29.1.18

Wasal il-Mument.


 
1.      Ma kinitx niżlet verament tajjeb mal-poplu l-iskema preżenti li permezz tagħha ċ-ċittadinanza Maltija u Ewropea tingħata lill-bnedmin li kapaċi jixtruha.  Ħafna, ta’ opinjonijiet politiċi differenti ħassew li dan m’għandux ikun.  Kif ukoll li huwa żball li parti importanti mill-identità nazzjonali tagħna tintrema b’dan il-mod.  Għaddejna minnu dak l-ewwel żmien ta’ din l-amministrazzjoni Laburista.  Fl-aħħar kien hemm min waqaf biex ma jimponix l-opinjoni tiegħu.  Waqaf fl-oġġezzjoni biex jara ż-żmien x’parir jagħtina.

Għas-sinjuri nett

2.      L-iskema, kif il-figuri juru, daħlu għaliha diversi madwar id-dinja.  Ġew imħallsa l-flus u daħlu l-miljuni.  Mill-Parlament ħarġet il-figura ta’ madwar 363 miljun ewro.  Magħhom, f’intervista fuq l-aħbarijiet nazzjonali ħarġu iktar figuri, inkluż li kien hemm madwar elf u mitejn persuna li applikaw u saru ċittadini ta’ pajjiżna.  Ħarġu kemm kien hemm ħlasijiet li saru.  Kemm propjetajiet inxtraw u b’kemm huwa l-ħlas tal-kera fix-xahar.  L-ammonti huma kbar ħafna, ma hemmx dubju, u jlaħħqu magħhom is-sinjuri nett.

Effetti negattivi

3.      Biss, kif nafu, il-flus mhux kollox.  Din l-iskema ġiebet magħha tlett effetti verament negattivi.  L-ewwel: l-iskema hija mimlija b’wisq sigrieti.  Ħadd ma jaf sewwasew min qiegħed isir ċittadin.  Ftit skrutinju pubbliku qiegħed isir sabiex ikun hemm verifika tal-kwalità, tar-reputazzjoni, tal-onestà u l-integrità tagħhom.  Hemm anzi, provi indiretti li ħafna minn dawk li daħlu għażlu dan għax ma jistgħux jieħdu t-triq tad-dawl tax-xemx.  It-tieni: huwa ċar li l-prezzijiet tal-propjetajiet f’pajjiżna żdiedu tant li m’għadux iktar possibbli għall-Maltin li jixtru, speċjalment il-koppji żgħażagħ li jridu jibdew familja.  It-tielet: huwa iktar evidenti li l-kirjiet żdiedu huma wkoll b’mod qawwi proprju minħabba din l-iskema.

Id-dell tal-korruzzjoni

4.      Mhux biss, imma aktar gravi minn dan huwa l-fatt li din l-iskema qegħda tintrabat man-nuqqas ta’ trasparenza, ta’ korrettezza u diversi każijiet ta’ korruzzjoni li rajna fl-aħħar snin.  Il-bnedmin fuq dan il-gżejjer huma mgħarrfin dwar dan kollu.  Jafu li anke jekk għandna ħafna flus fl-ekonomija, u s-setturi varji mexjin ‘il quddiem, hemm wisq każijiet fejn, biex ngħidu l-inqas, il-pożizzjoni hi li mhumiex jikkonvinċu.  Fit-toroq u fil-gazzetti, b’mod partikolari, kważi kull ġimgħa, għal dawn l-aħħar ħames snin sibna każijiet li fihom qrajna dettalji ta’ kif saru l-kuntratti, li juru b’mod ċar li għaddew flejjes li ma kellhomx jgħaddu.

Passi jridu jittieħdu

5.      Wisq huma l-okkażjonijiet li fihom issemmejna, ukoll internazzjonalment.  B’dan kollu, pajjiżna qiegħed jitlef mir-reputazzjoni tajba li kellu.  Qiegħed imur lura, għax issa qed insibu ruħna marbuta ma’ atti żbaljati u komportament politiku li m’għandux isir.  Qed ninxeħtu f’dell ikrah, li jekk ma nieħdux passi politiċi immedjati biex inwieġbu għalihom ser inkunu qed nitilfu bil-kbir.  Ser, anzi, niġu f’pożizzjoni fejn, nagħmlu x’nagħmlu, ma nkunux nistgħu nqumu mid-daqqa.  Passi jridu jittieħdu, u jridu jkunu konkreti, mhux bażati biss fuq id-diskors immirat lejn udjenza lokali u partiġġjana.

