quddiem.

6. In-nuqqas ta’ dan l-għarfien iwassal għal deklassazzjoni fil-politika. Ninżlu f’kategorija inferjuri proprju għax nibdew niddisprezzaw lill-poplu, lill-politika u lilna nfusna meta naħsbu li l-immaġini hija kollox – il-perċezzjoni u mhux is-sustanza. Dan huwa żball li rridu nassiguraw li nikkoreġu. Inġibu d-dibattitu fuq livell iktar fond ta’ ideat u ħsibijiet. Ħaġa li seħħet f’sekli oħra. Għalhekk ħriġna minn żmien però bqajna ma dħalniex f’ieħor, meta faċilment nistgħu.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...