Din il-ġimgħa parlamentari

6.      Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa kompla żied iktar id-doża tal-fatt li hemm barra il-pożizzjoni hija li, ġewwa pajjiżna, l-affarijiet mhux sejrin kif għandhom.  Id-diskorsi varji li saru ma kienu, f’ebda mument ħitan ta’ kenn għalina.  Ħadd ma seta’ jiddefendi dak li ma jistax jiġi difiż.  Anke l-Ministru, li kellu l-piż xejn faċli li jitkellem, sab lilu nnifsu bbumbardjat u deher skomdu ħafna.  Is-sitwazzjoni sejra verament għall-agħar, u niżlin dejjem iktar ‘l isfel fl-immaġini u fl-istima li ma bqajniex iktar ingawdu.

Insulti bla sens

7.      L-agħar f’kollox huwa li dawn il-Membri Parlamentari Ewropej, li ġew fostna leġittimament proprju għax aħna membri tal-Unjoni Ewropea, sabu ruħhom trattati xejn tajjeb.  Flok intlaqgħu u saru l-ispjegazzjonijiet korretti ġew, il-kontra, insulentati.  L-attakki, anke, ma baqgħux marbuta mal-argumenti politiċi u, iktar minn dan, saru personali.  Il-fatt li s-Sinjura Ana Gomes, li mexxiet kollox b’kuraġġ u determinazzjoni, hija fuq kollox Membru Parlamentari fil-Grupp Soċjalista tiftaħ ferm iktar l-għajnejn.  Żgur mhux forsi, dawn huma kwistjonijiet inutile u reklam ħażin ħafna għalina lkoll.

Ikkalma s-sitwazzjoni

8.      Inutili, għax nistgħu naħirbu kompletament minnhom.  Ma kienx hemm bżonn konfrontazzjoni, imma doża qawwija ta’ sens komun.  Min qiegħed imexxi lil dan il-pajjiż kellu, u ngħid għadu, fil-ħin li jifhem li għandu jiċċaqlaq biex jikkalma s-sitwazzjoni.  Nafu li fl-Ewropa, ladarba jibdew, ma jiqfux.  Dan ifisser iktar u iktar mumenti koroh għalina lkoll.  F’dan ix-xenarju huwa tajjeb li jibdew jittieħdu miżuri biex dak li seħħ jibda jiġi korrett.  Wasal għalhekk il-mument li, quddiem dan kollu, il-Gvern jikkunsidra serjament li jwaqqaf kompletament l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għas-sinjuri nett tad-dinja, u jibda jaħseb lura fil-proletarjat Malti.





ĦAL TARXIEN – TRIQ SANTA MARIA – RAPPORT TEKNIKU TAL-ĦSARAT




3539. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx rapport tekniku tal-ħsarat li hemm f’Triq Santa Maria, Ħal Tarxien, u fil-każ jista’ jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

18/01/2018

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  73
24/01/2018


ĦAL TARXIEN – TRIQ IL-KBIRA – RAPPORT TEKNIKU TAL-ĦSARAT






3538. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx rapport tekniku tal-ħsarat li hemm f’Triq il-Kbira, Ħal Tarxien, u fil-każ jista’ jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

18/01/2018

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  73
24/01/2018

ĦAL TARXIEN – TRIQ IŻ-ŻEJTUN – RAPPORT TEKNIKU TAL-ĦSARAT


 
3537. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx rapport tekniku tal-ħsarat li hemm f’Triq iż-Żejtun, Ħal Tarxien, u fil-każ jista’ jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

18/01/2018

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  73
24/01/2018

RAPPORT F’GAZZETTA TALJANA - INKJESTA INTERNA


 
3536. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3184, dwar allegazzjonijiet li dehru fil-gazzetta (online) ‘www.ilsole24ore.com’, ladarba ġie ppreżentat r-rapport jista’ l-Ministru jpoġġi dan l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

18/01/2018

ONOR. CARMELO ABELA: Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-konkluzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-imsemmi rapport. Ir-rapport mhux qed jiġi ppubblikat sħiħ minħabba sensittivita b’rabta mal-ħidma fi ħdan il-Ministeru.

Seduta 73
24/01/2018

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...